|
5.10.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/269 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1750 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-4 ta’ Mejju 2022
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) għas-sena finanzjarja 2020
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0114/2022), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2020 kien ta’ EUR 17 580 000, li jfisser tnaqqis ta’ 1,93 % meta mqabbel mal-2019; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2020 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li ngħatat aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2020 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni baġitarja ta’ 97,27 %, li tirrappreżenta tnaqqis ċkejken ta’ 2,61 % meta mqabbla ma’ dik tal-2019; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 81,18 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 4,51 % meta mqabbla mal-2019; |
|
2. |
Jinnota li l-Aġenzija rċeviet EUR 16,9 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2020, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,2 % meta mqabbel mal-2019; jirrimarka li l-Aġenzija għandha wieħed mill-aktar baġits annwali u ammonti totali ta’ persunal baxxi fost l-aġenziji tal-Unjoni; |
Prestazzjoni
|
3. |
Ifakkar fl-importanza tal-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS); jirrikonoxxi l-kontribut essenzjali tal-Aġenzija fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-objettivi; jenfasizza li l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd huwa primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri, filwaqt li n-natura tal-kompiti tal-Aġenzija hija waħda ta’ appoġġ; jissottolinja li r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni dwar il-kontroll tas-sajd se żżid ix-xogħol tal-Aġenzija f’termini ta’ appoġġ; jenfasizza l-inkoerenza fit-tentattiv li jiġu indirizzati obbligi dejjem akbar mingħajr biżżejjed riżorsi; jissottolinja, għalhekk, li l-Aġenzija jeħtieġ ikollha biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għad-dispożizzjoni tagħha fis-snin li ġejjin; |
|
4. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud mogħti mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħalma huma l-andamenti tal-ispezzjonijiet u tal-ksur, l-attendenza għal sessjonijiet ta’ taħriġ u l-implimentazzjoni tal-baġit f’kull trimestru; |
|
5. |
Jinnota li l-Aġenzija implimentat 90 % tal-attivitajiet tagħha fil-ħin, bi qbil mal-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni fl-2020 kienet ogħla milli mistenni fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-pandemija tal-COVID-19; |
|
6. |
Jinnota li l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima baqgħu jsegwu l-arranġament ta’ ħidma tripartitiku ffirmat fl-2019 li jiddefinixxi l-kooperazzjoni bejn dawk l-Aġenziji u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta billi jipprovdu servizzi, informazzjoni, tagħmir u taħriġ, kif ukoll billi jikkoordinaw operazzjonijiet b’diversi għanijiet; jinnota li l-Aġenzija assumiet il-presidenza ta’ dan l-arranġament f’Mejju 2020; jinnota li din il-kooperazzjoni speċifika bejn l-aġenziji tgħin biex jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata duplikazzjoni u/jew ridondanza ta’ sforzi fil-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-Istati Membri rilevanti, b’hekk jinħolqu ekonomiji ta’ skala; iqis dan l-arranġament bħala eżempju ta’ sinerġija bejn l-aġenziji tal-Unjoni li għandu jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni għal aġenziji f’oqsma oħra; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f’dan ir-rigward u jqis li jkun xieraq li tiżdied il-kooperazzjoni bejnha u bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ukoll; |
|
7. |
Jinnota li, fl-2020, l-Aġenzija kkoordinat 38 452 spezzjoni fuq bastimenti tas-sajd, li wasslu għall-identifikazzjoni ta’ 1 682 każ ta’ ksur suspettat, li jirrappreżentaw żieda ta’ 18,75 % u 44,25 % rispettivament meta mqabbla maċ-ċifri tal-2019; jemmen li dawn iċ-ċifri juru li l-ispezzjonijiet u l-attivitajiet ta’ segwitu jibqgħu għodda kruċjali biex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-PKS; jinnota, madankollu, li din iż-żieda taħbi differenzi bejn żona u oħra, b’żieda fl-Ilmijiet tal-Punent (+ 27 %) u fil-Baħar Mediterran (+ 141 %) u tnaqqis fil-Baħar Baltiku (– 20 %), fil-Baħar tat-Tramuntana (– 49 %), fil-Baħar l-Iswed (– 11 %) u fin-NAFO-NEAFC (– 36 %); jistieden lill-Aġenzija tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar ir-raġunijiet għal dawn il-bidliet; jirrimarka li l-ispezzjonijiet u attivitajiet oħra ta’ segwitu għandhom rwol kruċjali mhux biss fil-ġestjoni tajba tal-istokkijiet tal-ħut iżda anke fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-Unjoni; |
|
8. |
Jinnota li l-Aġenzija, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, wettqet ħidma preparatorja importanti bi tħejjija għall-konsegwenzi li setgħu jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni f’termini ta’ kontroll tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ibħra tal-Punent tal-Atlantiku; |
Politika dwar il-persunal
|
9. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2020, it-tabella tal-persunal kienet 98,36 % mimlija, billi kienu nħatru 60 uffiċjal u aġent temporanju mill-61 aġent temporanju awtorizzat skont il-baġit tal-Unjoni (61 post tax-xogħol awtorizzat fl-2019); jinnota li, barra minn hekk, fl-2020, l-Aġenzija ħaddmet ħames aġenti kuntrattwali u erba’ esperti nazzjonali sekondati; |
|
10. |
Jieħu nota tal-politika tal-Aġenzija li tippromwovi t-trattament indaqs tal-persunal u l-objettiv tagħha li jintlaħaq bilanċ bejn is-sessi, kemm f’termini ta’ numri b’mod ġenerali kif ukoll f’termini ta’ gradi u livelli ta’ responsabbiltà; jiddeplora fermament il-fatt li n-nisa jirrappreżentaw biss 30 % tal-persunal impjegat fi grad AD 8 jew ogħla; jilqa’ n-nomina reċenti ta’ mara bħala d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija; jinnota, madankollu, li n-nomina tagħha ma tippermettix li tintlaħaq parità fil-livell maniġerjali, billi l-pożizzjonijiet kollha ta’ kap ta’ unità huma okkupati minn irġiel; jistieden lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ parità bejn is-sessi bil-għan li jsir progress lejn parità fil-livell maniġerjali; jinnota bi tħassib l-iżbilanċ bejn is-sessi fil-bord amministrattiv tal-Aġenzija, li hu kompost minn 46 raġel (70 %) u 20 mara (30 %); itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn is-sessi meta jinnominaw il-membri tagħhom fuq il-bord amministrattiv; |
Akkwist
|
11. |
Jenfasizza li, fl-2020, il-perċentwal ta’ proċeduri ta’ akkwist ippjanati mnedija mill-Aġenzija qabeż l-objettiv ta’ 80 % u laħaq it-83 %; jinnota li l-użu tal-akkwist ippjanat jippermetti lill-Aġenzija żżomm livelli għoljin ta’ prestazzjoni f’termini ta’ implimentazzjoni tal-baġit; |
|
12. |
Jinnota li l-attività prinċipali ta’ akkwist fl-2020 kienet iffukata fuq l-iffirmar ta’ tliet kuntratti qafas bħala riżultat ta’ proċeduri miftuħa varati għal assistenza legali marittima, servizzi ta’ tindif u persunal provviżorju; jinnota li l-Aġenzija fetħet proċeduri negozjati ulterjuri, fosthom għal assigurazzjoni, servizzi tal-Internet u assistenza teknika fil-qasam tal-awditjar u l-kontroll; |
|
13. |
Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-objettiv tal-aġenziji tal-Unjoni li jaqsmu l-isforzi fil-qasam tal-akkwist, fl-2020 l-Aġenzija ssieħbet f’16-il sejħa għal offerti interistituzzjonali differenti mal-Kummissjoni u ma’ aġenziji oħra; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar żviluppi futuri fir-rigward tal-proċeduri ta’ akkwist konġunti tagħha; |
|
14. |
Jinnota l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex tapplika tal-anqas kriterju wieħed iffukat fuq l-impatt tal-imġiba ambjentali effiċjenti tal-offerenti potenzjali fuq l-akkwisti mnedija mill-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tevalwa l-utilità u l-effikaċja ta’ dak il-kriterju u taqsam ir-riżultati tal-evalwazzjoni mal-awtorità tal-kwittanza; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
15. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex tiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li żewġ CVs u erba’ dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija, minn total ta’ 66, mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tagħha; jistieden lill-Aġenzija tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord amministrattiv u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bil-miżuri meħuda f’dan ir-rigward; |
|
16. |
Jilqa’ l-passi ulterjuri li ttieħdu, wara r-rapport ta’ kwittanza għall-2019, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza fl-attivitajiet tal-Aġenzija permezz tar-rapportar tal-laqgħat tal-membri tal-persunal tal-Aġenzija ma’ partijiet ikkonċernati esterni u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit web tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija taġġorna regolarment il-paġna b’tali mod li jkun hemm trasparenza u fiduċja sħiħa fl-attività tal-Aġenzija; |
Kontroll intern
|
17. |
Jinnota li, fl-2020, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni fassal pjan ta’ awditjar ġdid (Pjan Strateġiku ta’ Awditjar Intern 2021–2023); jinnota li l-pjan ta’ awditjar huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni tar-riskju fil-fond li saret mill-IAS u jikkonsisti f’rieżami tad-dokumentazzjoni prinċipali relatata mal-attivitajiet u l-proċessi tal-Aġenzija; |
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha u kkonkludiet li l-kontrolli kienu qegħdin jaħdmu skont il-pjan; jinnota li r-riskji tal-Aġenzija huma mmonitorjati u mitigati b’mod xieraq; jinnota li fl-2020 ma ġewx irrapportati dgħufijiet sinifikanti fil-kontrolli; |
Rispons għall-COVID-19 u kontinwità tal-operat
|
19. |
Jinnota li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija ma implimentatx 90 % tal-laqgħat u l-missjonijiet bbaġitjati fl-2020; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija kienet kapaċi tikkumpensa dan l-impatt fil-previżjoni tal-baġit billi integrat impenji għan-noleġġ addizzjonali ta’ mezzi, is-sostituzzjoni ta’ tagħmir obsolet, sforzi ulterjuri ta’ komunikazzjoni u kuntratti oħra ppjanati għall-2021; jinnota wkoll li l-approprjazzjonijiet riportati għall-2020 ġew monitorjati b’attenzjoni, u dan wassal għal rata ta’ implimentazzjoni ta’ 93,5 % f’tali approprjazzjonijiet; |
|
20. |
Jinnota li, mill-bidu ta’ Marzu 2020, it-tim responsabbli mill-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija mmonitorja u analizza l-impatt tat-telexogħol għall-persunal kollu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kontinwità tal-operat, u kkonkluda li l-Aġenzija kienet ippreparata sewwa biex tkompli l-operazzjonijiet tagħha permezz tat-telexogħol b’mod affidabbli; jinnota, madankollu, li t-tim responsabbli mill-ġestjoni tal-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija ssuġġerixxa ċerti adattamenti tal-pjanijiet ta’ azzjoni għall-irkupru individwali tal-unitajiet; |
|
21. |
Jinnota li l-kundizzjonijiet ġeneralizzati ta’ telexogħol tal-Aġenzija wasslu għal tnaqqis ta’ 67 % fl-emissjonijiet kumplessivi ta’ CO2 għas-sede ċentrali tal-Aġenzija; jinnota madankollu li dan it-tnaqqis kien kontrobilanċjat mill-bżonn li l-bastiment tal-għassa offshore “Lundy Sentinel” tal-Aġenzija juża l-port ta’ Vigo bħala punt ta’ tluq u ritorn għall-missjonijiet tiegħu fit-Tramuntana u l-Punent tal-Atlantiku; jinnota li din il-prattika rriżultat, fl-aħħar mill-aħħar, f’żieda ta’ 25 % fil-konsum tal-fjuwil u żieda ta’ 28 % fl-emissjonijiet ta’ CO2 meta mqabbel mal-2019; |
Kummenti oħra
|
22. |
Jinnota li l-Aġenzija nediet proċess sabiex tiġi ċċertifikata fl-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (“EMAS”) tal-UE u ħadet sensiela ta’ miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatt globali tagħha fuq l-ambjent; jinnota li l-Aġenzija qiegħda teżamina d-diversi elementi relatati mal-ġenerazzjoni u l-kejl tal-impronta tal-karbonju tagħha u mal-possibbiltà li tuża skemi ta’ kumpens bi qbil mal-prattiki ta’ istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħra tal-Unjoni; |
|
23. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2022 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 148.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0196.