European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7425

12.12.2024

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Diċembru 2024

dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02

(C/2024/7425)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk mingħand ħaddieħor huwa sors mifrux ta' mortalità, morbidità u diżabilità fl-Unjoni. Tali esponiment huwa assoċjat mal-konsum tat-tabakk, li jibqa' l-kawża ewlenija ta' kanċers li jistgħu jiġu evitati, b'27 % tal-kanċers kollha attribwiti għall-użu tat-tabakk.

(2)

L-użu tat-tabakk għadu mifrux, fuq livell dinji u madwar l-Unjoni kollha. Fl-2023, ġie stmat li 24 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea jpejpu (1).

(3)

Il-kost ekonomiku annwali dinji tat-tipjip kien stmat għal USD 1,4 triljun fl-2012, li hu ekwivalenti għal 1,8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) dinji. Fl-2009, it-tipjip tat-tabakk diġà sewa lill-UE EUR 544 biljun, li huwa madwar 4,6 % tal-PDG ikkombinat tal-UE27 (2).

(4)

Huwa xieraq li jingħata kontribut għat-tnaqqis tar-rati tat-tipjip fl-Unjoni, f'konformità mal-objettiv tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer (3) li tinkiseb ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk fejn anqas minn 5 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni tuża prodotti tat-tabakk sal-2040.

(5)

Il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tad-WHO ġiet żviluppata bil-għan li trawwem rispons internazzjonali effettiv u komprensiv għat-tixrid tal-epidemija dinjija tat-tabakk. L-Artikolu 8 tal-FCTC jirrikjedi li l-partijiet tagħha jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan tat-tabakk mingħand ħaddieħor fil-postijiet tax-xogħol, fit-trasport pubbliku u fil-postijiet fuq ġewwa; il-Linji gwida annessi mal-FCTC għandhom l-għan li jgħinu lill-partijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dak l-Artikolu.

(6)

L-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġlieda kontra t-Tabakk adottata mill-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO f'Settembru 2002 irrakkomandat li l-Istati Membri tad-WHO jiżguraw d-drittijiet taċ-ċittadini għal ambjent mingħajr duħħan billi, fost l-oħrajn, jagħmlu l-ispazji pubbliċi, il-postijiet tax-xogħol u t-trasport pubbliku mingħajr duħħan, jipprojbixxu t-tipjip fil-beraħ fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha għall-minuri, fil-postijiet kollha tal-għoti tal-kura tas-saħħa u fl-avvenimenti pubbliċi, kif ukoll billi jikklassifikaw id-duħħan ambjentali tat-tabakk (ETS) bħala karċinoġenu (4).

(7)

L-emissjonijiet mingħand ħaddieħor minn prodotti emerġenti jista' potenzjalment ikollhom impatti ta' ħsara fuq is-saħħa. Id-WHO tenfasizza li l-emissjonijiet mingħand ħaddieħor minn prodotti emerġenti jistgħu jesponu lill-persuni għal livelli potenzjalment dannużi ta' materja partikolata u sustanzi tossiċi ewlenin.

(8)

Id-WHO (5), (6), (7) enfasizzat, fost kwistjonijiet oħra relatati ma' prodotti emerġenti, l-effetti negattivi fuq is-saħħa mill-esponiment għal aerosols mingħand ħaddieħor. Pereżempju, evidenza reċenti indikat li l-esponiment għall-emissjonijiet mingħand ħaddieħor minn prodotti tat-tabakk imsaħħna kien assoċjat ma' anormalitajiet respiratorji u kardjovaskulari sinifikanti f'persuni fil-qrib (8), (9), (10), (11), (12), (13). Barra minn hekk, l-aerosols mingħand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi, inkluż kemm dawk bin-nikotina kif ukoll dawk mingħajrha, jesponu lill-persuni fil-qrib għal livelli kwantifikabbli ta' materja partikolata u sustanzi tossiċi u kontaminanti ewlenin (14), (15), (16), (17), (18), (19), (20).

(9)

Id-WHO tqis li l-ebda livell ta' esponiment sekondarju mhuwa sikur jew aċċettabbli (4) u għalhekk jenħtieġ li jittieħed approċċ metikoluż. Id-WHO tirrakkomanda l-applikazzjoni ta' miżuri biex jiġi miġġieled it-tabakk, inkluż il-protezzjoni mill-esponiment, għas-sigaretti elettroniċi (21), (4), (5).

(10)

Fl-opinjoni tiegħu tal-2021 dwar is-sigaretti elettroniċi (22), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) ikkonkluda li hemm evidenza dgħajfa sa moderata tar-riskji ta' ħsara respiratorja, kardjovaskulari u karċinoġenika minħabba l-esponiment għall-aerosols mingħand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi.

(11)

Ambjenti mingħajr duħħan u aerosols huma approċċ rikonoxxut u pprovat fuq livell dinji biex tiġi protetta b'mod adegwat saħħet in-nies mill-effetti tad-duħħan tat-tabakk u tal-aerosols mingħand ħaddieħor.

(12)

F'dawn l-aħħar snin, il-prodotti emerġenti bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħna kkonsolidaw l-ishma tas-suq tagħhom u l-użu tagħhom qed jiżdied. Abbażi tad-data tal-Ewrobarometru, il-prevalenza tal-użu tas-sigaretti elettroniċi fl-Unjoni kollha hija ta' 3 % u l-prevalenza tal-użu tal-prodotti tat-tabakk imsaħħna hija ta' 2 %.

(13)

Kwistjoni ta' tħassib speċifiku b'rabta mal-iżvilupp tas-suq tal-prodotti emerġenti, bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħna, hija l-użu partikolari tagħhom u kemm dawn huma attraenti fost it-tfal u ż-żgħażagħ.

(14)

L-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols mingħand ħaddieħor huwa partikolarment perikoluż għat-tfal u għall-adolexxenti u jista' jżid il-probabbiltà li dawn jibdew ipejpu (4), (5), (6).

(15)

Fl-2023, ġie stmat li 54 % ta' dawk li jpejpu attwalment u ta' dawk li kienu jpejpu bdew ipejpu regolarment qabel l-età ta' 19-il sena, u 14 % qabel l-età ta' 15-il sena, matul tfulithom (1).

(16)

L-użu tal-prodotti emerġenti li fihom in-nikotina, b'mod partikolari miż-żgħażagħ, huwa assoċjat ma' vizzju u jista' jsir punt tat-tluq għall-użu aktar tard ta' prodotti tat-tabakk tradizzjonali (4).

(17)

Huwa importanti li mhux biss jitqiesu l-iżviluppi reċenti tas-suq u dawk teknoloġiċi relatati ma' prodotti emerġenti iżda wkoll li jiġu kkoordinati aħjar l-oqfsa regolatorji nazzjonali kontra d-duħħan u l-aerosols u li jiġi żgurat aħjar li dawn jibqgħu validi fil-futur.

(18)

Bħalissa, hemm esponiment sinifikanti għad-duħħan u għall-aerosols mingħand ħaddieħor f'postijiet bħall-ispazji fil-beraħ tal-postijiet tal-ospitalità u l-ispazji fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u mill-adolexxenti. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2023, 74 % ta' dawk li wieġbu esperjenzaw nies ipejpu f'terrazzini fil-beraħ f'dawn l-aħħar sitt xhur, u 71 % ta' dawk li wieġbu esperjenzaw nies jużaw sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imsaħħna f'postijiet bħal dawn. 42 % ta' dawk li wieġbu qalu li esperjenzaw nies ipejpu f'postijiet fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u l-adolexxenti, u 49 % ta' dawk li wieġbu qalu li esperjenzaw nies jużaw sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imsaħħna f'postijiet bħal dawn (1).

(19)

Diversi Stati Membri ħadu miżuri protettivi, inkluż il-projbizzjoni tat-tipjip f'postijiet fuq ġewwa u fil-beraħ jew il-projbizzjoni tal-użu ta' prodotti emerġenti f'postijiet pubbliċi (23), (24).

(20)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġi estiż l-kamp tal-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni biex tinkludi l-ispazji fil-beraħ speċifiċi biex in-nies fl-Unjoni, speċjalment it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nies vulnerabbli, pereżempju ċittadini b'mard kroniku jew b'kundizzjonijiet sottostanti ta' saħħa oħra, u nisa tqal, jiġu protetti aħjar mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols mingħand ħaddieħor mill-prodotti emerġenti, bħal prodotti tat-tabakk imsaħħna; sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le; surrogati tat-tabakk; u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi duħħan u/jew aerosols bħal prodotti tat-tipjip erbali jew prodotti erbali msaħħna.

(21)

B'appoġġ għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni, tnediet sejħa għal evidenza minn Ġunju sa Lulju 2022 u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-operaturi ekonomiċi rilevanti u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn ġew ikkonsultati permezz ta' attivitajiet ta' konsultazzjoni mmirati minn Marzu sa Mejju 2023.

(22)

Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjoni permezz ta' programmi u għodod ta' kollaborazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

(23)

B'mod partikolari, il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni beħsiebha tgħin fit-tisħiħ tar-riċerka f'dan il-qasam. Jenħtieġ li dawn l-isforzi ta' riċerka jinkludu prodotti emerġenti (bħas-sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le, u prodotti tat-tabakk imsaħħna); is-surrogati tat-tabakk li jarmu duħħan jew aerosols u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi d-duħħan u/jew l-aerosols; u prodotti li jirrilaxxaw in-nikotina u prodotti li jixbhu l-użu ta' prodotti li jirrilaxxaw in-nikotina. Huwa previst ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż fir-riċerka, dwar is-suġġetti koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

(24)

Il-Kunsill jieħu wkoll nota li l-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa sett ta' għodod ta' prevenzjoni li jappoġġaw il-protezzjoni mtejba tas-saħħa tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-aktar snin vulnerabbli u formattivi ta' ħajjithom, li jenfasizzaw il-prevenzjoni tal-vizzju tat-tipjip u n-nikotina, u li jindirizzaw l-interkonnessjonijiet bejn is-saħħa mentali u dik fiżika u d-determinanti ewlenin tas-saħħa.

(25)

Il-Kunsill jieħu wkoll nota li l-Kummissjoni biħsiebha tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, fi żmien ħames snin mill-adozzjoni tagħha.

(26)

Jenħtieġ li jitqiesu l-Linji Gwida dwar il-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, kif adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħeġġu jespandu u jmorru lil hinn mill-miżuri li jinsabu f'dawk il-Linji gwida.

(27)

Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri kamp ta' applikazzjoni usa' mir-Rakkomandazzjoni 2009/C 296/02 u tissostitwiha bl-għan li n-nies fl-Unjoni jiġu protetti aħjar mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor, filwaqt li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-objettivi relatati mat-tabakk tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prevalenza u d-denormalizzazzjoni tat-tipjip u tal-użu tal-prodotti emerġenti.

(28)

In-normalizzazzjoni tat-tipjip u t-tnaqqis tal-prevalenza tat-tipjip u l-użu ta' prodotti emerġenti jitolbu sett komprensiv ta' azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk huwa importanti li din ir-Rakkomandazzjoni tkun akkumpanjata minn ħidma intensa dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tabakk, b'mod partikolari l-indirizzar tat-tħassib dwar l-aċċess taż-żgħażagħ għal prodotti ġodda tat-tabakk u n-nikotina.

B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI, b'kont meħud tal-kompetenzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali relatati mal-implimentazzjoni:

1.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, f'postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fit-trasport pubbliku kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-FCTC u abbażi tal-Linji Gwida dwar il-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC.

2.

Jipprovdu protezzjoni effettiva f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, f'postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fit-trasport pubbliku mill-esponiment għall-emissjonijiet mingħand ħaddieħor li joriġinaw mill-użu ta' prodotti emerġenti li jarmu duħħan jew aerosols, pereżempju prodotti tat-tabakk imsaħħna; sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le; surrogati tat-tabakk; u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi duħħan u/jew aerosols bħal prodotti tat-tipjip erbali (minn hawn 'il quddiem imsejħa, flimkien mal-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, bħala “esponiment għal duħħan u aerosols mingħand ħaddieħor”).

3.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols mingħand ħaddieħor f'żoni għar-rikreazzjoni fil-beraħ apposta, speċjalment fejn it-tfal, iż-żgħażagħ u persuni vulnerabbli spiss ikunu preżenti. Dawn jenħtieġ li jinkludu l-bandli pubbliċi, il-parks tad-divertiment, il-pixxini, il-bajjiet, iż-żoos u spazji simili oħrajn fil-beraħ.

4.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor f'żoni fil-beraħ jew parzjalment fil-beraħ assoċjati mal-istabbilimenti tas-servizzi (eż. iż-żoni parzjalment mgħottija, imdawra bil-ħitan jew b'reċint jew inkella delinjati ħdejn stabbiliment jew qribu, inkluż il-bjut, il-gallariji, il-verandi jew it-terrazzini). Dawn jenħtieġ li jinkludu l-ispazji fil-beraħ tar-ristoranti, il-ħwienet tax-xorb, il-kafetteriji u l-ispazji fil-beraħ ta' bini simili ieħor.

5.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor f'żoni fil-beraħ jew parzjalment fil-beraħ marbuta mat-trasport pubbliku, inkuż fil-waqfiet tax-xarabank, tat-tram u tal-ferrovija u fl-ajruporti.

6.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor f'żoni fil-beraħ assoċjati ma' post tax-xogħol.

7.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor f'żoni fil-beraħ assoċjati ma' bini relatat mal-kura tas-saħħa. Tali binjiet jenħtieġ li jinkludu l-isptarijiet, il-kliniċi, iċ-ċentri tas-saħħa, id-djar tal-anzjani u bini ieħor simili.

8.

Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols mingħand ħaddieħor użati f'żoni fil-beraħ assoċjati ma' bini li jipprovdi edukazzjoni u taħriġ lit-tfal u liż-żgħażagħ. Tali binjiet jenħtieġ li jinkludu l-istituzzjonijiet ta' indukrar tat-tfal ta' qabel il-primarja, l-iskejjel primarji u sekondarji, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, l-universitajiet, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u bini ieħor simili.

9.

Jikkunsidraw l-inklużjoni ta' żoni fil-beraħ oħra fejn x'aktarx li jinġabru membri tal-pubbliku, inkluż it-tfal, il-minuri jew in-nies vulnerabbli, f'azzjonijiet komplementari li jipprevjenu l-użu u l-vizzju tat-tabakk u n-nikotina, u li jikkontribwixxu għal ambjenti komprensivi mingħajr duħħan u aerosols. Tali spazji jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, żoni fil-beraħ fejn jiġu organizzati avvenimenti, awditorji u żoni tal-ispettaturi f'avvenimenti pubbliċi, u spazji assoċjati ma' bini miftuħ għall-pubbliku minn fejn x'aktarx jgħaddu ħafna nies bil-mixi (pereżempju daħliet taċ-ċentri kummerċjali, il-btieħi tal-bini miftuħ għall-pubbliku).

10.

Jikkunsidraw l-inklużjoni ta' żoni oħra, bħal karozzi privati fejn huma preżenti t-tfal, il-minuri jew in-nies vulnerabbli, f'azzjonijiet komplementari li jipprevjenu l-użu u l-vizzju tat-tabakk u n-nikotina, u jikkontribwixxu għal ambjenti komprensivi mingħajr duħħan u aerosols.

11.

Jiżviluppaw u/jew isaħħu l-politiki dwar ambjenti mingħajr duħħan u aerosols billi:

a)

Jiżviluppaw strateġiji u programmi nazzjonali biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols mingħand ħaddieħor.

b)

Japplikaw u/jew jiżviluppaw kampanji ta' prevenzjoni, ta' waqfien mit-tipjip u ta' sensibilizzazzjoni bħal kampanji edukattivi, informattivi u biex jintlaħqu n-nies, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri kontra d-duħħan u l-aerosols. Tali kampanji jistgħu jkunu parti wkoll mill-inizjattivi biex jitnaqqas il-vizzju. Dawn jistgħu jkunu bbażati fuq l-inizjattivi ta' prevenzjoni inklużi fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u/jew jissupplimentawhom.

c)

Jiżguraw li hemm fis-seħħ strutturi u mekkaniżmi xierqa li jippromwovu l-konformità u japplikaw u/jew jiżviluppaw l-aħħar prassi li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' miżuri għal ambjenti mingħajr duħħan u aerosols.

12.

Jaħdmu flimkien fuq l-iskambju tal-aħjar prassi dwar l-iżvilupp ta' politiki, programmi u strateġiji ġodda kontra d-duħħan u l-aerosols jew it-tisħiħ ta' dawk eżistenti biex jiġi żgurat li jkunu komprensivi, u fuq it-tfassil u l-ittestjar pilota ta' approċċi ambizzjużi u effiċjenti lejn il-kisba ta' ambjenti mingħajr duħħan u aerosols.

13.

Jikkooperaw mill-qrib ma' xulxin u mal-Kummissjoni biex jiżviluppaw qafas koerenti ta' definizzjonijiet, ta' punti ta' riferiment u ta' indikaturi għall-implimentazzjoni effettiva ta' din ir-Rakkomandazzjoni u jimmonitorjaw, jevalwaw u jaġġornaw il-miżuri tagħha, kif xieraq.

14.

Jirrapportaw lill-Kummissjoni, fejn applikabbli fil-kuntest ta' obbligi diġà eżistenti, dwar l-implimentazzjoni u l-progress tal-miżuri meħuda inizjalment tliet snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem.

Ir-Rakkomandazzjoni 2009/C 296/02 hija sostitwita minn din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY M.


(1)  Ewrobarometru Speċjali 539. 2023. Attitudes of Europeans towards tobacco and related products. ISBN: 978-92-68-07599-9.

(2)  Health Promotion (who.int), Tobacco and Smoking | Knowledge for policy (europa.eu).

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, COM(2021) 44 final.

(4)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. 2002. European Strategy for Tobacco Control. https://iris.who.int/handle/10665/107455

(5)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Report on the global tobacco epidemic 2023: protect people from tobacco smoke. 2023. ISBN: 978-92-4-007716-4, p. 31-32.

(6)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Technical note on the call to action on electronic cigarettes. 2023. p. 3-4. https://www.who.int/publications/m/item/technical-note-on-call-to-action-on-electronic-cigarettes

(7)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Electronic cigarettes call to action. 2023. https://www.who.int/publications/m/item/electronic-cigarettes---call-to-action

(8)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Heated tobacco products: summary of research and evidence of health impacts. 2023. p. 12-13. https://www.who.int/publications/i/item/9789240042490

(9)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa: WHO study group on tobacco product regulation: Report on the scientific basis of tobacco product regulation: eighth report of a WHO study group. 2021. https://www.who.int/publications/i/item/9789240022720

(10)  Yoshioka T, Shinozaki T, Hori A, Okawa S, Nakashima K, Tabuchi T. Association between exposure to secondhand aerosol from heated tobacco products and respiratory symptoms among current non-smokers in Japan: a cross-sectional study. BMJ Open. 2023; 13:e065322. doi: 10.1136/ bmjopen-2022-065322

(11)  Imura Y, Tabuchi T. Exposure to secondhand heated-tobacco-product aerosol may cause similar incidence of asthma attack and chest pain to secondhand cigarette exposure: the JASTIS 2019 study. Int J Environ Res Public Health. 2021; 18(4):1766. doi: 10.3390/ijerph18041766

(12)  Uguna CN, Snape CE. Should IQOS emissions be considered as smoke and harmful to health? A review of the chemical evidence. ACS Omega. 2022; 7(26):22111–24. doi: 10.1021/ acsomega.2c01527.

(13)  Auer R, Concha-Lozano N, JacotSadowski I, Cornuz J, Berthet A. Heat-not-burn tobacco cigarettes: smoke by any other name. JAMA Intern Med. 2017; 177(7):1050–2. doi: 10.1001/ jamainternmed.2017.1419.

(14)  Fernández E, Ballbè M, Sureda X, Fu M, Saltó E, Martínez-Sánchez JM. Particulate matter from electronic cigarettes and conventional cigarettes: a systematic review and observational study. Curr Environ Health Rep. 2015; 2(4):423–9. doi: 10.1007/s40572- 015-0072-x.

(15)  Li L, Lin Y, Xia T, Zhu Y. Effects of electronic cigarettes on indoor air quality and health. Annu Rev Public Health. 2020; 41(1):363–80. doi: 10.1146/ annurev-publhealth-040119-094043.

(16)  Hess I, Lachireddy K, Capon A. A systematic review of the health risks from passive exposure to electronic cigarette vapour. Public Health Research & Practice. 2016; 26(2).

(17)  Borgini A, Veronese C, De Marco C, Boffi R, Tittarelli A, Bertoldi M et al. Particulate matter in aerosols produced by two last generation electronic cigarettes: a comparison in a real-world environment. Pulmonology. 2021.

(18)  Exposure to aerosols from smoking-proxy electronic inhaling systems: a systematic review. Barcelona: Tobacco Control Unit, Institut Català d'Oncologia; 2016.

(19)  Lerner CA, Sundar IK, Yao H, Gerloff J, Ossip DJ, McIntosh S et al. Vapors produced by electronic cigarettes and e-juices with flavorings induce toxicity, oxidative stress, and inflammatory response in lung epithelial cells and in mouse lung. PLoS One. 2015; 10(2):e0116732

(20)  Glantz, S.A., Nguyen, N., & Oliveira da Silva, A.L. (2024). Population-Based Disease Odds for E-Cigarettes and Dual Use versus Cigarettes. NEJM Evidence, 3(3). DOI: 10.1056/EVIDoa2300229.

(21)   “Applying tobacco control measures to e-cigarettes, including the supply and demand reduction measures of the WHO FCTC” (paġina 3, https://cdn.who.int/media/docs/default-source/tobacco-hq/regulating-tobacco-products/ends-call-to-action.pdf?sfvrsn=ea4c4fdb_12&download=true, b'referenza għall-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (paġna 8, https://iris.who.int/bitstream/handle/10665/42811/9241591013.pdf?sequence=1).

(22)  SCHEER (Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti). Opinion on electronic cigarettes. 16 April 2021.

(23)  Id-Dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanja r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Ambjenti Mingħajr Duħħan u Aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02, 13519/24 ADD2

(24)  Study on smoke-free environments and advertisement of tobacco and related products, 2021


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7425/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)