European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2303

19.10.2023

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 28/2023

tat-3 ta’ Frar 2023

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet [2023/2303]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 4 tal-Protokoll 31, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni xierqa bejn l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u korpi oħra kompetenti fit-territorji rispettivi tagħhom fejn dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ u t-twessigħ tal-kooperazzjoni. Dan għandu japplika b’mod partikolari għal ħwejjeġ koperti bl-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop).

(2)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (1).

(3)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 4 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-att tal-Unjoni li ġej:

—

32019 R 0128: Ir-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 90).

(b)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-Bord tat-Tmexxija tas-Cedefop.

(d)

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tas-Cedefop.

(e)

B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim għandhom jitqiesu mis-Cedefop, fir-rigward tal-persunal tiegħu, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(f)

Cedefop għandu jkollu personalità ġuridika. Fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti, għandu jgawdi mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.

(g)

L-Istati tal-EFTA għandhom jagħtu privileġġi u immunitajiet lis-Cedefop u lill-persunal tiegħu ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

(h)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/128, japplika għal kwalunkwe dokument tas-Cedefop fir-rigward tal-Istati tal-EFTA wkoll.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2023.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Nicolas VON LINGEN


(1)   ĠU L 30, 31.1.2019, p. 90.

(*1)  Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

għad-deċiżjoni Nru 28/2023 li tinkorpora r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2303/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)