SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali — Disinni Komunitarji — Regolament (KE) Nru 6/2002 — Artikoli 7(1), 11(2), 19(2), 88 u 89(1)(a) u (d) — Disinn Komunitarju mhux irreġistrat — Protezzjoni — Żvelar lill-pubbliku — Novità — Proċedimenti ta’ vjolazzjoni — Oneru tal-prova — Preskrizzjoni — Dekadenza — Dritt applikabbli”
Fil-Kawża C‑479/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2012, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura
H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG
vs
Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH, minn A. Rinkler, avukat, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u F. Bulst, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(1), 11(2), 19(2), u 89(1)(a) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Gautzsch Großhandel GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Gautzsch Großhandel”) u Münchener Boulevard Möbel Joseph Duna GmbH (iktar ’il quddiem “MBM Joseph Duna”) dwar proċedimenti ta’ vjolazzjoni ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, li tressqet minn MBM Joseph Duna kontra Gautzsch Großhandel. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 6/2002: “Sistema unifikata sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi b’effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju tmexxi ’l quddiem il-miri Komunitarji kif stabbiliti fit-Trattat.” |
|
4 |
Il-premessi 21 u 22 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:
|
|
5 |
Il-premessa 31 ta’ dan ir-regolament jippreċiża li: “Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta’ l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x’jaqsmu mad-disinji, il-marki tal-fabbrika, il-patenti [privattivi] u l-mudelli ta’ utilità mhux irreġistrati, il-kompetizzjoni mhux ġusta jew il-lijabbiltà [responsabbiltà] ċivili.” |
|
6 |
B’mod konformi mal-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan ir-regolament huwa protett bħala “disinn Komunitarju mhux irreġistrat” jekk huwa magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f’dan ir-regolament. |
|
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li l-protezzjoni ta’ disinn permezz ta’ disinn Komunitarju huwa protett sa fejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali. |
|
8 |
Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Novità”: “Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Karattru individwali”, jipprovdi: “Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Żvelar”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.” |
|
11 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru°6/2002, intitolat “Bidu u l-iskond tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat”, jipprovdi: “1. Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b’disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba. 2. Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b’mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.” |
|
12 |
L-Artikolu 19(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju”, jipprovdi: “1. Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet. 2. Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett. L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.” |
|
13 |
Skont l-Artikolu 88 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Liġijiet applikabbli”: “1. Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. 2. Dwar il-materji kollha mhux koperti b’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha. 3. Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f’dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura li jirregolaw l-istess tip ta’ kawża li jkollha x’taqsam ma’ dritt ta’ disinn nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun lokata [tinstab].” |
|
14 |
L-Artikolu 89(1) tal-istess regolament, intitolat “Sanzjonijiet fil-kawżi dwar il-ksur tal-liġi”, jipprovdi: “Meta f’kawża dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda qorti tad-disinji Komunitarji ssib illi l-konvenut ikun kiser jew hedded li jikser disinn Komunitarju, għandha, jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk, tordna l-miżuri li ġejjin:
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet fil-kawża prinċipali jikkummerċjalizzaw għamara għall-ġnien. Fost il-prodotti mibjugħa minn MBM Joseph Duna hemm gazebo kkummerċjalizzat fil-Ġermanja, li d-disinn tiegħu kien ġie maħluq mill-amministratur tagħha fil-ħarifa tal-2004. Matul is-sena 2006, Gautzsch Großhandel, minn naħa tagħha, bdiet tikkummerċjalizza tinda għall-ġnien imsejħa “Athen”, immanifatturata mill-impriża Zhengte, stabbilita fiċ-Ċina. |
|
16 |
Sabiex teżiġi fir-rigward tal-mudell tagħha l-protezzjoni mogħtija lid-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, MBM Joseph Duna ressqet kontra Gautzsch Großhandel, quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) (il-Ġermanja), proċedimenti ta’ vjolazzjoni bil-għan li din il-kumpannija tieqaf tuża l-imsemmija tinda, tikkonsenja, sabiex jiġu distrutti, l-prodotti ffalsifikati li jkunu jinsabu fil-pussess tagħha jew li hija proprjetarja tagħhom, tikkomunika informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha u tkun marbuta tikkumpensa d-dannu li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet. |
|
17 |
Insostenn tat-talbiet tagħha, MBM Joseph Duna sostniet, b’mod partikolari, li t-tinda “Athen” kienet kopja tad-disinn li kien proprjetà tagħha, li deher fix-xahar ta’ April u minn Mejju 2005 fil-“paġni ta’ novitajiet — MBM” tagħha li kienu ntbagħtu lin-negozjanti prinċipali li jbigħu mobbli u għamara għall-ġnien kif ukoll lill-gruppi Ġermaniżi ta’ xiri ta’ mobbli. |
|
18 |
Gautzsch Großhandel opponiet dawn it-talbiet billi sostniet li t-tinda “Athen” kienet ġiet ikkreata mill-impriża Zhengte fil-bidu tas-sena 2005 b’mod awtonomu, mingħajr ma kienet taf bil-mudell ta’ MBM Joseph Duna. Hija indikat li din it-tinda kienet ġiet ippreżentata lil xi klijenti Ewropej fix-xahar ta’ Marzu 2005 fil-post ta’ espożizzjoni ta’ din l-impriża fiċ-Ċina u li mudell kien intbagħat fix-xahar ta’ Ġunju tal-istess sena lill-kumpannija Kosmos, stabbilita fil-Belġju. Billi ssostni li MBM Joseph Duna kienet taf bl-eżistenza ta’ dan il-mudell mix-xahar ta’ Settembru 2005 u kient taf li kienet ikkummerċjalizzata mix-xahar ta’ Awwissu 2006, hija ressqet fid-difiża tagħha l-preskrizzjoni u d-dekadenza. |
|
19 |
Il-qorti tal-ewwel istanza kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-iskadenza tal-perijodu ta’ protezzjoni triennali tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati, ma kienx hemm iktar lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel żewġ talbiet bil-għan tal-waqfien mill-użu tat-tinda “Athen” u għall-konsenja tal-prodotti ffalsifikati. Meta kienet qegħda tiddeċiedi fuq it-talbiet l-oħra, hija kkundannat lil Gautzsch Großhandel tforni informazzjoni fuq l-attivitajiet tagħha u ddeċidiet li kien jeżisti obbligu ta’ din ta’ kumpens finanzjarju tad-dannu li jirriżulta mill-attivitajiet tagħha. |
|
20 |
L-appell imressaq minn Gautzsch Großhandel kontra din is-sentenza ġie miċħud mill-qorti tal-appell, li kkunsidrat li l-ewwel żewġ talbiet kienu, fid-dawl tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) u (d) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll tal-Liġi Ġermaniża dwar il-protezzjoni legali tad-disinni, inizjalment fondati u li MBM Joseph Duna kellha effettivament dritt tikseb l-informazzjoni mitluba kif ukoll kumpens għad-dannu tagħha. |
|
21 |
Fil-kuntest tal-appell ta’ “Reviżjoni” imressaq minn Gautzsch Großhandel quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tistaqsi, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, fuq il-portata tal-kunċett ta’ “żvelar” li jidher b’mod partikolari fl-Artikoli 7(1) u 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk id-disinn mhux irreġistrat li l-protezzjoni tiegħu qed jiġi eżiġit ġiex żvelat lill-pubbliku fis-sens ta’ dan ir-regolament u jekk id-disinn li jopponi dan kienx ġie żvelat preċedentement. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prova tal-falsifikazzjoni tad-disinn mhux irreġistrat kif ukoll il-preskrizzjoni u d-dekadenza li tista’ tiġi opposta bħala difiża għall-proċedimenti ta’ vjolazzjoni huma rregolati bid-dritt tal-Unjoni Ewropea jew jekk huma jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali. Hija tistaqsi, barra minn hekk, jekk id-dritt applikabbli għat-talbiet għandhomx l-għan, fl-Unjoni kollha, għad-distruzzjoni tal-prodotti iffalsifikati kif ukoll għall-kisba ta’ informazzjoni fuq l-attivitajiet tal-awtur tal-falsifikazzjoni u għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta minn dawn l-attivitajiet u d-dritt nazzjonali tagħhom jew id-dritt tal-Istat Membru li fihom l-att ta’ falsifikazzjoni twettqu. |
|
23 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-qorti tal-appell ikkunsidrat li l-mudell tat-tinda għall-ġnien ta’ MBM Joseph Duna inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie żvelat għall-ewwel darba lill-pubbliku permezz tat-tqassim tal-“paġni ta’ novitajiet — MBM” li jinkludu r-rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn, fix-xahar ta’ April u ta’ Mejju 2005, permezz ta’ 300 sa 500 kampjuni, lil bejjiegħa u negozjanti intermedjarji kif ukoll lil żewġ gruppi Ġermaniżi ta’ xiri ta’ mobbli. |
|
25 |
Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-trażmissjoni lil kummerċjanti ta’ rappreżentazzjonijiet ta’ dan id-disinn hijiex suffiċjenti sabiex tikkunsidra li din setgħet, normalment fin-negozju, tkun magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li xi wħud jikkunsidraw li ċ-ċirkoli speċjalizzati jinkludu biss il-persuni li, fi ħdan is-settur ikkonċernat, huma responsabbli li jiddisinnjaw disinni u li jiżviluppaw jew li jipproduċu prodotti b’mod konformi ma’ dawn id-disinni. B’hekk, skont din il-perspettiva, jiffurmaw parti miċ-ċirkoli speċjalizzati mhux il-kummerċjanti kollha, iżda biss dawk li għandhom influwenza kunċettwali fuq id-disinn tal-prodott li huma jikkummerċjalizzaw. |
|
26 |
Għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni bħal din tal-kunċett ta’ “ċirkoli speċjalizzati” ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
27 |
Fil-fatt, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Avukat Ġenerali fil-punti 34 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ma jinkludix restrizzjoni fir-rigward tan-natura tal-attività tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat. Barra minn hekk, jiġi dedott mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari mill-fatt li huwa għandu bħala għan l-użu fil-kummerċ bħala metodu ta’ żvelar fost l-oħrajn ta’ disinni mhux irreġistrati lill-pubbliku u li huwa jimponi li jikkunsidra l-“kors normali tan-negozju” sabiex jevalwa jekk il-fatti kostituttivi tal-iżvelar jistgħux raġonevolment ikunu magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati, li l-kummerċjanti li ma pparteċipawx għall-konċezzjoni tal-prodott inkwistjoni ma jkunux bħala prinċipju esklużi miċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti mill-imsemmija ċirkoli speċjalizzati. |
|
28 |
Barra minn hekk, tali esklużjoni timplika restrizzjoni tal-protezzjoni tad-disinni Komunitarji mhux irreġistrati li bl-ebda mod ma hija sostnuta, min-naħa l-oħra, fid-dispożizzjonijiet l-oħra u fil-premessi tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
29 |
Il-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tad-disinn mhux irreġistrat lill-kummerċjanti tas-settur ikkonċernat li jseħħ fl-Unjoni huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan id-disinn jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tal-imsemmi settur huwa madankollu kwistjoni tal-fatt fejn ir-risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni, mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża. |
|
30 |
Konsegwentement, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun ikkunsidrat li disinn mhux irreġistrat jista’, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fl-Unjoni, peress li r-rappreżentazzjonijiet tal-imsemmi disinn tqassmu lill-kummerċjanti li joperaw f’dan is-settur, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li qed titratta. |
Fuq it-tieni domanda
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-qorti tal-appell amettiet li d-disinn ta’ MBM Joseph Duna, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, fejn ikkunsidrat li ċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat ma setgħux, fil-kors normali tan-negozju, ikunu jafu bid-disinn “Athen” ippreżentat fis-sena 2005 fil-postijiet ta’ espożizzjoni tal-impriża Zhengte fiċ-Ċina u għall-kumpannija Kosmos fil-Belġju. |
|
32 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li disinn, għalkemm ġie żvelat lil terzi mingħajr kundizzjoni espliċita jew impliċita tas-sigriet, jista’, fil-kors normali tan-negozju, ma jkunx raġonevolment magħruf fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni, jekk ikun ġie żvelat lil impriża waħda tal-imsemmi settur jew ikun ġie ppreżentat biss fil-postijiet ta’ espożizzjoni ta’ impriża li tinsab barra mill-“kamp ta’ osservazzjoni abitwali tas-suq”. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li ma huwiex meħtieġ, sabiex disinn jitqies li ġie żvelat lill-pubbliku, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, li l-fatti li jammontaw għall-iżvelar ikunu seħħew fit-territorju tal-Unjoni. |
|
34 |
Madankollu, skont l-istess artikolu, disinn ma jkunx ikkunsidrat żvelat jekk il-fatti kostituttivi tal-iżvelar, fil-kors normali tan-negozju, ma jistgħux raġonevolment ikunu magħrufa fiċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkoncernat li joperaw fl-Unjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jiffurmaw parti minn dawn iċ-ċirkoli jistgħux raġonevolment ikunu jafu b’avvenimenti li jkunu seħħew barra mit-territorju tal-Unjoni hija kwistjoni ta’ fatt liema risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni, mill-qorti tat-trade marks Komunitarji, taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża. |
|
35 |
L-istess japplika fil-każ dwar jekk l-iżvelar ta’ disinn lil impriża waħda tas-settur ikkonċernat, fit-territorju tal-Unjoni, huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkoli speċjalizzati tal-imsemmi settur, fil-kors normali tan-negozju, setgħux raġonevolment ikunu jafu. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, tali żvelar ikun suffiċjenti. |
|
36 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tiġi kkunsidrata bħala disinn mhux irreġistrat, għalkemm ġie żvelat lil terzi mingħajr kundizzjoni espliċita jew impliċita ta’ sigriet, ma jistax, fil-kors normali tan-negozju, ikun raġonevolment magħruf miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li joperaw fi ħdan l-Unjoni, peress li ġie żvelat biss lil impriża waħda tal-imsemmi settur jew ġie ppreżentat biss fil-postijiet ta’ espożizzjoni ta’ impriża li tinstab barra mit-territorju tal-Unjoni, li għandha tiġi evalwata mill-qorti tat-trade marks Komunitarji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tkun qed titratta. |
Fuq it-tielet domanda
|
37 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-qorti tal-appell iddeċidiet li d-disinn ta’ Gautzsch Großhandel kien jammonta mhux għal att ta’ kreazzjoni awtonoma, iżda għal kopja ta’ disinn ta’ MBM Joseph Duna, meta wieħed jikkunsidra li dan tal-aħħar jibbenefika minn tnaqqis tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward hekk kif jirriżulta mix-“xebh fundamentali oġġettivament ikkonstatat” bejn dawn iż-żewġ disinni. |
|
38 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa l-proprjetarju tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat li għandu jistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-oneru tal-prova huwa mdawwar jew imnaqqas meta jeżisti “xebh fundamentali” bejn dan id-disinn u dak fejn huwa kkontestat l-użu tiegħu. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 6/2002, li jirrigwarda, hekk kif indikat mit-titolu tiegħu, id-drittijiet mogħtija mid-disinn Komunitarju, ma jikkontjenix speċifikament regoli li jirrigwardaw l-amministrazzjoni tal-prova. |
|
40 |
Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 74 tal-konklużjonijiet tiegħu meta kien qed jirreferi għad-dritt ta’ trade marks, jekk il-kwistjoni dwar il-piż li jiġi stabbilit li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja tad-disinn protett jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, tista’ tirriżulta, għall-proprjetarji tad-disinni Komunitarji, protezzjoni varjabbli abbażi tal-liġi kkonċernata, b’mod li l-għan ta’ protezzjoni uniformi u li tipproduċi l-istess effetti fit-territorju kollu tal-Unjoni, li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 6/2002, ma jintlaħaqx (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International, C-405/03, Ġabra p. I-8735, punt 73). |
|
41 |
Fir-rigward ta’ dan l-għan kif ukoll tal-istruttura u s-sistema tal-Artikolu 19(2), tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-proprjetarju tad-disinn protett jagħmel użu mid-dritt imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, l-oneru li jiġi stabbilit li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn jaqa’ fuq il-proprjetarju, peress li, fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, hija responsabbiltà tal-parti avversarja li tistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn xogħol ta’ kreazzjoni indipendenti. |
|
42 |
Għall-kumplament, peress li r-Regolament Nru 6/2002 ma jistabbilixxix il-metodi tal-amministrazzjoni tal-prova, jirriżulta mill-Artikolu 88 ta’ din li dawn il-metodi huma stabbiliti bid-dritt tal-Istati Membri. Madankollu, dawn għandhom, skont il-ġurisprudenza, bis-saħħa tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, jiżguraw li dawn il-metodi ma humiex inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-kawżi simili ta’ natura interna u fil-prattika ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-individwi tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor, C-55/06, Ġabra p. I-2931, punt 191). |
|
43 |
Għalhekk, hekk kif osservat il-Kummissjoni, jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarji tikkonstata li l-fatt li l-proprjetarju tad-disinn protett ikollu jġorr l-oneru tal-prova meħtieġa jista’ jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni ta’ din, huwa obbligat, sabiex jiġi mħares ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, li jirrikorri għall-mezzi kollha proċedurali għad-dispożizzjoni tiegħu bid-dritt nazzjonali sabiex tingħeleb din id-diffikultà (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron, C-526/04, Ġabra p. I-7529, punt 55, u tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium, C-264/08, Ġabra p. I-731, punt 35). B’hekk, jekk ikun il-każ, jista’ japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprovdu għal tibdil jew tħaffif tal-oneru tal-prova. |
|
44 |
Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija responsabbiltà tal-proprjetarju tad-disinn protett li jistabbilixxi li l-użu kkontestat jirriżulta minn kopja ta’ dan id-disinn. Madankollu, jekk il-qorti tat-trade marks Komunitarji tikkonstata li l-fatt li l-proprjetarju għandu jġorr dan il-piż jista’ jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-amministrazzjoni tal-prova, huwa jkollu, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, li jirrikorri għall-mezzi kollha proċedurali għad-dispożizzjoni tiegħu taħt id-dritt nazzjonali sabiex jegħleb din id-diffikultà, inkluż, fejn xieraq, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jipprovdu tibdil jew tħaffif tal-oneru tal-prova. |
Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda
|
45 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi, fl-ewwel lok, li l-qorti tal-appell ikkonstatat li d-dritt li tipprojbixxi, fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, l-atti ta’ falsifikazzjoni ma kienx preskritt fid-data tat-tressiq tar-rikors. Hija tistaqsi, fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, jekk dan id-dritt huwiex suġġett għall-preskrizzjoni u, jekk fl-affermattiv, jekk dan jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Nru 6/2002 ma jinkludix dispożizzjonijiet partikolari dwar dan is-suġġett, iżda li l-Artikolu 89(1) tiegħu jipprovdi li l-qorti tat-trade marks Komunitarji jippronunċaw sanzjoni f’każ ta’ falsifikazzjoni, “jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk”. |
|
46 |
Fit-tieni lok, filwaqt li nnutat li l-qorti tal-appell ċaħdet l-eċċezzjoni tad-dekadenza mqajma minn Gautzsch Großhandel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi d-domanda dwar jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, il-proċedimenti ta’ vjolazzjoni bbażati fuq l-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, jistgħu jkunu affettwati bid-dekadenza. Skont din, għandu jiġi stabbilit jekk iċ-ċirkustanzi li jwasslu lil Gautzsch Großhandel li tinvoka d-dekadenza jaqgħux fil-kategorija tar-“raġunijiet speċjali” previsti minn din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni. |
|
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 6/2002 huwa sieket fir-rigward tal-preskrizzjoni u għad-dekadenza li tista’ tkun opposta fid-difiża tal-azzjoni li ssir fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) ta’ dan. |
|
48 |
Il-kunċett ta’ “raġunijiet speċjali”, fis-sens tal-Artikolu 89(1) ta’ dan ir-regolament, jirrigwarda ċirkustanzi ta’ fatt proprji għal tip partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, C-316/05, Ġabra p. I-12083, punt 38). Din ma tinkludix, konsegwentement, il-preskrizzjoni u d-dekadenza, li jammontaw għal punti ta’ liġi. |
|
49 |
Għalhekk, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, il-preskrizzjoni u d-dekadenza li jistgħu jiġi opponuti fid-difiża tal-azzjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) ta’ dan huma rregolati mid-dritt nazzjonali, li għandha tiġi applikata fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fil-punt 42 tas-sentenza preżenti [ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punti 77 sa 80; tat-28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (UK), C-406/08, Ġabra p. I-817, punti 32 u 40; tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C-246/09, Ġabra p. I-7003, punt 25; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, Ġabra p. I-7907, punti 89, 90, 92 u 93, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, punt 27]. |
|
50 |
Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda li saru li l-preskrizzjoni u d-dekadenza li jistgħu jiġu opponuti fid-difiża għall-azzjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikoli 19(2) u 89(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 huma rregolati bid-dritt nazzjonali, li għandha tiġi applikata fir-rispett tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
Fuq is-sitt domanda
|
51 |
Billi tikkonstata li l-qorti tal-appell ma indikatx x’kien id-dritt applikabbli għat-talbiet bil-għan tad-distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati, għall-kisba ta’ informazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Gautzsch Großhandel u għall-kumpens tad-dannu riżultanti minn dawn l-attivitajiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk dawn it-talbiet josservawx id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fit-territorju li fih dawn id-dritt huma invokati jew jekk l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi mifhum fis-sens li l-imsemmija talbiet huma rregolati bid-dritt tal-Istati Membri li fihom il-fatti tal-falsifikazzjoni twettqu. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li rabta unika mad-dritt ta’ Stat Membru tista’ tkun iġġustifikata mill-perspettiva, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt, iżda li l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 tista’ tmur kontra din is-soluzzjoni. |
|
52 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba għad-distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati, jirriżulta mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdi fil-punt (a) għall-projbizzjoni li jitkomplew l-atti ta’ falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni u, punti (b) u (c), is-sekwestru tal-prodotti ffalsifikati u ta’ materjali jew strumenti li servew għal dan, li d-distruzzjoni tal-imsemmija prodotti tifforma parti mis-“sanzjonijiet l-oħra indikati fil-każ preżenti” imsemmi fil-punt (d). B’hekk jirriżulta li, bis-saħħa tal-Artikolu 89(1)(d) ta’ dan ir-regolament, id-dritt applikabbli għal din it-talba huwa l-liġi, inkluż fiha d-dritt internazzjonali privat, tal-Istat Membru li fih l-atti ta’ falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni twettqu. |
|
53 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talbiet bil-għan tal-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-attivitajiet tal-awtur tal-falsifikazzjoni jew ta’ periklu ta’ falsifikazzjoni u tal-kisba ta’ informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet għall-finijiet li jiġi stabbilit dan id-dannu, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li tiġi fornuta tali informazzjoni u li jiġi kkumpensat id-dannu subit ma jammontax, min-naħa l-oħra, għal sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 89 tar-Regolament Nru 6/2002. |
|
54 |
B’hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) tar-Regolament Nru 6/2002, id-dritt applikabbli għat-talbiet previsti fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti huwa d-dritt nazzjonali tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qed titratta l-kawża, li tinkludi d-dritt internazzjonali privat ta’ din. Dan huwa minn naħa l-oħra kkorroborat mill-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, li skont din, dan tal-aħħar ma jeskludix l-applikazzjoni, għad-disinni protetti bid-disinn Komunitarju, ta’ liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili. |
|
55 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għas-sitt domanda li saret li l-Artikolu 89(1)(d) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-talbiet ta’ distruzzjoni tal-prodotti ffalsifikati huma rregolati mil-liġi, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-Istat Membru li fih l-atti ta’ falsifikazzjoni jew il-periklu ta’ falsifikazzjoni jkun seħħ. It-talbiet bil-għan tal-kumpens tad-dannu li jirriżultaw minn attivitajiet tal-awtur ta’ dawn l-atti u għall-kisba ta’ informazzjoni fuq dawn l-attivitajiet għall-finijiet li jiġi stabbilit dan id-dannu huma rregolati, b’mod konformi mal-Artikolu 88(2) ta’ dan ir-regolament, mid-dritt nazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali privat, tal-qorti tat-trade marks Komunitarji li tkun qed titratta l-kawża. |
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.