31999E0691



Official Journal L 273 , 23/10/1999 P. 0001 - 0001


Pożizzjoni komuni tal-kunsill

tat-22 ta’ Ottubru 1999

dwar is-sostenn tal-forzi demokratiċi fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (FRY)

(1999/691/CFSP)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Lulju 1999 il-Kunsill ta importanza kbira biex jiġu żviluppati kuntatti mal-forzi demokratiċi kollha, inklużi muniċipalitajiet iggvernati demokratikament fil-pajjiż, bil-għan li tiġi mħeġġa d-demokratizzazzjoni fir-FRY;

(2) il-Kunsill qabel ukoll li għandhom jiġu identifikati metodi u mezzi biex tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ dawk il-forzi, inkluż bil-provvista ta’ l-enerġija;

(3) il-Kunsill enfasizza wkoll id-distinzjoni bejn ir-reġim ta’ Belgrad u l-popolazzjoni tar-FRY, li għandha titqies meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar sanzjonijiet;

(4) fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill stqarr mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jkompli jagħti sostenn lill-bidla demokratika fir-FRY u li jagħti għajnuna lill-poplu Serb u l-forzi demokratiċi fil-pajjiż fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu d-demokratizzazzjoni u soċjetà ċivili;

(5) il-Kunsill qabel li wasal iż-żmien biex jiġu stabbiliti kuntatti formali mar-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi fir-FRY;

(6) il-Kunsill iddeċieda jistieden rappreżentanti tal-partiti demokratiċi ta’ l-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili fis-Serbja u tal-Gvern ta’ Montenegro biex jiltaqgħu għal diskussjonijiet biex jagħtihom sostenn fl-isforzi tagħhom li jippromwovu d-demokratizzazzjoni;

(7) il-Kunsill qabel ukoll biex jivvaluta mill-ġdid l-attivitajiet preżenti ta’ sostenn u jintensifika proġetti konkreti ta’ l-Unjoni fis-Serbja fl-oqsma rilevanti, bħal ma hu sostenn għall-media demokratika;

(8) il-Kunsill ta s-sostenn tiegħu kollu għall-varar tal-proġett pilota propost mill-G 17 fil-qafas ta’ l-inizjattiva "Enerġija għad-Demokrazija’" li taħtha l-ibliet ta’ Nis u Pirot ser ikunu ta’ l-ewwel li jingħataw provvista ta’ żejt għall-produzzjoni tas-sħana bħala assitenza li għandha x’taqsam ma’ l-enerġija; il-proġett jista’ aktar tard jiġi estiż għal muniċipalitajiet oħra,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI

Artikolu 1

Biex tiġi mħeġġa d-demokratizzazzjoni fir-FRY, l-Unjoni Ewropea tagħti s-sostenn tagħha kollu lill-forzi li juru r-rabta kompleta tagħhom ma’ valuri demokratiċi.

Artikolu 2

Is-sostenn imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun immirat b’mod partikolari għall-attivitajiet li ġejjin:

- l-iżvilupp ta’ djalogu ma’ mexxejja li għandhom orjentament lejn id-demokrazija u mexxejja ta’ organizzazzjonijiet ċiviċi, inter alia, permezz ta’ laqgħat fil-marġini tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali;

- l-istabbiliment ta’ proċess maqsum fost il-partijiet li jservi ta’ forum għal diskussjoni ġenwina dwar kwistjonijiet politiċi u tekniċi;

- is-sostenn għall-varar tal-proġett pilota propost mill-G 17 fil-qafas ta’ l-inizjattiva "Enerġija għad-Demokrazija" biex tingħata provvista ta’ enerġija lil muniċipalitajiet tas-Serbja;

- l-intensifikazzjoni tas-sostenn għal media demokratika u oqsma oħra rilevanti.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandu jkollha effett mid-data li tiġi adottata.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ottubru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Mönkäre

--------------------------------------------------