SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva (UE) 2016/680 – Artikolu 4(1)(a) sa (c) – Artikolu 8(1) u (2) – Artikolu 10 – Persuna mqiegħda taħt investigazzjoni – Reġistrazzjoni mill-pulizija ta’ data bijometrika u ġenetika – Eżekuzzjoni forzata – Għanijiet ta’ prevenzjoni u sejbien ta’ reati kriminali – Interpretazzjoni tas-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (C‑205/21, EU:C:2023:49) – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi – Evalwazzjoni tal-kriterju ta’ ‘verament meħtieġ’ tal-ipproċessar ta’ data sensittiva – Rwol tal-awtoritajiet kompetenti”
Fil-Kawża C‑80/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sofiyski gradski sad (il‑Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2023, fil-proċeduri kriminali kontra
V.S.,
fil-preżenza ta’:
Ministerstvo na vatreshnite raboti, Glavna direktsia za borba s organiziranata prestapnost,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Gratsias (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u T. Tsingileva, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, C. Georgieva, H. Kranenborg u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(a) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra V.S. u intiżi għall-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ din id-data. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessa 37 tad-Direttiva 2016/680 tipprovdi: “Data personali li, min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […] L-ipproċessar ta’ tali data għandu […] ikun permess bil-liġi meta s-suġġett tad-data jkun qabel b’mod espliċitu mal-ipproċessar li, b’mod partikolari jinvadi l-privatezza tiegħu. Madankollu, il-kunsens mis-suġġett tad-data ma għandux fih innifsu jipprovdi bażi legali għall-ipproċessar ta’ tali data personali sensittiva mill-awtoritajiet kompetenti.” |
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’theddid għas-sigurtà pubblika.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […] (7) ‘awtorità kompetenti’ tfisser:
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġett tad-data”, huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, bħal:
[…]” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”: “1. L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. 2. Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.” |
|
9 |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi: “L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:
|
Id‑dritt Bulgaru
In‑NK
|
10 |
Skont l-Artikolu 11(2) tan-Nakazatelen kodeks (il-Kodiċi Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NK”), ir-reati huma intenzjonali meta l-awtur tal-att ikun jaf bin-natura tiegħu, jew meta l-okkorrenza tar-riżultat tar-reat tkun ġiet mixtieqa minnu, jew meta dan ikun ippermettih. Il-maġġoranza tar-reati previsti fin-NK huma intenzjonali. |
In‑NPK
|
11 |
L-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 80 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NPK”), jipprevedu li r-reati kriminali huma suġġetti għal prosekuzzjoni jew ex officio, jiġifieri li l-akkuża tinbeda mill-prosekutur, inkella mill-parti ċivili. Kważi r-reati kollha previsti min-NK huma suġġetti għal prosekuzzjoni ex officio. |
|
12 |
Skont l-Artikolu 219(1) tan-NPK “meta jkun hemm biżżejjed provi li persuna partikolari tkun ħatja li wettqet reat suġġett għall-prosekuzzjoni ex officio”, din il-persuna titqiegħed taħt investigazzjoni u tiġi informata b’dan. Hija tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi miżuri ta’ restrizzjoni proċedurali, li kontrihom hija tista’ tiddefendi ruħha, billi tagħti spjegazzjonijiet jew billi tipproduċi provi. |
|
13 |
Konformement man-NPK, il-miżuri ta’ investigazzjoni implimentati matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali, sabiex jinġabru provi, u li jwasslu għal preġudizzju tal-isfera privata tal-persuni fiżiċi, huma suġġetti, bħala prinċipju, għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti. |
|
14 |
Fost dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni hemm b’mod partikolari l-eżami tal-persuna, previst mill-Artikolu 158 tan-NPK. Dan l-eżami huwa intiż, essenzjalment, sabiex jistabbilixxi l-karatteristiċi fiżiċi tal-persuna u jista’ jinkludi, jekk neċessarju, it-teħid ta’ ritratti u ta’ marki tas-swaba’ kif ukoll it-teħid ta’ kampjun għall-finijiet tal-profil tad-DNA. L-imsemmi eżami għandu jsir bil-kunsens tal-persuna. Fil-każ li din il-persuna tirrifjuta, hija tkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata, bla ħsara għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-qorti, ħlief fil-każ ta’ urġenza, f’liema każ talba għal approvazzjoni ġudizzjarja għandha titressaq a posteriori. |
|
15 |
F’dan il-kuntest, il-proċess tal-proċeduri kriminali jintbagħat lill-qorti kompetenti, li tista’ b’hekk teżamina d-dokumenti kollha sabiex tevalwa l-fondatezza tat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel jew l-approvazzjoni a posteriori. |
Iż-ZMVR
|
16 |
Skont l-Artikolu 6 taż-zakon sa Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Affarijiet Interni) (DV Nru 53, tas‑27 ta’ Ġunju 2014), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZMVR”), il-Ministeru għall-Affarijiet Interni jeżerċita ċerti attivitajiet prinċipali, inkluża attività ta’ riċerka operattiva u ta’ sorveljanza, attivitajiet ta’ investigazzjoni relatati mar-reati u attività ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
|
17 |
Skont l-Artikolu 27 taż-ZMVR id-data rreġistrata mill-pulizija bis-saħħa tal-Artikolu 68 ta’ din il-liġi hija użata biss fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u taż-żamma tal-ordni pubbliku. |
|
18 |
L-Artikolu 68 taż-ZMVR huwa fformulat kif ġej: “1. L-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jirreġistraw lill-persuni li jitqiegħdu taħt investigazzjoni għal reat kriminali intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio. […] 2. Ir-reġistrazzjoni mill-pulizija tikkostitwixxi kategorija ta’ pproċessar ta’ data personali tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li għandha ssir skont il-kundizzjonijiet ta’ din il-liġi. 3. Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom:
4. Sabiex isiru l-attivitajiet imsemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 3 ma huwiex rikjest il-kunsens tal-persuna. 5. Il-persuni huma obbligati juru kooperazzjoni, ma jostakolawx jew jimpedixxu l-eżerċizzju mill-awtoritajiet tal-pulizija tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 3. Fil-każ ta’ rifjut tal-persuna, l-attivitajiet imsemmija fil-punti 2 u 3 tal-paragrafu 3 huma eżerċitati bil-forza permezz ta’ awtorizzazzjoni tal-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza li taħtha jaqa’ r-reat suġġett għall-prosekuzzjoni ex officio li bih il-persuna tkun mixlija. […]” |
In‑NRISPR
|
19 |
In-naredba za reda za izvarshvane i snemane na politseyska registratsia (ir-Regolament li jirregola l-Modalitajiet ta’ Implimentazzjoni tar-Reġistrazzjoni mill-Pulizija) (DV Nru 90, tal‑31 ta’ Ottubru 2014), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NRISPR”), tispeċifika l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-reġistrazzjoni mill-pulizija prevista fl-Artikolu 68 taż-ZMVR. |
|
20 |
Skont l-Artikolu 11(2) tan-NRISPR, il-persuna li għandha tkun is-suġġett ta’ reġistrazzjoni mill-pulizija tingħata dikjarazzjoni li għandha timla li fiha hija tista’ tesprimi l-kunsens tagħha jew in-nuqqas ta’ qbil tagħha fir-rigward tal-miżuri ta’ teħid ta’ ritratt, ta’ marki tas-swaba’ u ta’ ġbir ta’ kampjun għall-finijiet tad-DNA. Skont l-Artikolu 11(4) tan-NRISPR, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ta’ din il-persuna, il-pulizija għandha tressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni forzata ta’ dawn il-miżuri. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
21 |
Permezz ta’ digriet tal‑1 ta’ Marzu 2021, V.S. tqiegħdet taħt investigazzjoni, abbażi tal-Artikolu 255 u tal-Artikolu 321(2) u (3) tan-NK, talli pparteċipat, flimkien ma’ tliet persuni oħra, fi grupp kriminali organizzat, ikkostitwit bl-għan ta’ arrikkiment, fil-kuntest tal-attività ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali, bl-għan li jwettqu b’mod miftiehem fit-territorju Bulgaru reati ta’ frodi fir-rigward tal-konstatazzjoni u tal-ħlas ta’ djun fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
|
22 |
Wara n-notifika tal-imsemmi digriet ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, V.S. ġiet mistiedna mill-awtoritajiet tal-pulizija, awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, tikkoopera għar-reġistrazzjoni mill-pulizija prevista fl-Artikolu 68 taż-ZMVR. Ingħatatilha formola ta’ dikjarazzjoni li fiha hija indikat li kienet ġiet informata bl-eżistenza ta’ bażi legali li kienet tippermetti din ir-reġistrazzjoni mill-pulizija u li hija kienet qiegħda tirrifjuta li tagħti l-kunsens għall-ġbir tad-data tal-marki tas-swaba’ u fotografika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom kif ukoll għat-teħid ta’ kampjun bl-għan li jiġi stabbilit il-profil tad-DNA tagħha. Dawn l-awtoritajiet tal-pulizija ma pproċedewx b’dan il-ġbir ta’ data u adixxew lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir. |
|
23 |
Ir-rikors tal-awtoritajiet tal-pulizija indirizzat lil din il-qorti kien jindika li kienu nġabru provi suffiċjenti tal-ħtija tal-persuni akkużati fil-kuntest tal-proċeduri kriminali kkonċernati, inkluż ta’ V.S.. F’dan ir-rikors kien hemm ippreċiżat li din tal-aħħar hija mixlija uffiċjalment għat-twettiq ta’ reat imsemmi fil-punt 2 tal-Artikolu 321(3) tan-NK, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u li hija kienet irrifjutat li tikkoopera għall-ġbir tad-data tal-marki tas-swaba’ u t-teħid ta’ ritratt għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ tali data u għal teħid ta’ kampjun sabiex jiġi stabbilit il-profil tad-DNA tagħha, fejn ġiet iċċitata l-bażi legali tal-ġbir ta’ din id-data. Fl-aħħar, f’dan ir-rikors, il-qorti tar-rinviju ntalbet tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir. Kienu biss il-kopji tad-digriet ta’ tqegħid taħt investigazzjoni ta’ V.S. u tal-formola ta’ dikjarazzjoni li hija mliet li kienu annessi mal-imsemmi rikors. |
|
24 |
Peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2021, talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
25 |
B’mod iktar partikolari, permezz tat-tielet domanda tagħha, din il-qorti kienet qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna mixlija b’reat intenzjonali li jkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni ex officio li tikkoopera b’mod volontarju għall-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, il-qorti kriminali kompetenti hija obbligata li tawtorizza l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir, mingħajr ma għandha s-setgħa li tevalwa jekk jeżistux motivi serji sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat li fir-rigward tiegħu hija mixlija (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija), C‑205/21, EU:C:2023:49, punt 77, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I”). |
|
26 |
Barra minn hekk, ir-raba’ domanda tagħha kienet intiża sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tiddetermina jew turi, minn naħa, li dan il-ġbir huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet konkreti mfittxija u, min-naħa l-oħra, li dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-ġbir ta’ parti biss mid-data kkonċernata (sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punt 114). |
|
27 |
Wara emenda leġiżlattiva li daħlet fis-seħħ fis‑27 ta’ Lulju 2022, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata) ġiet xolta u l-kawża prinċipali ġiet ittrasferita minn dik id-data lis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
28 |
Fis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 110 u punt 2 tad-dispożitiv), b’risposta għat-tielet domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(a) tad-Direttiva 2016/680 kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta għandhom ikunu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ rifjut tal-persuna mixlija b’reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, li tikkoopera b’mod volontarju għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika li tikkonċernaha għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, il-qorti kriminali kompetenti hija obbligata li tawtorizza miżura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir, mingħajr ma għandha s-setgħa tevalwa jekk jeżistux motivi serji sabiex jitqies li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat li għalih hija ġiet mixlija, sa fejn id-dritt nazzjonali jiggarantixxi sussegwentement l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-kundizzjonijiet ta’ tqegħid taħt investigazzjoni, li minnha tirriżulta l-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-imsemmi ġbir. |
|
29 |
Fil-kuntest tar-risposta għar-raba’ domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li jipprovdi li l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data indikati f’dan l-artikolu għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” (sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punt 128). |
|
30 |
Fir-rigward tal-konsegwenzi li l-qorti tar-rinviju kellha tislet minn din il-kunsiderazzjoni, fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kien l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, huwiex possibbli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi din l-eżekuzzjoni forzata tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jippermettix li jiġi evalwat jekk tali ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, huwiex “verament […] meħtieġ”. B’mod partikolari, hemm lok, f’dan ir-rigward, li jiġi vverifikat jekk in-natura u l-gravità tar-reat li l-persuna kkonċernata, fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, hija ssuspettata li wettqet jew jekk elementi oħra rilevanti jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi tali li jistabbilixxu li l-ġbir huwa “verament […] meħtieġ”. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-ġbir tad-data tal-istatus ċivili, li huwa wkoll previst fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-pulizija ma jippermettix, waħdu, li jkunu ssodisfatti l-għanijiet imfittxija. |
|
31 |
Fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-każ li d-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix tali stħarriġ tal-miżura ta’ ġbir tad-data bijometrika u ġenetika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tal-imsemmi Artikolu 10 billi tiċħad it-talba tal-awtoritajiet tal-pulizija sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni forzata ta’ dan il-ġbir. |
|
32 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-motivi mogħtija fil-punti 116 sa 134 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’risposta għar-raba’ domanda, li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c), kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku tad-data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali li huwa suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika jew turi, minn naħa, jekk dan il-ġbir huwiex verament meħtieġ sabiex jintlaħqu għanijiet konkreti mfittxija u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-għanijiet jistgħux jintlaħqu permezz ta’ miżuri li huma ta’ inqas indħil għad-drittijiet u għal-libertajiet tal-persuna kkonċernata (sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punt 135 u punt 3 tad-dispożittiv). |
|
33 |
Wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li hija għandha tislet mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda, b’mod partikolari fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors tal-awtoritajiet tal-pulizija intiż għall-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tqis li ma tistax twettaq il-verifiki indikati f’dan il-punt abbażi tad-dokumenti li ntbagħtulha minn dawn l-awtoritajiet, jiġifieri d-digriet ta’ tqegħid taħt investigazzjoni ta’ V.S. kif ukoll il-formola ta’ dikjarazzjoni li permezz tagħha V.S. tirrifjuta li tinġabar id-data bijometrika u ġenetika tagħha, imsemmija fil-punt 23 tas-sentenza preżenti. Hija tqis li, sabiex tagħmel dan, hija għandu jkollha l-proċess kollu, aspett li jippreżumi li hija tapplika mhux ir-regola speċjali prevista, fil-kuntest tal-proċedura tar-reġistrazzjoni mill-pulizija, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(5) taż-ZMVR, iżda regoli ġenerali tan-NPK applikabbli għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex tipproċedi għal miżuri investigattivi li jippreġudikaw l-isfera privata tal-persuni fiżiċi, u b’mod partikolari tal-Artikolu 158 ta’ dan il-kodiċi. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-punti 100 u 101 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx kontra l-Artikolu 47 tal-Karta li qorti, adita b’talba għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni ta’ ġbir forzat ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuna mixlija, ma jkollhiex il-provi li wasslu għal dan it-tqegħid taħt investigazzjoni u, għaldaqstant, ma tkunx tista’ twettaq evalwazzjoni ta’ dawn il-provi. |
|
36 |
Madankollu, hija tqis li din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-evalwazzjoni mill-qorti tal-provi li jiġġustifikaw it-tqegħid taħt investigazzjoni, matul il-fażi preliminari tal-proċeduri kriminali, tista’ tostakola l-iżvolġiment tal-investigazzjoni kriminali li matulha tinġabar din id-data. |
|
37 |
B’mod partikolari, hija tenfasizza li, fil-kuntest tal-proċedura rregolata mill-Artikolu 158 tan-NPK, il-leġiżlatur Bulgaru ppreveda l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv kif ukoll il-komunikazzjoni tal-proċess tal-kawża lill-qorti iżda li dan ma huwiex il-każ fil-kuntest tar-reġistrazzjoni mill-pulizija. Fil-fehma tagħha, ir-raġunijiet għal din id-differenza ta’ reġim legali huma, minn naħa, li l-ġbir ta’ data fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni huwa mitlub mill-pulizija u mhux mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li dan il-ġbir iseħħ biss fil-perspettiva li din id-data inkwistjoni tkun eventwalment użata fil-futur, jekk tirriżulta li tkun neċessarja. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju effettiv f’tali sitwazzjoni la għandha l-għan li tosserva s-sigriet istruttorju u lanqas li ma tostakolax il-miżuri ta’ investigazzjoni futuri fil-kuntest tal-proċedura kriminali inkwistjoni. |
|
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li, qabel ma teżiġi mill-awtoritajiet kompetenti t-trażmissjoni tal-proċess tal-proċeduri kriminali, hija għandha tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja l-konferma li tali rekwiżit ma jikkontradixxix il-punti 100 u 101 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I jew, għall-kuntrarju, indikazzjoni li l-verifiki msemmija fil-punt 133 ta’ din is-sentenza għandhom isiru biss abbażi tad-digriet ta’ tqegħid taħt investigazzjoni tal-persuna kkonċernata u tad-dikjarazzjoni ta’ rifjut tagħha li tinġabar id-data bijometrika u ġenetika tagħha. |
|
39 |
Barra minn hekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tali konferma, il-qorti tar-rinviju tqis li, peress li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-proċess tal-proċeduri kriminali, hija jkollha tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmi tqegħid taħt investigazzjoni. |
|
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
41 |
Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. F’dan ir-rigward, hija tqis li, fis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet lill-qorti tar-rinviju bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqha tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha. Barra minn hekk, hija ssostni li d-domandi preliminari huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 133 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li ddeċidiet dwar l-istħarriġ li l-qorti nazzjonali għandha twettaq qabel ma tawtorizza miżura ta’ ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika u għalhekk ma imponietx fuq il-qorti tar-rinviju verifika speċifika b’rabta ma’ dan il-ġbir. Min-naħa l-oħra, huwa allegatament b’mod żbaljat li mill-punti 100 u 101 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I din il-qorti ddeduċiet li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala konformi mad-dritt tal-Unjoni l-istħarriġ ġudizzjarju limitat previst fl-Artikolu 68(5) taż-ZMVR u tikkonkludi, minħabba f’hekk, li teżisti kontradizzjoni bejn dawn il-punti u l-punt 133 ta’ dik is-sentenza. |
|
42 |
Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, ladarba d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Iċ-ċaħda ta’ talba mressqa minn qorti tar-rinviju hija għaldaqstant possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 24 kif ukoll il-l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar ukoll li l-awtorità li għandha sentenza mogħtija fi proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali li lilha tkun indirizzata din is-sentenza milli tqis neċessarju li terġa’ tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma taqta’ l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali rinviju jista’ jkun iġġustifikat meta l-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fir-rigward tal-komprensjoni jew tal-applikazzjoni tas-sentenza, meta hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda ġdida dwar punt ta’ dritt jew inkella meta hija tissottometti elementi ta’ evalwazzjoni ġodda li jistgħu jwassluha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta differenti għal domanda li tkun diġà saret (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Kaba,C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2023, Pro Rauchfrei II, C‑356/22, EU:C:2023:174, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Fil-każ ineżami, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja preċiżazzjonijiet dwar ir-rekwiżit relatat mal-istħarriġ ġudizzjarju tal-aspett li l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika għandu jkun “verament […] meħtieġ”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li, fil-fehma tagħha, kien ġie stabbilit fil-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tal-awtoritajiet tal-pulizija Bulgari, intiż għall-eżekuzzjoni forzata tal-ġbir ta’ tali kategoriji ta’ data, liema talba hija preċiżament l-oriġini tad-domandi preliminari li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet f’dik is-sentenza. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula għandhom rabta diretta mal-kawża prinċipali u huma rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni dwarha. |
|
46 |
Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni, dwar l-allegata interpretazzjoni żbaljata, mill-qorti tar-rinviju, tal-punti 100, 101 u 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, dan jikkonċerna, fir-realtà, il-mertu tad-domandi magħmula u għalhekk, ma jistax min-natura tiegħu stess, iwassal għall-inammissibbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Proximus (Direttorju pubbliku elettroniku), C‑129/21, EU:C:2022:833, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
|
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id-domandi li jsirulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domanda tagħha (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia, (C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mill-punti 29 sa 32 tas-sentenza preżenti, fil-punti 116 sa 135 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtoritajiet kompetenti, li jivverifikaw u juru li huwa “verament […] meħtieġ” li jipproċedu għall-ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti”, li taħtu jaqgħu l-awtoritajiet tal-pulizija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istess bħala kull awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, kif ukoll kull korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u prerogattivi ta’ awtorità pubblika għal tali finijiet. |
|
51 |
Barra minn hekk, peress li, fil-punt 135 u fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, fir-rigward tar-risposta għar-raba’ domanda fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jitqies li d-domanda preżenti tirrigwarda wkoll dawn id-dispożizzjonijiet kollha. |
|
52 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li tivverifika u turi li dan il-ġbir huwa verament meħtieġ, konformement mal-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, l-osservanza ta’ tali obbligu tista’ tiġi żgurata mill-qorti adita minn din l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-imsemmi ġbir, jekk ikun il-każ billi titlob it-trażmissjoni tal-proċess tal-proċeduri kriminali. |
|
53 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika li tirregola l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali, b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura protezzjoni addizzjonali tas-suġġett tad-data, sa fejn, minħabba s-sensittività partikolari tagħha u tal-kuntest li fih tiġi pproċessata, id-data inkwistjoni tista’ tikkawża, hekk kif jirriżulta mill-premessa 37 tal-imsemmija direttiva, riskji kbar għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (sentenzi Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punt 116 kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsiaNatsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 47). |
|
54 |
Għal dak il-għan, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 10, ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ tali data sensittiva huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” għandu jiġi interpretat fis-sens li jiddefinixxi kundizzjonijiet imsaħħa ta’ legalità għall-ipproċessar ta’ tali data, fid-dawl ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1)(b) u (c) u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680, li jirreferu biss għall-“ħtieġa” ta’ pproċessar ta’ data li jaqa’, b’mod ġenerali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punti 117, kif ukoll is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Bezirkshauptmannschaft Landeck (Tentattiv ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari), C‑548/21, EU:C:2024:830, punt 107). |
|
55 |
Għaldaqstant, fis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tivverifika u li turi li dan il-ġbir huwa verament meħtieġ, konformement mal-obbligu tagħha, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, tmur, bħala prinċipju, kontra dan l-Artikolu 10, peress li tali leġiżlazzjoni tista’ twassal, b’mod indifferenzjat u ġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mqiegħda taħt investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, punti 128, 129 u 135). |
|
56 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, indikat, fil-punt 133 tas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, id-dritt nazzjonali jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lil din il-qorti tiddetermina jekk id-dritt nazzjonali jippermettix li l-awtoritajiet kompententi, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jevalwaw jekk tali ġbir kemm tad-data bijometrika kif ukoll tad-data ġenetika tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, huwiex “verament meħtieġ”. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfakkar lil din il-qorti li l-prinċipju ta’ supremazija kien jobbligaha, b’mod partikolari, li tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, M.D (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, l-imsemmi punt kien sempliċement jindika lil din il-qorti li hija kellha tivverifika jekk id-dritt nazzjonali setax jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti sabiex iwettqu dan l-ipproċessar ta’ data kienu f’pożizzjoni li jwettqu l-evalwazzjoni li huma għandhom iwettqu skont dan l-Artikolu 10. |
|
57 |
Minn dan isegwi li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 24 u 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għall-premessa li fuqha huma bbażati d-domandi tal-qorti tar-rinviju, fl-assenza ta’ obbligu għall-awtorità kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, li twettaq l-evalwazzjoni dwar jekk l-ipproċessar li hija wettqet jew li hija għandha l-intenzjoni li twettaq huwiex verament meħtieġ, qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali pproċessar ta’ data personali mwettqa minn din l-awtorità kompetenti ma tistax tiżgura, minflok din tal-aħħar, l-osservanza tal-obbligu impost fuq l-imsemmija awtorità skont l-imsemmi Artikolu 10. |
|
58 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tipprevedi li tevalwa hija stess jekk il-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuna kkonċernata huwiex “verament […] meħtieġ” ma hijiex tali li tiggarantixxi l-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, peress li ma tippermettix, fi kwalunkwe każ, li tiġi rrimedjata l-assenza ta’ obbligu għall-awtoritajiet kompetenti, skont din il-leġiżlazzjoni, li jivverifikaw u juru li tali ġbir huwa verament meħtieġ. |
|
59 |
Tali konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, hekk kif jirriżulta mill-punti 18, 20, 22 u 23 tas-sentenza preżenti, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ persuni mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għandu jkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata awtorizzata, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, mill-qorti kompetenti, meta l-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha għal tali ġbir. Bil-kontra, hekk kif ikkonferma l-Gvern Bulgaru waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens tagħha għal dan, tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja ma hijiex meħtieġa, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipproċedu għall-imsemmi ġbir abbażi biss ta’ dan il-kunsens. |
|
60 |
Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, il-qorti kompetenti ma hijiex f’pożizzjoni, ipotetikament, li tiżgura l-protezzjoni legali tal-persuni kkonċernati li jkunu esprimew tali kunsens, b’mod partikolari, fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza, mill-awtoritajiet kompetenti, tar-rekwiżit li l-ġbir ikun verament meħtieġ, kif interpretat mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza preżenti. |
|
61 |
Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li tivverifika u turi li dan il-ġbir huwa verament meħtieġ, konformement mal-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, l-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax tiġi żgurata mill-qorti adita minn din l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-imsemmi ġbir, peress li hija l-imsemmija awtorità kompetenti li għandha twettaq l-evalwazzjoni meħtieġa skont dan l-Artikolu 10. |
Fuq it‑tieni domanda
|
62 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1)(a) sa (c) kif ukoll mal-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija b’reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, mingħajr ma tipprevedi l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li tivverifika u turi li dan il-ġbir huwa verament meħtieġ, konformement mal-Artikolu 10 ta’ din l-istess direttiva, l-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax tiġi żgurata mill-qorti adita minn din l-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni forzata tal-imsemmi ġbir, peress li hija l-imsemmija awtorità kompetenti li għandha twettaq l-evalwazzjoni meħtieġa skont dan l-Artikolu 10. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.