|
13.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 224/11 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1012
tal-24 ta’ Frar 2020
dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.48394 2018/C (ex 2017/N) li r-Rumanija implimentat parzjalment favur il-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (CNU)
(notifikata bid-dokument C(2020) 1069)
(Il-verżjoni Rumena biss hija awtentika)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (1),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fit-30 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ self ta’ salvataġġ ta’ sitt xhur li tammonta għal RON 62 miljun (madwar EUR 13,1 miljun (2)) li r-Rumanija ppjanat li tagħti lill-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (CNU) (3). F’din id-deċiżjoni (“id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ”), il-Kummissjoni qieset li l-Għajnuna mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (il-“Linji Gwida S&R”) (4). Kif irreġistrat fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet Rumeni kienu impenjaw ruħhom li fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tas-self jipprovdu lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar kif stabbilit fit-taqsima 3.1.2 tal-Linji Gwida S&R (ara l-premessa (42) tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ). |
|
(2) |
Fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija bagħtet pjan ta’ ristrutturar għas-CNU (il-“pjan ta’ ristrutturar inizjali”), fejn innotifikat ukoll l-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 441 miljun (EUR 93 miljun) lis-CNU. Bejn id-9 ta’ Awwissu 2017 u t-13 ta’ Diċembru 2017 saru diversi skambji u talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni u tweġibiet mill-awtoritajiet Rumeni. |
|
(3) |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dik l-għajnuna. |
|
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (id-“Deċiżjoni tal-Ftuħ”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) fid-19 ta’ Ġunju 2018. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna iżda ma waslilha l-ebda kumment. |
|
(5) |
L-awtoritajiet Rumeni bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u pjan ta’ ristrutturar ġdid (minn hawn ’il quddiem, it-“tieni pjan ta’ ristrutturar”) permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2018. |
|
(6) |
F’vidjokonferenza li saret fit-3 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Rumeni jipprovdu aktar kjarifiki dwar il-pjan li ġie ppreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2018. |
|
(7) |
L-awtoritajiet Rumeni pprovdew lill-Kummissjoni b’aktar kummenti u informazzjoni fl-20 ta’ Diċembru 2018, fl-14 ta’ Frar 2019, fl-20 ta’ Marzu 2019 kif ukoll pjan ta’ ristrutturar ġdid fid-19 ta’ April 2019 (minn hawn ’il quddiem it-“tielet pjan ta’ ristrutturar”). |
|
(8) |
Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll mal-awtoritajiet Rumeni fuq talba tagħhom fl-24 u fil-25 ta’ Ġunju 2019. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA
2.1. Il-benefiċjarju
2.1.1. L-attivitajiet tas-CNU
|
(9) |
Is-CNU hija kumpanija Rumena, bil-kwartieri ġenerali tagħha f’Bukarest, involuta fl-estrazzjoni tal-uranju mill-minjieri u fil-produzzjoni ta’ materja prima għall-ġenerazzjoni tal-enerġija nukleari fir-Rumanija. Wara l-estrazzjoni tal-mineral tal-uranju, is-CNU tipproċessah f’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (yellowcake), tirrafinah f’oktossidu tal-uranju pur (U3O8) u fl-aħħar tibdlu f’diossidu tal-uranju (UO2). Is-CNU ġiet stabbilita fl-1997 bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata u hija proprjetà sħiħa tal-Istat. Fl-2017, is-CNU kellha 772 impjegat. |
|
(10) |
Is-CNU għandha żewġ siti operattivi. Fl-2017 is-sit tal-estrazzjoni tal-uranju, li jinsab fi Crucea-Botușana (fil-Kontea ta’ Suceava, fir-reġjun tal-Grigal), kien jimpjega 346 persuna filwaqt li l-impjant tal-ipproċessar u r-raffinar, li jinsab f’Feldioara (fil-Kontea ta’ Brașov, fir-reġjun taċ-Ċentru), kien jimpjega 350 persuna. It-tabella li ġejja turi s-sorsi ewlenin tad-dħul f’dawn l-aħħar snin:
|
|
(11) |
Tradizzjonalment is-CNU kellha żewġ klijenti, is-Soċjetà Nazzjonali tal-Istat Nuclearelectrica S.A. (minn hawn ’il quddiem l-“SNN”) li tixtri l-UO2 biex tipproduċi fjuwil għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari tagħha f’Cernavodă u l-Amministrazzjoni Nazzjonali għar-Riżerva tal-Istat u l-Problemi Speċjali (minn hawn ’il quddiem l-“ANRSPS”) li tixtri l-U3O8. Flimkien, dawn iż-żewġ xerrejja kienu jirrappreżentaw 95 % tad-dħul tas-CNU. |
|
(12) |
L-SNN twaqqfet fl-1998 wara r-ristrutturar tas-sistema tal-enerġija Rumena u ilha kkwotata fuq il-Borża ta’ Bukarest mill-2013. L-SNN tiġġenera l-enerġija elettrika u termali billi tuża l-enerġija nukleari mill-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Cernavodă, u timmanifattura l-fjuwil nukleari permezz ta’ FCN – Impjant tal-Fjuwil nukleari f’Pitești. Skont l-aħħar rapporti, l-istruttura kapitali tal-SNN hija kif ġej: 82,49 % miżmuma mill-Istat Rumen, permezz tal-Ministeru tal-Enerġija, 7,05 % miżmuma minn Fondul Proprietatea SA, 5,6 % miżmuma minn entitajiet ġuridiċi oħra u 4,8 % miżmuma minn persuni fiżiċi. |
|
(13) |
Il-korp ewlieni ta’ governanza korporattiva tal-SNN huwa l-Laqgħa Ġenerali tal-Azzjonisti, li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet strateġiċi, inkluż il-ħatra u t-tkeċċija tal-Bord tad-Diretturi b’maġġoranza sempliċi, l-adozzjoni tal-baġit annwali, l-approvazzjoni tal-istrateġija u tal-politika tal-iżvilupp, kif ukoll investimenti u tranżazzjonijiet oħra li jaqbżu EUR 50 miljun (6). Il-korp eżekuttiv inkarigat mill-ġestjoni tal-SNN huwa l-Bord tad-Diretturi, li għandu seba’ membri li tal-inqas erbgħa minnhom iridu jkunu amministraturi indipendenti. Deċiżjonijiet dwar kuntratti ma’ fornituri tal-uranju taħt il-limitu ta’ EUR 50 miljun jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord. |
2.1.2. Kawżi tad-diffikultajiet tas-CNU
|
(14) |
Il-bażi tal-klijenti tas-CNU mhijiex diversifikata u s-CNU tistrieħ ħafna fuq żewġ xerrejja, primarjament fuq l-SNN li tirrappreżenta aktar minn 80 % tal-bejgħ. Mill-2016 is-CNU tilfet iż-żewġ klijenti ewlenin tagħha meta l-SNN iffirmat kuntratt mal-kompetitur tas-CNU u l-ANRSPS ma kkonkludietx kuntratt ta’ provvista. F’Diċembru 2015, l-SNN iddeċidiet li tagħti l-kuntratt għall-provvista tal-UO2 tagħha permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti bejn iż-żewġ fornituri reġistrati u approvati tagħha, is-CNU u l-fornitur Kanadiż Cameco, li fl-aħħar rebaħ il-kuntratt. Is-CNU ma sabitx xerrej alternattiv u għalhekk ma setgħetx tkompli tbiegħ il-produzzjoni tagħha. |
|
(15) |
It-Tabella 1 hawn taħt, ipprovduta mill-awtoritajiet Rumeni, tinkludi l-prezzijiet tal-offerti differenti li saru (bejn l-2016 u l-2018) mis-CNU u minn Cameco, permezz tad-diversi rawnds tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti organizzata mill-SNN. Meta l-SNN iddeċidiet li tiffirma l-ewwel kuntratt ma’ Cameco, l-offerta tas-CNU kienet 72 % ogħla. L-offerti sussegwenti kollha mis-CNU kienu wkoll bi prezzijiet sostanzjalment ogħla minn dawk ta’ Cameco, li kienu jvarjaw bejn + 39 % u +99 %, li wasslu biex l-SNN tiffirma kuntratt wieħed wara l-ieħor ta’ provvista ma’ Cameco. Tabella 1 Tabella sommarja tal-proċeduri ta’ akkwist tal-SNN għal 120 tunnellata ta’ UO2 (meħtieġa għal 6 xhur) għall-perjodu 2016 - 2018
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(16) |
Għaldaqstant, id-dħul tas-CNU kien ġej biss minn attivitajiet sekondarji minuri, bħal kuntratt ta’ servizz mal-SNN għat-trattament tal-iskart tagħha u dan waqa’ drastikament. Kif jidher fit-Tabella 2, id-dħul totali tal-kumpanija naqas minn RON 110,8 miljun (EUR 23,4 miljun) fl-2015 għal RON 15,2 miljun (EUR 3,2 miljun), li ma kienx biżżejjed biex ikopri n-nefqa tas-CNU fl-2016. |
|
(17) |
Qabel it-tnaqqis f’daqqa fid-dħul fl-2016, fl-2014 u fl-2015 is-CNU kienet diġà rreġistrat telf operatorju relattivament importanti. L-eżawriment gradwali tar-riżorsi tal-uranju fil-minjiera ta’ Crucea-Botușana jispjega parzjalment l-introjtu operatorju fqir tas-CNU. L-operazzjonijiet minerarji tas-CNU jġorru magħhom kostijiet kbar marbuta mal-estrazzjoni minħabba li ma għandhiex il-fondi għall-manutenzjoni tar-rotot tat-trasport, iż-żieda fid-distanzi tat-trasport minħabba l-eżawriment tad-depożiti u n-nuqqas ta’ modifiki taħt l-art. |
|
(18) |
Barra minn hekk is-CNU ma għandhiex ir-riżorsi finanzjarji biex tibda l-estrazzjoni ta’ depożitu ġdid ta’ mineral tal-uranju identifikat fi Tulgheș-Grinties u lanqas biex ittejjeb l-impjant tagħha ta’ Feldioara. |
|
(19) |
Fl-aħħar nett, is-CNU tiffaċċja wkoll żieda dejjem akbar fil-kostijiet tal-utilitajiet, fit-tariffi tal-estrazzjoni u taxxi addizzjonali (taxxa ambjentali). Tabella 2 Data finanzjarja magħżula skont l-ewwel pjan ta’ ristrutturar mill-2014 sal-2023
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
2.2. Estrazzjoni tal-uranju u konċentrati għall-fjuwil nukleari
|
(20) |
Is-CNU tipproduċi primarjament żewġ tipi ta’ prodotti mill-proċess ta’ estrazzjoni: ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (yellow cake) (li fih konċentrazzjoni għolja ta’ U3O8) u UO2 (mhux arrikkit). |
|
(21) |
L-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat huwa komodità negozjabbli standard, li jiġi nnegozjat mad-dinja kollha bi prezzijiet u kundizzjonijiet relattivament trasparenti. L-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat, li huwa l-prodott bażi għall-produzzjoni ta’ UO2 mhux arrikkiti, kif ukoll arrikkit, jiġi prodott u nnegozjat minn kumpaniji mhux Ewropej (bħal Cameco) iżda anke minn kumpaniji Ewropej (inkorporati) bħal Orano (li qabel kienet Areva), RioTinto jew BHP Billiton. Barra minn hekk, atturi ġodda f’dan is-suq attwalment jinsabu f’diversi stadji ta’ żvilupp bi proġetti ġodda ta’ estrazzjoni minerarja fi Spanja, fil-Finlandja u fl-Ungerija (7). |
|
(22) |
B’mod partikolari r-Rumanija indikat li f’Mejju 2017 f’daqqa waħda Orano pproponiet li tibda tforni lis-CNU b’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat mill-minjiera tagħha fin-Niġer. Orano kienet iddikjarat li kienet kapaċi tforni l-kwantità sħiħa ta’ ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat meħtieġ mis-CNU biex tipproduċi l-UO2 għall-benefiċċju tal-SNN għaż-żewġ reatturi f’Cernavodă (8). |
|
(23) |
Fir-rigward tal-konverżjoni ta’ U3O8 f’UO2, hemm kompetizzjoni sostanzjali bejn Cameco u s-CNU għal impjanti tal-enerġija nukleari b’teknoloġija bbażata fuq il-CANDU. Barra minn hekk, kwalunkwe kumpanija li attwalment tipproduċi l-komposti tal-uranju għall-uranju arrikkit, biex jiġu manifatturati bħala fjuwil nukleari, bħal pereżempju Orano (li qabel kienet Areva), għandha l-kapaċità teknoloġika u tista’ titħajjar u tiddeċiedi li tidħol f’dan is-suq fil-futur u toffri prodott sostitut. Skont informazzjoni pubblikament disponibbli, attwalment Orano qed timmodifika l-proċess industrijali tagħha fl-impjant tagħha f’Malvési biex tkun tista’ tbiegħ UO2 mhux arrikkit, li huwa wieħed mill-prodotti intermedjarji tagħha, fis-suq internazzjonali (9). Barra minn hekk, hemm ukoll fornituri alternattivi attwalment attivi tal-UO2 (mhux arrikkit) għall-CANDUs bħal Dioxitek (fl-Arġentina), is-CNNC (fiċ-Ċina), il-PAEC (fil-Pakistan), l-NFC (fl-Indja). |
2.3. Pjan inizjali ta’ ristrutturar tas-CNU
|
(24) |
Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ li approvat self ta’ RON 62 miljun (EUR 13,1 miljun) (10), fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija nnotifikat il-pjan inizjali ta’ ristrutturar li jispiċċa fl-2021. |
|
(25) |
Fil-pjan inizjali ta’ ristrutturar, il-kostijiet totali tar-ristrutturar kienu jammontaw għal RON 941 (EUR 198,5) miljun (tqassim dettaljat huwa disponibbli fil-premessa 22 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Skont ir-Rumanija, dawn il-kostijiet tar-ristrutturar kellhom jiġu ffinanzjati kif ġej: għajnuna mill-Istat ta’ RON 441 (EUR 93,0) miljun u kontribuzzjoni proprja tas-CNU ta’ RON 500 (EUR 105,5) miljun (11) (jiġifieri madwar 53 % tal-kostijiet tar-ristrutturar). |
|
(26) |
L-għajnuna għar-ristrutturar notifikata kienet tikkonsisti fil-ħames strumenti ta’ għajnuna li ġejjin:
|
|
(27) |
Fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali l-kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet kienet tinkludi erba’ sorsi ewlenin ta’ dħul mill-estrazzjoni minerarja għas-CNU (dettalji sħaħ huma disponibbli fil-premessa 20 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ):
|
2.4. Deskrizzjoni tar-raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura
|
(28) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-pjanijiet tar-Rumanija li tagħti finanzjament pubbliku biex issostni l-pjan ta’ ristrutturar tas-CNU kienu jinvolvu Għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. |
|
(29) |
Peress li s-CNU kienet tissodisfa l-kriterji biex tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-punt 20 tal-Linji Gwida S&R, il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar ġiet analizzata skont il-Linji Gwida S&R. Wara valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri deskritti hawn fuq mal-Linji Gwida S&R. Dawn id-dubji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt fil-premessi (30) sa (46) (dettalji sħaħ huma ppreżentati fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-premessi (44) sa (70). |
2.4.1. Dubji dwar il-livell ta’ kontribuzzjoni proprja tas-CNU għall-pjan ta’ ristrutturar
|
(30) |
Il-Kummissjoni esprimiet ir-riżervi tagħha dwar jekk is-sorsi ta’ finanzjament kif proposti mir-Rumanija kinux jikkostitwixxu kontribuzzjoni propja sinifikanti, reali u fattwali, ħielsa minn għajnuna ta’ mill-inqas 50 % u għalhekk fuq bażi preliminari qieset li l-pjan ta’ ristrutturar inizjali ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-Linji Gwida S&R fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja. |
|
(31) |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-karattru reali u fattwali tal-kontribuzzjoni proprja, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-ebda wieħed mill-erba’ sorsi ta’ kontribuzzjoni proprja elenkati fil-premessa (27) ma kien jissodisfa dan il-kriterju. Skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, il-kontribuzzjoni propja jenħtieġ li teskludi profitti mistennija fil-futur bħall-fluss tal-flus. Fost il-kuntratti ppreżentati mir-Rumanija, il-Kummissjoni nnotat li l-uniċi kuntratti li mmaterjalizzaw kienu dawk għal ammonti żgħar u parzjalment biss. |
|
(32) |
It-tieni nett, dwar il-kundizzjoni li l-kontribuzzjoni proprja tkun ħielsa minn għajnuna, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-kuntratt ta’ provvista kruċjali ta’ xiri obbligatorju tal-UO2 mal-SNN li kien mistenni jirrappreżenta madwar 80 % tal-bejgħ tas-CNU kien improbabbli li jiġi konkluż skont termini tas-suq. Fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet tas-suq disponibbli, il-kuntratt previst ta’ RON 623 (EUR 131) għal kull kgU (jiġifieri ta’ RON 423 għal kull kgU mingħajr sussidju) u li jikkorrispondi għal USD 110 (EUR 100) għal kull kgU (mingħajr sussidju) jaqbeż il-prezz tas-suq stmat (USD 67 -EUR 61- għal kull kgU) b’64 %. |
|
(33) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji jekk is-sorsi l-oħra kollha proposti ta’ kontribuzzjoni proprja kinux ħielsa minn għajnuna: tabilħaqq dawk il-kontribuzzjonijiet kienu ġejjin minn kuntratti ppjanati ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi u ma’ intrapriżi tal-Istat. B’mod partikolari, ir-Rumanija naqset milli turi li l-ANRSPS, entità pubblika, kienet se tiffirma l-kuntratti ppjanati mas-CNU bi prezzijiet tas-suq u li l-kuntratt l-ieħor ippjanat mal-SNN għall-ipproċessar ta’ materjali mhux konformi kien se jiġi konkluż skont termini tas-suq, pereżempju, meta mqabbel ma’ kuntratti ta’ provvista tipiċi oħra fl-industrija. |
|
(34) |
It-tielet nett, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, ma kien hemm l-ebda investitur privat jew mutwanti jappoġġja l-pjan, u lanqas ma kien previst li dan isir. Ir-Rumanija ma setgħet tipprovdi lill-Kummissjoni ebda indikazzjoni ta’ sostenn bħal pereżempju ittra ta’ intenzjoni li kienet turi u tistabbilixxi interess minn investitur privat prospettiv li kellu fiduċja, u li kien se jappoġġja u jiffinanzja l-pjan ta’ ristrutturar notifikat. |
|
(35) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar l-argument imressaq mir-Rumanija fejn sostniet li l-bejgħ ta’ assi fissi kien se jipprovdi sors addizzjonali ta’ kontribuzzjoni proprja. Ma kienx ċar x’seta’ kien il-valur tas-suq ta’ dawn l-assi, l-iskeda ta’ żmien għall-bejgħ u l-aktar importanti, sa liema punt dan il-bejgħ seta’ jingħalaq b’suċċess fil-perjodu ta’ ristrutturar. |
2.4.2. Dubji dwar ir-ritorn lejn il-vijabilità fit-tul tas-CNU
|
(36) |
Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk il-pjan inizjali ta’ ristrutturar kienx se jwassal biex is-CNU terġa’ lura għall-vijabbiltà fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar. Fil-fatt, ma ġiex stabbilit li s-CNU kienet se tagħmel redditu suffiċjenti u tkun kapaċi tibqa’ fis-suq mingħajr għajnuna addizzjonali. |
|
(37) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li r-Rumanija naqset milli tipprovdi, kif intalbet tipprovdi, is-sett ta’ indikaturi ekonomiċi ewlenin għall-perjodu ta’ ristrutturar u data dwar il-profitabilità u l-kostijiet tal-produzzjoni maqsuma għal kull negozju ewlieni attwali jew ippjanat tagħha (il-minjiera ta’ Crucea-Botușana, l-impjant ta’ Feldioara, il-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș). Fi kwalunkwe każ l-informazzjoni pprovduta fuq livell aggregat ma kinitx konklussiva fir-rigward tar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul tas-CNU fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar. |
|
(38) |
It-tieni nett, il-profittabilità tas-CNU baqgħet baxxa anki jekk wieħed kellu jqis is-sussidju fuq il-prezz li kien maħsub biex ikopri d-differenza bejn il-kost tal-produzzjoni tagħha u l-prezz tas-suq tal-UO2, u li r-Rumanija kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat. Peress li tul il-perjodu ta’ ristrutturar ma kien hemm l-ebda previżjoni għal tnaqqis gradwali ta’ din l-għajnuna, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li fin-nuqqas ta’ evidenza addizzjonali ta’ sostenn kien għad kellha dubji jekk is-CNU kinitx se tkun vijabbli wara t-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturar mingħajr ebda sussidju ieħor mill-Istat għall-operazzjonijiet. |
|
(39) |
It-tielet nett, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kostijiet tal-produzzjoni ppreżentati mill-awtoritajiet Rumeni, wara li jintemm l-investiment fil-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș. B’mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat li r-Rumanija ma pprovdiet ebda studju ta’ investiment b’sostenn għall-ammont allegat tal-kost tal-produzzjoni ta’ U3O8 ta’ RON 460 (EUR 97) għal kull kgU (12) u osservat li din l-istima tissupera ferm il-prezz attwali tas-suq ta’ USD 22 (EUR 20) għal kull libbra ta’ U3O8 fl-aħħar ta’ Frar 2018 (13). |
|
(40) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat ukoll li l-previżjonijiet tal-prezz tal-uranju ppreżentati mir-Rumanija b’sostenn tal-prospetti għall-investimenti fil-minjiera l-ġdida kienu obsoleti u ma kinux affidabbli u għalhekk qajmu dubji dwar il-vijabbiltà tal-minjiera l-ġdida. Peress li l-punt 51 tal-Linji Gwida S&R isemmi li r-ritorn lejn il-vijabbiltà ma jridx ikun jiddependi fuq suppożizzjonijiet ottimistiċi dwar fatturi esterni bħall-varjazzjoni fil-prezzijiet, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji jekk dan il-punt tal-Linji Gwida S&R kienx issodisfat. |
2.4.3. Dubji dwar il-miżuri ta’ kumpens
|
(41) |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li r-Rumanija pprevediet biss żewġ miżuri komportamentali. Skont il-pjan inizjali ta’ ristrutturar, is-CNU kienet se toqgħod lura milli tixtri ishma f’intrapriżi oħra matul il-perjodu ta’ ristrutturar u milli tuża l-għajnuna bħala pubbliċità meta tbiegħ il-prodotti tagħha. Madankollu, fin-nuqqas ta’ miżuri strutturali sinifikanti u ċari, il-Kummissjoni kellha d-dubji dwar kemm il-miżuri ta’ kumpens proposti mmitigawx b’mod sodisfaċenti l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna potenzjali. |
|
(42) |
B’mod partikolari, għall-kuntrarju tal-argument tar-Rumanija li ma hemmx suq Ewropew għall-prodott fornut mis-CNU u li għalhekk mhux se jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens addizzjonali, il-Kummissjoni ppreżentat diversi kunsiderazzjonijiet. |
|
(43) |
L-ewwel nett il-Kummissjoni nnotat li fir-rigward tal-estrazzjoni, għalkemm attwalment ma hemm l-ebda kumpanija Ewropea oħra għajr is-CNU involuta fl-estrazzjoni tal-mineral tal-uranju fl-UE, fl-UE hemm kumpaniji attivi li jimportaw il-komposti tal-uranju, bil-ħsieb li jfornu impjanti tal-ipproċessar/tar-raffinar u eventwalment jimmanifatturaw fjuwil nukleari. Dan huwa pereżempju l-każ ta’ Orano (li qabel kienet Areva) li timporta l-komposti tal-uranju fl-UE mill-attivitajiet ta’ estrazzjoni minerarja tagħha f’pajjiżi terzi bħan-Niġer: għalhekk is-suq huwa miftuħ għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ġew identifikati depożiti għall-estrazzjoni tal-uranju u fil-fatt tħabbru jew ġew ippjanati parteċipanti ġodda fi Spanja u fil-Finlandja għall-2018-2019. |
|
(44) |
It-tieni nett, il-Kummissjoni nnotat li fir-rigward tal-attivitajiet ta’ proċessar/raffinar, għalkemm attwalment ma hemm l-ebda kumpanija oħra għajr għal Cameco attiva fil-provvista ta’ UO2mhux arrikkit għal impjanti tal-enerġija nukleari b’teknoloġija bbażata fuq il-CANDU fl-UE, dawn is-swieq huma miftuħa għall-kompetizzjoni u kwalunkwe kumpanija tista’ titħajjar u tiddeċiedi li tidħol fil-futur jew li toffri prodotti sostituti minn bnadi oħra. Minbarra Cameco, UO2 għall-CANDU jista’ anke jiġi offrut minn fornituri barranin pereżempju miċ-Ċina jew mill-Indja. |
|
(45) |
It-tielet nett, il-Kummissjoni nnotat ukoll li fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha r-Rumanija ppreżentat ċerti dikjarazzjonijiet kontradittorji, li jagħtu x’jifhem li s-CNU kienet biħsiebha tfittex li tespandi l-portafoll ta’ klijenti tagħha lil hinn mir-Rumanija, filwaqt li tiddikjara li ma hemmx suq Ewropew għall-prodott li s-CNU tforni u li għalhekk mhux se jkun hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens. |
|
(46) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li: (i) hemm kompetizzjoni attwali fl-attività tal-estrazzjoni tal-uranju u (ii) jista’ jkun hemm aktar kompetizzjoni fl-attività tal-ipproċessar u tar-raffinar tal-uranju. Għaldaqstant, il-miżuri komportamentali proposti mir-Rumanija dehru insuffiċjenti u kien hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali biex jimmitigaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. |
3. KUMMENTI TAR-RUMANIJA
|
(47) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, ir-Rumanija ppreżentat informazzjoni ġdida u xi osservazzjonijiet kif ukoll it-tieni pjan ta’ ristrutturar, kif ġej. |
3.1. Kummenti tar-Rumanija dwar l-applikazzjoni tat-Trattat Euratom
|
(48) |
L-awtoritajiet Rumeni semmew li r-ristrutturar kien qed jappoġġja l-impenji li għamlu skont it-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza nukleari, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
|
3.2. It-tieni pjan ta’ ristrutturar
|
(49) |
Ir-Rumanija l-ewwel enfasizzat li fit-tieni pjan ta’ ristrutturar huma kienu rtiraw tlieta mill-ħames miżuri ta’ għajnuna notifikati fil-pjan inizjali ta’ ristrutturar, jiġifieri l-miżuri (c), (d) u (e) kif deskritti fil-premessa (26), li wassal għal tnaqqis sinifikanti minn RON 440,8 miljun (EUR 93,0 miljun) għal RON 125,1 miljun (EUR 26,4 miljun) tal-ammont ta’ għajnuna li trid tingħata. Il-miżuri ta’ għajnuna li kienu se jibqgħu kienu l-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u għotja li tammonta għal RON 64,8 miljun (EUR 13,7 miljun). |
|
(50) |
Anke l-kost tar-ristrutturar kien se jonqos minn RON 941 miljun (EUR 198,5 miljun) għal RON 250,3 miljun (EUR 52,8 miljun), li minnhom ir-Rumanija allegat li s-CNU kienet se tikkontribwixxi 50 %, jiġifieri RON 125,1 miljun (EUR 26,4 miljun). |
|
(51) |
Bħala parti minn dan it-tieni pjan ta’ ristrutturar, is-CNU kienet se tistabbilixxi kooperazzjoni ġdida mal-SNN. F’dan il-kuntest, ir-Rumanija qieset li t-tħassib tal-Kummissjoni espress fil-premessi (47) sa (50) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar l-Għajnuna mill-Istat potenzjali inkluża fil-prezz tal-kuntratt previst mal-SNN sar immaterjali, peress li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx għadu ppjanat. Ir-Rumanija spjegat li wara li waqfet il-kuntratt tagħha mas-CNU, li kien parzjalment il-kawża tad-diffikultajiet finanzjarji tas-CNU, l-SNN bdiet takkwista materja prima mill-kumpanija Kanadiża, Cameco. Madankollu, l-SNN qieset li d-dipendenza fuq sors uniku ta’ provvista kien riskjuż fuq terminu twil u, għalhekk, ippreżentat strateġija ta’ diversifikazzjoni tal-akkwisti. |
|
(52) |
F’Mejju 2018 l-Assemblea Ġenerali tal-SNN approvat din l-istrateġija u semmiet espliċitament lis-CNU bħala fornitur ta’ servizzi ta’ pproċessar. Ir-Rumanija spjegat li abbażi ta’ din l-istrateġija, id-dipendenza fuq fornitur uniku u r-riskji korrispondenti se jiġu evitati permezz tax-xiri tal-U3O8 mis-swieq internazzjonali minflok l-UO2, li jiġi pproċessat mis-CNU u l-UO2 riżultanti jintuża fil-produzzjoni tal-fjuwil nukleari. Ir-relazzjoni bejn l-SNN-CNU tkun tinkludi l-ipproċessar u l-ħżin ta’ U3O8 fil-bini tas-CNU u l-kwalifikazzjoni tal-fornituri tal-U3O8 mis-CNU: tabilħaqq kwalifikazzjoni min-naħa tas-CNU kienet tkun verament meħtieġa qabel l-organizzazzjoni tal-proċeduri kompetittivi fost il-fornituri kwalifikati tal-U3O8, għaliex l-SNN ma għandhiex l-għarfien meħtieġ biex tikkwalifika fornituri tal-U3O8. |
|
(53) |
Sussegwentement, ir-Rumanija adottat liġi li tirregola l-prinċipji li jipprevedu l-istrateġija nazzjonali tar-Rumanija fir-rigward tal-manutenzjoni taċ-ċiklu nukleari integrat, il-provvista ta’ materja prima għall-produzzjoni tal-fjuwil nukleari meħtieġ għat-tħaddim tal-unitajiet tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari f’Cernavodă (16) (minn hawn ’il quddiem il-“Liġi 193/2018”). Il-Liġi 193/2018 tiddetermina li s-CNU hija esklussivament intitolata tipproduċi trab tal-UO2 fit-territorju Rumen, u li l-SNN se tixtri dan il-prodott esklussivament mingħand is-CNU, ħlief jekk is-CNU ma tkunx tista’ tforni l-kwantitajiet meħtieġa. Il-kriterji u l-metodi għad-determinazzjoni u għall-aġġustament tal-prezzijiet regolati għas-servizzi ta’ kwalifikazzjoni, ħżin u pproċessar tal-U3O8, u l-prezz tal-UO2, kif fornut mis-CNU, se jiġu stabbiliti abbażi tal-kostijiet attwali tas-CNU, skont Deċiżjoni tal-Gvern li kienet għadha qed tiġi diskussa meta r-Rumanija ppreżentat it-tieni pjan ta’ ristrutturar (għal dettalji dwar din il-liġi ara l-premessa (63) hawn taħt) (17). Bħala parti mit-tieni pjan ta’ ristrutturar ir-Rumanija stenniet li l-kuntratt bejn is-CNU u l-SNN jidħol fis-seħħ mill-2018. |
|
(54) |
Fit-22 ta’ Ġunju 2018, is-CNU pproponiet il-konsenja ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 bi prezz ta’ RON […] għal kull kgU (eskluża l-VAT), jiġifieri EUR […] għal kull kgU. Fis-17 ta’ Lulju 2018, l-SNN indikat lis-CNU li l-ewwel ordni għal kwantità ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 ma kinitx se tingħata lis-CNU minħabba l-prezz għal kull unità offrut. Fid-19 ta’ Lulju 2018 is-CNU u l-SNN iffirmaw ftehim qafas li permezz tiegħu s-CNU kellha tipprovdi l-UO2 lill-SNN. |
|
(55) |
F’Novembru 2018, l-SNN u s-CNU kkonkludew kuntratt fiss għall-akkwist ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 għall-prezz ta’ […] RON/kg (EUR […]/kg) (ammont totali ta’ RON […] miljun (EUR […] miljun) (eskluża l-VAT)) fi ħdan il-ftehim qafas imsemmi hawn fuq (18). |
3.3. It-tielet pjan ta’ ristrutturar
|
(56) |
Wara vidjokonferenza mal-Kummissjoni li saret fit-3 ta’ Diċembru 2018 biex jiġi diskuss it-tieni pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija ppreżentat it-tielet pjan ta’ ristrutturar, li ħa post kull pjan ta’ ristrutturar li ġie notifikat qabel. |
|
(57) |
It-tielet pjan ta’ ristrutturar iżomm biss tnejn mill-ħames miżuri ta’ għajnuna oriġinali b’ammont aktar baxx meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali. Il-miżuri li fadal jammontaw għal RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun) u jinkludu (i) il-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u (ii) għotja b’sostenn tal-investimenti tas-CNU ta’ RON 64,8 miljun (EUR 13,7 miljun), inkluż il-bidu tal-estrazzjoni fil-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș. Ġie introdott sussidju ġdid, li jammonta għal RON 53,1 miljun (EUR 11,2 miljun) biex ikopri l-kostijiet tal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana. |
|
(58) |
Ir-Rumanija nnotifikat li l-kostijiet totali tar-ristrutturar ta’ RON 356,4 miljun (EUR 75,2 miljun) spjegati fid-dettall fit-tabella 3 hawn taħt kienu se jiġu parzjalment finanzjati bl-għajnuna għar-ristrutturar u b’kontribuzzjoni ta’ RON 178,1 miljun (EUR 37,6 miljun) mis-CNU mid-dħul futur tagħha. Tabella 3 Kostijiet u finanzjament tar-ristrutturar
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(59) |
Ir-Rumanija mbagħad strutturat is-sottomissjoni tagħha biex tindirizza t-tliet dubji ewlenin imqajma mill-Kummissjoni. Skont ir-Rumanija, il-kontribuzzjoni proprja tas-CNU hija reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat, it-tielet pjan ta’ ristrutturar se jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU u l-għajnuna għar-ristrutturar lis-CNU mhijiex se tfixkel il-kompetizzjoni. |
3.3.1. Il-kontribuzzjoni tas-CNU hija reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat
|
(60) |
Ir-Rumanija pprovdiet analiżi dettaljata tas-sorsi tad-dħul tas-CNU fit-tabella 4 hawn taħt: Tabella 4 Sorsi ta’ dħul tas-CNU
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(61) |
Kif intwera mit-tabella hawn fuq, ir-Rumanija ssostni li s-CNU għandha tliet klijenti ewlenin: SNN, ANRSPS u Conversmin. Ir-Rumanija spjegat ukoll ir-relazzjoni bejn is-CNU u dawn it-tliet partijiet sabiex turi li l-kontribuzzjoni proprja tas-CNU li ġejja minn dan id-dħul trid tiġi kkunsidrata reali, fattwali u ma tinvolvix għajnuna mill-Istat. |
|
(62) |
L-ewwel nett, kif deskritt fil-premessa (53), is-CNU waqqfet kooperazzjoni ġdida mal-SNN, imsejsa fuq il-Liġi 193/2018. Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, is-CNU se tipproduċi fir-Rumanija l-UO2 meħtieġ għar-reatturi CANDU Rumeni operati mill-SNN. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(4) tal-istess liġi, is-CNU għandha d-dritt esklussiv li tipprovdi servizzi ta’ pproċessar u ta’ ħżin għall-U3O8 fir-Rumanija. |
|
(63) |
Il-prezzijiet taż-żewġ attivitajiet imwettqa mis-CNU (jiġifieri l-bejgħ tal-UO2 kif ukoll l-ipproċessar tal-U3O8) huma regolati u stabbiliti permezz ta’ Deċiżjoni tal-Gvern. Id-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 tiddikjara li l-prezz għal dawk is-servizzi għandu jiġi stabbilit abbażi tal-kostijiet effettivi tas-CNU. |
|
(64) |
L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 jistabbilixxi ċerti limiti fuq il-prezz regolat sabiex jiġi żgurat, skont ir-Rumanija, li huwa konformi mal-prinċipji tas-suq. B’mod partikolari, il-prezz tal-UO2 ma jistax ikun aktar mit-total tat-tliet elementi li ġejjin: il-medja ta’ sitt xhur tal-prezz internazzjonali fit-tul tal-U3O8, il-kostijiet tal-ipproċessar u marġini ta’ profitt ta’ 4 %. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(5) jistabbilixxi li t-tnaqqis fil-kostijiet minħabba żieda fl-effiċjenza fl-attività tas-CNU ċertifikata minn awditur indipendenti se jinqasam max-xerrej, peress li 50 % se għaddu għand l-SNN bħala tnaqqis fil-prezz (19). It-tnaqqis fil-kostijiet li mhumiex marbuta ma’ żieda fl-effiċjenza jiġi mgħoddi kompletament fil-prezzijiet. Skont ir-Rumanija, dan il-mekkaniżmu ta’ qsim tal-kostijiet jipprovdi biżżejjed inċentivi għas-CNU biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha maż-żmien. |
|
(65) |
Ir-Rumanija tipprovdi wkoll analiżi tat-tliet komponenti tal-prezz tal-UO2. Fir-rigward tal-medja ta’ sitt xhur tal-prezz internazzjonali fit-tul tal-U3O8, għall-perjodu li jmiss, dan il-prezz ġie stmat bħala RON 351/kg (EUR 74/kg). Skont ir-Rumanija l-kostijiet tal-ipproċessar li jwasslu għall-produzzjoni tal-UO2 jammontaw għal bejn wieħed u ieħor RON […]/kg (EUR […]/kg. Dan il-komponent tal-prezz diġà jinkludi marġni ta’ profitt ta’ 5 % u huwa bbażat fuq volum ta’ […] tunnellataU għall-UO2 għal perjodu ta’ xogħol ta’ 10 xhur. L-aħħar element tal-formula huwa l-marġni ta’ profitt ta’ 4 % li r-Rumanija tqis bħala għażla konservattiva meta mqabbel mal-kost medju tal-kapital tal-industrija. Ir-Rumanija ssemmi li dan il-marġni ta’ profitt jista’ jiġi mqabbel mal-kost tal-kapital użat għall-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari Paks II li kien ta’ [7,5 – 8,5 %] u ġie vvalutat mill-Kummissjoni (20). Skont ir-Rumanija, dan ġie kkonfermat ukoll mill-kost tal-kapital għall-attività ta’ estrazzjoni minerarja li tista’ tiġi stmata ’l fuq minn 9 %. |
|
(66) |
Il-kombinazzjoni tat-tliet komponenti msemmija fil-premessa (65) twassal għal prezz tal-konsenja ta’ UO2 mingħand s-CNU għal għand l-SNN għal valur ta’ madwar RON […]/kg (EUR […]/kg). |
|
(67) |
Ir-Rumanija ssemmi wkoll li għas-sena 2018, is-CNU kienet iffirmat kuntratt mal-SNN f’valur ta’ RON 24,3 miljun (EUR 5,1 miljun) u għall-2019 is-CNU kienet diġà assigurat ħlas bil-quddiem biex tiżgura l-kontinwità tal-produzzjoni. Is-CNU għandha wkoll kuntratti annwali mal-SNN għall-ipproċessar ta’ materjali li fihom l-uranju naturali, fejn il-valur tal-kuntratt għall-2018 kien ta’ RON 4,7 miljun (EUR 1,0 miljun), bil-possibbiltà li jiġġedded fuq bażi annwali. |
|
(68) |
It-tieni, fir-rigward tal-kuntratti bejn is-CNU u l-ANRSPS, ir-Rumanija tinnota li d-dettalji huma meqjusa informazzjoni klassifikata. |
|
(69) |
It-tielet, għall-Conversmin, is-CNU qed tipprovdi servizzi ta’ manutenzjoni skont kuntratti annwali li jiġġeddu awtomatikament. |
|
(70) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-Rumanija tqis li l-kontribuzzjoni tas-CNU hija reali, fattwali u ħielsa mill-għajnuna. |
3.3.2. It-tielet pjan ta’ ristrutturar se jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU
|
(71) |
It-tielet pjan ta’ ristrutturar huwa parzjalment iffinanzjat minn tliet miżuri ta’ għajnuna ewlenin: il-konverżjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturar, l-għajnuna għall-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana u xi miżuri ta’ investiment bħall-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș jew ir-rinnovar tal-impjant ta’ Feldioara. |
|
(72) |
Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ għal studju ta’ investiment dwar il-minjiera ta’ Tulgheș-Grințieș b’sostenn tas-suppożizzjoni tar-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw l-elementi li ġejjin: Ir-Rumanija ssostni li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida hija bbażata fuq studji preċedenti mill-1986, l-2004 u b’mod partikolari mill-2011; anki jekk l-awtoritajiet Rumeni jqisu li l-istudju tal-2011 kien informazzjoni klassifikata u għalhekk ma għaddewhx lill-Kummissjoni, ir-Rumanija tqis li s-suppożizzjonijiet li ttieħdu fil-pjan huma saħansitra konservattivi peress li l-pjan hu, tal-inqas għall-ewwel għaxar snin, li l-estrazzjoni ssir biss fuq riżervi tal-wiċċ u mhux taħt l-art, b’hekk l-estrazzjoni hija irħas. Studju tal-fattibbiltà li ġie kkummissjonat mill-awtoritajiet Rumeni lil Cepromin SA jenħtieġ li jkun disponibbli biss f’Novembru 2019. |
|
(73) |
Fir-rigward tal-adattamenti teknoloġiċi tal-impjant ta’ Feldioara fid-dawl tal-ipproċessar, ir-raffinar u l-estrazzjoni tal-iskart iġġenerat mill-estrazzjoni minerarja, l-awtoritajiet Rumeni jsemmu li l-għan huwa li jitnaqqas il-kost tal-ipproċessar tal-mineral tal-uranju billi jiġi mtejjeb il-fluss teknoloġiku, li jwassal għal produzzjoni ogħla wara l-ipproċessar. |
|
(74) |
Ir-Rumanija tispjega wkoll li mit-tabella 4 huwa ċar li l-pjan propost se jiżgura biżżejjed flussi tal-flus biex ikopru l-kontribuzzjoni proprja tas-CNU peress li l-kontribuzzjoni proprja meħtieġa hija ta’ madwar RON 178 miljun filwaqt li s-somma flussi tal-flus operatorji mistennija matul il-perjodu bejn l-2017-2023 hija ta’ aktar minn RON 250 miljun (EUR 52,7 miljun). |
|
(75) |
Ir-Rumanija pprovdiet ukoll tabella dettaljata tat-tnaqqis ippjanat fil-kostijiet skont is-sit ta’ attività kif ippreżentat fit-tabella 5 hawn taħt. Din it-tabella turi li, skont ir-Rumanija, it-tnaqqis ewlieni fil-kostijiet se jkun minn “Suceava”, fejn tinsab il-minjiera attwali ta’ Crucea-Botușana. Tabella 5 Kostijiet għal kull sit
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(76) |
Ir-Rumanija tispjega wkoll li l-istimi fit-tielet pjan ta’ ristrutturar huma bbażati fuq il-prezzijiet attwali tal-uranju iżda li r-riċerka tagħhom turi prospetti pożittivi fis-suq tal-uranju fil-futur qrib. Skont ir-Rumanija, sorsi differenti (bħal S&P Global Market Intelligence) jirrapportaw previżjonijiet simili. Il-medja tal-previżjonijiet turi li l-prezz tal-uranju huwa mistenni jiżdied b’40 % bejn l-2018 u l-2020. Ir-Rumanija tirreferi wkoll għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tinnota l-kunsens tas-suq dwar il-fatt li l-prezzijiet tal-materjali nukleari se jirkupraw fuq terminu medju (21). |
|
(77) |
Ir-Rumanija ssostni wkoll li r-riżultati ġenerali tal-profitabbiltà jifilħu għal tibdil sinifikanti fis-suppożizzjonijiet jew fil-kundizzjonijiet tas-suq. Skont ir-Rumanija, is-CNU se tkun tista’ tiġġenera kontribuzzjoni proprja suffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ investimenti għar-ristrutturar anki jekk l-investimenti previsti kellhom jiżdiedu b’25 % jew jekk il-flussi tal-flus kellhom jonqsu b’perċentwal simili. |
3.3.3. L-għajnuna għar-ristrutturar fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mhijiex se tfixkel il-kompetizzjoni
|
(78) |
Ir-Rumanija l-ewwel tenfasizza li l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar tnaqqas b’60 % meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali u li dan it-tnaqqis se jnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ. |
|
(79) |
Ir-Rumanija għalhekk issostni li s-swieq tal-uranju jidhru globali (kemm is-setturi upstream – tal-estrazzjoni kif ukoll dawk downstream – raffinar/ipproċessar) u b’hekk l-impatt ta’ għajnuna ta’ inqas minn EUR 40 miljun jista’ jkun wieħed minimu biss. Biex isostnu dan, l-awtoritajiet Rumeni spjegaw li r-Rumanija tirrappreżenta inqas minn 0,1 % tal-produzzjoni dinjija tal-uranju. |
|
(80) |
Barra minn hekk, is-CNU hija l-uniku produttur ta’ UO2 li tuża t-teknoloġija tat-tip CANDU fl-Ewropa u waħda mill-uniċi żewġ kumpaniji fid-dinja li jipproduċu UO2 naturali mhux arrikkit. Ir-Rumanija tispjega wkoll li d-domanda żgħira għall-UO2 mhux arrikkit mhijiex biżżejjed biex tqanqal biżżejjed bejgħ li jrendi profitabbli tibdil fit-teknoloġija u li bħala tali tista’ tkun ta’ inċentiv biex produttur attwali tal-UO2 arrikkit jidħol f’dan is-suq il-ġdid. |
|
(81) |
Skont ir-Rumanija, il-ħruġ tas-CNU mis-suq tal-uranju jista’ jżid id-dipendenza tal-SNN fuq fornituri esterni tal-UO2/U3O8. Ir-Rumanija tistenna li, f’każ li kellu jintilef il-kontroll fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-fjuwil nukleari, il-fornituri esterni tal-UO2/U3O8 u b’mod partikolari Cameco, li mbagħad issir l-uniku fornitur disponibbli tal-uranju pproċessat fil-forma ta’ UO2 biċ-ċertifikazzjoni ta’ CANDU fir-Rumanija, jispiċċaw jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni. Dawn kieku jżidu b’mod sinifikanti l-prezz tal-prodotti għall-SNN u jimmassimizzaw il-profitt tagħhom. Din is-sitwazzjoni tispiċċa taffettwa l-vijabbiltà fit-tul tal-operatur nukleari nazzjonali, b’implikazzjonijiet negattivi għas-sigurtà tal-enerġija tar-Rumanija. |
|
(82) |
Fl-aħħar nett, ir-Rumanija tenfasizza li ma hemm l-ebda miżura ta’ kumpens strutturali fattibbli li tista’ tittieħed mingħajr ma tipperikola mhux biss il-vijabbiltà tal-kumpanija iżda anke l-attività ewlenija tagħha. Ir-Rumanija ssostni li f’deċiżjonijiet preċedenti l-Kummissjoni diġà aċċettat li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri fl-attività jista’ jipperikola l-possibiltajiet li kumpanija tirkupra, mingħajr ma tiġi pprovduta l-ebda opportunità fis-suq ta’ siwi għall-kompetituri, bħal fid-Deċiżjoni C10/2006 Cyprus Airways Public Ltd – Pjan ta’ Ristrutturar. |
4. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
4.1. Eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE
|
(83) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq inter n”. |
|
(84) |
Minn dan isegwi li, sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jenħtieġ li jkunu ssodisfati l-kriterji kumulattivi li ġejjin: (i) trid tingħata mill-Istat u permezz ta’ riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lil impriża; (iii) tird tkun selettiva, jiġifieri tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti; u (iv) trid thedded jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(85) |
Fit-taqsima 4, il-Kummissjoni se tivvaluta l-miżuri ta’ għajnuna kif ippreżentati fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mill-awtoritajiet Rumeni (għad-dettalji sħaħ ara t-tabella 3) li huma:
|
|
(86) |
Qabel ma teżamina jekk dawn il-miżuri jinvolvux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija tqis li l-konverżjoni tas-self għas-salvataġġ fit-tul f’għajnuna għar-ristrutturar (minn hawn ’il quddiem “it-tħassir tas-self għas-salvataġġ”), kif ukoll it-tliet għotjiet mill-Istat imsemmija hawn fuq (minn hawn ’il quddiem “l-għotjiet mill-Istat”) jinvolvu għajnuna mill-Istat. |
4.1.1. Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat
|
(87) |
Sabiex miżuri jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, (a) iridu jkunu ġejjin mir-riżorsi tal-Istat, kemm jekk direttament jew indirettament minn xi korp intermedjarju li jaġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilu u (b) iridu jkunu imputabbli lill-Istat. |
|
(88) |
It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ iċaħħad lill-Istat milli jitħallas lura s-self ta’ salvataġġ li jkun ta mill-baġit tiegħu u li s-CNU jenħtieġ li tħallas lura lill-Istat. Għalhekk din il-miżura tinvolvi riżorsi tal-Istat. Minħabba li din id-deċiżjoni trid tittieħed mill-Istat Rumen, il-miżura hija imputabbli lill-Istat. Anke l-għotjiet mill-Istat se jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-Istat u huma r-riżultat dirett ta’ deċiżjoni mill-Istat Rumen. Għalhekk huwa ċar li anke dawn il-miżuri huma imputabbli lill-Istat u ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat. |
4.1.2. Selettività
|
(89) |
Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun selettiva fis-sens li tiffavorixxi biss lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. |
|
(90) |
It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat huma biss għad-dispożizzjoni tas-CNU u għalhekk mhumiex parti minn miżura ġenerali disponibbli għall-impriżi kollha attivi fl-estrazzjoni minerarja u fl-ipproċessar ta’ minerali jew f’setturi oħra fir-Rumanija. Barra minn hekk, id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 li jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti tal-għajnuna għas-salvataġġ kien jikkonċerna biss is-CNU u mhuwiex disponibbli għal kumpaniji oħra kompetituri, jew kompetituri potenzjali tas-CNU għall-provvista tal-ipproċessar tal-uranju. Skont il-Qorti, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija, fil-prinċipju, biżżejjed biex tappoġġja s-suppożizzjoni li miżura hija selettiva (22). Għalhekk, it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat huma ta’ natura selettiva. |
4.1.3. Vantaġġ ekonomiku
|
(91) |
Vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (23). |
|
(92) |
It-tħassir tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal RON 62 miljun (EUR 13,1 miljun) jiffavorixxi lis-CNU filwaqt li jippermettilha tuża r-riżorsi li kieku kien ikollha bżonn biex tħallas lura s-self, għal skopijiet oħra. L-ebda kreditur tas-suq ma kien jaqbel dwar tħassir tad-dejn fuq il-pretensjoni sħiħa tiegħu fil-konfront ta’ kumpanija partikolari mingħajr ebda prospett ta’ kumpens jew ta’ rkupru meta mqabbel mal-possibbiltà ta’ rkupru – tal-anqas parzjali - bħala parti mill-massa ta’ likwidazzjoni tal-kumpanija f’każ ta’ falliment. Bħala konklużjoni, is-CNU ma setgħetx tikseb finanzjament b’din il-kundizzjoni mis-suq u għalhekk it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ jagħti vantaġġ lis-CNU. |
|
(93) |
L-għotjiet mill-Istat ippjanati favur is-CNU huma strumenti finanzjarji li ma jitħallsux lura, li mhumiex disponibbli fis-swieq finanzjarji, peress li ma joffru l-ebda remunerazzjoni, aspettattiva jew intitolament għal profitti finanzjarji futuri lill-investitur. Is-CNU ma setgħetx tikseb finanzjament mis-suq skont dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk l-għotjiet mill-Istat jagħtu vantaġġ lis-CNU. |
4.1.4. Distorsjoni tal-kompetizzjoni u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(94) |
Jekk għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar iridu jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (24). Huwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma’ impriżi oħrajn fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (25). |
|
(95) |
Kif spjegat fil-premessa (9) u (10), is-CNU hija primarjament attiva f’żewġ stadji taċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-uranju: mill-estrazzjoni sal-produzzjoni tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u mbagħad mill-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat sal-produzzjoni tal-UO2. |
|
(96) |
Kif spjegat fil-premessa (20) u (22), l-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat huwa prodott negozjabbli offrut minn għadd ta’ kumpaniji u s-suq li fih topera s-CNU huwa globali u miftuħ għall-kompetizzjoni. Is-CNU qiegħda b’mod partikolari tiffaċċja kompetizzjoni reali u diretta mill-kumpanija Ewropea Orano li pproponiet li taqdi l-ħtiġijiet tas-SNN għall-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u qed tiffaċċja kompetizzjoni potenzjali minn atturi mill-UE minħabba l-minjieri ppjanati tagħhom fil-Finlandja, fl-Ungerija u fi Spanja fl-UE. |
|
(97) |
Fir-rigward tal-UO2, fil-premessa (23) ġie spjegat li l-UO2 mhuwiex prodott speċifiku prodott biss mis-CNU, iżda li l-UO2 huwa wkoll prodott intermedjarju fil-katina tal-produzzjoni tal-UO2 arrikkit. Minbarra l-kompetizzjoni ta’ Cameco u l-kompetizzjoni potenzjali ta’ produtturi oħrajn tal-UO2 f’pajjiżi b’reatturi tat-tip CANDU (ara l-premessa (23)), wieħed jista’ jinnota wkoll li r-rapport ta’ informazzjoni tal-impjant ta’ Malvési ta’ Orano jsemmi li Orano għandha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa biex tinstalla tagħmir li jippermetti l-produzzjoni ta’ 300 tunnellata ta’ UO2 fis-sena biex jinbiegħ lil klijenti Franċiżi jew fis-suq internazzjonali (26). Għalhekk, din il-kapaċità ġdida tista’ taqdi bis-sħiħ id-domanda annwali tal-SNN għall-UO2. |
|
(98) |
Il-liġi bl-ebda mod ma tipprekludi lis-CNU milli tforni oġġetti jew milli tipprovdi servizzi fi Stati Membri oħra. |
|
(99) |
Bl-istess mod, is-CNU timmonitorja u timmaniġġja minjieri magħluqa tal-uranju fir-Rumanija. L-attività tista’ ssir ukoll minn kumpaniji oħra tal-estrazzjoni minerarja attivi fl-għeluq u fl-immaniġġjar ta’ minjieri fi bnadi oħra fl-Unjoni. |
|
(100) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li hemm kummerċ intra-UE għall-prodotti nnegozjati jew prodotti u għas-servizzi pprovduti mis-CNU. L-għajnuna ppjanata, li tippermetti lis-CNU tibqa’ fis-suq, għandha l-potenzjali li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq intern, u b’hekk timpedixxi lill-kompetituri tagħha milli jakkwistaw parti mill-attività jew l-attività sħiħa tas-CNU. Għalhekk, toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
4.1.5. Konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna
|
(101) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat li permezz tagħhom ir-Rumanija qed tippjana li tiffinanzja RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun) mill-kostijiet tat-tielet pjan ta’ ristrutturar tas-CNU jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għalhekk se tivvaluta l-legalità u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. |
4.2. Legalità tal-għajnuna
|
(102) |
Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija rtirat il-pjanijiet tagħha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat notifikata fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali fil-forma ta’ għotja ta’ RON 75,5 miljun, sussidju operatorju ta’ RON 213-il miljun u konverżjoni tad-dejn tas-CNU mill-30 ta’ Marzu 2017 ta’ RON 13,3 miljun f’ishma miżmuma mill-Istat Rumen. Ir-Rumanija kkonfermat li dawn il-miżuri ma ġewx implimentati. Għalhekk ma għadx kemm skop li l-Kummissjoni tivvaluta dawn it-tliet miżuri. |
|
(103) |
Fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna notifikati li fadal kif deskritt fil-premessa (57) u fid-dawl tal-fatt li r-Rumanija impenjat ruħha li ma timplimentax it-tħassir tas-self ta’ salvataġġ u l-għotjiet mill-Istat sakemm il-Kummissjoni tkun adottat id-deċiżjoni finali tagħha, l-obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE ġie rispettat u dawn il-miżuri huma meqjusa legali, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom. |
|
(104) |
Is-self bħala għajnuna għas-salvataġġ ma ġiex implimentat qabel ħarġet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għalhekk meta ġie approvat ma kienx għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment. Madankollu, it-tul eċċessiv tiegħu u l-fatt li dan baqa’ ma tħallasx lura wara li kien skada sew il-perjodu ta’ sitt xhur li għalih ingħata, jagħmlu l-għajnuna illegali. |
4.3. Kompatibbiltà tal-għajnuna u l-bażi ġuridika tal-valutazzjoni
|
(105) |
It-TFUE jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna mill-Istat jekk din tingħata biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti setturi ekonomiċi u sakemm ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Minħabba n-natura tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni, il-Kummissjoni se teżamina jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida S&R, b’kunsiderazzjoni xierqa għat-Trattat Euratom. |
|
(106) |
Il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar b’sostenn għat-tielet pjan ta’ ristrutturar għandha tistabbilixxi jekk l-informazzjoni miġbura fil-proċedimenti tneħħix id-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. F’dan ir-rigward, il-valutazzjoni ssegwi t-tliet dubji ewlenin li ġew espressi fiha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ ristrutturar deskritti fit-tielet pjan ta’ ristrutturar mas-suq intern, jiġifieri (i) il-preżenza ta’ kontribuzzjoni proprja reali u fattwali ħielsa minn għajnuna mill-benefiċjarju; (ii) ir-ritorn lejn il-vijabbiltà fit-tul u (iii) in-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens sinifikanti. |
4.3.1. Eliġibbiltà tas-CNU għall-għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji Gwida S&R
|
(107) |
Kif definit fil-punt 20 tal-Linji Gwida S&R impriżi f’diffikultà biss u li mhumiex attivi fis-settur tal-azzar jew tal-faħam kif definit fil-punt 15 u 16 tagħhom, jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna ta’ salvataġġ jew għar-ristrutturar li hija kompatibbli mas-suq intern. |
|
(108) |
Kif ġie nnotat fl-għajnuna għas-salvataġġ u fid-Deċiżjonijiet tal-Ftuħ, is-CNU tissodisfa l-kriterji biex tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-punt 20 tal-Linji Gwida S&R (ara l-premessa (33) tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ) (27) u mhijiex attiva fis-settur tal-faħam, tal-azzar jew bankarju, u għalhekk tista’ tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturar. |
4.3.2. Preżenza ta’ kontribuzzjoni proprja reali u fattwali ħielsa minn għajnuna mis-CNU
|
(109) |
Skont il-punt 62 tal-Linji Gwida S&R, kontribuzzjoni sinifikanti għall-kostijiet tar-ristrutturar trid tiġi mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju tal-għajnuna, mill-azzjonisti jew mill-kredituri tiegħu, jew mill-grupp kummerċjali li minnu jagħmel parti, jew minn investituri ġodda. Il-punt 64 jitlob li l-kontribuzzjoni proprja li titqies adegwata għal kumpanija kbira - bħas-CNU - trid tammonta għal mill-inqas 50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar. |
|
(110) |
Barra minn hekk, skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, huwa importanti wkoll li din il-kontribuzzjoni tkun reali, kemm jista’ jkun għolja, ħielsa mill-għajnuna u teskludi l-profitt mistenni fil-futur. |
|
(111) |
Il-kriterju ewlieni ta’ kompatibilità tal-Linji Gwida S&R huwa bbażat fuq il-fatt li l-għajnuna ta’ ristrutturar u għas-salvataġġ huma fost l-aktar tipi ta’ għajnuna fixkiela mill-Istat. L-għoti ta’ appoġġ lill-kumpaniji f’diffikultà jfixkel id-dinamika normali tas-suq li jwassal biex impriżi inqas effiċjenti jfallu. Bħala tali, kontribuzzjoni proprja sinifikanti titqies bħala sinjal li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà u qed jappoġġjaw b’mod attiv il-pjan ta’ ristrutturar. |
|
(112) |
Fit-tielet pjan ta’ ristrutturar, ir-Rumanija ppreżentat kontribuzzjoni proprja li tammonta għal RON 178,1 (EUR 37,6 miljun) li allegatament tirrappreżenta 50 % tal-kostijiet totali tar-ristrutturar (ara t-taqsima 3.3.1). Is-sorsi tad-dħul huma kuntratti ma’: (i) l-SNN għall-forniment tal-UO2, (ii) l-SNN għat-trattament tar-ruttam, (iii) l-ANRSPS, (iv) CONVERSMIN, u (v) dħul minuri ieħor (ara t-Tabella 4). |
|
(113) |
Filwaqt li analizzat il-karattru tal-kontribuzzjoni proprja bħala ħieles minn għajnuna, il-Kummissjoni tinnota b’mod prominenti n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni minn investituri tas-suq jew banek kummerċjali biex jassumu r-riskju tal-prefinanzjament tal-bejgħ lill-SNN jew jipprovdu self ibbażat fuq is-suq jew kapital ġdid biex jiffinanzjaw parti mill-kostijiet tar-ristrutturar. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tinnota li s-sorsi kollha ta’ kontribuzzjonijiet proprji proposti jikkonsistu minn dħul minn kuntratti ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi u intrapriżi tal-Istat. |
|
(114) |
Ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda dokument ta’ sostenn jew evidenza ta’ konformità mas-suq tal-prezzijiet u tal-kuntratti ppjanati tal-ANRSPS, amministrazzjoni pubblika, mas-CNU, li setgħu jneħħu d-dubju li tqajjem fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (il-premessa 51). L-istess jgħodd fir-rigward tal-kuntratti ma’ CONVERSMIN: Ir-Rumanija ppreżentat data dwar kuntratti tal-passat u dawk preżenti iżda ma turix li dawn il-kuntratti u d-dħul minnhom huma ħielsa minn għajnuna, billi turi li l-prezz huwa prezz tas-suq. |
|
(115) |
B’mod aktar prominenti, is-sors ewlieni tad-dħul tas-CNU (madwar 80 %) għall-kostijiet tar-ristrutturar, skont ir-Rumanija, se jiġi minn kuntratti tal-UO2 li se jiġu konklużi bejn is-CNU u l-SNN fl-implimentazzjoni tal-liġi 193/2018 l-ġdida adottata u d-deċiżjoni tal-Gvern li takkumpanjaha (kif deskritt fil-premessa (53)). Għalhekk, il-Kummissjoni l-ewwel se tivvaluta jekk dan id-dħul – b’mod partikolari mill-bejgħ lill-SNN jistax jitqies bħala ħieles mill-għajnuna. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se ssegwi l-istess raġunament u kriterji bħal dak analizzat fit-taqsima 4.1. |
4.3.2.1.
|
(116) |
L-analiżi tad-dħul tas-CNU ġġenerat mill-bejgħ tal-UO2 lill-SNN mogħtija taħt din it-taqsima hija maħsuba biss biex tivverifika l-konformità mal-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, li jitlob li l-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju għall-kostijiet tar-ristrutturar tkun ħielsa minn għajnuna. |
|
(117) |
Kif spjegat fil-premessa (12), l-Istat Rumen permezz tal-Ministeru tal-Enerġija għandu 82,5 % tal-kapital azzjonarju fl-SNN. Minn dan isegwi li proporzjon enormi tar-riżorsi trasferiti mill-SNN lis-CNU bħala ħlas għall-kuntratti li se jiġu eżegwiti fil-qafas tal-liġi l-ġdida dwar il-monopolju fil-fatt ġejjin minn riżorsi tal-Istat u li r-riżorsi tal-SNN huma kkontrollati mill-Istat Rumen. |
|
(118) |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kapaċità tal-Istat li jikkontrolla entità pubblika involuta fl-għoti ta’ miżura ma tiġġustifikax awtomatikament is-suppożizzjoni li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha huma imputabbli lill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) spjegati li r-riżorsi ta’ intrapriża pubblika jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat u l-azzjonijiet li jikkonċernawhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat jekk l-Istat, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq tali intrapriża, huwa kapaċi jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħha (28). Il-Qorti pprovdiet indikaturi biex tiġi stabbilita l-imputabbiltà li jinkludu, fost l-oħrajn, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-maniġment tal-impriża jew kwalunkwe indikatur ieħor li juri l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta’ miżura. |
|
(119) |
L-ewwel u qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-Liġi 193/2018 li tobbliga lill-SNN tixtri mingħand is-CNU ġiet adottata fil-Parlament (ara l-premessa (53)). Bħala konsegwenza ta’ din il-liġi, l-SNN se jkollha l-obbligu li tixtri l-UO2 mingħand is-CNU abbażi tal-kostijiet attwali ta’ raffinar tas-CNU, irrispettivament mill-profitabbiltà tat-tranżazzjoni għall-SNN, b’mod partikolari meta mqabbla ma’ provvisti alternattivi tal-UO2, pereżempju mill-Cameco bbażata fil-Kanada. Dan jindika b’mod ċar li skont din il-liġi, il-kuntratti ta’ provvista bejn l-SNN u s-CNU mhumiex deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti tal-SNN ibbażati fuq is-suq iżda se jkunu r-riżultat tal-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva tal-Istat Rumen. Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Istat Rumen li jeżerċita l-influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-SNN li tikkuntratta x-xiri tal-UO2 mis-CNU u dwar il-kundizzjonijiet relatati ta’ dak il-kuntratt (b’mod partikolari, il-prezz tiegħu). |
|
(120) |
F’ċirkostanzi simili, il-Kummissjoni kkonkludiet li kuntratti fit-tul relatati max-xiri tal-elettriku minn Hidroelectrica, kumpanija pubblika kkontrollata mill-Istat Rumen (80 % tal-ishma) minn impriżi pubbliċi oħrajn S.C. Termoelectrica S.A u S.C Electrocentrale Deva S.A, li ġew spinti mill-awtoritajiet tal-Istat, kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat u kienu imputabbli lill-Istat (29). F’dan il-każ, l-imputabbiltà lill-Istat hija saħansitra aktar ovvja u stabbilita direttament, meta wieħed iqis li kwalunkwe provvista alternattiva ta’ UO2 –ħlief fil-każ fejn is-CNU ma tkunx tista’ tforni- tikser il-liġi 193/2018 tan-natura imposta mill-Istat tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-SNN u s-CNU li ġejja direttament mil-liġi Rumena. |
|
(121) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din il-konklużjoni hija msaħħa mill-importanza tar-rwol tal-Istat fil-governanza tal-SNN (ara l-premessa (12)) li jiżgura li l-obbligu impost bil-liġi fuq SNN jiġi implimentat fil-prattika mill-korpi deċiżjonali tal-SNN: tabilħaqq, is-seba’ membri tal-bord eżekuttiv tal-SNN (30) jinħatru waqt il-laqgħa Ġenerali tal-azzjonisti, fejn l-Istat, minħabba s-sehem tiegħu fl-SNN, huwa azzjonist maġġoritarju. Il-Bord tad-Diretturi huwa b’mod partikolari responsabbli għall-ħatra u għar-revoka tal-maniġers tal-SNN u jissorvelja l-attività tagħhom. |
|
(122) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm evidenza diretta li turi li l-konklużjoni tal-kuntratti u l-implimentazzjoni tagħhom huma imputabbli lill-Istat Rumen. Barra minn hekk, minħabba li l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-SNN (bħala ħlas lis-CNU), li hija xerrej ikkontrollat mill-Istat, il-Kummissjoni tikkonkludi li din il-miżura ġdida ppjanata tinvolvi riżorsi tal-Istat (ara l-premessa (116) u (118)). |
|
(123) |
Il-Liġi 193/2018 tikkonċerna biss lis-CNU u mhijiex disponibbli għal kumpaniji oħra li jikkompetu, jew li qed jaħsbu biex jikkompetu mas-CNU dwar il-provvista tal-ipproċessar tal-uranju. Skont il-Qorti, fil-każ ta’ miżura ta’ għajnuna individwali, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku hija, fil-prinċipju, biżżejjed biex tappoġġja s-suppożizzjoni li miżura hija selettiva (31). Il-Liġi 193/2018 u d-dħul tas-CNU fl-implimentazzjoni tagħha huma għalhekk kjarament selettivi. |
|
(124) |
Fir-rigward tal-vantaġġ, il-Kummissjoni tinnota li l-qafas regolatorju stabbilit mil-Liġi 193/2018 u d-deċiżjoni tal-gvern li takkumpanjah jipprovdu ċertezza għas-CNU li din tbiegħ il-produzzjoni tagħha tal-UO2 lill-SNN bi prezz li jkopri parti mill-kostijiet tagħha u li jiżguralha profitt. Din iċ-ċertezza mhijiex disponibbli fis-suq għal xi kumpanija oħra. Fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat, is-CNU ma kienx ikollha ċ-ċertezza li tbiegħ il-produzzjoni tagħha, bħal ma ġara fil-passat meta l-SNN ħarġet offerti għall-kuntratt ta’ provvista ta’ UO2 tagħha. Dan huwa kkonfermat mit-tabella 1, li turi li mill-introduzzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, il-prezzijiet offruti mis-CNU dejjem kienu sinfikantement ogħla minn dawk offruti minn Cameco. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Liġi 193/2018 u d-dħul dovut għas-CNU fl-implimentazzjoni tagħha jipprovdu vantaġġ lis-CNU. |
|
(125) |
Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dħul mill-SNN għax-xiri ta’ UO2 mhuwiex ħieles minn għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix kontribuzzjoni proprja valida għall-kostijiet tar-ristrutturar skont il-punt 63 tal-Linji Gwida S&R. |
|
(126) |
Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat, ceteris paribus, x’kien ikun il-livell tal-kontribuzzjoni proprja tas-CNU f’każ li dak id-dħul mill-SNN għall-ipproċessar ma jibqax jitqies. Il-flussi tal-flus operatorji riżultanti huma ppreżentati fit-tabella 6 (32). |
Tabella 6
Riżultati finanzjarji attwali u proġettati tas-CNU
|
F’miljuni ta’ RON |
2017 |
2018 |
2019 (f) |
2020 (f) |
2021 (f) |
2022 (f) |
2023 (f) |
|
Fatturat |
84,1 |
37,8 |
12,9 |
15,4 |
16,5 |
16,9 |
17,4 |
|
(nefqa totali) |
66,0 |
44,0 |
2,7 |
3,2 |
3,1 |
2,8 |
3,0 |
|
Flussi tal-flus operatorji totali |
18,1 |
-6,2 |
10,1 |
12,2 |
13,4 |
14,1 |
14,4 |
|
(amortizzazzjoniijiet) |
|
14,6 |
11,3 |
11,3 |
11,3 |
11,3 |
11,3 |
|
(taxxi – preżunta rata tat-taxxa ta’ 16 % abbażi ta’ sottomissjonijiet mir-Rumanija) |
|
0,0 |
0,0 |
0,2 |
0,3 |
0,5 |
0,5 |
|
Profitt nett |
|
n.a. |
-1,2 |
0,8 |
1,7 |
2,4 |
2,6 |
|
Ekwità aġġustata |
|
115,2 (33) |
114,1 |
114,8 |
116,6 |
119,0 |
121,6 |
|
ROE (34) |
|
n.a. |
-1,0 % |
0,7 % |
1,5 % |
2,0 % |
2,2 % |
|
ROCE |
|
n.a. |
-0,8 % |
0,4 % |
1,3 % |
0,7 % |
0,9 % |
|
ROA |
|
n.a. |
-0,3 % |
0,2 % |
0,4 % |
0,4 % |
0,6 % |
|
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni bbażati fuq data fit-Tielet pjan ta’ ristrutturar. |
|||||||
|
(127) |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-kalkoli u l-użu tas-somma tal-flussi tal-flus operatorji matul l-2017-2023 kif għamlet ir-Rumanija, l-ammont massimu mingħajr għajnuna li s-CNU tista’ tikkontribwixxi għall-pjan huwa ta’ RON 76,2 miljun (EUR 16,1 miljun). Dan l-ammont jirrappreżenta 21,4 % biss tal-kostijiet ta’ ristrutturar ippjanati ta’ RON 365 miljun (EUR 77,0 miljun). Dan huwa ferm inqas mil-livell meħtieġ ta’ kontribuzzjoni proprja minima ta’ 50 %. F’dak ir-rigward, anki kieku wieħed kellu jassumi, għall-fini tal-argument, li s-CNU xorta tkun għadha kapaċi tbigħ lill-SNN jekk tallinja l-prezzijiet tagħha mal-prezz tas-suq, id-dħul operatorju dovut għas-CNU se jkollu jkun ipotetiku u ma jkunx stabbli u prevedibbli biżżejjed biex jirrappreżenta sors reali u effettiv ta’ kontribuzzjoni propja għall-kostijiet tar-ristrutturar. Għalhekk, id-dubji li l-Kummissjoni qajmet f’dak ir-rigward fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ għadhom hemm. |
|
(128) |
Skont il-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Linji Gwida S&R, il-benefiċjarji differenti kkonċernati kkontribwew b’finanzjament mingħajr għajnuna sa 73 % (35) ta’ dawn il-kostijiet u mhux inqas minn 44 % (36) tal-kostijiet tar-ristrutturar (skont l-Artikolu 107(3)a) u kif previst fil-punt 98 tal-Linji Gwida S&R f’żona megħjuna tista’ tiġi aċċettata kontribuzzjoni ta’ inqas minn 50 %). Il-Kummissjoni trid tenfasizza wkoll li n-natura strateġika tal-industrija nukleari ma kinitx raġuni biex jiġu llaxkati r-rekwiżiti dwar il-kontribuzzjoni proprja għal Areva, kompetitur potenzjali tas-CNU fejn il-kontribuzzjoni proprja kienet ta’ aktar minn 50 % (37). Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda raġuni valida biex titbiegħed mir-regoli u mill-prattika deċiżjonali tagħha fir-rigward tal-ammont minimu tal-kontribuzzjoni proprja għall-kostijiet tar-ristrutturar. |
|
(129) |
Barra minn hekk, ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni għall-punt imqajjem mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ tagħha (ara l-premessa 50) li r-Rumanija naqset milli tispjega l-għala l-profitti futuri huma sorsi attwali ta’ kontribuzzjoni proprja fid-dawl tal-punt 63 tal-Linji Gwida S&R, li jeskludi profitti futuri mistennija bħall-fluss tal-flus. |
|
(130) |
F’dak li jirrigwarda dħul ieħor minbarra dak mingħand l-SNN relatat mal-kuntratt ta’ provvista tal-UO2 tas-CNU, kieku dan id-dħul kien reali, fattwali u mingħajr għajnuna, li ma ntweriex mir-Rumanija, dan id-dħul kien fi kwalunkwe każ jirappreżenta biss massimu ta’ 21,4 % tal-kontribuzzjoni proprja (ara l-premessa (127)) u bil-bosta insuffiċjenti biex jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kontribuzzjoni proprja tal-Linji Gwida S&R. Il-Kummissjoni għalhekk ma għandhiex għalfejn tikkonkludi dwar jekk is-sorsi l-oħra ta’ kontribuzzjoni proprja kif ippreżentati mir-Rumanija humiex fattwali, reali u mingħajr għajnuna. |
4.3.3. Pjan ta’ ristrutturar u r-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul
|
(131) |
Skont il-punt 45 tal-Linji Gwida S&R, fil-każ ta’ għajnuna għar-ristrutturar, il-Kummissjoni teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat jissottometti pjan ta’ ristrutturar fattibbli, koerenti u estensiv sabiex il-benefiċjarju jerġa’ jibda jgawdi minn vijabbiltà fit-tul. Il-pjan ta’ ristrutturar għandu jreġġa’ lura l-vijabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi futuri li jenħtieġ li jeskludu kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat mhux koperta mill-pjan ta’ ristrutturar. Skont il-punt 48 tal-Linji Gwida S&R, il-pjan ta’ ristrutturar irid jidentifika x’qed jikkawża d-diffikultajiet tal-benefiċjarju u n-nuqqasijiet tal-benefiċjarju nnifsu, u juri kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti se jirrimedjaw il-problemi sottostanti tal-benefiċjarju. Skont il-punt 50, ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat jenħtieġ li jintwerew f’xenarju bażi kif ukoll f’xenarju pessimist (jew tal-agħar xenarju possibbli). Skont il-punt 52 tal-Linji Gwida S&R, il-vijabbiltà fit-tul tintlaħaq meta impriża tkun tista’ tagħti r-redditu adegwat previst fuq il-kapital wara li tkun kopriet il-kostijiet kollha tagħha inklużi d-deprezzament u l-imposti finanzjarji. |
|
(132) |
Din il-kundizzjoni ewlenija tal-Linji Gwida S&R għandha l-għan primarju li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-tul permezz ta’ injezzjonijiet ripetuti u mhux profitabbli ta’ flus pubbliċi f’kumpaniji f’diffikultà li ma jkunux jistgħu jerġgħu lura għal sitwazzjoni finanzjarja awtosostnuta u vijabbli fi żmien raġonevoli fil-futur. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li f’każijiet oħra li kienu jinvolvu l-industrija nukleari (38) n-natura strateġika tal-industrija ma kinitx raġuni biex jiġu llaxkati r-rekwiżiti f’termini ta’ akkuratezza u robustezza tal-pjan ta’ ristrutturar u f’termini ta’ probabbiltà ta’ ritorn għall-vijabbiltà fit-tul wara l-implimentazzjoni tal-pjan. |
4.3.3.1.
|
(133) |
Il-premessi 54 sa 61 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ qajmu dubji dwar jekk is-CNU tistax issir vijabbli mingħajr għajnuna kontinwa (is-sussidju operatorju) u jekk taħt suppożizzjonijiet realistiċi l-minjiera l-ġdida ppjanata kinitx se tkun profitabbli. B’reazzjoni għal dan, ir-Rumanija ssostni li s-CNU se ssir vijabbli fit-tul, u dan abbażi ta’ projezzjonijiet finanzjarji li juru fuq, għal medja bejn l-2018 u l-2023, redditu fuq l-ekwità (ROE) ta’ 14 % (11,4 % fl-2023) u redditu fuq il-kapital investit (ROCE) ta’ 12,9 % (13.6 % fl-2023). Madankollu, għar-raġunijiet mogħtija fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni tqis li l-vijabbiltà fit-tul tas-CNU ma ġietx ippruvata. |
|
(134) |
Il-Kummissjoni tinnota li fis-sottomissjoni tagħha, ir-Rumanija ma spjegatx għaliex il-previżjonijiet tal-fluss tal-flus tagħha ma kienux jidhru jinkludu la kostijiet operatorji u lanqas kostijiet ta’ investiment relatati mal-minjiera l-ġdida ppjanata f’Tulgheș-Grințieș. |
|
(135) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija (ara t-tabella 1), il-prezzijiet ippreżentati mis-CNU għall-forniment ta’ lottijiet ta’ 120 tunnellataU ta’ UO2 lill-SNN fuq perjodu ta’ sitt xhur bejn Diċembru 2015 u Awwissu 2018 kienu bejn 39 % u 99 % ogħla meta mqabbla mal-offerta ta’ Cameco. Fit-tielet pjan ta’ ristrutturar tagħha, ir-Rumanija ma ppreżentatx spjegazzjoni dettaljata u kwantifikata ta’ kif il-proċessi ta’ produzzjoni tas-CNU (kemm fis-segmenti tal-estrazzjoni minerarja kif ukoll tal-ipproċessar/raffinar) setgħu jsiru kompetittivi ma’ Cameco u b’hekk jerġgħu lura għall-vijabbiltà fit-tul fis-suq mingħajr aktar għajnuna mill-Istat fl-aħħar tal-perjodu ta’ ristrutturar. |
|
(136) |
Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ammont ta’ kostijiet operatorji preżunti mis-CNU fit-tielet pjan ta’ ristrutturar huwa fil-medda ta’ RON [50-70] miljun (EUR [10,5 – 14,8 miljun) fis-sena mill-2020. Dan l-ammont huwa bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal terz tan-nefqa annwali prevista fl-2023 (RON 196,8 miljun) (EUR 41,5 miljun) fl-ewwel pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mir-Rumanija (ara t-tabella 1). L-awtoritajiet Rumeni ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni ċara jew konvinċenti għal dan it-tnaqqis sinifikanti fil-kostijiet operatorji bejn dawn iż-żewġ pjanijiet: b’mod partikolari, fiż-żewġ pjanijiet, Crucea kienet se tkun spiċċuta għal kollox sal-2023; b’konsegwenza ta’ dan, l-għeluq ta’ din il-minjiera ma jidhirx li huwa r-raġuni għal dik id-differenza fil-kostijiet operatorji bejn iż-żewġ pjanijiet ta’ ristrutturar imsemmija hawn fuq. Għalhekk, il-kredibilità tas-suppożizzjonijiet relatati mal-kost operatorju ma ġietx stabbilita. |
|
(137) |
Barra minn hekk, ir-Rumanija bl-ebda mod ma spjegat is-suppożizzjonijiet sottostanti d-dħul preżunt fil-pjan ta’ ristrutturar tagħha mill-2021, bħas-suppożizzjonijiet f’termini ta’ taħlita għall-input tal-impjant ta’ Feldioara bejn l-U3O8 prodott internament u importat. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Rumeni ma ppreżentawx l-agħar xenarju possibbli kif previst fil-punt 50 tal-Linji Gwida S&R b’valutazzjoni dettaljata tar-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpanija anki taħt suppożizzjonijiet pessimistiċi. Fil-fatt l-awtoritajiet Rumeni sempliċiment ikkalkulaw l-ammont tal-flussi tal-flus operatorji kumulattivi li tqiesu li jikkostitwixxu l-kontribuzzjoni proprja fil-każ li l-kostijiet operatorji (jew inkella l-kostijiet ta’ investiment) jkunu ogħla b’aktar minn 25 % mingħajr ma ssostanzjaw ir-raġunament għal tali suppożizzjoni jew ivvalutaw fid-dettall l-impatt li dan se jkollu fuq ir-rapporti finanzjarji tas-CNU. |
|
(138) |
Barra minn hekk, ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-minjiera l-ġdida se tkun profitabbli, kif espressament mitlub fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Studju tal-fattibbiltà kkummissjonat minn konsulenza Rumena (Cepromin Deva) huwa mistenni sa Novembru 2019. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-istudju tal-2011 dwar il-minjiera tal-uranju, (ara l-premessa (72)), li l-Kummissjoni jiddispjaċiha li r-Rumanija ma setgħetx tipproduċi, anki kieku ċċensurat minħabba xi tħassib possibbli dwar is-sigurtà nazzjonali, huwa fi kwalunkwe każ obsolet u mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita l-profitabbiltà tal-minjiera l-ġdida. B’mod partikolari, ir-Rumanija ma ċaħditx l-osservazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta’ Ftuħ li l-kost tal-produzzjoni ppjanat tal-minjiera kien se jaqbeż bil-bosta l-prezz tas-suq internazzjonali tal-U3O8 (ara l-premessa (39)). Abbażi tal-istess sors speċjalizzat, il-Kummissjoni tosserva li l-prezzijiet tal-uranju għadhom f’livell baxx ta’ madwar UDS 25 (EUR 22,6) għal kull lb ta’ U3O8 (39), li huwa ferm inqas mill-kost tal-produzzjoni ta’ USD […] (EUR […]) għal kull lb ta’ U3O8 previst mir-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha. Ir-Rumanija spjegat li l-kostijiet tal-produzzjoni tal-minjiera l-ġdida tagħha jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk inizjalment previsti fil-pjan tagħha tal-2011 peress li fl-ewwel stadju l-estrazzjoni se ssir biss mill-wiċċ iżda naqset milli tispjega kif dawn jipparagunaw mal-prezzijiet tas-suq attwali u dawk previsti. Barra minn hekk, is-sussidju l-ġdid introdott fit-tielet pjan ta’ ristrutturar (ara l-premessa (57)) sabiex ikopri l-kostijiet tal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana juri li s-CNU ma warrbitx riżervi għar-restawr ambjentali ta’ dik il-minjiera. Fin-nuqqas ta’ studju għall-minjiera l-ġdida, ma hemm l-ebda possibbiltà li jiġi vverifikat jekk dawn il-kostijiet ġewx inklużi kif suppost għall-minjiera l-ġdida. L-istess jgħodd għall-kostijiet futuri l-oħra kollha tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-minjiera l-ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji dwar il-minjiera l-ġdida mqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma tneħħewx. |
4.3.3.2.
|
(139) |
L-ewwel u qabel kollox, il-Kummissjoni tqis li l-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet Rumeni ma jurux ir-ritorn tas-CNU għall-vijabbiltà peress li huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li s-CNU tikkontribwixxi b’mod sodisfaċenti għar-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħha. Kif spjegat hawn fuq, tabilħaqq il-Kummissjoni tqis li d-dħul mill-provvista monopolistika għall-provvista ta’ UO2 għall-SNN mhijiex ħielsa mill-għajnuna (ara l-premessa (125)). Minn dan isegwi li mingħajr għajnuna addizzjonali mill-Istat ma jistax ikun hemm ritorn għall-vijabbiltà fit-tul peress li taħt il-monopolju l-provvisti lill-SNN mhumiex ta’ żmien limitat u huma mistennija jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tad-dħul tas-CNU matul il-perjodu ta’ ristrutturar. Fil-prattika, kif muri fit-Tabella 5, minkejja n-nuqqasijiet fit-tielet pjan ta’ ristrutturar tar-Rumanija, fin-nuqqas ta’ dan is-sors ta’ dħul, is-CNU l-aktar l-aktar tiġġenera ROE ta’ 2,2 % u ROCE ta’ 0,9 % fl-2023. Dan ir-redditu ta’ 2,2 % huwa ħafna inqas mir-rata tas-suq attwali ta’ 5,0 % għal bond sovran Rumen b’maturità ta’ 10 snin; dan ir-redditu ta’ 2,2 % huwa wkoll ferm inqas mir-ROCE ta’ 7,5-8,5 % li r-Rumanija tqis li huwa remunerazzjoni adegwata għall-kapital f’din l-industrija, b’referenza għad-deċiżjoni dwar Paks II (ara l-premessa (65)). Il-parametru referenzjarju tar-ROCE li r-Rumanija tippreżenta jirrigwarda l-bini u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija nukleari, li jinvolvi riskji, kostijiet u remunerazzjonijiet li huma differenti minn dawk tal-provvista ta’ fjuwil nukleari. In-negozju tas-CNU jinvolvi komponent ta’ estrazzjoni minerarja espost għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u attività ta’ konverżjoni f’diossidu tal-uranju. Għalhekk, ROCE minimu fil-mira ta’ bejn 7 % u 8,4 % għas-CNU, li koinċidentalment huwa fl-istess ordni ta’ kobor bħall-medda fis-sottomissjoni tar-Rumanija, jista’ jkun referenza xierqa (40). Fi kwalunkwe każ, il-projjezzjonijiet tar-ROE u tar-ROCE tas-CNU fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar fl-2023 jibqgħu ferm taħt il-kostijiet tas-self ta’ 5 % tar-Rumanija jekk ma jitqiesx id-dħul mhux ħieles mill-għajnuna. Għalhekk is-CNU ma tistax titqies li se terġa’ lura għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr għajnuna ulterjuri. |
|
(140) |
Fuq bażi sussidjarja, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-vijabbiltà fit-tul tinbidilx f’każ li d-dħul mistenni fin-nuqqas ta’ monopolju jkun ibbażat fuq bejgħ bil-prezz tas-suq. Madankollu, kieku s-CNU kellha effettivament tbigħ u tirreġistra d-dħul għall-produzzjoni tal-UO2 bil-prezzijiet tas-suq, id-dħul riżultanti ma jippermettilhiex tilħaq vijabbiltà fit-tul. |
|
(141) |
Skont is-sottomissjonijiet tar-Rumanija, il-prezz attwali tal-bejgħ tal-UO2 huwa tabilħaqq ta’ 380 RON/kg (EUR 80/kg) (l-offerta ta’ Cameco datata Lulju 2018), u l-prezz tas-suq għall-U3O8 huwa ta’ 31,7 USD/lb (RON 350,4 għal kull kgU ta’ U3O8) fuq il-bażi ta’ medja storika ta’ sitt xhur. Bħala konsegwenza ta’ dan, xerrej fis-suq jaċċetta li jħallas lis-CNU għall-provvista ta’ UO2 abbażi ta’ U3O8 importat prezz tas-suq għall-UO2 (380,4 RON għal kull kgU) inqas il-prezz tas-suq għall-U3O8 (350,4 RON għal kull kgU) li huwa ta’ madwar 30 RON għal kull kgU. Id-dħul bil-prezz tas-suq xorta ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kostijiet tas-CNU għall-ipproċessar tal-U3O8 f’UO2 ([…]) RON/kg, inkluż marġini ta’ profitt ta’ 5 %). Tabilħaqq, prezz ogħla għall-UO2 ibbażat fuq U3O8 importat ma jkunx kompetittiv. |
|
(142) |
Bl-istess mod, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mir-Rumanija, is-CNU ma terġax lura għall-vijabbiltà fit-tul kieku kellha titħallas bil-prezz tas-suq għall-UO2 (380,4 RON għal kull kgU) mill-SNN għal offerta integrata ta’ UO2 ibbażata fuq ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat estratt internament: ir-Rumanija sostniet li l-kost tal-produzzjoni integrat tas-CNU huwa ta’ madwar […] RON/kgU abbażi tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana (41) li huwa ferm ogħla mill-prezz għall-UO2 ippreżentat minn Cameco. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-bejgħ mistenni (madwar 80 %) għall-provvista tal-UO2 abbażi ta’ U3O8 estratt internament mill-minjiera l-ġdida ppjanata tagħha jwassal għal telf. Fuq dik il-bażi, il-pjan ippreżentat mir-Rumanija ma jippermettix li jiġi konkluż li s-CNU tkun vijabbli fis-suq jekk tbigħ bi prezzijiet tas-suq. |
|
(143) |
Il-Kummissjoni vvalutat ukoll x’jiġri kieku s-CNU kellha tbigħ l-UO2 minn ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat mill-minjiera ppjanata l-ġdida tagħha lill-SNN bi prezz tas-suq (380,4 RON għal kull kgU). F’dan il-każ, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Rumeni (tabella 4), il-kost ta’ Feldioara jkun jirrappreżenta mill-inqas madwar RON […] miljun fis-sena, li jammonta għal RON […] għal kull kgU, jekk wieħed kellu jassumi b’mod ferm konservattiv, li l-produzzjoni b’kapaċità sħiħa tal-impjant ta’ […] tunnellataU ta’ UO2 fis-sena ma żżidx il-kostijiet. Wara li jiġu koperti l-kostijiet ta’ Feldioara u l-kost tal-funzjonijiet ċentrali (konservattivament preżunt l-istess ta’ RON […] miljun fis-sena), dan iħalli marġni massimu ta’ RON […] għal kull kgU ta’ UO2 għas-CNU biex tkopri l-kostijiet tal-minjiera (l-ġdida) u għall-ipproċessar tal-uranju f’ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat. Dan il-marġni huwa ħafna inqas mill-prezz attwali tas-suq ta’ RON 350 għal kull kgU ta’ U3O8. Dan huwa wkoll aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni ta’ RON […] għal kull kgU li r-Rumanija ppreżentat għall-minjiera l-ġdida f’Tulgheș-Grințieș (42). |
|
(144) |
It-Tabella 7 turi li s-CNU ma jirnexxilhiex tikseb il-vijabbiltà fit-tul kieku kellha tbigħ l-UO2 bil-prezz tas-suq skont il-pjan ta’ ristrutturar notifikat, anki bis-suppożizzjoni (ottimista) li l-kost tal-produzzjoni tal-minjiera l-ġdida (inkluża kopertura xierqa għar-responsabbiltajiet ambjentali futuri) ikun daqs il-prezz attwali tas-suq għall-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat (jiġifieri ta’ RON 350 għal kull kgU ta’ U3O8). Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ tal-UO2 bil-prezz tas-suq ikun inqas mill-kostijiet tal-produzzjoni tas-CNU. Għaldaqstant, ir-ROE, ir-ROA u r-ROCE tagħha jkunu kollha negattivi fit-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturar. Fuq dik il-bażi, anke bi provvisti mill-minjiera l-ġdida, it-tielet pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mir-Rumanija ma jippermettix li jiġi konkluż li s-CNU tkun vijabbli fis-suq jekk tbigħ bi prezzijiet tas-suq. Tabella 7 Riżultati finanzjarji attwali u proġettati tas-CNU (bejgħ tal-UO2 bil-prezz tas-suq)
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
4.3.4. Evitar ta’ effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ
|
(145) |
Skont il-punt 76 u skont il-Linji Gwida S&R, meta tingħata għajnuna għar-ristrutturar, iridu jittieħdu miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sabiex l-effetti negattivi fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ jiġu minimizzati kemm jista’ jkun u l-effetti pożittivi jegħlbu kwalunkwe effett negattiv. B’mod partikolari, il-miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġeneralment jieħdu l-forma ta’ miżuri strutturali, jiġifieri żvestimenti ċari ta’ attivitajiet vijabbli, u mhux il-forma ta’ żvestimenti ta’ attivitajiet li jagħmlu t-telf li xorta waħda jkollhom jiġu abbandunati biex tiġi ppreservata l-vijabbiltà. |
|
(146) |
Il-loġika wara din il-kundizzjoni hija li f’ċirkostanzi normali tas-suq, jekk il-kumpanija ma tingħatax l-għajnuna, tispiċċa tfalli jew tiġi akkwiżita. Dan iwassal għal opportunitajiet ta’ tkabbir tas-suq u/jew estern għall-kompetituri tagħha. Għalhekk, il-benefiċjarju, għalkemm ikun kiseb l-għajnuna, għandu b’xi mod jikkumpensa parzjalment għall-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni li joħloq. Minbarra r-rekwiżit li l-għajnuna tikkontribwixxi għal objettiv ta’ interess komuni, ir-rekwiżit għal miżuri ta’ kumpens iservi wkoll ta’ deterrent għall-impriżi u jgħin biex jiġi evitat periklu morali mal-azzjonisti tal-kumpaniji li jirrikorru għand l-Istat meta jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet filwaqt li jirreġistraw il-qligħ meta jkunu qed jagħmlu profitt. |
|
(147) |
F’dan ir-rigward, kif ippreżentat fil-qosor fil-premessa (78) sa (82), ir-Rumanija l-ewwel issostni li meta mqabbel mal-pjan ta’ ristrutturar inizjali, it-tielet pjan ta’ ristrutturar inaqqas l-għajnuna mill-Istat lis-CNU b’aktar minn 60 %. Il-Kummissjoni tinnota li kif ġie konkluż fil-premessa (125), fit-tielet pjan ta’ ristrutturar, id-dħul mill-kuntratt tal-UO2 bejn is-CNU u l-SNN (konkluż abbażi tal-Liġi 193/2018), u li jammonta għal aktar minn RON 250 miljun (EUR 52,7 miljun) (matul il-perjodu ta’ ristrutturar skont l-istimi tar-Rumanija), ma jistax jitqies bħala ħieles mill-għajnuna. Għalhekk, dan l-ammont irid jiżdied mal-għajnuna ta’ RON 178,3 miljun (EUR 37,6 miljun), biex b’hekk l-ammont totali ta’ għajnuna jlaħħaq RON 428,3 miljun (EUR 90,3 miljun). Dan l-ammont jirrappreżenta 97,2 % tal-ammont totali ta’ għajnuna ppreżentat mir-Rumanija fil-pjan ta’ ristrutturar inizjali tagħha (RON 440,8 miljun jew EUR 93,0 miljun). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-intensità tal-għajnuna hija kważi l-istess u ma naqsitx b’60 % kif ippreżentat mir-Rumanija. |
|
(148) |
Barra minn hekk ir-Rumanija sempliċiment tirrepeti l-argumenti diġà ppreżentati u li dwarhom il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (ara l-premessi 62 sa 68). Ir-Rumanija ssostni li la hemm bżonn ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali, u lanqas huma possibbli minħabba li d-daqs tas-CNU huwa negliġibbli u n-nuqqas ta’ fornitur alternattiv ibbażat fl-UE bbażat fuq it-teknoloġija CANDU jagħmel l-impatt tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni ineżistenti. Allegatament, kwalunkwe żvestiment jipperikola l-vijabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar. |
|
(149) |
Madankollu, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata fil-premessa (21) sa (23) u vvalutata fit-taqsima 4.1.4, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm kompetizzjoni attwali u potenzjali minn kumpaniji Ewropej għall-provvista tal-ossidu tal-uranju konċentrat u mhux raffinat u li hemm ukoll kompetizzjoni potenzjali għall-attività ta’ konverżjoni. |
|
(150) |
Fir-rigward tal-argument imressaq mir-Rumanija li kwalunkwe żvestiment jipperikola l-vijabbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni tinnota li fil-kawża Areva (44), Areva ċediet in-negozju tagħha fil-qasam tar-reatturi (New Areva NP) lill-fornitur Franċiż eżistenti tal-enerġija l-EDF. Din l-attività kienet tirrappreżenta terz tal-assi ta’ Areva u ġġenerat aktar minn 50 % tad-dħul tagħha qabel ir-ristrutturar (45). Il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija ma ppreżentat l-ebda pjan alternattiv inkluż żvestiment ta’ xi attività tas-CNU bħal pereżempju li s-CNU tiffoka fuq is-segment tal-estrazzjoni, filwaqt li ċċedi l-attività ta’ pproċessar/raffinar tagħha fuq bażi ta’ negozju avvjat bħala negozju awtonomu. |
|
(151) |
Fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata fil-premessa (147) sa (150) hawn fuq, jidher li: (i) hemm kompetizzjoni attwali fir-rigward tal-attività ta’ estrazzjoni tal-uranju, (ii) hemm il-potenzjal li tinħoloq aktar kompetizzjoni fir-rigward tal-attività tal-ipproċessar u r-raffinar tal-uranju u (iii) ir-Rumanija mhi tipproponi l-ebda miżura ta’ kumpens strutturali għas-CNU. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kumpens strutturali ma jissodisfax il-kriterji tal-miżuri sabiex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kif stabbilit fil-punt 76 u dawk segwenti tal-Linji Gwida S&R. |
4.4. Konklużjoni finali dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar mas-suq intern
|
(152) |
Fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self, skont il-punt 55(d) tal-Linji Gwida S&R, ir-Rumanija impenjat ruħha li tissottometti, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ jew l-iżborż tal-ewwel pagament parzjali (il-premessa 42 tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ), jew prova li s-self ikun ġie rimborżat, jew inkella pjan ta’ ristrutturar validu, jew pjan ta’ likwidazzjoni li jistabbilixxi b’mod sostanzjat il-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni tas-CNU f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, mingħajr għajnuna ulterjuri. Ir-Rumanija ma rrispettatx dan l-impenn, billi (i) is-self ta’ salvataġġ ma ġiex rimborżat u (ii) ir-Rumanija ġiet infurmata li l-pjan ta’ ristrutturar (ippreżentat mir-Rumanija f’Ġunju 2017 u emendat bl-aħħar verżjoni f’April 2019) ma jiżgurax kontribuzzjoni proprja tas-CNU għall-pjan ta’ ristrutturar, u lanqas ritorn tas-CNU għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr għajnuna ulterjuri fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, u lanqas miżuri ta’ kumpens adegwati. |
|
(153) |
Minn dan ta’ hawn fuq il-Kummissjoni tikkonkludi li (i) il-konverżjoni (permezz ta’ tħassir tad-dejn) tas-self ta’ salvataġġ fit-tul f’għajnuna għar-ristrutturar ta’ RON 60,4 miljun (EUR 12,7 miljun) u (ii) it-tliet għotjiet mill-Istat li jammontaw għal RON 117,9 miljun (EUR 24,9 miljun) lis-CNU mhumiex kompatibbli mas-suq intern. |
5. OQSMA TA’ APPLIKAZZJONI TAT-TRATTAT EURATOM
|
(154) |
Il-Kummissjoni tieħu wkoll kont dovut tal-fatt li s-CNU hija attiva fl-oqsma koperti mit-Trattat Euratom. It-Trattat Euratom stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u jispeċifika l-istrumenti neċessarji u jalloka r-responsabbiltajiet bil-għan li jintlaħqu l-objettivi li jinkludu s-sikurezza nukleari, l-indipendenza enerġetika kif ukoll id-diversità u s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija (46). |
|
(155) |
L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (ESA) stabbilita bl-Artikolu 52 tat-Trattat Euratom twaqqfet biex tiġi żgurata provvista regolari u ekwa ta’ fjuwils nukleari għall-utenti Ewropej f’konformità mal-objettivi tal-Artikolu 2(d). Biex twettaq dan il-kompitu, l-ESA tapplika politika ta’ provvista bbażata fuq il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għall-minerali u għall-karburanti nukleari għall-utenti kollha u l-ESA għandha dritt ta’ għażla fuq il-materjali prodotti fil-Komunità u dritt esklussiv li tikkonkludi kuntratti li għandhom x’jaqsmu mal-forniment ta’ minerali u ta’ fjuwils nukleari |
|
(156) |
Skont l-Artikolu 67 tat-Trattat Euratom, “Salvi l-eċċezzjonijiet previsti f’dan it-Trattat, il-prezzijiet għandhom ikunu riżultat tal-konfront bejn l-offerta u d-domanda, skont id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60; Stati Membri ma jistgħux, permezz ta’ regolamenti nazzjonali, jiksru dawn id-disposizzjonijiet”. Skont il-proċedura simplifikata, stabbilita bl-Artikolu 5bis tar-Regolament dwar l-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (47), l-ESA qed teżerċita d-dritt ta’ għażla tagħha u d-dritt tagħha li tikkonkludi kuntratti permezz ta’ kuntratt trilaterali uniku bejn il-produttur, l-ESA u l-utent. |
|
(157) |
F’dan il-każ, l-ESA hija parti għal kull kuntratt bejn is-CNU u l-SNN u kif speċifikat fil-premessa (156), ma hija marbuta b’ebda att legali Rumen meta tivvaluta l-ordnijiet ta’ xiri. |
|
(158) |
Is-sistema għar-regolamentazzjoni tal-provvisti tistabbilixxi biss il-prinċipju ta’ preferenza għall-utenti Komunitarji, skont l-Artikolu 2(d) tat-Trattat Euratom, u ma tiggarantixxix id-disponiment tal-produzzjoni Komunitarja ta’ materjali nukleari. Barra minn hekk, it-Trattat Euratom jipprovdi għal sistema li teħtieġ li l-prezzijiet jiġu determinati permezz ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali (48). |
|
(159) |
F’deċiżjonijiet preċedenti dwar l-għajnuna mill-Istat il-Kummissjoni rrikonoxxew li l-promozzjoni ta’ settur tal-enerġija nukleari ta’ suċċess hija objettiv fundamentali tat-Trattat Euratom, u għalhekk anke tal-Unjoni Ewropea (49). Mingħajr preġudizzju għall-konformità tal-provvisti mis-CNU għall-SNN regolati bil-Liġi 193/2018 u d-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din id-deċiżjoni jista’ jkollha impatt fuq xi wħud mill-obbligi tar-Rumanija skont it-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-uranju u s-sigurtà tal-provvista, speċjalment kieku s-CNU kellha tieqaf topera. |
|
(160) |
Fil-kuntest jew bħala segwitu għall-proċedimenti attwali skont it-TFUE, ir-Rumanija tista’ tippjana li tadotta miżuri li jiżguraw li tilħaq l-objettivi tat-Trattat Euratom fir-rigward tas-sikurezza tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tal-uranju u s-sigurtà tal-provvista, pereżempju, billi tippreserva l-kapaċità li jiġi garantit li l-impjant ta’ Feldioara, kemm jekk jibqa’ proprjetà tas-CNU u jibqa’ jiġi operat minnu kif ukoll jekk le, jibqa’ kapaċi jipproduċi l-UO2 għar-reatturi CANDU tal-SNN. Madankollu, tali miżuri f’dak il-kuntest ma jistgħux ipoġġu f’dubju, inaqqsu bla bżonn il-kamp ta’ applikazzjoni jew idewmu l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe obbligu ta’ rkupru li jirriżulta mill-proċedimenti preżenti u jenħtieġ li jkunu neċessarji, proporzjonati, raġonevoli u għal żmien u kamp ta’ applikazzjoni limitat għal dak li huwa indispensabbli biex tiġi ppreservata s-sikurezza u s-sigurtà tal-provvista. Fl-infurzar ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tkun infurmata minn qabel u tkun f’pożizzjoni li tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfati. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni hija ġeneralment mingħajr preġudizzju għal tali miżuri. |
6. IRKUPRU
|
(161) |
Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (50). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi għajnuna li l-Kummissjoni tkun qieset bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni kif kienet teżisti qabel (51). |
|
(162) |
F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b’hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet restawrata s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna (52). |
|
(163) |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (53) jgħid li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju [… ]” . |
|
(164) |
Għalhekk, l-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self fit-tul - li saret illegali mill-mument li l-għajnuna għas-salvataġġ ma tħallsitx fi żmien sitt xhur wara l-għoti u/jew l-iżborż tagħha - ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, u trid titqies bħala għajnuna illegali u inkompatibbli. Is-self irid jiġi rkuprat sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ingħatat. Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament 2015/1589, l-irkupru jenħtieġ ikopri ż-żmien minn meta l-benefiċjarju ngħata l-vantaġġ, jiġifieri meta l-għajnuna fil-forma ta’ kapital ta’ self tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju b’mod illegali, sal-irkupru effettiv tagħha. Barra minn hekk, is-somma li trid tiġi rkuprata jenħtieġ li tinkludi l-imgħax sakemm tiġi effettivament irkuprata. L-imgħax ta’ rkupru huwa distint mill-imgħax kuntrattwali jew minn ammonti oħra relatati mas-self ta’ salvataġġ dovut minn CNU lill-Istat abbażi ta’ ftehimiet kuntrattwali, li għalhekk jenħtieġ jiżdied mal-ammont tal-kapital tal-għajnuna. Bil-ħlas tal-imgħax ta’ rkupru, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mid-disponibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, mingħajr ħlas, mid-data minn meta tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sakemm titħallas lura (54). L-imgħax ta’ rkupru jenħtieġ jiġi kkalkulat skont ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 (55). |
|
(165) |
Il-Kummissjoni tieħu nota tad-diskussjonijiet reċenti mar-Rumanija fejn ma ġiex eskluż l-istralċ tas-CNU fuq ordni ta’ rkupru relatat mas-self ta’ salvataġġ u li l-assi tagħha jinbiegħu sabiex tonora l-obbligazzjonijiet tagħha, inklużi dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-irkupru impost fuq ir-Rumanija bħala riżultat ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(166) |
Il-fatt li s-CNU tista’ titqiegħed taħt proċedura ta’ insolvenza u ma tkunx tista’ tħallas lura l-għajnuna ma jikkostitwixxix raġuni valida biex din tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tħallas lura l-għajnuna (56). F’dan il-każ, ir-restawr tas-sitwazzjoni kif kienet qabel l-għoti tal-għajnuna u t-tneħħija tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jistgħu jinkisbu billi l-obbligazzjoni relatata mal-għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ self tiġi reġistrata fl-iskeda tal-obbligazzjonijiet bħala parti minn proċedura ta’ insolvenza sorveljata mill-qorti. F’każ li r-Rumanija ma tkunx tista’ tirkupra l-ammont sħiħ, il-proċedimenti jneħtieġ li jwasslu għall-waqfien definittiv tal-attivitajiet tas-CNU (57). |
7. KONKLUŻJONI
|
(167) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi l-għajnuna għas-salvataġġ li r-Rumanija tat lis-CNU fil-forma ta’ self fit-tul hija għajnuna illegali mill-Istat, li hija inkompatibbli mas-suq intern u li għandha tiġi rkuprata u mhux mħassra, kif ir-Rumanija qed tippjana li tagħmel. Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-għajnuna għar-ristrutturar addizzjonali ppjanata fil-forma ta’ tliet għotjiet relatati mal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana, il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș u għall-modernizzazzjoni tal-impjant ta’ Feldioara, li tammonta għal RON 117,9 miljun hija wkoll inkompatibbli mas-suq intern u ma għandhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tas-CNU. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota li r-Rumanija ma għadhiex qed tippjana li timplimenta xi miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturar inizjalment notifikati li dwarhom qajmet dubji. |
|
(168) |
Fi proċedimenti separati fil-futur il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk id-dħul favur is-CNU fl-implimentazzjoni tal-Liġi 193/2018 kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni tal-Gvern 126/2019 jinvolvix għajnuna illegali mill-Istat, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li r-Rumanija qed tippjana li timplimenta għal Compania Națională a Uraniului SA, fil-forma ta’ tħassir tas-self mogħti skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 u tliet għotjiet mill-Istat relatati mal-għeluq tal-minjiera ta’ Crucea-Botușana, il-ftuħ tal-minjiera l-ġdida ta’ Tulgheș-Grințieș u l-modernizzazzjoni tal-impjant ta’ Feldioara, li jammontaw għal RON 178,3 miljun, hija inkompatibbli mas-suq intern.
Għalhekk il-miżuri ta’ għajnuna ma għandhomx jiġu implimentati.
Artikolu 2
Wara li r-Rumanija rtirat il-pjanijiet tagħha, il-proċedimenti fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat notifikata mir-Rumanija fil-forma ta’ għotja ta’ RON 75,5 miljun, sussidju operatorju ta’ RON 213-il miljun u konverżjoni tad-dejn ta’ Compania Națională a Uraniului SA mit-30 ta’ Marzu 2017 ta’ RON 13,3 miljun, f’ishma miżmuma mill-Istat Rumen tilfu l-iskop tagħhom.
Artikolu 3
Is-self li jammonta għal RON 62 miljun, li ngħata favur il-Compania Națională a Uraniului, skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 u l-imgħax (is-self ta’ salvataġġ) li ma tħallasx lura wara sitt xhur, jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat mogħtija mir-Rumanija, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u huwa inkompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 4
1. Ir-Rumanija għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli, imsemmija fl-Artikolu 3 mingħand il-benefiċjarju.
2. Is-somma effettiva li għandha tiġi rkuprata għandha tkun ugwali għall-ammont tas-self ta’ salvataġġ effettivament imħallas, jiġifieri ta’ RON 60 367 550,53, lill-benefiċjarju u li ma tħallasx lura minn dan tal-aħħar lill-Istat Rumen, kif ukoll l-imgħax kuntrattwali korrispondenti li kellu jiġi debitat mill-iżborż tas-self ta’ salvataġġ. Is-somma li għandha tiġi rkuprata għandha ġġorr imgħax ta’ rkupru mid-data li fiha l-għajnuna saret illegali sal-irkupru effettiv tagħha.
3. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (58).
4. Ir-Rumanija għandha tikkanċella l-ħlasijiet kollha tal-ammont pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
Artikolu 5
1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 għandu jkun immedjat u effettiv, mingħajr preġudizzju għal miżuri xierqa li r-Rumanija tista’ tadotta bil-għan li tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-Trattat Euratom, sakemm dawn il-miżuri jkunu proporzjonati, raġonevoli, u ta’ żmien limitat.
2. Ir-Rumanija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 6
1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:
|
(a) |
l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxijiet ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju; |
|
(b) |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni; |
|
(c) |
dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna. |
2. Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna kollha msemmija fl-Artikolu 3. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2020.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(2) F’din id-deċiżjoni qed tintuża r-rata tal-kambju tas-17.9.2019: 1 RON = 0,211 EUR u, fejn applikabbli, 1 RON = 0,233 USD u 1 USD = 0,906 EUR. Iċ-ċifri dwar muniti minbarra r-RON huma pprovduti għal skopijiet ta’ informazzjoni biss.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30.9.2016, SA. 46312 (2016/N) – Ir-Rumanija Għajnuna mill-Istat għall-Compania Naționaăl a Uraniului SA (ĠU C 236, 6.7.2018, p. 6).
(4) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).
(5) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8.5.2018, SA.48394 (2017/N) - Ristrutturar tal-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (Companiei Nationale a Uraniului CNU) (ĠU C 236, 6.7.2018, p. 6.)
(6) Ara l-Artikoli ta’ Inkorporazzjoni tal-SNN disponibbli fuq http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2014/08/engl-act-const1.pdf
(*) Informazzjoni kunfidenzjali.
(7) Informazzjoni miksuba minn https://www.wise-uranium.org/upeur.html fit-23 ta’ Settembru 2019.
(8) Il-punt 12.2 tas-sottomissjoni tar-referenzi tal-awtoritajiet Rumeni bħala Anness għall-Ittra Nru 121321/DV/8.12.2018
(9) https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/groupe/publications-reference/rapport_tsn_malvesi_2018.pdf, il-paġna 13.
(10) Is-self bħala għajnuna għas-salvataġġ ingħata fil-5 ta’ Ottubru 2016 mill-Istat Rumen permezz tar-rappreżentant tiegħu, il-Ministeru tal-Enerġija, skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 65/2016 li jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ għajnuna legali individwali sabiex tiġi salvata l-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju (Il-Gazzetta Uffiċjali Nru. 801 tal-11 ta’ Ottubru 2016). Is-self ta’ salvataġġ kien b’imgħax kuntrattwali b’rata ta’ 6,92 % u ngħata f’żewġ partijiet: RON 47,2 miljun fil-5 ta’ Novembru 2016 u sussegwentement RON 13 167 550,53 fit-30 ta’ Marzu 2017. Ir-rata tal-imgħax ġiet aġġustata minn 6,92 % għal 11,08 % fid-19 ta’ Lulju 2017. Sors: www.cdep.ro/interpel/2018/r1405B.pdf
(11) Formola tan-Notifika Parti III.B, il-punt 5.1.B
(12) Madwar USD 120 għal kull kgU jew USD 46 għal kull lb ta’ U3O8, abbażi ta’ 1 kgU = 2,59979 lbs ta’ U3O8 skont is-sit web speċjalizzat: http://www.uranium.info/unit_conversion_table.php.
(13) Informazzjoni miksuba minn https://www.uxc.com/p/prices/UxCPrices.aspx fit-22 ta’ Marzu 2018.
(14) Is-sottomissjoni tar-Rumanija tad-19 ta’ April 2019, il-Kapitolu IV.3. Il-Pjan ta’ Ristrutturar, il-punt (iv)
(15) Is-sottomissjoni tar-Rumanija tad-19 ta’ April 2019, il-Kapitolu IV.3. Il-Pjan ta’ Ristrutturar, il-punt (iv)
(16) Il-Liġi Nru 193/2018 adottata fid-19 ta’ Lulju 2018 u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 640 tat-23 ta’ Lulju 2018.
(17) Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 126/2019 għall-approvazzjoni tal-kriterji u tal-modalitajiet għall-istabbiliment u l-aġġustament tal-prezzijiet regolati relatati mas-servizzi ta’ kwalifikazzjoni, ħżin u pproċessar tal-ossidu tal-uranju, kif ukoll il-prezz tad-diossidu tal-uranju pprovdut mill-Kumpanija Nazzjonali tal-Uranju - S.A. fit-territorju tar-Rumanija, adottata fil-5 ta’ Marzu 2019 u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali fis-6 ta’ Marzu 2019.
(18) Ara l-ħolqa għall-artikolu fuq: https://www.focus-energetic.ro/nuclearelectrica-incheie-iar-contract-cu-cnu-pentru-uraniu-54071.html. Ara wkoll in-Nota fuq paġna 36 li ssemmi l-kwantitajiet għaż-żewġ kuntratti ta’ provvista konklużi kemm ma’ Cameco kif ukoll mas-CNU fir-rapport annwali tas-SNN għall-2018: http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2019/02/SNN_RO_Raport-Anual-CA-2018.pdf. Dan il-kuntratt fiss segwa l-offerta magħmula mis-CNU għal kwantità ogħla u prezz tal-offerta inizjali 99 % ogħla minn ta’ Cameco kif imsemmi fir-ringiela 6 tat-Tabella 1.
(19) L-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni tal-Gvern jipprovdi li “ it-tnaqqis fil-kostijiet li rriżulta mż-żieda fl-effiċjenza tal-attività tas-CNU u ċċertifikat bħala tali mill-awditur indipendenti […] se jinqasam kif ġej: 50 % tal-ammont se jkun rikonoxxut fil-prezz bħala żieda fil-profitt, filwaqt li 50 % se jikkonsisti fi tnaqqis fil-prezz.”
(20) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6.3.2017, SA.38454 (2015/C) - Għajnuna possibbli għall-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks, ĠU L/317/1.12.2017,. p. 45
(21) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.1.2017, SA 44727 (2016/C) Għajnuna għar-ristrutturar lil Areva, ĠU L/155/17.6.2017, p. 23, il-premessa 231.
(22) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015 Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P EU:C:2015:362, il-paragrafu 60.
(23) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1996, SFEI et, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-punt 60; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-punt 41.
(24) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tat-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, il-Kawża 730/79, EU:C:1980:209, il-punt.11; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring SA vs Agence centrale des organismes de sécurité sociale (ACOSS), il-Kawża C-53/00, EU:C:2001:627, il-punt.21; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-372/97, EU:C:2004:234, il-punt.44.
(25) Il-Kawża T-214/95 Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1998:77.
(26) Informazzjoni miksuba minn https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/groupe/publications-reference/rapport_tsn_malvesi_2018.pdf, p. 13, ikkonsultata fit-23 ta’ Settembru 2019.
(27) Is-CNU, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha tal-31 ta’ Diċembru 2015, kellha ekwità negattiva u kienet tissodisfa l-kriterji skont il-liġi Rumena biex titqiegħed fi proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha.
(28) Il-Kawża C-482/99 Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] Ġabra I-4397.
(29) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20.4.2015 dwar Għajnuna inkompatibbli permezz ta’ tariffi preferenzjali f’kuntratti bejn Hidroelectrica S.A. u l-bejjiegħa tat-termoelettriku (SA.33 475 (2012/C)), il-premessi 12 u 92 sa 100, ĠU, L 275, 20.10.2015, p. 46 20.10.2015, p. 46. F’dak il-każ, il-prezzijiet tal-bejgħ kienu bbażati fuq kostijiet determinati mir-Regolatur tal-Enerġija u l-kuntratti kienu jippermettu lill-bejjiegħa, li ma setgħux isibu xerrejja bi prezzijiet tas-suq ibiegħu parti mill-produzzjoni tagħhom lil Hidroelectrica bi prezz ferm ogħla mill-prezzijiet tas-suq.
(30) Ara: L-aħħar rapport tal-SNN fit-taqsima tar-“rapporti annwali” tas-sit web uffiċjali tagħha: 2016 Rapport annwali miksub fit-30.7.2019, il-paġni 88 sa 96 - http://www.nuclearelectrica.ro/wp-content/uploads/2018/01/Raport-Anual-CA-2016-Final-ENGLEZA1.pdf
(31) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015 Il-Kummissjoni vs MOL, C-15/14 P EU:C:2015:362, il-punt 60.
(32) Sabiex jerġgħu jiġu kkalkulati mill-ġdid il-flussi tal-flus operatorji, saru diversi suppożizzjonijiet dwar id-dħul u l-kostijiet kif ippreżentati mir-Rumanija (Tabella 4). L-ewwel nett, fir-rigward tad-dħul, ġie preżunt li mill-2019 is-CNU mhijiex se tkompli tirċievi d-dħul marbut mal-kuntratt tal-UO2 mal-SNN; id-dħul mill-2017 u mill-2018 kien qabel daħlet fis-seħħ il-liġi 193/2018. It-tieni, il-kalkoli jassumu b’mod konservattiv li s-CNU ser tassumi biss perċentwal tal-kostijiet relatati mal-impjant ta’ Feldioara li jikkorrispondi għall-perċentwal tad-dħul iġġenerat mill-kuntratt tar-ruttam meta mqabbel mad-dħul totali ġġenerat mill-kuntratt tar-ruttam u tal-UO2 għall-SNN mill-2019. Lanqas il-kostijiet operatorji tal-minjiera eżistenti ta’ Crucea-Botușana mill-2019 ma huma qed jiġu kkunsidrati, meta wieħed iqis li jekk is-CNU ma jkollhiex bżonn tipproduċi l-U3O8 biex tforni l-UO2 din tispiċċa teħles mill-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kostijiet. Bħala riżultat ta’ dan, dawn il-flussi ta’ flus operatorji jikkostitwixxu massimu fin-nuqqas ta’ kuntratt tal-UO2 mal-SNN fid-dawl tas-suppożizzjonijiet konservattivi dwar il-livell tat-tnaqqis fid-dħul u tat-tnaqqis fil-kostijiet: it-tnaqqis fil-kostijiet jista’ jkun inqas, pereżempju kieku s-CNU kellha tibqa’ tipproduċi l-U3O8 pereżempju biex tistabbilixxi stokk intern, minkejja n-nuqqas ta’ kuntratt tal-UO2 mal-SNN.
(33) Fuq il-bażi ta’ sottomissjoni mill-awtoritajiet tar-Rumanija (RON 41,3 miljun ta’ “kapital azzjonarju” u RON 73,9 miljun ta’ “riżervi oħra”)
(34) Ir-ROE, ir-ROCE u r-ROA ġew ikkalkulati, skont il-metodoloġija segwita mill-awtoritajiet Rumeni għas-sena finanzjarja 2018 fis-sottomissjoni tagħhom datata d-19 ta’ April 2019 (anness 14), bid-diviżjoni tal-profitt nett bil-“kapital azzjonarju” miżjud b’“riżervi oħra”. Il-profitti kumulattivi ġew ikkunsidrati sabiex tiġi kkalkulata ekwità aġġustata għal kull sena tal-perjodu ta’ ristrutturar.
(35) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25.6.2018, SA.49214 (2017/N) - Għajnuna għar-ristrutturar lil Semenarna Ljubljana d.o.o., ĠU C 339/21.9.2018, p. 1.
(36) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12.5.2016, SA.40419 (2015/NN) - Għajnuna għar-ristrutturar lil Polzela d.d., ĠU C/258/15.7.2016, p. 1.
(37) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10.1.2017, SA 44727 (2016/C) Għajnuna għar-ristrutturar lil Areva, ĠU L/155/17.6.2017, p. 23.
(38) Ara n-nota 42 f’qiegħ il-paġna
(39) Data mill-20 ta’ Lulju 2019 miksuba minn https://www.uxc. com
(40) Fl-2018, il-kost ponderat tal-kapital wara t-taxxa ta’ Orano fuq l-estrazzjoni tal-uranju kien bejn 7,65 % u 11,6 % u ta’ 6,7 % f’attivitajiet sussegwenti ta’ raffinar u ta’ pproċessar. Il-piżijiet relattivi tal-kostijiet tal-estrazzjoni minerarja u tar-raffinar u tal-ipproċessar għas-CNU fl-2019 huma ta’ 34 % u ta’ 66 % rispettivament (ara t-tabella 5), li jwasslu għal kost “komprensiv” ponderat tal-kapital wara t-taxxa ta’ bejn 7 % u 8,4 %, jekk il-kost kapitali ta’ Orano kellu jiġi stabbilit bħala r-ROCE fil-mira għas-CNU. Dan ikun konservattiv. Ir-ROCE minimu fil-mira jenħtieġ li jkun ogħla minn kost ponderat tal-kapital wara t-taxxa peress li remunerazzjoni aċċettabbli trid dejjem tkopri l-kostijiet tas-self u remunerazzjoni xierqa tal-azzjonisti. Kontijiet konsolidati ta’ Orano 31.12.2018, p. 46 disponibbli fuq: https://www.orano.group/docs/default-source/orano-doc/finance/publications-financieres-et-reglementees/2018/resultats-annuels-2018/orano_comptes..
(41) L-Anness 11 tat-tieni pjan ta’ ristrutturar.
(42) Ara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ il-premessa 25. Ir-Rumanija ma ppreżentatx stimi ġodda motivati tal-kostijiet.
(43) Ikkalkulat fuq il-bażi ta’ ekwità aġġustata ta’ RON 115-il miljun (suppożizzjoni pprovduta għall-2018 mill-awtoritajiet Rumeni fit-tielet pjan ta’ ristrutturar notifikat); ir-ROCE u r-ROA ġew ikkalkulati bid-diviżjoni tal-profitt nett bl-istess aggregat rilevanti li dak iż-żmien kien fit-Tabella 6.
(44) Ara n-nota 42 f’qiegħ il-paġna
(45) Ara l-premessa (333) tad-deċiżjoni finali kif imsemmija fin-nota 42 f’qiegħ il-paġna
(46) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 1, 2 u 52 tat-Trattat Euratom.
(47) Ara r-Regolament tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jemenda r-regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-5 ta’ Mejju 1960 li jiddeterminaw il-mod li bih it-talbiet għandhom jiġu bilanċjati kontra l-provvista ta’ minerali, materjali li huma għejun u materjali fissili speċjali, ĠU L 193 tal-25 ta’ Lulju 1975, p. 37.
(48) Ara, ENU vs Il-Kummissjoni, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, C-357/95 P EU:C:1997:144, fejn il-Qorti indikat li jista’ jkun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw derogi mill-mekkaniżmu ta’ pprezzar stabbilit fit-Trattat. L-eżempju pprovdut huwa “l-eżistenza ta’ theddida jew theddida possibbli għall-objettiv fundamentali ta’ provvista regolari u ekwa ta’ minerali u ta’ fjuwils nukleari” (il-punt 47).
(49) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/407/KE tat-22 ta’ Settembru 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta għal British Energy plc (ĠU L 142, 6.6.2005, p. 26), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU L 109, 28.4.2015, p. 44).
(50) Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ECLI:EU:C:1973:87, il-punt 13.
(51) Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1994:325, il-punt 75.
(52) Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1999:311, il-punt 64 u 65.
(53) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(54) Ara l-Kawża T-459/93 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:T:1995:100, il-punti 97-101
(55) Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004, ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, kif emendat.
(56) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, ECLI:EU:C:2004:238, il-punt 85; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-52/84, ECLI:EU:C:1986:3, il-punt 14; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-punt 60 sa 62.
(57) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, ECLI:EU:C:2012:781, il-punt 104.
(58) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).