5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/139


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/369

tal-4 ta’ Marzu 2020

li tagħti s-setgħa li tinħareġ twissija esterna dwar entitajiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur u tal-kummerċjant f’livell tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

(2)

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2017/2394 jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħti s-setgħa li toħroġ “twissijiet esterni” dwar ksur suspettat kopert minn dak ir-Regolament fuq entitajiet li jirrappreżentaw lil konsumatur, u, fejn xieraq, lil negozjant, interessi fil-livell tal-Unjoni.

(3)

L-entitajiet koperti minn din id-Deċiżjoni joperaw fuq livell tal-Unjoni u esprimew interess li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ twissija esterna. Dawk l-entitajiet iffirmaw fir-Reġistru tat-Trasparenza u b’hekk fil-Kodiċi ta’ Kondotta li jinsab fl-Anness III tal-Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi involuti li jaħdmu għal rashom fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE (2).

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 japplika mis-17 ta’ Jannar 2020. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-mekkaniżmu ta’ twissija esterna malajr kemm jista’ jkun.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar l-entitajiet koperti minn din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setgħa li tinħareġ twissija esterna skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2017/2394 għandha tingħata lill-entitajiet li ġejjin:

(a)

l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC), bin-Numru ta’ Identifikazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza: 9505781573-45;

(b)

il-Konfederazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet tal-Familja fl-Unjoni Ewropea (COFACE), bin-Numru ta’ identifikazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza: 93283396780-85;

(c)

il-Komunità Ewropea tal-Kooperattivi tal-Konsumatur (EURO COOP), bin-Numru ta’ Identifikazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza: 3819438251-87.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1

(2)   ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11.