|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2024 |
1.4.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(C/2025/2024)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
“Blaye”
PDO-FR-A0712-AM03
Data tal-komunikazzjoni: 13.1.2025
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Żona ġeografika
Il-punt IV - Żona ġeografika – tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie emendat fuq il-bażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, li jirrikonoxxi u jistabbilixxi l-lista tal-muniċipalitajiet skont id-département fil-livell nazzjonali. Din l-emenda editorjali tippermetti li ssir referenza għaż-żona ġeografika b’rabta mal-verżjoni fis-seħħ sa dak iż-żmien tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali, ippubblikat mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u I-Istudji Ekonomiċi (INSEE, Institut national de la statistique et des études économiques), u li d-demarkazzjoni taż-żona ġeografika tingħata ċertezza legali.
Ġie emendat ukoll il-punt 6 tad-Dokument Uniku.
2. Żona demarkata
Iż-żona demarkata tal-irqajja’ tal-art ġiet emendata biex tiġi introdotta proċedura ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art li fuqhom jinħasad l-għeneb
L-identifikazzjoni tal-irqajja’ tal-art titwettaq fuq il-bażi ta’ kriterji relatati mal-post tagħhom minn kumitat ta’ esperti.
Kull produttur li jkun jixtieq jidentifika roqgħa art tad-dwieli għandu jressaq talba quddiem il-grupp, li jibgħat kopja tagħha lis-servizzi tal-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità (INAO, Institut national de l’origine et de la qualité) qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena tal-ħsad.
Il-lista ta’ rqajja’ tal-art ġodda identifikati tiġi approvata kull sena mill-kumitat nazzjonali kompetenti tal-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità wara li tingħata l-opinjoni tal-kumitat ta’ esperti msemmi hawn fuq.
Il-listi tal-kriterji u l-irqajja’ tal-art identifikati jistgħu jiġu kkonsultati fl-uffiċċji tal-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità u s-soċjetà ta’ difiża u ġestjoni rilevanti.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
3. Żona fil-viċinanza immedjata
Iż-żona tal-viċinanza immedjata, li ġiet iddefinita b’deroga għall-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed, tħassret.
Ġie affettwat il-punt 9 tad-Dokument Uniku.
4. Varjetajiet ta’ dwieli
Il-varjetà ta’ dwieli cot N (jew malbec) inbidlet minn varjetà ta’ dwieli sekondarja għal varjetà ta’ dwieli prinċipali.
Ir-regoli dwar il-proporzjon tal-azjenda ġew riveduti
Il-proporzjon tal-varjetajiet ta’ dwieli prinċipali kollha żdied minn 50 % għal 85 % tat-taħlita tal-varjetajiet ta’ dwieli.
Il-proporzjon tal-varjetajiet ta’ dwieli sekondarji carmenère N u petit verdot N tħassar.
Ir-regoli dwar it-taħlit ta’ varjetajiet ta’ dwieli ġew emendati wkoll.
Ġie miżjud li d-denominazzjoni hija nbid imħallat ta’ mill-inqas żewġ varjetajiet ta’ dwieli bi proporzjon ta’ aktar minn jew ugwali għal 50 % ta’ Merlot.
B’riżultat ta’ dan, ir-regoli proporzjonali dwar il-varjetajiet ta’ dwieli prinċipali tħassru.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
5. Densità tat-tħawwil
Ir-regola dwar il-wisa’ bejn il-flanni ġiet emendata u r-regola dwar il-wisa’ bejn il-ġdur tad-dwieli tħassret u ġiet sostitwita b’dispożizzjoni ġdida li tipprevedi li kull ġidra tad-dielja jkollha erja massima ta’ 1,67 m2, u din l-erja tinkiseb billi tiġi mmultiplikata l-wisa’ bejn il-flanni u d-distanza bejn il-ġdur tad-dwieli fl-istess flann.
Il-valur ta’ 1,67 m2 huwa kkorrelatat direttament mad-densità/ha. Id-densità minima tat-tħawwil ma tinbidilx.
Ġie affettwat il-punt 5.1.1 tad-Dokument Uniku.
6. Metodi ta’ tkabbir - Dispożizzjonijiet agroambjentali
Ġew miżjuda d-dispożizzjonijiet ambjentali li ġejjin:
|
— |
Il-ġdur tad-dwieli mejta jridu jitneħħew mill-irqajja’ tal-art, u kwalunkwe ħżin ta’ dawn il-ġdur tad-dwieli mejta fl-irqajja’ tal-art huwa pprojbit. |
|
— |
Il-kontroll tal-ħaxix ħażin bl-użu ta’ sustanzi kimiċi fil-promontorji huwa pprojbita. |
|
— |
Il-kontroll totali tal-ħaxix ħażin bl-użu ta’ sustanzi kimiċi fl-irqajja’ tal-art huwa pprojbit. |
|
— |
Il-mulching tal-plastik huwa pprojbit. |
|
— |
Kull operatur jikkalkula u jirreġistra l-indiċi tal-frekwenza tat-trattament tiegħu, |
|
— |
Kull bidla sostanzjali fil-morfoloġija tas-sottoswol, fis-saff ta’ fuq tal-ħamrija jew fl-elementi li jippermettu li tiġi żgurata l-integrità u s-sostenibbiltà tal-ħamrija ta’ roqgħa art maħsuba għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata hija pprojbita, bl-eċċezzjoni tal-ħrit ordinarju ta’ trinek. |
Dawn l-emendi huma mfassla biex iqisu aħjar id-domandi tas-soċjetà biex jitnaqqas l-użu ta’ prodotti fitosanitarji u jiġi rispettat aktar l-ambjent.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
7. Prattiki enoloġiċi
L-arrikkiment issa huwa strettament ipprojbit. Din il-prattika li qabel kienet awtorizzata ma ġietx implimentata.
Ġie affettwat il-punt 5.1.3 tad-Dokument Uniku.
8. Data tal-moviment bejn l-imħażen awtorizzati
Id-data tal-moviment bejn l-imħażen awtorizzati titħassar sabiex l-inbid ikun jista’ jiċċirkola bejn l-operaturi kollha li jinsabu fiż-żona.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
9. Data tar-rilaxx għall-konsum
Id-data tal-31 ta’ Marzu hija sostitwita bl-1 ta’ April.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
10. Rabta
Il-parti Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet tad-Dokument Uniku (il-punt 8) ġiet magħmula konformi ma’ dik tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-parti dwar il-varjetajiet ta’ dwieli u t-taħlit ta’ varjetajiet ta’ dwieli ġiet riveduta f’konformità mal-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
11. Miżuri tranżizzjonali
Jitħassru l-miżuri tranżizzjonali relatati maż-żona demarkata u d-densità tat-tħawwil li skadew. L-obbligu taż-żamma ta’ rekords marbut magħhom jitħassar ukoll.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
12. Obbligi ta’ dikjarazzjoni
Jiżdied obbligu li x-xogħlijiet jiġu ddikjarati minn qabel f’konformità mad-dispożizzjoni agroambjentali prevista fil-każ ta’ bidliet sostanzjali fil-ħamrija.
Jitħassru d-derogi għad-dikjarazzjoni minn qabel dwar l-irtirar jew l-imballaġġ għall-operaturi kontinwi jew semikontinwi.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
13. Tabella tal-punti prinċipali li għandhom jiġu ċċekkjati
It-tabella ġiet aġġornata fir-rigward tal-iżviluppi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
14. Referenza għall-istruttura ta’ kontroll
Il-formulazzjoni tar-referenza għall-istruttura ta’ kontroll ġiet riveduta sabiex tiġi armonizzata mal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott l-oħra tad-denominazzjonijiet. Din l-emenda hija purament editorjali.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
15. Emendi editorjali oħra
Il-formulazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġiet aġġustata għal punti purament formali.
Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/Ismijiet għar-reġistrazzjoni
Blaye
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
3.1. Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
|
— |
22 - XARBIET, SPIRTI U ĦALL 2204 - Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009 |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
DESKRIZZJONI QASIRA
L-inbejjed huma nbejjed ħomor xotti u bla gass. Huma għandhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 12 % u, wara l-arrikkiment, ma jaqbżux il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 14 %. Kull lott ta’ nbid ikkummerċjalizzat għandu kontenut ta’ aċidu maliku ta’ ≤ 0,3 g/l. Kull lott ta’ nbid ikkummerċjalizzat għandu kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ ≤ 3 g/l. Kull lott ta’ nbid ikkummerċjalizzat bl-ingrossa għandu kontenut ta’ aċidità volatili ta’ inqas minn jew ugwali għal 13,27 meq/l. Kull lott ta’ nbid ikkummerċjalizzat bl-ingrossa għandu kontenut ta’ diossidu tal-kubrit totali ta’ inqas minn jew ugwali għal 140 milligramma għal kull litru.
Dawn l-inbejjed ħomor bla gass jinkisbu prinċipalment mill-varjetà ta’ dwieli merlot N adattata sew għall-għoljiet taflija u tal-ġebla tal-ġir fejn jilħaq maturità kbira. Huwa s-sors ta’ nbejjed qawwija u robust ta’ lewn aħmar skur, spiss b’noti aromatiċi intensi ta’ frott aħmar, li spiss jevolvu matul il-maturazzjoni għal ħjiel ta’ ħwawar.
It-taħlit ta’ varjetajiet ta’ dwieli mal-varjetajiet ta’ dwieli prinċipali l-oħra, il-cabernet franc N u l-cabernet-sauvignon N, iġib miegħu freskezza u struttura, u b’hekk iżid il-potenzjal ta’ maturazzjoni tal-inbejjed u l-kumplessità aromatika tagħhom. Il-cot N (jew malbec), li huwa wkoll il-varjetà ta’ dwieli prinċipali, jagħti nbejjed li huma partikolarment adattati għall-maturazzjoni, rikki fit-tannini, konċentrati, qawwija, b’lewn qawwi, b’noti ta’ ħwawar u frott iswed.
Fl-aħħar nett, il-varjetajiet ta’ dwieli sekondarji bħall-carmenère N jew il-petit Verdot N iżidu mar-rikkezza u l-kumplessità ta’ dawn l-inbejjed.
Karatteristiċi analitiċi
|
— |
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum): — |
|
— |
Aċidità totali minima: f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
— |
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): — |
|
— |
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): — |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom
|
1. |
Densità tat-tħawwil
Prattika tal-kultivazzjoni Id-dwieli għandhom densità minima tat-tħawwil ta’ 6 000 ġidra tad-dielja għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flanni hija ta’ inqas minn jew ugwali għal żewġ metri. Kull ġidra tad-dielja għandha erja massima ta’ 1,67 m2, u din l-erja tinkiseb billi tiġi mmultiplikata l-wisa’ bejn il-flanni u l-wisa’ bejn il-ġdur tad-dwieli fl-istess flann |
|
2. |
Regoli dwar iż-żbir
Prattika tal-kultivazzjoni Iż-żbir isir l-aktar tard fl-istadju meta l-weraq ikunu nfetħu (l-istadju 9 ta’ Lorenz). L-uniċi metodi ta’ żbir awtorizzati huma l-hekk imsejħa żabriet qosra (jew idfra) jew żabriet twal (jew żarġun twil), b’massimu ta’:
|
|
3. |
Arrikkiment
Prattika enoloġika speċifika L-arrikkiment huwa pprojbit. |
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
1. |
60 ettolitru għal kull ettaru |
6. Definizzjoni taz-żona demarkata
Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed jiġu żgurati fil-muniċipalitajiet li ġejjin:
Id-département ta’ Gironde
Anglade, Berson, Blaye, Braud-et-Saint-Louis, Campugnan, Cars, Cartelègue, Cavignac, Cézac, Civrac-de-Blaye, Cubnezais, Donnezac, Etauliers, Eyrans, Fours, Générac, Laruscade, Marcenais, Marsas, Mazion, Plassac, Pleine-Selve, il-parti tal-muniċipalità ta’ Pugnac li tikkorrispondi għat-territorju ta’ Lafosse qabel ġiet fuża magħha fl-1 ta’ Lulju 1974, Reignac, Saint-Androny, Saint-Aubin-de-Blaye, Saint-Christoly-de-Blaye, Saint-Ciers-sur-Gironde, Saint-Genès-de Blaye, Saint-Girons-d’Aiguevives, Saint-Mariens, Saint-Martin-Lacaussade, Saint-Palais, Saint-Paul, Saint Savin, Saint-Seurin-de-Cursac, Saint-Vivien-de-Blaye, Saint-Yzan-de-Soudiac, Saugon u Val de Livenne.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
Cabernet franc N
Cabernet-Sauvignon N
Carmenère N
Cot N - Malbec
Merlot N
Petit Verdot N
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
8.1. Deskrizzjoni tal-fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta:
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ Oriġini kkontrollata Blaye tinsab fil-parti tat-Tramuntana tad-département ta’ Gironde fuq in-naħa tal-lemin tal-estwarju. Il-preżenza tal-estwarju taħt l-influwenza tal-entraturi marittimi mill-oċean, flimkien ma’ durata sostnuta ta’ xemx (240 jum fis-sena), jagħtu lil dan ir-reġjun klima moderata u kundizzjonijiet favorevoli ħafna għall-vitikultura. Din iż-żona ġeografika tinkludi 40 muniċipalità mit-tliet distretti antiki ta’ Blaye, Saint-Ciers-sur-Gironde u Saint-Savin.
Il-klima oċeanika, akkumpanjata kultant snin minn ftit depressjonijiet tax-xita fil-ħarifa, jew, inkella tmiem tal-ħarifa sħan u xemxin ħafna, hija l-kawża ta’ impatt notevoli fuq l-annati.
Il-Blayais għandu tliet settijiet ġeomorfoloġiċi: b’parti “estwarja” ta’ għoljiet tal-ġebla tal-ġir li jiskulaw lejn il-Punent u l-Lbiċ permezz ta’ network idrografiku qasir u fond, parti interna ta’ pjanura aktar taflija li tiskula lejn it-Tramuntana minn network idrografiku twil li jikkawża frammentazzjoni minima tal-pajsaġġ, u fl-aħħar nett żona interna aktar ramlija fit-Tramuntana u fil-Lvant fejn żviluppaw biss ftit xmajriet intermittenti, li ftit li xejn huma sinifikanti fit-topografija.
Id-diversità ġeoloġika tar-reġjun hija riflessa fin-natura tal-ħamrija. Fuq il-bażi tal-ġebla tal-ġir, il-ħamrija hija kannella, ftit li xejn taflija u ħoxna, spiss tat-tip rendzina. Fuq in-naħa interna tal-pjanura, il-ħamrija kannella ssir aktar taflija u ramlija fuq l-inklinazzjonijiet. Fit-Tramuntana u fil-Lvant taż-żona ġeografika, il-ħamrija lokali ramlija biż-żrar hija fil-biċċa l-kbira ħamrija ramlija griża għal sewda aċiduża u spiss hija bbażata fuq sottoswol indurat ferriku tat-tip “alios”. Dawn il-“podzols” huma kkaratterizzati minn għadd ta’ sfumaturi. Il-karatterizzazzjoni preċiża tat-tipi differenti ta’ ħamrija preżenti fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni Blaye ġiet stabbilita permezz ta’ studju pedoloġiku li sar f’Mejju 2015.
Għaldaqstant, iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni Blaye għandha żewġ tipi ewlenin ta’ pajsaġġ. Il-pjanuri u l-għoljiet li jiddominaw l-estwarju huma kkaratterizzati ħafna mill-vitikultura. Strutturati madwar il-belt ta’ Blaye u ċ-ċittadella tagħha, il-bliet urbani żgħar, il-villaġġi u l-irħula jinfirxu fil-vinja, fejn xi msaġar żgħar jibqgħu prinċipalment fil-widien. Fil-pjanuri tan-naħa tal-Lvant, il-vinja hija assoċjata mat-trobbija tal-bhejjem u tidher aktar fil-forma ta’ artijiet bla siġar f’ambjent ta’ art mhux ikkultivata jew imsaġar tal-arżnu marittimu.
8.2. Deskrizzjoni tal-fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta
Minn żmien il-qedem, ir-Rumani, stabbiliti f’dan ir-reġjun, introduċew il-vitikultura u bdew l-iżvilupp tal-kummerċ tal-inbid. Iż-żoni tal-vitikultura bdew jiżviluppaw malajr tul il-kosta tal-estwarju, u bdew jibbenefikaw minn trasport marittimu dinamiku u dejjem aktar b’saħħtu.
Fil-Medju Evu, il-vinja kienet limitata għall-viċinanzi tal-port ta’ Blaye. Taħt Louis XIV, il-pożizzjoni strateġika tal-belt ta’ Blaye kellha ssaħħet bil-bini taċ-ċittadella minn Vauban. Dan l-iskop militari ġdid fixkel b’mod sinifikanti l-attività kummerċjali tar-reġjun.
Matul is-seklu 18, b’ritorn għas-serenità lokali relattiva, esperimenti ta’ taħlita tal-varjetajiet ta’ dwieli ġodda, metodi ta’ kultivazzjoni ottimizzati u proċessi innovattivi tal-vinifikazzjoni għal dak iż-żmien, bħall-maturazzjoni fil-btieti u mbagħad fil-fliexken bis-saħħa tax-“xemgħa Netherlandiża” (ftila tal-kubrit) (ENJALBERT, H. La naissance des grands vins et la formation du vignoble moderne de Bordeaux: 1647–1767, 1978), wasslu għal tiġdid fis-suq tal-inbid akkumpanjat minn prosperità ġdida.
Il-vinja ta’ dan ir-reġjun ma’ ħelsitiex mill-pjagi tas-seklu 19 (l-oïdium, il-ġlata u l-phylloxera). Għaldaqstant, il-produzzjoni tal-inbid fi Blayais naqset fl-1853 għal 10 % tal-ħsad normali. Fil-bidu tas-seklu 20, wara proċedimenti mressqa kontra sid, il-Qorti Ċivili ta’ Blaye, b’sentenza tat-18 ta’ Lulju 1929 ddefiniet id-denominazzjoni Blaye jew Blayais għall-inbejjed ħomor u bojod prodotti fit-tliet cantons ta’ Blaye, Saint-Ciers-sur-Gironde u Saint-Savin. Id-digriet tal-11 ta’ Settembru 1936 li jirrikonoxxi d-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Blaye jew Blayais jikkonferma ż-żona ġeografika.
Wara t-tnaqqis fit-talbiet, fi tmiem is-snin 1980, l-assoċjazzjonijiet tal-inbid Blaye u Premières Côtes de Blaye bdew jirrevedu l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni l-ewwel ġew tradotti f’karta u mbagħad fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.
8.3. Rabtiet kawżali
Dan ir-reġjun li jinsab f’salib it-toroq tad-départements ta’ Gironde, ta’ Charente u ta’ Charente Maritime joffri diversità ta’ ambjenti u pajsaġġi fejn, maż-żmien, il-vitikulturi rnexxielhom joħolqu identità komuni. Filwaqt li l-għarfien prattiku lokali oriġinarjament wassal biex il-vitikulturi jipproduċu nbejjed ħomor u bojod, minn meta ġew rikonoxxuti d-denominazzjonijiet, il-vinja prinċipalment tħawlet b’varjetajiet ta’ dwieli ħomor.
Fost il-vinji antiki ta’ Bordelais, il-varjetajiet ta’ dwieli tad-denominazzjoni Blaye, imkabbra fi klima oċeanika, mis-seklu 18 ’l hawn, kienu jeħtieġu bastuni ta’ appoġġ u suċċessivament użu mifrux ta’ rbit u metodu ta’ żbir sever biżżejjed biex tiġi żgurata distribuzzjoni tajba tal-vendemmja u wiċċ tal-weraq suffiċjenti għall-fotosinteżi għal maturità ottimali.
Il-ħamrija bi skular sodisfaċenti (naturali jew ikkontrollata mill-bniedem), li fuqha titħawwel id-dielja b’densitajiet partikolarment għoljin għar-reġjun, hija s-sors tal-potenza u r-robustezza tal-inbejjed.
Grazzi għall-ħidma preċiża tal-karatterizzazzjoni tal-ħamrija taż-żona tad-denominazzjoni, l-irqajja’ tal-art magħżula bir-reqqa prinċipalment fuq pjanuri jew għoljiet jippermettu l-espressjoni ottimali tal-varjetajiet ta’ dwieli lokali, li ntgħażlu matul l-istorja għall-idoneità tagħhom għall-konservazzjoni u l-maturazzjoni, sabiex l-inbejjed ikunu jistgħu jiġu ttrasportati ’l bogħod. Sabiex jiġi żgurat ħsad sodisfaċenti, mingħajr tagħbija żejda tal-ġdur tad-dwieli, bħala garanzija ta’ konċentrazzjoni tal-frott, id-densità tat-tħawwil hija għolja.
L-inbejjed jiġu mmaturati mill-inqas sal-15 ta’ Marzu tat-tieni sena ta’ wara dik tal-ħsad. Dan il-perjodu twil ta’ maturazzjoni huwa meħtieġ għall-istabbilizzazzjoni, ir-raffinar u l-espressjoni tagħhom.
Il-Blaye issa huwa element ewlieni fid-denominazzjonijiet ta’ oriġini kkontrollata ta’ Nord-Gironde.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Unità ġeografika aktar wiesgħa
Qafas legali:
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ Vin de Bordeaux jew ta’ Grand Vin de Bordeaux.
Id-daqs tal-ittri għall-unità ġeografika akbar ma għandux ikun akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2024/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)