|
11.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 167/68 |
P9_TA(2022)0421
L-eżitu tal-modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar l-eżitu tal-modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (2022/2934(RSP))
(2023/C 167/10)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE) iffirmat fl-1994 u li daħal fis-seħħ fl-1998, |
|
— |
wara li kkunsidra l-proċess ta' modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, li nbeda fl-2017, u l-proposta tal-UE dwaru, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1749 tat-28 ta' Settembru 2021 intitolata “L-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel: minn prinċipji għall-prattika” (2) u l-linji gwida annessi magħha, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) (3), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-opinjoni 2/15 tagħha tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika ta' Singapore (5), is-sentenza tagħha tas-6 ta' Marzu 2018 fil-Kawża C-284/16 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV) (6), l-opinjoni 1/17 tagħha tat-30 ta' April 2019 dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada u l-UE u l-Istati Membri tagħha (7), is-sentenza tagħha tat-2 ta' Settembru 2021 fil-Kawża C-741/19 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC) (8), u s-sentenza tagħha tas-26 ta' Ottubru 2021 fil-Kawża C-109/20 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Polonja vs PL Holdings Sàrl) (9), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mandat mogħti lill-Grupp ta' Ħidma III tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) fl-2017 biex jaħdem fuq riforma tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Italja li tirtira mit-TKE mill-1 ta' Jannar 2016, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' liġi dwar it-terminazzjoni tat-TKE adottat mill-Gvern Pollakk fl-10 ta' Awwissu 2022 u riferut lill-Parlament Pollakk fil-25 ta' Awwissu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-avviżi maħruġa mill-Gvern Spanjol tat-12 ta' Ottubru 2022, mill-Gvern Netherlandiż tad-19 ta' Ottubru 2022, mill-Gvern Franċiż tal-21 ta' Ottubru 2022, mill-Gvern Sloven tal-10 ta' Novembru 2022, mill-Gvern Ġermaniż tal-11 ta' Novembru 2022, u mill-Gvern Lussemburgiż tat-18 ta' Novembru 2022 dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mit-TKE, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim għat-terminazzjoni tat-Trattati Bilaterali fuq l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iffirmat fil-5 ta' Mejju 2020 (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-aktar reċenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE (11), u tal-20 ta' Ottubru 2022 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2022 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Sharm El-Sheikh, l-Eġittu (COP27) (12), |
|
— |
wara li kkunsidra li ma ntlaħqitx maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill favur il-modernizzazzjoni tat-TKE bħala bażi għall-pożizzjoni tal-UE fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2022 dwar Ftehim bejn l-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea, u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (COM(2022)0523), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi t-TKE huwa ftehim internazzjonali; billi t-trattat ġie ffirmat f'Diċembru 1994 u daħal fis-seħħ f'April 1998; billi hemm 53 firmatarju u parti kontraenti għat-TKE, inklużi l-Unjoni Ewropea, u l-Euratom u l-istati membri kollha tagħha ħlief l-Italja, li rtirat fl-2016; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrappreżentaw aktar minn nofs il-membri bid-dritt tal-vot tat-TKE; |
|
B. |
billi l-għan inizjali tat-TKE kien li jinħoloq forum għall-kooperazzjoni politika bejn il-Lvant u l-Punent fl-oqsma tal-enerġija, il-protezzjoni tal-investiment, il-kummerċ u t-tranżitu; billi d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment li jinsabu fit-Trattat ilhom ma jiġu aġġornati mis-snin disgħin u huma antikwati meta mqabbla mal-istandards il-ġodda stabbiliti mill-approċċ riformat tal-UE dwar il-politika tal-investiment; billi, sal-2018, ma kien hemm l-ebda tentattiv biex tiġi integrata l-urġenza tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-eliminazzjoni gradwali tal-investimenti fil-fjuwils fossili; |
|
C. |
billi l-Istati Membri għandhom madwar 1 500 trattat bilaterali fuq l-investiment (TBI), irratifikati qabel it-Trattat ta' Liżbona, li għadhom jipproteġu l-investimenti fil-fjuwils fossili, inkluż il-mudell l-antik ta' ISDS, u fihom dispożizzjonijiet u mekkaniżmi skaduti li huma inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji tad-dritt tal-UE; billi ebda wieħed mill-ftehimiet ta' investiment internazzjonali l-ġodda ma jsegwi approċċ modern innegozjat mill-UE minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona; |
|
D. |
billi l-evitar ta' kriżijiet klimatiċi severi u l-protezzjoni tas-sigurtà tal-enerġija tagħna se jirrikjedu l-aċċellerazzjoni tal-proċess tal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u tranżizzjoni rapida lejn l-enerġija rinnovabbli; |
|
E. |
billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jwieġeb għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali; billi l-politiki kollha tal-UE jeħtieġ li jikkontribwixxu għal dan il-għan, inkluża l-politika ta' investiment; |
|
F. |
billi l-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima ddeskriva t-TKE bħala “ostaklu serju għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima” fir-rapport tiegħu tal-2022 dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, maħruġ f'April 2022; |
|
G. |
billi t-tranżizzjoni tal-enerġija teħtieġ aċċellerazzjoni tal-investiment globali fl-enerġija nadifa u inċentivi għall-kumpaniji tal-enerġija Ewropej biex jinvestu fl-enerġija rinnovabbli; |
|
H. |
billi, fid-dawl tat-tħassib legali u politiku dejjem jikber dwar it-TKE, f'Novembru 2018 inbeda proċess ta' modernizzazzjoni mmexxi mill-UE u l-Istati Membri tagħha, iffukat fuq standards ta' protezzjoni tal-investiment, kif ukoll fuq il-limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-fjuwils fossili u fuq it-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli; billi fis-27 ta' Novembru 2018, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija approvat il-lista ta' suġġetti għall-modernizzazzjoni; billi l-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja modernizzazzjoni tat-TKE f'Lulju 2019; billi f'Mejju 2020, l-UE ppreżentat proposta għall-modernizzazzjoni tat-TKE; billi fil-15 ta' Frar 2021, l-UE ppreżentat lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija proposta supplimentari biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tad-definizzjoni ta' attività ekonomika fis-settur tal-enerġija, magħrufa wkoll bħala l-esklużjoni tal-fjuwils fossili; |
|
I. |
billi l-partijiet kontraenti laħqu ftehim fil-prinċipju fl-24 ta' Ġunju 2022 dwar il-modernizzazzjoni tat-TKE; billi l-emendi għat-Trattat jinkludu bidliet fl-istandards ta' protezzjoni tal-investiment tat-TKE u referenza għad-dritt tal-pajjiżi li jieħdu azzjoni regolatorja għal raġunijiet bħall-protezzjoni ambjentali jew l-azzjoni klimatika; |
|
J. |
billi t-test legali tal-ftehim finali għadu ma ġiex ippubblikat formalment, u dan ma jissodisfax il-livell ta' trasparenza ta' ftehimiet kummerċjali u ta' investiment oħra tal-UE; |
|
K. |
billi mill-konklużjoni tan-negozjati 'l hawn, il-Ġermanja, Franza, Spanja, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovenja u l-Lussemburgu, li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-popolazzjoni tal-UE, ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mit-TKE; billi l-Italja telqet mit-TKE fl-2016; billi Stati Membri oħra għadhom qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jitilqu mit-TKE; |
|
L. |
billi l-Kunsill ma laħaqx maġġoranza kwalifikata favur il-modernizzazzjoni tat-TKE, bħala bażi għall-adozzjoni tal-modernizzazzjoni fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija ta' Novermbru 2022; billi, b'riżultat ta' dan, il-modernizzazzjoni tneħħiet mill-aġenda tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija; |
|
M. |
billi l-UE għandha numru ta' voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma partijiet kontraenti għat-TKE; billi l-Istati Membri tal-UE jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom biss jekk l-UE ma teżerċitax id-dritt tal-vot tagħha; billi r-ratifika minn dawk l-Istati Membri tal-UE li huma partijiet għat-TKE jkollha titwettaq f'konformità mar-regoli ta' ratifika nazzjonali tagħhom u mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri; |
|
N. |
billi l-Parlament ikollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-modernizzazzjoni tat-TKE qabel ma l-UE tkun tista' tibda tapplika b'mod proviżorju t-trattat modernizzat, f'konformità mal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni; billi l-Parlament ikollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex l-UE toħroġ mit-TKE; |
|
O. |
billi għadd allarmanti ta' pretensjonijiet b'rabta ma' investiment huma mmirati lejn miżuri ambjentali; billi diversi pajjiżi, inklużi l-Istati Membri, qed jiġu mfittxija b'rabta mal-politiki dwar il-klima jew it-tranżizzjoni ġusta; billi, mill-ftehimiet kollha dwar il-protezzjoni tal-investimenti, it-TKE huwa l-aktar wieħed kontenzjuż; billi bħalissa għaddejjin aktar minn 40 każ ta' arbitraġġ intra-UE dwar l-investimenti; billi, mill-1 ta' Ġunju 2022, skont is-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, ġew istitwiti mill-inqas 150 każ ta' arbitraġġ dwar l-investimenti fl-ambitu tat-TKE, li terz minnhom huma relatati ma' investimenti fil-fjuwils fossili u 70 % minnhom huma każijiet ta' arbitraġġ intra-UE dwar investimenti bbażati fuq it-TKE; |
|
P. |
billi t-TKE huwa attwalment inkompatibbli mat-Trattati tal-UE, peress li jippermetti lit-tribunali tal-investiment jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-UE mingħajr ma jintroduċi s-salvagwardji meħtieġa li jippreservaw l-awtonomija regolatorja tal-UE, u peress li jaffettwa b'mod negattiv l-operat tal-istituzzjonijiet tal-UE skont il-qafas kostituzzjonali tal-UE; |
|
Q. |
billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Marzu 2018 fil-Kawża C-284/16 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV), il-QĠUE sostniet li l-klawżoli ta' arbitraġġ bejn l-investitur u l-istat fi ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri tal-UE jmorru kontra t-Trattati tal-UE u, b'riżultat ta' dan, ma jistgħux jiġu applikati wara d-data li fiha l-aħħar waħda mill-partijiet għal TBI intra-UE tkun saret Stat Membru tal-UE; billi, bl-applikazzjoni tal-istess prinċipji, fis-sentenza tagħha tat-2 ta' Settembru 2021 fil-Kawża C-741/19 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC), il-QĠUE sostniet li l-Artikolu 26(2)(c) tat-TKE jrid jiġi interpretat bħala mhux applikabbli għal tilwim bejn Stat Membru tal-UE u investitur ta' Stat Membru ieħor tal-UE dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru; billi huwa fatt stabbilit sew li s-sentenzi tal-QĠUE japplikaw ex tunc; billi l-arbitri injoraw dawk id-deċiżjonijiet tal-QĠUE fid-deliberazzjonijiet tagħhom; |
|
R. |
billi l-UE ħadet rwol ta' tmexxija fir-riforma tal-politika ta' investiment; billi minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, fuq l-insistenza u bl-appoġġ tal-Parlament, l-UE adottat mudell riformat ta' protezzjoni tal-investimenti u ddeċidiet li tissostitwixxi l-ISDS bis-sistema ta' qorti tal-investiment, nediet negozjati għal qorti multilaterali tal-investiment (MIC), adottat leġiżlazzjoni biex tirregola s-sussidji barranin li joħolqu distorsjoni fis-suq intern, u adottat leġiżlazzjoni għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani eżoġenu; billi dawn l-iżviluppi huma passi sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba għal politika ta' investiment modernizzata u sostenibbli; billi għad fadal ħafna xi jsir biex din l-aġenda ta' riforma titmexxa 'l quddiem; |
|
S. |
billi l-UE tappoġġa n-negozjati li għaddejjin fil-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL, u l-istabbiliment tal-MIC; |
|
1. |
Jirrikonoxxi li t-TKE ġie kkritikat b'mod qawwi bħala ostaklu għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli u għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-enerġija fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; iqis it-TKE attwali bħala strument antikwat li m'għadux jaqdi l-interess tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-objettiv li ssir newtrali għall-klima sal-2050; |
|
2. |
Jilqa' l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex imexxu 'l quddiem il-proċess ta' modernizzazzjoni tat-TKE; ifaħħar l-isforzi ta' negozjar tal-Kummissjoni biex tikseb l-allinjament tat-TKE mal-mandat li rċeviet mill-Kunsill biex tippreserva l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa miżuri ta' politika pubblika konsistenti mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew; |
|
3. |
Jirrikonoxxi li t-TKE modernizzat ġie nnegozjat b'rispons għad-domanda qawwija mill-Istati Membri tal-UE minn Novembru 2018; jissottolinja li l-emendar tat-TKE jirrikjedi l-unanimità tal-partijiet kontraenti kollha li jivvutaw fil-konferenza annwali tat-TKE; |
|
4. |
Itenni t-tħassib tiegħu li ħafna partijiet kontraenti, inklużi pajjiżi industrijalizzati b'introjtu għoli, jidhru li ma għandhomx l-istess ambizzjonijiet bħall-UE fl-immodernizzar tat-TKE, fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, fit-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u fl-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija, minkejja l-fatt li kollha kemm huma huma wkoll firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi; |
|
5. |
Jissottolinja li t-test finali tat-TKE modernizzat jintegra elementi tal-mandat ta' negozjar mogħti lill-Kummissjoni, mhuwiex allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi, mal-Liġi tal-UE dwar il-Klima jew mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mhuwiex konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE, inklużi, b'mod partikolari, il-projbizzjoni immedjata tal-investituri tal-fjuwils fossili milli jħarrku lill-partijiet kontraenti minħabba li jsegwu politiki għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili, f'konformità mal-impenji internazzjonali tagħhom, it-tqassir sinifikanti tal-perjodu ta' żmien għall-eliminazzjoni gradwali tal-protezzjoni tal-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili, u t-tneħħija tal-mekkaniżmu ISDS; jisħaq li l-Parlament diġà esprima l-pożizzjoni li l-UE u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jiffirmaw jew jirratifikaw trattati dwar il-protezzjoni tal-investimenti li jinkludu l-mekkaniżmu ISDS; itenni li jekk tiġi stabbilita, l-MIC tista' tapplika direttament għall-ftehimiet ta' investiment bilaterali u multilaterali kollha li għaddejjin – inkluż it-TKE – tal-pajjiżi li jissottoskrivu għalih; |
|
6. |
Jilqa' l-intenzjoni tal-UE u tar-Renju Unit li jeskludu l-investimenti fil-fjuwils fossili mill-protezzjoni tat-TKE; jilqa' l-fatt li għall-UE u l-Istati Membri tagħha, il-biċċa l-kbira tal-investimenti l-ġodda fil-fjuwils fossili huma mistennija jitilfu l-protezzjoni mill-15 ta' Awwissu 2023; |
|
7. |
Jinnota li l-proposta modernizzata tat-TKE żżomm il-protezzjoni għall-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili għal mill-inqas 10 snin; jinnota li l-countdown ta' 10 snin jibda mid-dħul fis-seħħ tat-TKE modernizzat, perjodu li jibda fil-15 ta' Awwissu 2023 jekk l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-partijiet kontraenti l-oħra jaqblu li japplikaw il-ftehim b'mod proviżorju, u li altrimenti jibda biss wara r-ratifika minn tliet kwarti tal-partijiet kontraenti, filwaqt li tiġi estiża l-protezzjoni għall-investiment fil-fjuwils fossili għal perjodu qrib l-20 sena previsti fil-klawżola ta' estinzjoni tat-TKE; jinnota li t-TKE modernizzat jistabbilixxi data limitu għall-2040, u li sa dakinhar, l-investimenti kollha fil-fjuwils fossili mhux se jkunu protetti iktar fil-każ ta' partijiet kontraenti li jagħżlu li jidħlu fil-carve-out; jesprimi tħassib kbir li din l-iskeda ta' żmien tmur kontra l-għarfien attwali dwar il-veloċità tal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili meħtieġa biex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li din se timmina l-objettivi klimatiċi tal-UE; ifakkar fil-fatt li l-Parlament kien ħa l-pożizzjoni li t-TKE għandu “jipprojbixxi immedjatament lill-investituri tal-fjuwils fossili milli jfittxu lill-partijiet kontraenti li jfittxu politiki għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili f'konformità mal-impenji tagħhom taħt il-Ftehim ta' Pariġi”; jinnota li d-definizzjoni ta' investimenti eżistenti tkopri proġetti fil-fażi ta' esplorazzjoni u l-isfruttament futur potenzjali tagħhom; |
|
8. |
Jiddispjaċih għall-fatt li, skont it-TKE modernizzat, ħafna mill-partijiet kontraenti ddeċidew li jżommu l-protezzjoni tal-investituri tal-fjuwils fossili b'mod indefinit; |
|
9. |
Jisħaq li t-TKE modernizzat jista' jintuża biss bħala l-bażi għal talbiet ġodda wara d-dħul fis-seħħ sħiħ tiegħu, jew jekk l-istat ospitanti tal-investitur u l-istati rispondenti t-tnejn li huma japplikaw b'mod proviżorju t-TKE modernizzat; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' ċarezza li toħloq din is-sitwazzjoni, peress li tiġġenera implimentazzjoni frammentata u dewmien u tirriskja li ttawwal l-applikazzjoni tat-TKE mhux riformat; |
|
10. |
Jilqa' l-inklużjoni fit-TKE modernizzat ta' dispożizzjonijiet ġodda li jiggwidaw l-interpretazzjoni tat-trattat, speċjalment dispożizzjonijiet ġodda dwar id-dritt ta' regolamentazzjoni fl-interess tal-objettivi leġittimi tal-politika pubblika, il-ħtieġa urġenti li t-tibdil fil-klima jiġi miġġieled b'mod effettiv, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti fl-ambitu ta' ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent u x-xogħol, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi, l-impenn tagħhom li jippromwovu l-investiment fl-enerġija b'mod li jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli, u mġiba responsabbli fin-negozju; jinnota l-inklużjoni ta' mekkaniżmu bbażat fuq il-konċiljazzjoni biex jiġi solvut it-tilwim relatat mal-iżvilupp sostenibbli; |
|
11. |
Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jiffirmaw jew jirratifikaw trattati dwar il-protezzjoni tal-investimenti li jinkludu l-mekkaniżmu ISDS; jiddispjaċih għall-fatt li t-TKE modernizzat żamm dan il-mekkaniżmu antikwat għas-soluzzjoni tat-tilwim u jisħaq fuq l-evidenza konsiderevoli ta' arbitri ta' investiment li jinjoraw l-intenzjoni tal-istati li jipproteġu l-objettivi tal-politika pubblika tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili jew il-protezzjoni tal-ambjent; |
|
12. |
Jappoġġja n-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL, li fihom l-UE u l-Istati Membri tagħha qed isegwu l-istabbiliment tal-MIC, li tista' ssir il-korp aġġudikanti kompetenti li jirriżolvi tilwim dwar investiment internazzjonali; jirrimarka li ladarba tkun stabbilita, l-MIC tapplika direttament għall-ftehimiet ta' investiment bilaterali u multilaterali kollha li għaddejjin – inkluż it-TKE – tal-pajjiżi li jissottoskrivu għalih; ifakkar li skont l-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati tal-1969, is-sistema tal-MIC għalhekk tieħu preċedenza fuq il-mekkaniżmi ISDS tal-pajjiżi li jissottoskrivu għalih; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkonkludi b'suċċess in-negozjati tal-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL kemm jista' jkun malajr; |
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod espliċitu l-inklużjoni ta' mekkaniżmu fil-proċess u l-eżiti tal-UNCITRAL li permezz tiegħu l-istati jistgħu jirtiraw b'mod effiċjenti l-approvazzjoni għall-ISDS mit-trattati tagħhom, jew itemmu t-trattati tagħhom; |
|
14. |
Jinkwieta li l-klawżola ta' estinzjoni ta' 20 sena f'każ ta' ħruġ tibqa' l-istess fit-test modernizzat u jiddispjaċih li din ma kinitx parti mill-mandat ta' negozjar tal-UE, u b'hekk ikompli jċaħħad lill-pajjiżi li jibqgħu partijiet fit-TKE mill-possibbiltà li faċilment iħallu t-trattat jekk l-arbitri jkomplu jimminaw il-kapaċità tal-istati li jirregolaw; jisħaq li l-irtirar mit-TKE jissoġġetta lill-partijiet kontraenti li jitilqu għall-klawżola ta' estinzjoni ta' 20 sena tat-TKE, fejn l-investimenti eżistenti kollha mhux koperti minn ftehim inter se jkomplu jiġu protetti, skont ir-regoli li jinsabu fit-TKE mhux modernizzat; jilqa' l-fatt, madankollu, li l-protezzjoni tintemm immedjatament wara l-irtirar għall-investimenti l-ġodda kollha; jinnota li skont TKE modernizzat, il-biċċa l-kbira tal-investimenti l-ġodda fil-fjuwils fossili mhux se jibqgħu jiġu protetti mill-15 ta' Awwissu 2023; |
|
15. |
Jiddispjaċih li t-TKE modernizzat jonqos milli jindirizza l-kwistjoni kritika tat-tekniki ta' valutazzjoni, u b'hekk jippermetti l-għoti ta' kumpens li jisboq bil-kbir l-ammonti investiti; josserva li l-bidliet proposti għad-dispożizzjonijiet dwar l-indennizzi ftit li xejn ikollhom impatt, peress li l-arbitri għandhom it-tendenza li jinterpretaw il-kunċett ta' “telf” b'mod wiesa' ħafna, inklużi l-profitti futuri mistennija; jinnota li dawn il-metodi huma kontroversjali ħafna minħabba l-marġni wiesa' ħafna ta' diskrezzjoni tagħhom u d-dipendenza fuq suppożizzjonijiet kumplessi ħafna u spekulattivi b'mod inerenti; |
|
16. |
Jilqa' l-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjonijiet tal-ISDS fit-TKE mhumiex applikabbli fil-każ tat-tilwim intra-UE, kif ukoll l-inklużjoni fit-TKE modernizzat tal-prinċipju li d-dispożizzjonijiet tal-ISDS ma japplikawx fost il-membri tal-istess organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-possibbiltà li l-arbitri xorta jistgħu jiddeċiedu li jisimgħu tilwim intra-UE u li l-każijiet fl-ambitu tar-regoli taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar Investiment xorta jistgħu jibqgħu jiġu infurzati fil-qrati ta' pajjiżi oħra; jinnota bi tħassib li s-sentenza Achmea ma skoraġġietx lill-arbitri milli jkomplu jinjoraw ripetutament id-deċiżjoni u jisimgħu tilwim intra-UE; jilqa' l-abbozz tal-Kummissjoni ta' ftehim inter se li jiċċara li t-TKE u l-klawżola ta' estinzjoni tiegħu ma japplikawx, u qatt ma applikaw, f'kuntest intra-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex jirratifikaw tali ftehimiet kemm jista' jkun malajr; jistieden lill-Kummissjoni tilħaq lill-pajjiżi sħab u tipproponi ftehim ieħor li jippermetti lill-partijiet kontraenti tat-TKE mhux tal-UE li jixtiequ jirtiraw biex jinnewtralizzaw il-klawżola ta' estinzjoni fuq bażi reċiproka; |
|
17. |
Jieħu nota tan-nuqqas ta' maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri tal-UE li lesti jappoġġjaw il-modernizzazzjoni tat-TKE li wasslet għall-kollass tal-isforzi ta' modernizzazzjoni; huwa tal-fehma li la l-UE u lanqas l-Istati Membri tagħha ma jistgħu jibqgħu parti tat-TKE attwali minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-UE u l-politika tal-UE; |
|
18. |
Itenni li l-Parlament talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew iħejju ħruġ koordinat mit-TKE u ftehim li jeskludi l-applikazzjoni tal-klawżola ta' estinzjoni bejn il-partijiet kontraenti disposti; ifakkar li l-UE tista' tirratifika t-TKE modernizzat biss bl-approvazzjoni finali tal-Parlament, u li l-Parlament se jikkunsidra l-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu u n-nuqqasijiet tal-modernizzazzjoni jekk jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu; jieħu l-pożizzjoni li l-Parlament se jappoġġja l-ħruġ tal-UE mill-KTE meta jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu; |
|
19. |
Jilqa' t-tħabbira mill-gvernijiet tal-Polonja, ta' Spanja, tan-Netherlands, ta' Franza, tas-Slovenja, tal-Ġermanja u tal-Lussemburgu dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mit-TKE, u jinnota li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-eżitu tal-proċess ta' modernizzazzjoni; |
|
20. |
Jissottolinja l-ħtieġa li tittieħed azzjoni b'mod ikkoordinat sabiex ikunu aktar b'saħħithom fin-negozjati dwar l-irtirar u biex jiġu limitati l-effetti negattivi tal-klawżola ta' estinzjoni u biex jiġi evitat b'mod effettiv it-tilwim intra-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda minnufih il-proċess lejn ħruġ koordinat tal-UE mit-TKE u jistieden lill-Kunsill jappoġġja proposta bħal din; jemmen li din hija l-aħjar għażla għall-UE biex tikseb ċertezza legali, u tipprevjeni t-TKE milli jkompli jipperikola l-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima u s-sigurtà tal-enerġija; |
|
21. |
Jisħaq li l-Kummissjoni ma ppreparatx b'mod adegwat dan l-irtirar koordinat u lanqas ma kkondividiet informazzjoni dwaru, minkejja d-diversi talbiet tal-Parlament mill-bidu tan-negozjati ta' modernizzazzjoni, bħala alternattiva f'każ ta' riżultati mhux sodisfaċenti jew falliment tal-proċess ta' modernizzazzjoni; |
|
22. |
Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' konsistenza bejn il-pożizzjonijiet ta' xi Stati Membri dwar t-TKE u t-TBI tagħhom li għadhom jipproteġu l-investimenti fil-fjuwils fossili u dispożizzjonijiet antikwati li jmorru kontra l-objettivi u l-valuri tal-UE; |
|
23. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. |
(2) ĠU L 350, 4.10.2021, p. 9.
(3) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(4) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.
(5) Opinjoni tas-16 ta' Mejju 2017, EU:C:2017:376.
(6) Sentenza tas-6 ta' Marzu 2018, Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV, C-284/16, EU:C:2018:158.
(7) Opinjoni tat-30 ta' April 2019, EU:C:2019:341.
(8) Sentenza tat-2 ta' Settembru 2021, Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC, C-741/19, C-741/19, EU:C:2021:655.
(9) Sentenza tas-26 ta' Ottubru 2021, Ir-Repubblika tal-Polonja vs PL Holdings Sàrl, C-109/20, EU:C:2021:875.
(10) ĠU L 169, 29.5.2020, p. 1.
(11) Testi adottati, P9_TA(2022)0268.
(12) Testi adottati, P9_TA(2022)0373.