31980L0876



Official Journal L 250 , 23/09/1980 P. 0007 - 0011
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0003
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0071
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 11 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 11 P. 0071


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-15 ta’ Lulju 1980

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar fertilizzanti puri ta’ nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu

(80/876/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekomomika Ewropea, u b’mod partikolari l-artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 76/116/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ fertilizzanti [4] diġa' stipulat ir-regoli tal-Komunità dwar l-isem, il-komposizzjoni, t-tikkettjar u l-imballaġġ ta’ l-aktar mill-fertilizzanti puri u komposti importanti fil-Komunità; billi l-fertillizzanti bbażati fuq in-nitrat ta’ l-ammonju huma l-iskop partikolari ta’ dik id-Direttiva; billi jidher meħtieġ, iżda, b’kunsiderazzjoni tan-natura partikolari ta’ dan it-tip ta’ fertilizzant u l-ħtiġiet partikolari li jimplika fir-rigward tas-sigurtà pubblika, saħħa u protezzjoni tal-ħaddiema, li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali tal-Komunità għal dawn il-fertilizzanti;

Billi n-nitrat ta’ l-ammonju huwa l-ingredjent essenzjali ta’ varjetà ta’ prodotti, li wħud minnhom huma maħsuba għall-użu bħala fertilizzanti u oħrajn bħala splussivi; billi, minħabba diverġenzi fid-disposizzjonijiet nazzjonali dwar il-klassfikazzjoni ta’ prodotti użati bħala fertilizzanti u prodotti oħra bbażati fuq in-nitrat ta’ l-ammonju, ir-regolamenti li jikkontrollaw it-tqegħid fis-suq tal-fertilizzanti bbażati fuq in-nitrat ta’ l-ammonju huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor; billi minħabba dawn id-diverġenzi huma jfixklu n-negozju fil-fertilizzanti puri tan-nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli tan-nitroġenu fil-Komunità Ekonomika Ewropea;

Billi dawn l-ostakoli għall-istabbiliment tas-suq komuni jista’ jitnaqqsu u saħansitra jiġu eliminati jekk l-istess ħtiġiet jiġu adottati mill-Istati Membri kollha jew b’żieda ma’ jew minflok il-liġijiet preżenti tagħhom;

Billi wħud mill-prodotti koperti minn din id-Direttiva jistgħu f’ċerti ċirkostanzi jiġu wżati għal għanijiet oħra minbarra dawk li għalihom huma maħsuba, li jistgħu b’dan jipperikolaw is-sigurtà tal-persuni u l-proprjetà; billi l-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jiġu mwaqqfa milli jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw dan l-użu;

Billi fuq kollox huwa meħtieġ, għal dan il-għan u fl-interess tas-sigurtà pubblika, li jiġu determinati fuq livell tal-Komunità il-karatteristiċi u l-proprjetajiet li jiddistingwu lill-fertilizzanti puri tan-nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu minn varjetajiet tan-nitrat ta’ l-ammonju wżati għall-manifattura ta’ prodotti użati bħala splussivi;

Billi l-fertilizzanti puri tan-nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu għandhom jikkonformaw ma’ ċerti karatteristiċi biex jiġi żgurat illi m’humiex perikolużi; billi, b’żieda, bosta Stati Membri jixtiequ jkunu liberi li jissoġġettaw dawn il-fertilizzanti għal testijiet ta’ resistenza kontra d-detonazzjoni qabel jew wara li jiġu mqiegħda fis-suq;

Billi d-determinazzjoni tal-metodi ta’ l-analiżi u sorveljanza, kif ukoll kull tibdil jew żidiet li jsiru fihom biex jieħdu kont tal-progress tekniku, jikkostitwixxu miżuri ta’ natura teknika li l-adozzjoni tagħhom għandha tkun ir-responsabbilità tal-Kummissjoni biex il-proċedura tiġi simplifikata u mħaffa;

Billi l-progress tekniku iġiegħel il-ħtieġa ta’ l-adattament fil-pront tal-ħtiġiet tekniċi ta’ din id-Direttiva; billi diġa' twaqqfet proċedura taħt l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 76/116/KEE biex jiġu adattati Direttivi dwar fertilizzanti għall-progress tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Bla preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 76/116/KEE, din id-Direttiva għandha tapplika għall-fertilizzanti puri tan-nitrat ta’ l-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu mqiegħda fis-suq fl-Istati Membri tal-Komunità.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘fertilizzanti’ tfisser prodotti bbażati fuq nitrat ta’ l-ammonju manifatturati kimikament għall-użu bħala fertilizzanti u li jkun fihom aktar minn 28 % skond il-piż ta’ nitrogenu, li jista’ jkun fih additivi inorganiċi jew sustanzi inerti bħal ġebla franka mitħuna, dolomit mitħun, sulfat tal-kalċju, sulfat tal-manjeżju u kieserite.

3. Additivi inorganiċi jew sustanzi inerti, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jintużaw għat-taħlit tal-fertilizzant m’għandhomx iżidu s-sensitività tiegħu għas-sħana jew it-tendenza tiegħu li jiġi detonat.

Artikolu 2

Biex ikun eliġibbli għad-deskrizzjoni ‘fertilizzant tal-KEE’, il-fertilizzant għandu jikkonforma mal-karatteristiċi u l-limiti stabbiliti fl-Anness I. Il-persuna responsabbli għat-tqwgħid fis-suq tal-fertilizzant, stabbilita fil-Komunità, għandħa tiċċertifika il-konformità tiegħu billi tuża d-deskrizzjoni ‘fertilizzant tal-KEE’.

Artikolu 3

Fertilizzant li huwa mballat biss jista jitqigħed għad-disposizzjoni ta’ l-uttent aħħari.

Ir-regoli internazzjonali dwar it-trasport ta’ sustanzi perikolużi għandhom jibqgħu japplikaw għat-trasport ta’ fertilizzanti.

Artikolu 4

L-ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet relatati mal-ħtiġiet stipulati f’din id-Direttiva, jipprojbixxi, jirrestrinġi jew ifixkel it-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzant li għandu d-deskrizzjoni ‘fertilizzant tal-KEE’ u li jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 5

Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jipprekludux it-teħid ta’ miżuri li huma ġustifikati fuq bażi ta’ sigurtà pubblika li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ fertilizzanti.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-fertilizzanti li jitqiegħdu fis-suq taħt id-deskrizzjoni ‘fertilizzanti tal-KEE’ ikunu jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-Anness I li jinsab magħha.

Artikolu 7

1. Bla preġudizzju għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jekk jixtiequ jagħmlu kontrolli addizzjonali fuq ‘fertilizzant tal-KEE’. Dawn il-kontrolli jistgħu jsiru jew qabel jew wara li l-fertilizzanti jitqiegħdu fis-suq, jew wara l-marketing, jew fiż-żewġ stadji fl-istess ħin.

2. Għal dawn il-kontrolli t-test deskritt fl-Anness II biss għandu jintuża.

3. ‘Fertilizzant tal-KEE’ li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, u, fejn mitlub mill-Istat Membru, it-test ta’ reżistenza kontra d-detonazzjoni deskritt fl-Anness II, ma għandux jiġi soġġettat għal disposizzjonijiet nazzonali – partikolarment fir-rigward tal-ħażna – li huma strinġenti daqs dawk li jgħoddu għall-prodotti li ma jissoddisfawx dawn il-ħtiġiet.

Artikolu 8

1. Dan li ġej għandu jiġi stabbilit skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 76/116/KEE:

- il-metodu biex tiġi kontrollata l-konformità mal-ħtiġiet tal-punti 1, 2 u 6 ta’ l-Anness I u l-metodu li bih isir it-test deskritt fl-Anness II;

- in-numru ta’ ċikli termali stabbilit fl-Anness II li l-fertilizzant għandu jgħaddi minnu. Għandu jkun hemm għall-inqas żewġ ċikli termali;

- metodi ta’ analiżi u teħid ta’ kampjuni;

- il-livelli massimi permissibbli għal metalli tqal.

2. L-emendi kollha meħtieġa biex jiġu adattati għall-progress tekniku il-metodi biex jiġi determinati l-komposizzjoni u l-proprjetajiet tal-fertilizzanti u l-metodu li bih isir it-test ta’ reżistenza kontra d-detonazzjoni għandhom jiġu adottati bl-istess proċedura.

3. Għandha tittieħed deċiżjoni bl-istess proċedura tliet snin wara l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva dwar jekk il-ħtieġa ta’ żewġ ċikli termali għandhiex tinżamm għat-test imsemmi fit- Taqsima I ta’ l-Anness I.

Artikolu 9

1. Fejn Stat Membru għandu raġunijiet tajba għaliex jaħseb li fertilizzant, minkejja li jissoddisfa l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, jikkostitwixxi periklu għas-sigurtà jew is-saħħa, jista’ temporanjament jipprojbixxi it-tqegħid fis-suq tal-fertilizzant fit-territorju tiegħu jew jissoġġetah għal kondizzjonijiet speċjali. Għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan minnufih, u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Fi żmien sitt ġimgħat il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma’ l-Istati Membru kkonċernati u mbagħad tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-passi xierqa.

3. Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li huma meħtieġa adattamenti tekniċi għal din id-Direttiva, dawn l-adattamenti għandhom jiġu adottati, jew mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. F’dan il-każ, l-Istat Membru li jkun ħa l-miżuri ta’ prekawzjoni jista’ jżommhom sakemm l-addattamenti jibdew iseħħu.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw id-disposizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tmintax-il xahar min-notifika tagħha, u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Għandhom japplikaw dawn id-disposizzjomijiet mill-1 ta’ Jannar 1984.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-Kummissjoni tiġi nfurmata dwar it-testijiet u d-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-15 ta’ Lulju 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Santer

[1] ĠU C 16, tat-23.1.1976, p. 4.

[2] ĠU C 125, tat-8.6.1976, p. 43.

[3] ĠU C 204, tat-30.8.1976, p. 10.

[4] ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 21.

--------------------------------------------------

ANNESS I

KARATTERISTIĊI TA’ U LIMITI GĦALL-FERTILIZZANTI PURI TAN-NITRAT TA’ L-AMMONJU B’KONTENUT GĦOLI TA’ NITROĠENU

1. Porożita' (żamma taż-żejt)

Iż-żamma taż-żejt tal-fertilizzant, li għandu jkun l-ewwel għadda minn żewġ ċikli termali ta’ temperatura bejn 25 u 50 °C, ma tistgħax teċċedi l-4 % skond il-piż.

2. Ingredjenti kombustibbli

Il-perċentwali skond il-piż ta’ materjal kombustibbli mkejjel bħala karbonju ma għandux jeċċedi l- 0.2 % għall-fertilizzanti b’kontenut ta’ nitroġenu ta’ mill-inqas 31.5 % skond il-piż u ma għandux jeċċedi 0.4 % għall-fertilizzanti b’kontenut ta’ mill-inqas 28 % iżda anqas minn 31.5 % skond il-piż.

3. pH

Soluzzjoni ta’ 10 g ta’ fertilizzant f’100 ml ilma għandu jkollu pH għall-inqas ta’ 4.5.

4. Analiżi tad-daqs tal-partikoli

Mhux aktar minn 5 % skond il-piż tal-fertilizzant għandu jgħaddi minn passatur b’toqob tax-xibka ta’ 1 mm u mhux aktar minn 3 % skond il-piż għandu jgħaddi minn passatur b’toqob tax-xibka ta’ 0.5 mm.

5. Klorin

Il-kontenut massimu tal-klorin huwa stabbilit għal 0.02 % skond il-piż.

6. Metalli tqal.

Metalli tqal ma għandhomx jiżdiedu deliberatamant, u kull traċċa li hija inċidentali għall-proċess tal-produzzjoni m’għandhiex teċċedi l-limitu ffissat mill-Kumitat.

--------------------------------------------------

ANNESS II

DESKRIZZJONI TAT-TEST TAR-REŻISTENZA GĦAD-DETONAZZJONI IMSEMMI FL-ARTIKOLU 7

It-test għandu jitwettaq fuq kampjun rappreżentattiv ta’ fertilizzant. Qabel ma jiġi ttestjat għar-resistenza kontra d-detonazzjoni, il-massa sħiħa tal-kampjun għandha tiġi ċiklata termalment mhux aktar minn ħames darbiet.

Il-fertilizzant għandu jiġi soġġettat għat-test tar-reżistenza kontra d-detonazzjoni f’tubu ta’ l-azzar orizzontali taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

tubu ta’ l-azzar magħmul f’biċċa waħda | |

Tul tat-tubu: | għall inqas 1000 mm |

Djametru estern nominali | għall inqas 114 mm |

Ħxuna nominali tat-tubu | għall inqas 5 mm |

Booster: | it-tip u l-massa tal-booster magħżul għandu jkun tali li jżid kemm jista’ l-pressjoni tad-detonazzjoni applikata għall-kampjun biex tiġi determinata is-suxxettibilità tiegħu għat-trasmissjoni tad-detonazzjoni |

Temperatura tat-test: | 15 – 25 º Ċ |

Ċilindri witness taċ-ċomb għall-kxif tad-detonazzjoni: | dijametru 50 mm għoli 100mm |

imqiegħda f’intervalli ta’ 150 mm u li jżommu it-tubu orizzontalment. It-test għandu jsir darbtejn. It-test jitqies konklusiv jekk fiż-żewġ testijet wieħed jew aktar miż-żewġ ċilindri taċ-ċomb li jżommu jitgħaffeġ b’inqas minn 5 %.

--------------------------------------------------