Official Journal L 212 , 07/08/2001 P. 0009 - 0009
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/2001 tas-6 ta’ Awissu 2001 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1622/2000 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati biex ikun implimentat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, u li jistabbilixxi kodiċi ta’ prattika enoloġika komuni tal-Komunità dwar metodi ta’ analiżi. IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 46 tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1622/2000 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 885/2001 [4], iżomm fis-seħħ ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2676/90 tas-17 ta’ Settembru, 1990, li jistabbilixxi l-metodi tal-Komunità għall-analiżi ta’ nbejjed [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 761/1999 [6], b’eċċezzjoni tal-metodi tas-soltu li mhux ser jibqgħu ikunu deskritti aktar mill-1 ta’ Awissu, 2001. (2) Diversi metodi tas-soltu ta’ analiżi jintużaw normalment mill-laboratorji ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri u l-preċiżjoni u l-eżattezza tagħhom, stabbilita permezz ta’ studji analitiċi kollaborattivi, jidhru li huma l-istess bħal dawk tal-metodi ta’ riferenza ta’ analiżi tar-Regolament (KEE) Nru 2676/90. Barra dan, l-Uffiċċju Internazzjonali ta’ Għeneb u Nbid għamel studju ta’ validazzjoni ta’ xi wħud minn dawn il-metodi bil-għan li jkunu rikonoxxuti bħala metodi ta’ riferenza. Din ir-reviżjoni tal-validità tal-metodi tas-soltu jeħtiġilha sentejn oħra ta’ studju, li matulhom huwa rakkomandat li l-metodi jibqgħu kif deskritti fir-Regolament (KEE) Nru 2676/90. (3) Ir-Regolament (KE) Nru 1622/2000 għandu għalhekk ikun emendat biex ikun hemm posponiment ta’ sentejn tar-revoka tal-metodi tas-soltu deskritti fl-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 2676/90. (4) Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Id-data ta’ l-1 ta’ Awissu, 2001, fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1622/2000, għandha tkun sostitwita bl-1 ta’ Awissu, 2003. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mill-1 ta’ Awissu, 2001. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, is-6 ta’ Awissu, 2001. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1. [2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2. [3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 1. [4] ĠU L 128, ta’ l-10.5.2001, p. 54. [5] ĠU L 272, tat-3.10.1990, p. 1. [6] ĠU L 99, ta’ l-14.4.1999, p. 4. --------------------------------------------------