|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/605 |
31.1.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(C/2025/605)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
“Montecucco Sangiovese”
PDO-IT-A1246-AM03
Data tal-komunikazzjoni: 07.11.2024
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Tħassir tal-lista tal-varjetajiet ta’ għeneb addizzjonali
Deskrizzjoni:
Il-lista tal-varjetajiet ta’ għeneb addizzjonali tħassret.
Raġunijiet:
It-tħassir ta’ din il-lista tipprovdi aktar ċarezza fid-definizzjoni tal-kombinazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb stabbilita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Din l-emenda tirrigwarda l-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ma tirrigwardax id-dokument uniku.
2. Tħassir ta’ dispożizzjonijiet reġjonali
Deskrizzjoni:
Il-paragrafu dwar il-ġestjoni tal-prodotti mir-Reġjun tat-Toskana tħassar.
Raġunijiet:
It-tħassir huwa ta’ natura formali, peress li d-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-produzzjoni tal-għeneb diġà huma rregolati mil-liġi nazzjonali rilevanti.
Din l-emenda tirrigwarda l-Artikolu 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ma tirrigwardax id-dokument uniku.
3. Twessigħ taż-żona tal-vinifikazzjoni
Deskrizzjoni:
Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbid, tat-tqaddid u tat-tqaddim tal-prodotti twessgħet biex tinkludi żona fil-viċinanza taż-żona tal-produzzjoni, jiġifieri t-territorju kollu tal-privinċja ta’ Grosseto fir-reġjun tat-Toskana. Din issa saret l-istess bħaż-żona tal-ibbottiljar definita meta d-DOP Montecucco Sangiovese ġie rikonoxxut bid-digriet Ministerjali tad-7 ta’ Lulju 2011.
Barra minn hekk, huma previsti derogi fir-Reġjun tat-Toskana, jiġifieri l-unità amministrattiva reġjonali li fiha jiġi prodott id-DOP Montecucco Sangiovese.
Raġunijiet:
Din l-emenda hija meħtieġa sabiex l-azjendi kollha li ma għandhomx fabbrika tal-inbid fiż-żona tal-produzzjoni iżda li għandhom vinji li huma proprjetà tagħhom jew li huma ġestiti f’dik iż-żona tal-produzzjoni jingħataw l-opportunità li jagħmlu l-inbid, iqaddu l-għeneb, iqaddmu l-inbejjed u jibbotiljawhom.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 9 (Rekwiżiti oħra applikabbli) tad-dokument uniku.
4. Bidliet formali
Deskrizzjoni:
Saru bidliet formali fir-rigward ta’ aġġustamenti regolatorji u tad-deskrizzjoni tal-prattika ta’ arrikkiment.
Raġunijiet:
Dawn huma aġġustamenti formali utli biex it-test jinqara aħjar.
Din l-emenda tirrigwarda l-Artikolu5, il-paragrafi 2 u 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ma tirrigwardax id-dokument uniku.
5. Karatteristiċi kimiċi tat-tipi
Deskrizzjoni:
Id-dispożizzjoni li tippermetti lill-Ministeru tal-Agrikoltura jemenda l-limiti minimi għall-aċidità totali u l-estratt minimu mingħajr zokkor tħassret.
Raġunijiet:
Id-dispożizzjoni tħassret peress li ma għadhiex rilevanti għal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali.
Din l-emenda tirrigwarda l-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ma tirrigwardax id-dokument uniku.
6. Tikkettar — referenza għat-terminu ġeografiku usa’
Deskrizzjoni:
Hu previst li jiddaħħal l-obbligu biex it-terminu ġeografiku usa’ “Toscana” jidher fuq it-tikketta flimkien mad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Montecucco Sangiovese.
Raġunijiet:
L-emenda tippermetti li tingħata informazzjoni preċiża dwar l-oriġini ġeografika tal-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Montecucco Sangiovese.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 9 “Rekwiżiti oħra applikabbli” tad-dokument uniku.
7. Dettalji ta’ Kuntatt tal-Korp ta’ Spezzjoni
Deskrizzjoni:
Bidla fl-indirizz tal-Korp ta’ spezzjoni.
Raġunijiet: Aġġornamenti.
Din l-emenda tirrigwarda l-Artikolu 10 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u ma tirrigwardax id-dokument uniku.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni
Montecucco Sangiovese
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 – XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Montecucco Sangiovese inkluż Riserva
DESKRIZZJONI QASIRA
Dehra viżiva: aħmar lewn ir-rubin intens, li għandu tendenza jagħti fil-granata fl-indikazzjoni Riserva. Riħa: ta’ frott u karatteristika; miftuħa, ta’ nbid, karatteristika u eleganti fl-indikazzjoni Riserva. Togħma: armonjuża, xotta, kemxejn tannika; b’palat qawwi, xotta, taħraq, eleganti, bi ħjiel eventwali ta’ njam fl-indikazzjoni Riserva. Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 13,00 % vol; għall-indikazzjoni Riserva 13,50 %vol; Estratt minimu mingħajr zokkor: 25,0 g/l; għall-indikazzjoni Riserva 26,0 g/l.
Għall-inbejjed kollha kkonċernati, il-karatteristiċi analitiċi l-oħra huma konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti.
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: 4,50 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): 20,00 |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi
—
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
1. |
Montecucco Sangiovese inkluż Riserva 7 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru |
|
2. |
Montecucco Sangiovese inkluż Riserva 49 ettolitru għal kull ettaru |
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-denominazzjoni tal-oriġini kontrollata u garantita Montecucco Sangiovese tinkludi art adattata għall-kwalità u xierqa għall-kultivazzjoni tad-dwieli fit-territorji fil-provinċja ta’ Grosseto fil-muniċipalitajiet li ġejjin: Cinigiano, Civitella Paganico, Campagnatico, Castel del Piano, Roccalbegna, Arcidosso u Seggiano. Il-konfini ta’ din iż-żona huwa ddefinit kif ġej: fit-Tramuntana, il-konfini jibda mill-intersezzjoni tat-triq nazzjonali 223 mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Civitella Paganico u jkompli miegħu sakemm jaqsam fid-direzzjoni tax-Xlokk il-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Cinigiano ħdejn il-linja ferrovjarja Siena – Monte Antico. Minn hemm, isegwi l-konfini tal-muniċipalità ta’ Cinigiano, jkompli fid-direzzjoni tal-Lvant sakemm jiltaqa’ mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Castel del Piano u jkompli matulu fid-direzzjoni tal-Grigal sakemm jiltaqa’ mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Seggiano. Minn hemm isegwi li l-konfini sakemm jiltaqa’ mat-triq nazzjonali 323 mal-pont fuq il-foss ta’ Ansitonia. Ikompli tul dak it-triq nazzjonali 323 fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sal-intersezzjoni mat-triq provinċjali 64 qrib iċ-ċentru abitat ta’ Castel del Piano. Minn hemm, id-delimitazzjoni tkompli sakemm it-triq tiltaqa’ mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Castel del Piano, tkompli tul dak il-konfini fid-direzzjoni tax-Xlokk tul it-torrent Ente sal-pont tal-Peve fuq it-torrent Ente nnifisha, tkompli tul it-triq provinċjali 26 (Arcidosso) fid-direzzjoni tat-Tramuntana sakemm tiltaqa’ mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Arcidosso u ssegwi dak il-konfini sakemm taqsam it-torrent ta’ Zancona fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sakemm tiltaqa’ mal-konfini amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Cinigiano fin-Nofsinhar tal-villaġġ ta’ Monticello Amiata f’Banditaccia. Minn hemm, tkompli tul il-konfini ta’ Cinigiano sakemm tiltaqa’ mat-triq provinċjali 55 (Cinigiano-Stribugliano-Vallerona) u tkompli lejn il-Lbiċ tul dik it-triq saċ-ċentru mibni ta’ Stribugliano. Minn hemm, tkompli fid-direzzjoni tal-Lbiċ tul it-triq provinċjali li tingħaqad mat-triq provinċjali ta’ Cinigiano sal-farm Il Cavallino. Minn hemm, tkompli sat-torrent Trasubie f’altitudni ta’ 308 m u mbagħad tul il-foss ta’ Istrico, fid-direzzjoni tal-Lbiċ, sa elevazzjoni ta’ 400 m, fejn tgħaddi tul it-triq interna lejn il-farm Pian di Simone fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sakemm terġa’ tingħaqad mat-triq provinċjali 24 (Baccinello-Cana). Imbagħad tkompli fid-direzzjoni ta’ Baccinello sal-intersezzjoni mat-triq lokali ta’ Orto di Boccio, li ssegwi sakemm taqsam mal-foss ta’ Atleta. Minn dan il-punt, isegwi l-perkors tal-foss ta’ Atleta, sakemm il-konfini jerġa’ jingħaqad mat-triq provinċjali 24. Isegwi din it-triq sal-limitu amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Scansano u mbagħad, fid-direzzjoni tal-Punent, sal-limitu amministrattiv tal-muniċipalità ta’ Campagnatico qrib il-farm Repenti. Ikompli tul il-konfini tal-muniċipalità ta’ Campagnatico, fid-direzzjoni tal-Lbiċ u mbagħad lejn it-Tramuntana sal-intersezzjoni mal-muniċipalità ta’ Civitella Paganico qrib il-lokalità ta’ Poggio dei Massani. Ikompli tul il-konfini tal-muniċipalità ta’ Civitella Paganico, lejn it-Tramuntana sal-punt tat-tluq fejn l-intersezzjoni mat-triq nazzjonali 223.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
Sangiovese N
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Kategorija nbid: DOCG Montecucco Sangiovese inkluż Riserva
L-art kollha għoljiet u għoljiet baxxi taż-żona tal-produzzjoni, il-ħamrija ġunġlienija, mimlija ġebel u skeletali, li essenzjalment jirriżultaw mit-tifrik tal-ġebel ramli, bl-ilma eċċessiv jiskula sew minħabba l-oriġini u l-istruttura, il-kompożizzjoni u n-natura tal-ħamrija, ikkaratterizzata minn reazzjoni fil-biċċa l-kbira subalkalina jew newtrali, nieqsa minn materja organika u nitroġenu, mgħammra tajjeb bil-fosforu disponibbli u moderatament bil-potassju disponibbli, flimkien ma’ klima moderata, iżda wkoll xita biżżejjed, ventilazzjoni, ikkaratterizzata minn firxa sinifikanti ta’ temperaturi ta’ kuljum. Dawn huma l-kundizzjonijiet li fihom il-vitikulturi intervjenew matul l-istorja bi prattiki agronomiċi u ta’ ġestjoni mmirati għall-ħamrija u l-vinji. Ġestjoni agronomika bir-reqqa, bi dwieli b’esponiment tajjeb għax-xemx, prattiki bħaż-żbir aħdar, tnaqqis fl-għenieqed, densità għolja ta’ tħawwil u t-tfittxija simultanja għal rendimenti baxxi, ġew ikkombinati ma’ fabbriki tal-inbid stabiliti f’konformità mal-aktar kriterji teknoloġiċi moderni, sabiex jiġi prodott inbid ta’ kwalità għolja bbażat essenzjalment fuq il-varjetà Sangiovese, li f’din iż-żona jista’ jesprimi karatterizzazzjoni qawwija tal-inbejjed, togħma ta’ frott u kemxejn tanniċi jekk ikunu għadhom żgħar, ta’ struttura tajba, wiesgħa, robusta u eleganti jekk ikunu aktar mqaddmin. Barra minn hekk, twettqu bosta proġetti ta’ studju fiż-żona, li jiffokaw prinċipalment fuq l-iskoperta, il-konservazzjoni u l-istudju tal-varjetajiet storiċi tal-għeneb, li jinvolvu kemm l-istituzzjonijiet lokali kif ukoll l-Università ta’ Pisa. Matul is-sekli, il-kultivazzjoni tad-dwieli minn dejjem kienet attività ewlenija fl-ambitu tal-ekonomija agrikola tat-territorju ta’ Montecucco; sejbiet, testi monasterjali u statuti, stħarriġ parlamentari, studji universitarji u vinji ta’ sekli sħaħ li għandhom l-għeruq tagħhom fiż-żmien tal-Etruschi, juru r-rabta qawwija bejn id-dwieli u l-popolazzjonijiet ta’ hemmhekk; din ir-rabta issa hija riflessa fil-fabbriki tal-inbid, li wħud minnhom saħansitra ġew skavati fil-blat, li huma preżenti kważi fil-villaġġi kollha taż-żona, jew f’Sagre jew festivals iddedikati għal Vendemmia jew Inbid (Cinigiano, pereżempju, għandu storja ta’ madwar nofs seklu). Huwa preċiżament fir-relazzjoni bejn it-territorju, l-għeneb u l-produtturi tal-inbid li żviluppa proċess li, filwaqt li beda bir-rikonoxximent fis-snin 80 ta’ żewġ indikazzjonijiet ġeografiċi, l-ewwel wassal biex it-tip Sangiovese jittella’ fid-denominazzjoni ta’ oriġini (1998) u issa għar-rikonoxximent tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata u garantita Montecucco Sangiovese (id-Digriet Ministerjali tad-9 ta’ Settembru 2011, fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 221 tat-22/09/2011), li fiha nsibu kemm Sangiovese fil-verżjoni bażi kif ukoll Sangiovese bl-indikazzjoni “Riserva”.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Żona tal-produzzjoni u żona tal-ibbottiljar
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Il-proċessi tal-produzzjoni, it-tqaddim, u l-ibbottiljar tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Montecucco Sangiovese jridu jitwettqu fil-Provinċja ta’ Grosseto.
Żona tal-produzzjoni u żona tal-ibbottiljar
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga mill-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Il-proċess tal-produzzjoni tal-inbid, it-tqaddim u l-ibbottiljar, inkluż separatament, huma permessi fil-fabbriki tal-inbid li jinsabu barra miż-żona demarkata, dment li jkunu jinsabu fit-territorju amministrattiv tar-Reġjun tat-Toskana, dment li dawn il-fabbriki tal-inbid ikunu r-responsabbiltà ta’ azjendi li, individwalment jew kollettivament, jipproduċu għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Montecucco Sangiovese miksuba minn vinji tal-produzzjoni.
F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, l-ibbottiljar jew l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika demarkata sabiex jiġu ssalvagwardjati l-kwalità, ir-reputazzjoni u l-oriġini tal-prodott.
Referenza għal isem ta’ unità ġeografika iżgħar
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali tat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Il-possibbiltà li fuq it-tikketta jiġu indikati “Unità Geografiche Aggiuntive” (unitajiet ġeografiċi addizzjonali), jiġifieri l-indikazzjonijiet ġeografiċi u toponomastiċi li jirreferu għall-muniċipalitajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 120(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 29(4) tal-Liġi Nazzjonali Nru 238/2016.
Referenza għal isem ta’ unità ġeografika usa’
Qafas ġuridiku:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali tat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Għall-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Montecucco Sangiovese, l-isem ġeografiku usa’ “Toscana” għandu jiġi indikat fuq it-tikketta b’mod obbligatorju.
Dan l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għar-rimi ta’ tikketti li ma jkollhomx it-terminu ġeografiku usa’ “Toscana” f’konformità mal-ispeċifikazzjoni preċedenti, dment li jintużaw biss għal prodotti mill-ħsad tal-2023 u mill-ħsad preċedenti.
L-isem ġeografiku “Toscana” għandu jidher b’ittri ta’ mhux aktar minn 2/3 (żewġ terzi) ogħla minn dawk użati biex jindikaw l-isem Montecucco Sangiovese.
L-isem ġeografiku “Toscana” għandu dejjem jitqiegħed taħt it-terminu tradizzjonali speċifiku “Denominazione di Origine Controllata e Garantita” (sħiħ jew bl-abbrevjazzjonijiet DOCG jew D.O.C.G.) jew it-terminu Ewropew “Denominazione di Origine Protetta”, skont is-sekwenza li ġejja:
|
— |
Montecucco Sangiovese |
|
— |
Denominazione di Origine Controllata e Garantita (jew bl-abbrevjazzjonijiet DOCG jew D.O.C.G.) inkella Denominazione di Origine Protetta |
|
— |
Toscana |
Il-karattri tal-isem Toscana għandu jkollhom l-istess tipa, stil, spazjar, evidenza, kulur u intensità kolorimetrika bħall-karattri li jiffurmaw l-isem Montecucco.
Barra minn hekk, id-dettalji kollha elenkati għandhom jidhru fuq sfond uniformi.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/22281
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/605/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)