3.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Ġunju 2010

dwar l-użu ta' sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 3847)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Pollakk u bil-Portugiż biss huma awtentiċi)

(2010/372/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu bħala aġenti tal-ipproċessar huwa wieħed mill-ftit użi emissivi li għadhom permessi skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009. L-emissjonijiet ta' sustanzi li jnaqqsu l-ożonu jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti fis-saff tal-ożonu. Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li l-emissjonijiet li ġejjin mill-użi ta' aġenti tal-ipproċessar ta' sustanzi li jnaqqsu l-ożonu jibqgħu insinifikanti.

(2)

Barra minn hekk, minħabba li r-responsabbiltajiet tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni X/14 tal-Partijiet fil-Protokoll ta’ Montreal dwar is-Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jillimita l-użu tas-sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar għal 1 083 tunnellata metrika fis-sena u jillimita l-emissjonijiet mill-użi tal-aġenti tal-ipproċessar għal 17 tunnellata metrika fis-sena.

(3)

Żieda mhix mistennija fl-użu ta' sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar fis-snin riċenti hedded il-konformità tal-Unjoni mad-Deċiżjoni X/14 u poġġa l-ħtieġa ta' mmaniġjar aktar strett tal-użi.

(4)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 għandha tiġi stabbilita lista ta' impriżi li huma permessi jużaw sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar, li tistabbilixxi l-kwantitajiet massimi permessi għall-użu fil-komposizzjoni u għall-emissjonijiet għal kull impriża konċernata.

(5)

Il-lista tal-impriżi u tal-kwantitajiet assoċjati ta' sustanzi għandha tkun ibbażata fuq rapporti mibgħuta mill-Istati Membri u aġġustati biex jiġi żgurat li l-Unjoni tibqa’ fi ħdan il-limiti stipulati bl-Artikolu 8(4). L-allokazzjoni tal-kwota tal-komposizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet medji tas-snin 2005–2008. Il-kalkolu tad-domanda medja individwali ma għandux iqis snin li fihom l-impriża rispettiva ma użatx sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar. Il-limiti huma ffissati għal 124 % tal-medja individwali biex jakkomodaw varjazzjonijiet tad-domanda annwali, waqt li jiżguraw li l-limitu globali għall-Unjoni jiġi osservat.

(6)

Huwa xieraq li jitħalla jsir trasferiment tal-kwota bejn l-impriżi elenkati fl-Anness biex tiżdied il-flessibbiltà għall-impriżi li jwieġbu għall-ħtiġijiet li jinbidlu tas-suq. Madankollu, il-kwota għandha tieqaf meta l-istallazzjoni li għaliha ngħatat, tiġi ddikkummissjonata. Għalhekk, l-impriża għandha tinnotifika d-dikkummissjonament tal-istallazzjonijiet rispettivi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri konċernati.

(7)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   “Komposizzjoni” tfisser il-kwantità totali ta' sustanza kkontrollati f'tunnellati metriċi, kemm jekk pura, irkuprata jew miġjuba lura, li ma kinetx intużat qabel fiċ-ċiklu tal-ipproċessar u li tiġi użata għall-ewwel darba f'dan iċ-ċiklu.

2.   “Emissjoni” tfisser il-kwantità totali ta' sustanza kkontrollata f'tunnellati metriċi rrillaxxata fl-atmosfera, ilma jew ħamrija matul l-użu tal-aġent tal-ipproċessar u l-ħażna u l-manniġġ fuq is-sit tal-istallazzjoni.

Artikolu 2

Użi permessi tal-aġenti tal-ipproċessar u limiti għall-emissjonijiet u kwantitajiet

1.   L-Anness għal din id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-lista ta' impriżi li għalihom għandu jkun permess l-użu ta' sustanzi kkontrollati bħala aġenti tal-ipproċessar mill-1 ta' Jannar 2010 'l quddiem.

2.   Kull impriża għandha tuża biss is-sustanza u l-proċess stabbiliti fl-Anness.

3.   Il-kwantitajiet, stabbiliti fl-Anness, tal-komposizzjoni li tista' tintuża fis-sena u tal-emissjonijiet permessi fis-sena minn kull impriża ma jistgħux jinqabżu. Il-kwota allokata ma tibqax valida fi tmiem is-sena li fiha l-istallazzjoni li għaliha ngħatat il-kwota tiġi ddikkummissjonata definittivament.

Artikolu 3

Trasferiment ta’ kwoti allokati

Impriża tista' tittrasferixxi, b'mod sħiħ jew parzjali, il-kwota tagħha għall-komposizzjoni allokata għal stallazzjoni eżistenti msemmija fl-Anness, irrispettivament mis-sustanza jew l-użu li għaliha kienet allokata l-kwantità, lill-impriża oħra elenkata fl-Anness. Il-benefiċjarju jista' juża l-kwantità trasferita għas-sustanza u l-użu allokati lill-benefiċjarju fl-Anness. It-trasferiment għandu jseħħ biss wara li jkun nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati u jkun hemm konferma mill-Kummissjoni li rċeviet in-notifika.

Artikolu 4

Notifika tad-dikkummissjonament

Fil-każ tad-dikkummissjonament tal-istallazzjonijiet konċernati, l-impriżi elenkati fl-Anness, għandhom fi żmien tliet xhur, jinnotifikaw b'dan lill-Kummissjoni u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kien hemm l-istallazzjoni.

Artikolu 5

Data tal-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-impriżi li ġejjin:

Anwil SA

Ul. Torunska 222,

87-805 Wloclawek

IL-POLONJA

Arkema France S.A.

420, rue d'Estienne D'Orves

92705 Colombes Cedex

FRANZA

Bayer Material Science AG

CAS-PR-CKD, Gebäude B669,

1538 Dormhagen

IL-ĠERMANJA

CUF Quimicos Industriais SA

Quinta da Industria Beduidu

3860-680 Estarreja

IL-PORTUGALL

Potasse et Produits Chimiques SA

95 rue du General de Gaulle,

68802 Thann Cedex

FRANZA

Perstorp France SAS

Rue Lavoisier BP 21,

38801 Le Pont de Claix

FRANZA

Solvay Solexis S.p.A.

Viale Lombardia 20

20021 Bollate (MI)

L-ITALJA

Teijin Twaron BV

Oosterhorn 6,

9936 AD Farmsum

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 286, 31.10.2009, p. 1.


ANNESS

[Dan l-Anness mhuwiex ippubblikat minħabba li fih informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.]