KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

Kawża C-558/07

The Queen, fuq talba ta’:

S.P.C.M. SA et

vs

Secretary of State for the Environment, Food and Rural Affairs

“Regolament (KE) Nru 1907/2006 — Sustanzi kimiċi — Reġistrazzjoni, valutazzjoni, awtorizzazzjoni ta’ dawn is-sustanzi u restrizzjonijiet applikabbli għalihom (REACH) — Kunċett ta’ ‘sustanzi monomeriċi’ — Validità — Proporzjonalità — Trattament ugwali”

I — Introduzzjoni

1.

Il-High Court ta’ Londra tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “sustanza monomerika”.

2.

Prima facie, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tidher li hija waħda mhux tas-soltu. Iktar kien jiġi mistenni li din id-domanda ssir lil kimiku. Madankollu, wara analiżi iktar bir-reqqa, jirriżulta li din id-domanda tista’ u għandha tiġi riżolta bl-istrumenti tad-dritt Komunitarju.

3.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta, għall-ewwel darba, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi ( 2 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament REACH”).

II — Il-kuntest ġuridiku

4.

Id-dispożizzjoni fundamentali għal din il-kawża hija l-Artikolu 5 tar-Regolament REACH, li jistabbilixxi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi:

“Suġġett għall-Artikoli 6, 7, 21 u 23, is-sustanzi waħedhom, fi preparati jew f’oġġetti ma għandhomx jiġu manifatturati fil-Komunità jew imqegħdin fis-suq sakemm ma jkunux ġew reġistrati skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dan it-Titolu fejn dan ikun meħtieġ”.

5.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett fundamentali ta’ sustanza:

“element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha”.

6.

L-Artikolu 3(5) tar-Regolament REACH jiddefinixxi l-kunċett ta’ polimeru:

“sustanza li tikkonsisti minn molekoli karatterizzati minn sekwenza ta’ tip wieħed jew iktar ta’ unitajiet monomeriċi. Tali molekoli għandhom ikollhom firxa ta’ piżijiet molekolari fejn id-differenzi fil-piż molekolari jkun attribwibbli primarjament għad-differenzi fin-numru ta’ unitajiet monomeriċi. Polimeru jkun fih dan li ġej:

a)

maġġoranza ta’ piż sempliċi ta’ molekoli li jkun fih ta’ l-anqas tliet unitajiet monomeriċi li jkunu marbuta b’mod kovalenti ma’ ta’ l-anqas unità monomerika oħra jew sustanza reattiva oħra;

b)

anqas minn maġġoranza sempliċi ta’ piż ta’ molekoli ta’ l-istess piż molekolari.

Fil-kuntest ta’ din id-definizzjoni ‘unità monomerika’ tfisser il-forma li ġiet suġġetta għal reazzjoni ta’ sustanza monomerika f’polimeru”.

7.

Il-kunċett ta’ monomeru jinsab fl-Artikolu 3(6):

“sustanza li kapaċi tifforma rabtiet kovalenti ma’ sekwenza ta’ molekoli simili jew dissimili taħt il-kondizzjonijiet tar-reazzjoni relevanti tal-formazzjoni tal-polimeri użati għall-proċess partikolari”.

8.

Skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament REACH, id-dispożizzjonijiet tat-Titoli II u VI tar-Regolament, u b’hekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 5, b’mod partikolari, ma għandhomx japplikaw għall-polimeri.

9.

Din id-dispożizzjoni hija kkjarifikata fil-wieħed u erbgħin premessa:

“[…] Il-polimeri għandhom ikunu eżentati mir-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni sakemm dawk li jeħtieġu r-reġistrazzjoni minħabba r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent jistgħu jintgħażlu b’mod prattiku u kost-effettiv fuq il-bażi ta’ kriterji tekniċi sodi u kriterji xjentifiċi validi”.

10.

Konsegwentement, l-Artikolu 138(2) jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-possibbiltà fil-futur ta’ obbligu ta’ reġistrazzjoni għal ċerti polimeri:

“Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġiżlattivi hekk kif jista’ jiġi stabbilit mod prattikabbli u effettiv, għall-ispejjeż magħmula, sabiex jintgħażlu polimeri għar-reġistrazzjoni abbażi ta’ kriterji teknikament u xjentifikament validi, u wara li jiġi pubblikat rapport dwar dan li ġej:

a)

ir-riskji kawżati mill-polimeri b’paragun ma’ sustanzi oħra;

b)

il-ħtieġa, jekk ikun hemm, tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ polimeri, filwaqt li jittieħed kont tal-kompet[it]tività u ta’ l-innovazzjoni, fuq naħa waħda, u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, fuq in-naħa l-oħra”.

11.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jistipula l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu rreġistrati s-sustanzi monomeriċi li jkunu jinsabu fil-polimeri:

“Kull manifattur jew importatur ta’ polimeru għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija għas-sustanza jew sustanzi monomeriċi jew kwalunkwe sustanza oħra, li ma jkunux diġà ġew reġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal-provvista, jekk ikunu sodisfatti iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

il-polimeru fih 2% piż b’piż (w/w) jew aktar ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta;

b)

il-kwantità totali ta’ tali sustanza jew sustanzi monomeriċi jew sustanzi oħra tikkostitwixxi tunnellata metrika jew aktar kull sena”.

III — Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.

Il-kawża nazzjonali tressqet minn impriżi li, inter alia, jimmanifatturaw polimeri jew jimpurtawhom fis-suq Ewropew. Il-konvenut huwa d-Department for Environment, Food and Rural Affairs, li huwa l-awtorità governattiva tar-Renju Unit responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament REACH.

13.

Il-kawża hija intiża sabiex tneħħi d-dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH u, eventwalment, sabiex tikkjarifika jekk tali dispożizzjoni għandhiex tiġi ddikjarata invalida.

14.

B’hekk, il-High Court resqet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1.

Fid-dawl tal-fatt li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni fit-Titolu II tar-Regolament REACH ma japplikawx għal polimeri skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament, ir-referenza għal “sustanzi monomeriċi” fl-Artikolu 6(3) għandha tfisser:

a)

monomeri reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li rreaġixxew flimkien b’tali mod li ma jistgħux jiġu sseparati mill-polimeri li jiffurmaw parti minnu;

b)

monomeri mhux reaġiti, jiġifieri dawk il-monomeri li jifdal mill-proċess tal-polimerizzazzjoni u li jżommu separati l-identitajiet u l-proprjetajiet kimiċi tagħhom mill-polimera wara li dan il-proċess jitlesta; jew

ċ)

kemm monomeri reaġiti kif ukoll mhux reaġiti?

2.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija jew (a) jew (b), għandu jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) għall-manifatturi jew għall-importaturi tal-polimeri hija illegali peress li r-rekwiżiti huma irraġonevoli, diskriminatorji u sproporzjonati

15.

Fil-proċedura bil-miktub intervjenew C. H. Erbslöh KG u Lake Chemicals and Minerals Ltd. (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “Erbslöh”) u S.P.C.M. SA u Hercules Incorporated (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “S.P.C.M.”) bħala rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Ħlief il-Polonja, il-partijiet intervenjenti kollha ħadu sehem fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2009.

IV — Evalwazzjoni ġuridika

A — It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ġenerali tar-Regolament REACH

16.

Ir-Regolament REACH jirregola r-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni tas-sustanzi kimiċi. L-ewwel fażi hija r-reġistrazzjoni.

17.

Bħala prinċipju, kull importatur u manifattur għandu jirreġistra s-sustanzi kimiċi kollha importati jew immanifatturati, filwaqt li jippreżenta informazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Il-volum tal-informazzjoni neċessarja jiddependi mill-kwantitajiet tas-sustanza rispettiva li jiġu importati jew immanifatturati. Kemm-il darba din l-informazzjoni tkun għadha mhux disponibbli, dawn għandhom jiksbuha qabel ir-reġistrazzjoni, jekk ikun il-każ permezz tat-twettiq ta’ studji.

18.

Qabel kollox, din l-informazzjoni tippermetti lill-manifatturi, lill-importaturi u lill-utenti li jinsabu ’l isfel fil-katina tal-provvista li jiżguaw, fis-sens tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament REACH, li ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent meta jipproduċu, ipoġġu fis-suq jew jużaw sustanzi.

19.

Barra minn hekk, is-sustanzi kimiċi jistgħu jiġu vvalutati abbażi tar-reġistrazzjoni u tal-informazzjoni supplimentari. Din il-valutazzjoni tista’ tinvolvi restrizzjoni tas-sustanzi min-naħa tal-Kummissjoni, jiġifieri l-projbizzjoni min-naħa tagħha ta’ ċerti forom ta’ użu. F’ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi wkoll kull użu ta’ sustanza. F’dawk il-każijiet l-użu jkun jeħtieġ awtorizzazzjoni.

20.

Din il-kawża tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ monomeri. Il-monomeri huma, f’ċertu sens, l-unitajiet li jiffurmaw il-molekoli kimiċi iktar kumplessi, l-hekk imsejħa polimeri. Il-polyethylene, pereżempju, li minnu jsiru ħafna folji tal-plastik, huwa polimeru. Kif jindika l-isem, il-materja prima hija l-ethylene jew l-ethene (C2H4), monomeru li normalment ikun jinsab fil-forma ta’ gass. Il-molekoli tal-ethene, li huma relattivament żgħar, jiġu kkombinati fi ktajjen twal ta’ molekoli ta’ polyethylene fil-proċess ta’ polimerizzazzjoni.

21.

Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, jeżistu mijiet ta’ monomeri, li jistgħu jiġu kkombinati f’numru ta’ bejn 70000 sa 400000 polimeru differenti.

22.

Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament REACH, il-monomeri mhux reaġiti għandhom jiġu rreġistrati, peress li huma sustanzi awtonomi. Min-naħa l-oħra, il-polimeri huma esklużi mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(9).

23.

Il-punt inkwistjoni huwa jekk il-monomeri reaġiti f’polimeri għandhomx jiġu rreġistrati abbażi ta’ dispożizzjoni speċjali (l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH), minkejja li mhumiex sustanzi awtonomi. B’mod speċjali, dan jirrigwarda l-importazzjoni ta’ polimeri, fil-każ fejn il-monomeri użati barra mill-Komunità għall-manifattura ta’ polimeri jkunu għadhom ma ġewx irreġistrati.

B — Fuq l-ewwel domanda — Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH

24.

Skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, il-manifattur jew l-importatur ta’ polimeru għandu jippreżenta r-reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi li ma jkunux diġà ġew irreġistrati minn attur ’il fuq fil-katina tal-provvista, jekk il-polimeru fih 2% piż, b’piż (w/w) jew iktar ta’ tali sustanza fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u l-kwantità totali tal-monomeru tikkostitwixxi tunnellata metrika jew iktar kull sena.

25.

L-ewwel domanda preliminari hija intiża li tikkjarifika kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ sustanza monomerika f’din id-dispożizzjoni. Is-soluzzjoni hija essenzjalment deduċibbli mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Madankollu ser nindirizza wkoll xi argumenti mqajma minn S.P.C.M. u minn Erbslöh dwar il-kuntest sistematiku tar-Regolament REACH u l-għanijiet tiegħu.

1. Fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti

26.

It-test tal-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH jissuġġerixxi li dan jirreferi għal monomeri reaġiti f’polimeri. Il-monomeri fil-fatt huma suġġetti, bħala prinċipju, għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni jekk xi polimeru jkun jikkonsisti minn dawn il-monomeri.

27.

Essenzjalment, polimeru jikkonsisti, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament REACH, minn sekwenza ta’ monomeri reaġiti magħquda flimkien, l-unitajiet monomeriċi. Għaldaqstant, fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(5), unità monomerika hija ddefinita bħala l-forma li ġiet suġġetta għal reazzjoni ta’ monomeru f’polimeru.

28.

Din id-definizzjoni tinkludi wkoll il-frażi addizzjonali li tinsab fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH, “fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta”. Din il-frażi addizzjonali tikkjarifika li fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju kien ikkonċernat bil-forma li ġiet issuġġettata għal reazzjoni tal-monomeru.

29.

Min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni espliċita ta’ unitajiet monomeriċi fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH teskludi li jiġu inklużi monomeri mhux reaġiti fis-sens tal-varjanti (b) tal-ewwel domanda preliminari. Kemm-il darba dawn ikunu preżenti fil-polimeru bħala residwi tal-proċess ta’ polimerizzazzjoni, dawn huma effettivament parti mill-polimeru fis-sens tad-definizzjoni ġenerali tas-sustanzi skont l-Artikolu 3(1); madankollu, l-Artikolu 6(3) jirrigwarda biss il-monomeri reaġiti f’forma ta’ unitajiet monomeriċi.

30.

Madankollu, Erbslöh u S.P.C.M. iqisu li, abbażi ta’ eżami iktar dettaljat, huwa kontradittorju li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jitqies li jirreferi għal monomeri reaġiti. Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(6), il-monomeri għadhom ma fformawx polimeri, iżda għandhom biss potenzjal li jifformaw tali komposti.

31.

Għandu jiġi ammess li jekk titqies biss id-definizzjoni ġenerali tas-sustanzi li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH, huma biss il-monomeri mhux reaġiti li jistgħu jikkostitwixxu sustanzi.

32.

Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH jiddefinixxi sustanza bħala element kimiku u l-komponenti tiegħu. Is-sustanzi kimiċi huma kkaratterizzati, inter alia, minn proprjetajiet partikolari, pereżempju l-punt tal-fużjoni tagħhom. B’hekk, il-monomeri u l-polimeri huma sustanzi, inkwantu huma komposti mill-elementi kimiċi kostituttivi tagħhom.

33.

Bil-kontra, sottogruppi partikolari ta’ polimeri, jiġifieri l-monomeri reaġiti, mhumiex komposti awtonomi. Kif jenfasizzaw Erbslöh u S.P.C.M., dawn ma għandhomx proprjetajiet kimiċi partikolari għalihom, iżda l-proprjetajiet tal-polimeri li jappartjenu għalihom. B’hekk, dawn is-sottogruppi mhumiex, bħala prinċipju, sustanzi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH.

34.

Madankollu, Erbslöh u S.P.C.M. jinsew illi r-Regolament REACH jadotta regola speċjali, fir-rigward tas-sustanzi monomeriċi, li tikkostitwixxi deroga mid-definizzjoni ġenerali ta’ sustanzi. Il-kunċett ta’ unità monomerika huwa ddefinit fl-Artikolu 3(5) bħala l-forma li ġiet issuġġettata għal reazzjoni ta’ monomeru f’polimeru. Minn dan għandu jiġi mifhum li r-Regolament REACH jirrikonoxxi żewġ forom ta’ sustanzi monomeriċi, li huma forma ssuġġettata għal reazzjoni — l-unità monomerika bħala komponent ta’ polimeri — u forma mhux issuġġettata għal reazzjoni — il-monomeru ddefinit fl-Artikolu 3(6).

35.

S.P.C.M. tilmenta li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jirreferi għal sustanzi monomeriċi u mhux unitajiet monomeriċi. Madankollu, il-paragrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni jagħmilha ċara li s-sustanzi monomeriċi għandhom jinftiehmu fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll, għar-reġistrazzjoni, sustanzi differenti mill-komponenti ta’ polimeri, mhux fil-forma tipika tagħhom, jiġifieri mhux suġġetti għal reazzjoni, iżda espressament fil-forma suġġetta għal reazzjoni.

36.

Lanqas ma tista’ tintlaħaq konklużjoni differenti mill-fatt li fl-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament REACH, xi verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjoni Ingliża u dik Franċiża, ma jużawx eżattament l-istess definizzjoni użata fl-Artikolu 3(5) għall-unitajiet monomeriċi. Bl-Ingliż jintużaw il-kliem “monomer unit” minn naħa, u “monomeric units” min-naħa l-oħra, filwaqt li bil-Franċiż jintużaw il-kliem “unité monomère” u “unités monomériques”.

37.

Madankollu, dawn id-differenzi minimi probabbilment jistgħu jkunu dovuti għal traduzzjoni mhux preċiża matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill. Id-definizzjoni ta’ polimeri li tinsab fl-Artikolu 3(5), li tistabbilixxi wkoll il-kunċett ta’ unità monomerika, ittieħdet mingħajr ebda modifika mill-proposta tal-Kummissjoni. Bil-kontra, kien il-Kunsill li, fuq proposta tad-delegazzjoni svediża, żied fl-Artikolu 6(3)(a) il-parti tal-frażi “fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi u sustanza jew sustanzi kimikament marbuta”  ( 3 ). Bl-Isvediż u bil-Ġermaniż, iż-żewġ dispożizzjonijiet jużaw l-istess kelma għal unità monomerika ( 4 ). B’mod partikolari, il-verżjoni oriġinali Svediża tikkostitwixxi prova tal-fatt li d-differenzi bl-Ingliż u bil-Franċiż mhumiex diretti lejn tifsira oħra.

38.

B’hekk, mit-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti, evalwati fid-dawl tal-oriġini leġiżlattiva tagħhom, jirriżulta li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi”, imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH, jirreferi biss għal monomeri reaġiti, jiġifieri monomeri li jkunu rreaġixxew flimkien b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnhu.

2. Fuq il-kuntest sistematiku

39.

Madankollu, ġew issollevati diversi oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din il-konklużjoni parzjali, li huma bbażati fuq il-kuntest sistematiku tar-Regolament REACH. F’dan ir-rigward isir riferiment b’mod speċjali għad-deroga mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri stabbilita fl-Artikolu 2(9).

40.

F’dan ir-rigward, Erbslöh tinvoka l-prinċipju ta’ interpretazzjoni ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jgħid li l-eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi huwa eċċezzjoni għall-eżenzjoni prevista għall-polimeri, u b’hekk għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

41.

Madankollu, f’dan ir-rigward, Erbslöh ma tikkunsidrax il-fatt li l-prinċipju li fuqu huwa bbażat ir-Regolament REACH huwa kkostitwit mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni. B’hekk, l-eżenzjoni tal-polimeri hija diġà eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. B’hekk, jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri li jinsabu fil-polimeri jikkostitwixxi eċċezzjoni mill-eċċezzjoni, bħala riverżjoni għar-regola, dan għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa ( 5 ).

42.

Fil-fatt, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi ma jikkostitwix deroga għall-eżenzjoni prevista għall-polimeri, iżda komponent awtonomu tas-sistema ta’ obbligi tar-Regolament REACH. B’hekk dan ma jistax jitqies li huwa eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

43.

Barra minn hekk, Erbslöh u S.P.C.M. isostnu li obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri jġib fix-xejn id-deroga għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri.

44.

Effettivament jista’ jingħad li, meta jiġu rreġistrati sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi, jiġiferi komponenti magħquda ta’ polimeru, trid tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-polimeru. Fil-fatt għandu jitfakkar li s-sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi għandhom biss il-proprjetajiet tal-polimeru li jkunu magħquda fih.

45.

Meta jinftiehem f’dan is-sens, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH effettivament imur kontra l-Artikolu 2(9), kif sostnew Erbslöh u S.P.C.M. Prattikament kull polimeru kkumerċjalizzat fl-Ewropa jkollu jiġi rreġistrat indirettament permezz tas-sustanzi monomeriċi tiegħu.

46.

Madankollu, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jindika b’mod ċar li għandhom jiġu rreġistrati mhux il-proprjetajiet tal-polimeri iżda — skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni — il-proprjetajiet tal-monomeri. Skont din id-dispożizzjoni, huwa fil-fatt suffiċjenti li attur, li jkun jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista, jirreġistra s-sustanza monomerika. Madankollu, tali attur jista’ ma jkunx jaf liema polimeri jiġu mmanifatturati mill-monomeri tiegħu. Huwa saħansitra possibbli li tali monomeru jintuża fil-manifattura ta’ polimeri li jkunu ferm differenti bejniethom.

47.

Madankollu, mill-argument tal-Kummissjoni jirriżulta, almenu, ħjiel tar-reġistrazzjoni tal-proprjetajiet tal-polimeri: jekk is-sustanzi monomeriċi jiġu mmanifatturati jew importati fi kwantitajiet ta’ 10 tunnellati fis-sena jew iktar, fis-sens tal-Artikolu 14(1) u tal-Anness I tar-Regolament REACH, trid tiġi ppreżentata, meta ssir ir-reġistrazzjoni, evalwazzjoni tas-sigurtà kimika. Din trid tinkludi, skont il-Kummissjoni, iċ-ċiklu tal-ħajja tal-polimeru manifatturat.

48.

Din il-pożizzjoni ġġib fix-xejn l-eżenzjoni għall-polimeri. Madankollu, din mhijiex konvinċenti, peress li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-monomeru jintemm fil-mument tar-reazzjoni tiegħu f’polimeru. Skont l-Anness I, punt 0.3, tar-Regolament REACH, iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sustanza jinkludi l-manifattura tiegħu u l-użi identifikati. Madankollu polimeru ma jikkostitwix użu, iżda sustanza awtonoma fis-sens tad-definizzjoni ta’ sustanza skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament REACH. Dan b’hekk għandu ċiklu ta’ ħajja indipendenti.

49.

L-informazzjoni dwar l-użu tal-monomeru b’hekk testendi għaċ-ċirkustanza li dan jintuża għall-manifattura ta’ xi polimeri, iżda mhux għall-proprjetajiet ta’ tali polimeri. Meta l-monomeru jkun diġà ġie rreġistrat minn attur li jkun jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista, li ma jkunx jaf bil-fatt li dak il-monomeru jkun jintuża fil-manifattura ta’ tali polimeru, tali użu jrid jiġi nnotifikat fis-sens tal-Artikoli 37 u 38 tar-Regolament REACH mill-manifattur li jinsab ’l isfel fil-katina tal-provvista.

50.

B’dan il-mod, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri ma jeliminax is-sinjifikat tal-eżenzjoni tal-polimeri. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi ma jikkorrispondix għal obbligu indirett ta’ reġistrazzjoni għall-polimeri.

51.

Għal din ir-raġuni biss, anki l-argument ta’ Erbslöh u ta’ S.P.C.M. li jgħid li mill-polimeri jirriżultaw riskji minimi, ma jmurx kontra l-interpretazzjoni mogħtija iktar ’il fuq tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH. Ir-riskji tal-polimeri ma għandhomx importanza diretta għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma jippresupponi ebda riskju partikolari, iżda huwa intiż sabiex jidentifika r-riskji.

52.

B’hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi li jinsabu fil-polimeri ma jmurx kontra dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament REACH.

3. Fuq l-għanijiet tar-Regolament REACH

53.

Fl-aħħar nett, l-għanijiet tar-Regolament REACH huma invokati bħala argument kontra l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri li jinsabu fil-polimeri.

54.

F’dan ir-rigward, hemm żewġ argumenti. Min-naħa waħda, issir enfasi għal darb’oħra fuq l-eżenzjoni tal-polimeri, li hija ppreġudikata mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri. Madankollu diġà ġie pprovat li dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

55.

Min-naħa l-oħra, huwa kkontestat li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri jsegwi l-għanijiet generali tar-Regolament REACH. Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, dan għandu l-iskop li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-evalwazzjoni ta’ perikli tas-sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni.

56.

Ma jistax jiġi kkonstatat kunflitt ma’ dawn l-għanijiet. Lanqas ma jeżistu indikazzjonijiet li tali għanijiet jeħtieġu interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.

57.

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-monomeri huwiex kompatibbli ma’ dawk l-għanijiet hija ta’ interess b’mod partikolari għat-tieni domanda preliminari, u b’mod partikolari sa fejn dik id-domanda tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk, din il-problema għandha tiġi indirizzata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda.

4. Konklużjoni parzjali

58.

B’hekk, l-ewwel domanda għandha tiġi riżolta fis-sens li l-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi” taħt l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jirreferi biss għall-monomeri reaġiti, jiġifieri l-monomeri li jkunu rreaġixxew bejniethom b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnu.

Ċ — Fuq it-tieni domanda — Validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH

59.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH għall-manifatturi jew għall-importaturi ta’ polimeri hijiex illeġittima inkwantu d-dispożizzjoni, tirriżulta li hija irraġonevoli, diskriminatorja jew sproporzjonata. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi vverifikata l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

1. Osservazzjoni preliminari dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni

60.

Erbslöh u S.P.C.M. jikkontestaw l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.

61.

Huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tissollevax il-kwistjoni tal-motivazzjoni; madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm-il darba, fir-rigward ta’ rikorsi kontra deċiżjonijiet individwali, li motivazzjoni insuffiċjenti, li tikser l-Artikolu 253 KE, tirrappreżenta ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE ( 6 ) u barra minn hekk tikkostitwixxi aspett li l-Qorti Komunitarja tista’ u għandha teżamina ex ufficio ( 7 ). In-nuqqas ta’ motivazzjoni jew l-insuffiċjenza ċara tagħha ma jistgħux jiġu rregolarizzati (bħala prinċipju) mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tal-att matul proċediment quddiem il-Qorti Komunitarja ( 8 ). Fil-fatt, il-motivazzjonijiet ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha l-iskop li tippermetti lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-leġittimità tad-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tistabbilixxi jekk dik id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk għandux jitressaq appell ( 9 ). B’hekk, din tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dispożizzjoni.

62.

Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha, skont ġurisprudenza kostanti, tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni. Din għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-iter loġiku tal-istituzzjoni Komunitarja li tkun awtriċi tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għad-dispożizzjoni adottata. Din hija kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ twettaq l-isħarriġ tagħha. Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li wieħed ma jistax jippretendi li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika l-elementi rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-formolazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni. B’mod partikolari, jekk l-att ikkontestat ikun juri, fl-essenza tiegħu, l-iskop segwit mill-istituzzjoni Komunitarja, ikun eċċessiv li wieħed jippretendi motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet ta’ natura teknika li jkunu saru ( 10 ).

63.

Għalkemm huwa minnu li ma ngħatat ebda motivazzjoni speċifika għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri li jinsabu f’polimeri, tali dispożizzjoni tikkostitwixxi għażla ta’ natura teknika, li ma teħtieġ ebda motivazzjoni speċjali. Kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, b’mod partikolari fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, tali dispożizzjoni tista’ tiġi attribwita għall-motivi ġenerali tar-Regolament REACH. Tali attribuzzjoni ta’ regola speċifika ta’ natura teknika għall-motivi ġenerali ma għandhiex għalfejn tiġi spjegata espressament fil-motivi ta’ dispożizzjoni ġenerali. Din tista’ tiġi spjegata permezz ta’ kjarifiki suċċessivi.

64.

Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

2. Fuq l-ilment dwar l-irraġonevolezza

65.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH huwiex invalidu minħabba li huwa irraġonevoli. Għalkemm mhuwiex soltu li d-dritt Komunitarju jiġi eżaminat mill-perspettiva tar-raġonevolezza tiegħu, l-argument tal-partijiet juri li dan jirrigwarda l-iktar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ikkunsidrat mill-perspettiva partikolari ta’ prinċipju ta’ legalità.

66.

Fil-fatt, Erbslöh u S.P.C.M. isostnu li l-irraġonevolezza tirriżulta mill-kontradizzjoni fir-rigward tal-eżenzjoni tal-polimeri. Kunflitt reali bejn dispożizzjonijiet fuq l-istess livell jista’ effettivament ipoġġi indiskussjoni l-validità tagħhom, meta dan ma jiġix solvut permezz ta’ interpretazzjoni jew b’applikazzjoni tal-prinċipji ta’ kunflitt bejn dispożizzjonijiet, pereżempju lex posterior jew lex specialis. Fil-fatt, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit liema dispożizzjoni għandha tiġi applikata. Tali kunflitt imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju jeżiġi li dispożizzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex id-destinatarji jkunu jistgħu jsiru jafu, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw ruħhom kif ikun xieraq ( 11 ). Madankollu, diġà ntwera li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri u l-eżenzjoni tal-polimeri ma jikkontradixxux lil xulxin ( 12 ).

67.

Konsegwentement, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex irraġonevoli fis-sens li huwa dispożizzjoni kontradittorja.

3. Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità

68.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li josserva ( 13 ). Għaldaqstant, l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi ( 14 ).

a) Fuq l-oneru tal-prova u fuq il-kriterju ta’ evalwazzjoni

69.

Skont Erbslöh, il-leġiżlatur Komunitarju jrid juri li d-dispożizzjonijiet għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent li jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma proporzjonati. Din l-opinjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-Artikoli 28 u 30 KE, li madankollu — fir-rigward tal-oneru tal-prova — ma tistax tiġi trasposta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

70.

Jekk Stat Membru jinvoka deroga mill-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 28 KE — il-moviment liberu tal-merkanzija —, effettivament huwa jrid jipprova li l-kundizzjonijiet għal dik id-deroga huma sodisfatti ( 15 ). Min-naħa l-oħra, bħala prinċipju, teżisti preżunzjoni ta’ leġittimità tad-dritt Komunitarju ( 16 ). Din il-preżunzjoni timplika li l-illeġittimità trid tiġi pprovata minn min jikkontesta l-validità ta’ att Komunitarju ( 17 ).

71.

Barra minn hekk, bħal f’ħafna oqsma leġiżlattivi oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mhijiex suġġetta, lanqas fil-każ tar-Regolament REACH, għal stħarriġ ġudizzjarju rigoruż. Pjuttost, huwa rikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa ta’ evalwazzjoni u determinazzjoni wiesgħa (“setgħa diskrezzjonali”) meta jadotta deċiżjonijiet kumplessi ta’ natura teknika u/jew politika ( 18 ). Fil-każ tar-Regolament REACH, kellu jintlaħaq bilanċ diffiċli bejn l-għanijiet tal-politika tal-ambjent u tas-saħħa, minn naħa, u l-interessi ekonomiċi min-naħa l-oħra.

72.

Meta tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-qorti ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-leġiżlatur Komunitarju, iżda trid sempliċement teżamina jekk din hijiex milquta minn żball manifest jew abbuż ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur marx manifestament ultra vires mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ( 19 ).

73.

Kif dan japplika għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mhux dejjem jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza. Xi sentenzi jsostnu li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata mil-leġiżlatur meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura ( 20 ). F’xi każijiet, jingħad ukoll espressament li din mhijiex kwistjoni dwar jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament inadegwata ( 21 ).

74.

Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet huma ambigwi. Jekk jeżistu miżuri li huma bla dubju, inqas restrittivi u li għandhom l-istess effettività jew jekk il-miżuri adottati huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija, il-persuni kkonċernati għandhom jingħataw garanzija ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa stabbilit fid-dritt primarju, jitlef l-effettività prattika tiegħu.

75.

Konsegwentement, f’ħafna sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika wkoll, b’mod partikolari, jekk jeżistux miżuri li huma b’mod ċar inqas restrittivi ( 22 ), jew saħansitra jekk ir-restrizzjonijiet humiex proporzjonati mal-għanijiet imfittxija ( 23 ).

76.

Il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa għadha ma tatx definizzjoni espressa tal-kundizzjonijiet li taħthom miżura titqies li hija manifestament inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-kriterju deċiżiv għandu b’mod definittiv jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li l-qrati Komunitarji ma għandhomx, bħala prinċipju, jissostitwixxu l-evalwazzjoni tagħhom dwar il-kwistjonijiet kumplessi għal dik tal-leġiżlatur.

77.

Tali evalwazzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju tista’, bħala regola, titqiegħed indiskussjoni biss jekk din ma tkun imsejsa fuq ebda bażi raġonevoli ( 24 ). F’tali kuntest, l-isħarriġ tal-qorti Komunitarja jestendi wkoll sal-punt li jiġi vverifikat jekk fid-deċiżjoni ġietx ikkunsidrata l-informazzjoni rilevanti kollha li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dik l-informazzjoni hijiex ta’ tali natura li tikkonferma l-konklużjonijiet li ġew derivati minnha ( 25 ).

78.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri jikkostitwixxix mezz proporzjonat sabiex jintlaħaq skop leġittimu.

b) Fuq l-għanijiet tal-miżura u fuq jekk hijiex xierqa

79.

Skont l-istituzzjonijiet, il-miżura ssegwi żewġ għanijiet. Min-naħa waħda, hija intiża li tħares l-ambjent u s-saħħa, peress li r-reġistrazzjoni tal-monomeri tippermetti li jiġu kkonfrontati ċerti riskji marbuta mal-polimeri. Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri huwa intiż li tinkiseb l-ugwaljanza fil-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-polimeri.

Fuq ir-risjki għall-ambjent u għas-saħħa

80.

Inter alia, skont l-Artikolu 1 u l-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament REACH għandu l-iskop li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Dan huwa skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 95(3), 152(1) kif ukoll fl-Artikoli 174(1) u (2) KE.

81.

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 174(3) KE, fil-preparazzjoni tal-politika tagħha dwar l-ambjent, il-Komunità għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli. Jekk, minkejja tali informazzjoni, jkunu jeżistu inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, l-istituzzjonijiet, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 174(2) KE, jistgħu jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu pprovati b’mod eżawrjenti ( 26 ).

82.

Kif ġie enfasizzat b’mod partikolari mill-Parlament u mill-Kunsill, ir-reġistrazzjoni tas-sustanzi hija preċiżament intiża li ttejjeb l-informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati magħhom. Din hija b’hekk, min-natura tagħha stess, strument intiż li titwettaq politika effettiva ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa.

83.

Il-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk u sa fejn il-polimeri huma konnessi ma’ riskji għas-saħħa u l-ambjent ( 27 ). Madankollu, billi mhumiex il-polimeri, iżda huma biss il-monomeri użati għall-manifattura tal-polimeri li huma suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni, l-uniċi riskji li jistgħu jiġu identifikati huma biss dawk li jistgħu jiġu evalwati aħjar minħabba tali reġistrazzjoni.

84.

Mill-istudji xjentifiċi ppreżentati minn S.P.C.M. u minn Erbslöh, li bħala prinċipju mhumiex ikkontestati mill-istituzzjonijiet, jirriżulta f’dan ir-rigward li l-informazzjoni dwar il-monomeri użati ma tippermettix awtomatikament li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-proprjetajiet u r-riskji tal-polimeri manifatturati. Huwa paċifiku li s-sustanzi monomeriċi huma normalment magħquda b’mod stabbli fil-polimeri, u bħala prinċipju, ma jirrappreżentawx riskji awtonomi.

85.

L-argument ċentrali tal-istituzzjonijiet insostenn ta’ rabta bejn ir-reġistrazzjoni tal-monomeri u r-riskji tal-polimeri jikkonsisti fl-Artikolu 138(2) u fil-wieħed u erbgħin premessa tar-Regolament REACH. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti leġiżlattivi malli jkun jista’ jiġi stabbilit mod prattiku u effiċjenti f’termini ta’ spejjeż sabiex jintgħażlu l-polimeri għall-finijiet tar-reġistrazzjoni abbażi ta’ kriterji tekniċi u xjentifiċi validi. Il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li r-reġistrazzjoni tal-monomeri hija neċessarja sabiex ikun jista’ jitwettaq tali kompitu.

86.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippreċiża dan l-argument billi ssostni li, fil-kuntest tar-reġistrazzjoni, rapport dwar is-sigurtà għandu jikkunsidra wkoll iċ-ċiklu tal-ħajja tal-polimeru li jkun ġie ttrasformat fih il-monomeru. Madankollu, din l-affermazzjoni mhijiex konvinċenti.

87.

Fil-fatt, diġà ntwera li r-rapport dwar is-sigurtà għas-sustanzi monomeriċi ma jindirizzax ir-riskji li jirriżultaw minn polimeru manifatturat mill-monomeru ( 28 ). Kieku dan kien il-każ, l-eżenzjoni tal-polimeri tiġi fil-fatt żvalutata u l-kunċett ta’ ċiklu tal-ħajja ta’ sustanza kimika jiġi estiż b’mod eċċessiv. B’hekk, ir-rapport dwar is-sigurtà jirrigwarda biss l-identifikazzjoni tal-polimeru manifatturat mill-monomeru.

88.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika, b’riferiment għal rapport tal-espert ippreżentat lill-High Court ( 29 ), żewġ riskji speċifiċi tal-polimeri, riskji li jirrappreżentaw rabta mal-monomeri użati għall-manifattura.

89.

Fl-ewwel lok, mhux il-karatteristiċi kollha ta’ monomeru neċessarjament jintilfu fil-proċess ta’ polimerizzazzjoni. It-telf tal-proprjetajiet pjuttost jiddependi minn liema gruppi funzjonali tal-molekola monomerika jkunu pparteċipaw f’dik ir-reazzjoni kimika. Gruppi funzjonali persistenti jistgħu jikkonferixxu lill-polimeru proprjetajiet tal-monomeru.

90.

Il-persistenza tal-proprjetajiet tal-monomeru tiddependi b’mod ċar mir-reazzjoni kimika rispettiva, jiġifieri mill-polimeru manifatturat. Meta r-reġistrazzjoni ta’ monomeri tkun tinkludi identifikazzjoni tal-polimeru manifatturat ( 30 ) u n-nomenklatura kimika tkun tipprovdi informazzjoni dwar l-istruttura tal-molekola polimerika rispettiva ( 31 ), din tippermetti li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-proprjetajiet persistenti tal-monomeru. F’dan is-sens, ir-reġistrazzjoni tal-monomeri użati tkun xierqa sabiex tikkonfronta dan ir-riskju inerenti ta’ polimeru.

91.

L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi magħquda li l-importatur jimporta fi kwantitajiet ta’ 10 tunnellati jew iktar huwa madankollu mingħajr ebda utilità b’rabta ma’ tali skop. Identifikazzjoni ċara tal-polimeru manifatturat hija fil-fatt neċessarja — sa fejn jista’ jidher — biss jekk ikun meħtieġ li jiġi ppreżentat rapport ta’ sigurtà skont l-Artikolu 14 tar-Regolament REACH. Madankollu, dan jippreżupponi l-importazzjoni ta’ iktar minn 10 tunnellati fis-sena tas-sustanza inkwistjoni, filwaqt li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għas-sustanzi monomeriċi magħquda japplika anki minn kwantità ta’ iktar minn tunnellata fis-sena. Mingħajr l-identifikazzjoni kimika ċara tal-polimeru, mhuwiex possibbli li jsiru affermazzjonijiet validi dwar il-persistenza tal-proprjetajiet tal-monomeru.

92.

Fit-tieni lok, il-polimeri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiddegradaw. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li huwa ferm rari li l-polimeri, meta jiddegradaw, jirrilaxxaw il-monomeri li jkun hemm fihom. Jekk u taħt liema kundizzjonijiet polimeru jiddegrada ovvjament jiddependi, b’mod speċjali, mill-polimeru rispettiv. Mhuwiex ċar sa liema grad il-monomeri li jinsabu f’polimeru huma rilevanti b’rabta ma’ dan it-tip ta’ degradazzjoni. Għaldaqstant ma ġietx ipprovata rabta suffiċjenti bejn ir-reġistrazzjoni tal-monomeri u r-riskju ta’ degradazzjoni tal-polimeri fil-monomeri użati.

93.

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri jista’ jservi sabiex jiġu affrontati r-riskji li jirriżultaw mill-monomeri mhux reaġiti. Huwa paċifiku li l-monomeri mhux reaġiti huma marbuta ma’ riskji għas-saħħa u għall-ambjent. Il-monomeri huma molekoli reattivi relattivament żgħar, li b’hekk jista’ jkollhom effetti dannużi.

94.

Fil-każ tal-manifattura ta’ polimeri fil-Komunità, l-utilità tar-reġistrazzjoni tal-monomeri li jkunu jinsabu fihom hija evidenti: is-sustanzi monomeriċi jintużaw bħala monomeri mhux reaġiti fi ħdan il-Komunità u l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni b’hekk għandha tkun magħrufa, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji eventwali. Madankollu, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH huwa biss ta’ importanza sekondarja għal dawn il-monomeri, inkwantu dawn, anki meta jintużaw għall-manifattura ta’ polimeri, iridu jiġu rreġistrati fil-mument tal-manifattura jew importazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 6(1) u (2). Huwa għalhekk li Erbslöh u S.P.C.M. ma jqajmu l-ebda eċċezzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.

95.

Madankollu, dawn iż-żewġ partijiet jenfasizzaw li s-sitwazzjoni li tikkaratterizza l-importazzjoni tal-polimeri hija għal kollox differenti: f’dan il-każ, il-monomeri jintużaw biss barra mill-Komunità. Bħala prinċipju, il-Komunità tidħol biss f’kuntatt mas-sustanzi monomeriċi fil-forma ta’ unitajiet monomeriċi magħquda f’polimeri.

96.

Ir-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri importati, tikkontribwixxi biss sal-grad imsemmi iktar ’il fuq għall-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa fil-Komunità.

97.

Madankollu, jeżistu wkoll riskji li jirriżultaw mir-residwi ta’ monomeri mhux reaġiti. Huwa paċifiku li l-polimeri jistgħu jiġu mniġġsa minn dawk ir-residwi u li dawn il-monomeri jistgħu jiġu f’kuntatt mal-ambjent meta jintuża l-polimeru.

98.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza tali riskju, u indikatu lill-kumitat tal-WTO dwar ostakoli tekniċi għall-kummerċ bħala raġuni favur ir-reġistrazzjoni tal-monomeri reaġiti ( 32 ).

99.

Ir-reġistrazzjoni tal-monomeri reaġiti f’polimeri tista’ effettivament tipprovdi indikazzjonijiet dwar ir-riskju ta’ residwi tal-monomeri. It-tipi ta’ monomeri użati għall-manifattura tal-polimeru jistgħu fil-fatt ikunu dawk li jidhru wkoll bħala residwi. It-tipi ta’ monomeri użati jistgħu jippermettu wkoll li jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ residwi.

100.

B’dan il-mod, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jkun xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-kontroll tar-riskju li jirriżulta mill-impurità tal-monomeri.

Fuq l-ugwaljanza tal-kompetizzjoni

101.

Il-Kunsill, kif ukoll il-Polonja, jenfasizzaw li r-reġistrazzjoni ta’ sustanzi monomeriċi magħquda tippromwovi kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi Komunitarji u l-importaturi ta’ polimeri.

102.

Bħala regola, fil-prezzijiet tal-polimeri Komunitarji jkunu inklużi, b’mod proporzjonat, l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-monomeri pproċessati. Fil-fatt, wieħed għandu jitlaq mill-premessa li dawn il-monomeri jkunu diġà ġew irreġistrati bħala sustanzi awtonomi fil-mument tal-manifattura jew tal-importazzjoni tagħhom. Bil-kontra, barra mill-Komunità jistgħu jiġu mmanifatturati polimeri mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu rreġistrati l-materji primi. Tali distorsjoni tal-kompetizzjoni titwaqqaf fis-suq Komunitarju tal-polimeri jekk mill-inqas l-importaturi jkunu marbuta li jirreġistraw il-materji primi.

103.

L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-importaturi jwassal fl-istess ħin għat-tqassim iktar ġust tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni bejn id-diversi impriżi li jimmanifatturaw jew jimportaw il-polimeru rispettiv fil-Komunità. Fil-fatt, ir-Regolament REACH jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex l-ispejjeż tar-riċerki meħtieġa għal reġistrazzjoni jitqassmu bejn in-notifikanti. Tali tqassim tal-ispejjeż tar-riċerki jikkorrispondi għar-responsabbiltà u għall-vantaġġi marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ polimeru. B’hekk, din hija applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li, min-naħa tiegħu, jirrappreżenta aspett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 33 ).

104.

Il-kisba ta’ kompetizzjoni ġusta tista’ tiġi attribwita għall-għan, imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament REACH, tat-tisħiħ tal-kompetittività ( 34 ). Barra minn hekk, it-trattament ugwali tal-importaturi u tal-manifatturi jikkostitwixxi, fis-sens tat-tielet premessa, għan espress tar-Regolament REACH:

“Għandu jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent fl-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sustanzi, bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli. Dik il-leġislazzjoni għandha tkun applikata b’mod non-diskriminatorju kemm jekk is-sustanzi jkunu kummerċjalizzati fis-suq intern kif ukoll jekk internazzjonalment skond l-impenji internazzjonali tal-Komunità”.

105.

Il-protezzjoni tal-produtturi Komunitarji minn żvantaġġi kompetittivi eventwali hija, bħala prinċipju, għan leġittimu tal-leġiżlatur Komunitarju ( 35 ). Il-kwistjoni jekk dan il-għan joħloqx diffikultajiet fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tista’ tibqa’ miftuħa. Huwa minnu li r-regolazzjoni eżaminata hawnhekk diġà ġiet diskussa kemm-il darba fi ħdan il-kumitat dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ ( 36 ). Madankollu, il-kompatibbiltà mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ mhijiex is-suġġett ta’ din il-kawża. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tevalwax il-leġittimità tad-dritt Komunitarju fid-dawl ta’ tali parametru ( 37 ).

106.

B’hekk, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH mhuwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu ta’ kompetizzjoni ġusta.

Konklużjoni parzjali

107.

L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri huwa adatt sabiex jintlaħqu tliet għanijiet leġittimi: dan huwa adatt sabiex jiġu kkonfrontati r-riskji marbuta mal-ambjent u mas-saħħa li jirriżultaw mit-tniġġis tal-polimeri minħabba r-residwi tal-monomeri. Barra minn hekk, f’xi każijiet, dan jista’ jservi wkoll sabiex jiġu evalwati r-riskji kkawżati mill-persistenza ta’ proprjetajiet tal-monomeri fil-polimeri. Ir-reġistrazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-kompetizzjoni ġusta bejn il-manifatturi Komunitarji u l-importaturi ta’ polimeri.

ċ) Fuq in-neċessità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni

108.

Għandu jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri reaġiti f’polimeri huwiex neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

109.

Fir-rigward tal-għanijiet ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa, ċertament jeżistu dubji dwar in-neċessità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni.

110.

L-utilità ta’ informazzjoni sħiħa dwar il-monomeri sabiex jiġu evalwati r-riskji marbuta mal-persistenza tal-proprjetajiet tal-monomeri fil-polimeri tidher li hija ferm limitata. Bosta elementi jwasslu sabiex jitqies li l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-polimeru, limitat fil-portata iżda mmirat, ikun inqas oneruż u mill-inqas daqstant effettiv.

111.

Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-riskju ta’ residwi tal-monomeri, l-informazzjoni dwar il-monomeru hija mingħajr dubju determinanti. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, b’rabta ma’ tali riskju, ikun biżżejjed obbligu ta’ reġistrazzjoni dwar l-impuritajiet tal-monomeri biss bħala tali.

112.

Barra minn hekk, f’din id-direzzjoni, Erbslöh u S.P.C.M. jissuġġerixxu li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu rreġistrati biss ir-residwi ta’ monomeri mhux reaġiti. Madankollu, jekk l-obbligu jiġi ristrett għall-monomeri mhux reaġiti jew għar-residwi ta’ monomeri, probabbilment dan iċaħħad ħafna mill-effettività prattika tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH. Ma jidhirx probabbli li ħafna polimeri fihom 2% jew iktar piż, b’piż ta’ residwi ta’ monomeri. Huwa diffiċli li prodott daqstant imniġġes ikun jista’ jkun konformi mal-ħtiġijiet tal-utent tal-polimeru.

113.

Bil-kontra, tali obbligu ta’ reġistrazzjoni għandu jkun marbut mal-impuritajiet li jidhru b’mod konkret. Waqt is-seduta, Erbslöh sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li tali impuritajiet huma identifikabbli mingħajr diffikultajiet kbar permezz tad-distillazzjoni f’vakum u kromatografija tal-gass.

114.

Madankollu, fl-aħħar, tista’ titħalla mingħajr soluzzjoni l-kwistjoni dwar jekk id-dubji msemmija iktar ’il fuq humiex fondati jew jekk jistgħux jiġu kontradetti permezz ta’ argumenti ulterjuri tal-istituzzjonijiet u b’kunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-leġiżlatur b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

115.

Fil-fatt, m’hemmx dubju li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni.

116.

Huwa minnu li jista’ jiġi kkunsidrat li l-miżuri għall-protezzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva tal-manifatturi Komunitarji jiġu limitati għas-swieq li attwalment joperaw fihom. F’dan il-każ, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-monomeri użati jkun japplika biss fil-każ ta’ polimeri li jiġu mmanifatturati anki fil-Komunità ( 38 ). Madankollu, jekk isir hekk, il-kompetitur potenzjali ma jiġix protett b’mod daqstant effettiv. Fil-fatt, produzzjoni Komunitarja ġdida ta’ polimeri tista’ tibda biss wara li jkunu ġew irreġistrati l-monomeri użati. B’hekk, il-produttur Komunitarju l-ġdid ikollu jinvesti f’mezzi għar-reġistrazzjoni ta’ monomeri mingħajr ma jkun għad għandu dħul mill-produzzjoni tiegħu, filwaqt li l-kompetituri esterni jkunu jistgħu (inizjalment) jipprovdu polimeri fil-Komunità mingħajr ma jbatu dawk l-ispejjeż.

117.

Bl-istess mod, taxxa fuq il-polimeri importati, intiża li tikkumpensa b’rata fissa l-ispejjeż iffrankati minħabba n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-monomeri użati, ma tidhirx li hija metodu inqas oneruż li għandu l-istess livell ta’ effettività.

118.

Għaldaqstant, id-dispożizzjoni inkwistjoni, meta jitqies l-għan ta’ ugwaljanza fil-kompetizzjoni bejn il-manifatturi fil-Komunità u fl-Istati terzi, hija f’kull każ neċessarja.

d) Fuq l-adegwatezza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni

119.

Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni jekk l-inkonvenjenzi kkawżati mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq l-importazzjoni tal-polimeri humiex proporzjonati fir-rigward tal-iskopijiet imfittxija.

120.

Skont id-dikjarazzjoni ta’ Erbslöh u ta’ S.P.C.M., l-importaturi jinsabu quddiem diffikultajiet prattiċi kbar. Mhuwiex probabbli li l-monomeri jkunu diġà ġew irreġistrati mill-impriżi li jinsabu ’l fuq fil-katina tal-provvista li jimmanifatturaw il-monomeri jew il-polimeri. Bħala regola, tali manifatturi ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala produtturi Komunitarji u forsi lanqas ma jkunu interessati li jirreġistraw is-sustanzi monomeriċi permezz ta’ rappreżentant esklużiv.

121.

Bil-kontra, spiss l-importaturi ma jkunux jafu liema sustanzi monomeriċi jkunu jinsabu fil-polimeri importati minnhom. Bħala regola, il-fornituri tagħhom jittrattaw din l-informazzjoni bħala sigriet kummerċjali. Ma jeżistux metodi effettivi ta’ analiżi sabiex jiġu identifikati s-sustanzi monomeriċi magħquda.

122.

Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan l-argument. Madankollu, hija ssostni ġustament li din il-problema tiġi solvuta mis-suq. Jekk il-fornituri tal-polimeri jridu jikkummerċjalizzawhom fis-suq Ewropew, dawn għandhom jagħmlu possibbli r-reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi jew inkella — filwaqt li jżommu s-sigrieti kummerċjali tagħhom — jirreġistrawhom huma stess permezz ta’ rappreżentant esklużiv. Fil-każ kuntrarju, ikollhom jirrinunzjaw għal tali suq. L-importaturi u l-utenti eventwali tal-polimeri jistgħu eventwalment jinfluwenzaw din id-deċiżjoni permezz tal-prezzijiet li jkunu disposti li jħallsu.

123.

Huwa minnu li Erbslöh tibża’ li jista’ jkun hemm kumplikazzjoni ulterjuri peress li tiddubita li r-reġistrazzjoni ta’ monomeri min-naħa ta’ manifatturi esterni effettivament teżenta lill-importatur mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni; madankollu, dawn id-dubji mhumiex konvinċenti.

124.

L-istituzzjonijiet isostnu li l-fornituri ta’ polimeri mhux stabbiliti fil-Komunità jistgħu, fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH, jinnominaw rappreżentant esklużiv, li jinnotifika l-monomeri f’isem l-importatur. Erbslöh tiddubita li tali reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(3) tista’ ssir minn attur li jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista, peress li r-rappreżentant esklużiv ma jkunx attur li jinsab ’il fuq fil-katina tal-provvista u l-attur stabbilit barra mill-Komunità ma jkunx obbligat jirreġistra.

125.

Madankollu, il-ħatra tar-rappreżentant esklużiv tippreżupponi li r-reġistrazzjoni tiegħu teżenta lill-operaturi li jinsabu ’l isfel fil-katina tal-provvista mill-obbligi ta’ reġistrazzjoni. Fil-każ kuntrarju, din ma tkunx tagħmel sens. B’mod konformi ma’ dan, l-Artikolu 8 tar-Regolament REACH jistabbilixxi espressament li r-rappreżentant esklużiv għandu jwettaq l-obbligi imposti fuq l-importatur. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tiegħu jrid ikollha l-effett li tillibera lill-importatur mill-obbligi tiegħu anki fil-kuntest tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH.

126.

Wara kollox, il-fatt li wieħed juża operaturi oħra fil-katina tal-provvista jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tar-Regolament REACH. Anki għal sustanzi kimiċi oħra, ir-reġistrazzjoni teżiġi li tinkiseb informazzjoni minn impriżi oħra. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni għandha tindirizza r-riskji li huma marbuta mal-forom ta’ użu identifikati tas-sustanza. Informazzjoni dwar tali forom ta’ użu u riskji spiss tista’ tiġi pprovduta mix-xerrejja tas-sustanzi biss. Meta dawn ma jipparteċipawx fir-reġistrazzjoni, huma għandhom, jekk ikun il-każ, jiksbu huma stess l-informazzjoni relatata mar-riskji marbuta mal-użu tagħhom tas-sustanza (ara l-Artikoli 37 et seq tar-Regolament REACH).

127.

Anki kieku r-reġistrazzjoni ta’ monomeri kienet, f’xi każijiet, prattikament impossibbli, il-“Guidance for monomers and polymers” tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( 39 ) tindika mod sabiex il-polimeru xorta jiġi kkumerċjalizzat: it-trattament bħala sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, magħmula minn reazzjoni kumplessa jew materjal bijoloġiku. F’dan il-każ il-polimeru jista’, bħala eċċezzjoni, jiġi rreġistrat huwa stess bħala rimedju provviżorju ( 40 ).

128.

Oġġezzjoni oħra hija bbażata fuq l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni. Skont S.P.C.M. u Erbslöh, dawn huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-profitti, b’mod partikolari tal-impriża kkonċernata Lake, u mal-kwantitajiet tas-sustanza inkwistjoni.

129.

Madankollu, dawn l-ispejjeż jirrigwardaw, bħala prinċipju, lill-utenti kollha ta’ sustanzi kimiċi. Element strutturali fundamentali tar-Regolament REACH huwa proprju li dawn l-ispejjeż jiġu assorbiti. Bħala prinċipju, għandu jiġi aċċettat li sustanza ma tibqax tirrispondi għad-domanda tas-suq minħabba l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni.

130.

Ma’ dan għandu jingħad ukoll li, skont ir-Regolament REACH, l-ispejjeż tal-istudji meħtieġa jistgħu, almenu parzjalment, jitqassmu bejn id-diversi notifikanti tal-istess sustanza. Peress li numru limitat ta’ sustanzi monomeriċi jista’ jiġi kkombinat f’numru ferm kbir ta’ polimeri ( 41 ), wieħed jista’ jistenna li l-istess sustanzi monomeriċi jiġu nnotifikati minn diversi manifatturi u importaturi. Permezz tal-mekkaniżmu ta’ koordinament tar-Regolament REACH, dawn jistgħu jaqsmu l-ispejjeż bejniethom.

131.

B’hekk, il-piż ikkawżat mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi monomeriċi magħquda f’polimeri jikkorrispondi, fil-biċċa l-kbira, mal-piżijiet ġenerali marbuta mar-REACH. B’mod partikolari, dan huwa marbut mal-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-manifatturi Komunitarji ta’ polimeri u l-manifatturi li jinsabu fi Stati terzi. Din ir-rabta mhijiex manifestament żbilanċjata.

132.

Għaldaqstant, ma hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4. Fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni

133.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6(3) tar-Regolament REACH jagħtix lok għal diskriminazzjoni inammissibbli. Din il-parti tat-tieni domanda preliminari hija intiża li tiġi vverifikata l-kumpatibbiltà mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni. Dan jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 42 ).

134.

Differenza fit-trattament hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ skop leġittimu mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-iskop imfittex mit-trattament inkwistjoni ( 43 ). B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni trid tkun proporzjonata mad-differenzi u max-xebh tas-sitwazzjoni rispettiva ( 44 ).

135.

Madankollu, bħal fil-każ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, anki għall-finijiet tal-eżami tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa ta’ evalwazzjoni u ta’ determinazzjoni kunsiderevoli (“setgħa diskrezzjonali”) ( 45 ). Madankollu, huwa marbut li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatti kollha kif ukoll l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni ( 46 ). Huwa jrid jikkunsidra bis-sħiħ, minbarra l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, anki l-interessi inkwistjoni ( 47 ).

136.

Erbslöh u S.P.C.M. joġġezzjonaw li l-importaturi u l-manifatturi Komunitarji tal-polimeri huma effettivament suġġetti għall-istess obbligu, iżda dan huwa ta’ piż ferm ikbar għall-importaturi.

137.

Il-manifatturi Komunitarji ta’ polimeri jistgħu jinnotifikaw is-sustanzi monomeriċi użati b’mod iktar sempliċi mill-importaturi tal-polimeri. Il-manifatturi jafu x’inhuma l-monomeri użati u b’hekk jistgħu jirreġistrawhom.

138.

L-importaturi, min-naħa l-oħra, iridu jiddependu fuq l-appoġġ ta’ fornituri esterni qabel ma jkunu jistgħu jipproċedu għar-reġistrazzjoni. Erbslöh u S.P.C.M. jibżgħu li l-fornituri ma jpoġġux għad-dispożizzjoni tal-importaturi l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sustanzi monomeriċi użati u lanqas ma jirreġistraw huma stess dawk is-sustanzi monomeriċi permezz ta’ rappreżentant esklużiv.

139.

Madankollu, din id-dipendenza tal-importaturi hija l-konsegwenza neċessarja tan-nuqqas ta’ kompetenza Komunitarja sabiex jiġu imposti l-obbligi imperattivi fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati terzi.

140.

L-obbligu ta’ reġistrazzjoni, għalkemm huwa kkonkretizzat fil-persuna tal-importatur, huwa indirizzat lill-fornituri tiegħu. Dawn huma fundamentalment paragunabbli mal-manifatturi Komunitarji. Barra minn hekk, il-polimeri importati mhumiex differenti, bħala prinċipju, mill-polimeri manifatturati fil-Komunità. B’hekk, sitwazzjonijiet analogi huma ttrattati bl-istess mod.

141.

Fid-dawl tal-għan imsemmi iktar ’il fuq tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni, u preċiżament tal-kisba tal-ugwaljanza fil-kompetizzjoni, huwa ġġustifikat li jiġu imposti rekwiżiti analogi għal dawn is-sitwazzjonijiet analogi. Il-manifatturi tal-Istati terzi huma liberi li jissuġġettaw ruħhom għal tali piżijiet jew li jirrinunzjaw għas-suq Komunitarju.

142.

Huwa minnu li paragun bejn l-importaturi u l-manifatturi Komunitarji juri li dawn mhumiex ittrattati b’mod analogu; madankollu, dawn l-anqas ma jinsabu f’sitwazzjoni analoga. L-importaturi jitqiesu biss li huma l-uniċi rappreżentanti tal-manifatturi esterni li jkollhom kuntatt magħhom, f’kull każ sakemm dawn ma jirrikorrux għal rappreżentant esklużiv fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament REACH. L-effett differenti fuqhom tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jikkorrispondi għal din id-differenza fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ manifattur.

143.

Għaldaqstant, ma hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

V — Konklużjoni

144.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

1.

Il-kunċett ta’ “sustanzi monomeriċi” skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi, jirreferi biss għall-monomeri reaġiti, jiġifieri għall-monomeri li jkunu rreaġixxew bejniethom b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfirdu mill-polimeru li jiffurmaw parti minnu.

2.

L-evalwazzjoni tat-tieni domanda ma rrilevat ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1907/2006 fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Titolu sħiħ: Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU 2006 L 396, p. 1 et seq). L-emendi għar-Regolament li saru s’issa mhumiex rilevanti għal din il-kawża.

( 3 ) Ara d-dokument tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2004, Nru 13788/04, p. 5, nota ta’ qiegħ il-paġna 25.

( 4 ) Bl-Isvediż: monomerenhet.

( 5 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 1998, Kawża C-346/95, Blasi (Ġabra p. I-481, punt 19) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ Ottubru 2004, fil-Kawża C-428/02, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (Ġabra 2005, p. I-1527, punt 16); min-naħa l-oħra, f’sens kuntrarju, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber tad-29 ta’ Ġunju 2000 fil-Kawża C-446/98, Fazenda Pública (Ġabra 2000, p. I-11435, punt 71).

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord u Rewe-Markt Steffen (158/80, Ġabra p. 1805, punti 25 sa 27); tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, Ġabra p. 1493, punt 9) kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C-390/06, Ġabra p. I-2577, punti 79 sa 86).

( 7 ) Sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24) kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 174).

( 8 ) Sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, Ġabra p. 2861, punt 22); tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-351/98, Ġabra p. I-8031, punt 84); tat-22 ta’ Jannar 2004, Mattila vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-353/01 P, Ġabra p. I-1073, punt 32); tad-29 ta’ April 2004, IPK-München vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C-199/01 P u C-200/01 P, Ġabra p. I-4627, punt 66) kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, minn C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 463) kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 139) kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill (Kawża T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 182).

( 9 ) Sentenza Daffix (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 23).

( 10 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (Kawżi Magħquda C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punti 46 et seq).

( 11 ) Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27); tal-14 ta’ April 2005, Belġju vs Il-Kummissjoni (C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30) kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 68); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Mejju 2007 fil-Kawża C-299/05, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (Ġabra 2007, p. I-8695, punt 55).

( 12 ) Ara iktar ’il fuq, punti 43 et seq.

( 13 ) Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co. (25/70, Ġabra p. 1161, punti 21 et seq); tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, Ġabra p. 4587, punt 15); tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 13); IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 79); tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill (C-310/04, Ġabra p. I-7285, punt 97) kif ukoll tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel (Kawżi Magħquda C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 33).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Köster, Berodt & Co., punti 28 u 32, Fedesa et, punt 13, u Viamex Agrar Handel, punt 35, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 kif ukoll is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21) u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81).

( 15 ) Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1979, Denkavit (251/78, Ġabra p. 3369, punt 24) kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-128/89, Ġabra p. I-3239, punt 23).

( 16 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Granaria (101/78, Ġabra p. 623, punt 4); tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18) kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 59).

( 17 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il-Kunsill (Kawżi Magħquda T-110/03, T-150/03 u T-405/03, Ġabra p. II-1429, punt 98); ara wkoll J. Kokott, “Die Durchsetzung der Normenhierarchie im Gemeinschaftsrecht”, f’: G. Müller et: Festschrift für Günter Hirsch zum 65. Geburtstag, C. H. Beck, 2008, p. 122 et seq.

( 18 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 145). Dwar il-politika ambjentali ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 37) kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C-86/03, Ġabra p. I-10979, punt 88). Ara wkoll J. Kokott (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 124 et seq).

( 19 ) Sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, SAM Schiffahrt u Stapf (Kawżi Magħquda C-248/95 u C-249/95, Ġabra p. I-4475, punt 24) kif ukoll Omega Air et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 64).

( 20 ) Ara, dwar il-politika agrikola, is-sentenzi Schräder HS Kraftfutter (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 22); Fedesa et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 14); Jippes et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 82) u Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36) kif ukoll, dwar l-armonizzazzjoni tas-suq intern, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 46) u Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 48) kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (Kawżi Magħquda C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 52).

( 21 ) Sentenzi Jippes et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 83) kif ukoll Viamex Agrar Handel (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36).

( 22 ) Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra p. I-4973, punti 94 et seq); tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I-5755, punti 58 et seq); tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 54 et seq); tat-8 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar (C-17/98, Ġabra p. I-675, punti 53 et seq); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, Ġabra p. I-11453, punti 123, 126, 128 et seq, 132 u 139 et seq); tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (Kawżi Magħquda C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punti 69 u 83) u IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 87). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 59), dwar il-verifika tal-prinċipju ta’ proporzjonalità biex jiġi ġġustifikat trattament diżugwali.

( 23 ) Sentenza IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 88 et seq).

( 24 ) Ara s-sentenza Omega Air et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 72) u l-konklużjonijiet tiegħi tal-1 ta’ Frar 2007 fil-kawża C-525/04 P, Spanja vs Lenzing (Ġabra 2007, p. I-9947, punt 71).

( 25 ) Ara fuq id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni u l-ambjent is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39); tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C-326/05 P, Ġabra p. I-6557, punt 77); tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing (C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punt 57); Bertelsmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 145) kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C-405/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 55).

( 26 ) Sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et (C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 63); tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow (C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 39) kif ukoll tad-19 ta’ Ġunju 2008, Nationale Raad van Dierenkwekers en Liefhebbers u Andibel (C-219/07, Ġabra p. I-4475, punt 38).

( 27 ) Il-fatt li ċerti polimeri jistgħu jkunu perikolużi mhuwiex ikkontestat. Il-Kummissjoni tirreferi għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (ĠU L 325, p. 3), fejn diversi polimeri huma rikonoxxuti bħala bijoċidi attivi. Anki fl-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1967, rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU 196, p. 1), li ddaħħal mid-Direttiva tal-Kunsill 92/32/KEE, tat-30 ta’ April 1992, li temenda għas-seba’ darba d-Direttiva 67/548/KEE (ĠU L 154, p. 1) kif ukoll mid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/105/KE, tal-25 ta’ Novembru 1993, li tistabbilixxi l-Anness VII D, li għandu l-informazzjoni meħtieġa għad-dossier tekniku msemmi fl-Artikolu 12 tas-seba’ emenda tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU L 294, S. 21), jirriżulta li l-leġiżlatur, fl-imgħoddi, ikkunsidra l-polimeri bħala perikolużi biżżejjed sabiex jeħtieġu notifika.

( 28 ) Ara iktar ’il fuq, punti 47 et seq.

( 29 ) Perizja ta’ Gary Dougherty, anness 4 mat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 30 ) Ara iktar ’il fuq, punti 47 et seq.

( 31 ) Ara G. J. Leigh et, “Principles of Chemical Nomenclature, A Guide to IUPAC Recommendations”, Blackwell Science, 1998, p. 104 et seq (http://old.iupac.org/publications/books/principles/principles_of_nomenclature.pdf). Madankollu, proprju fil-każ tal-polimeri, jidher li identifikazzjoni preċiża toħloq diffikultajiet notevoli.

( 32 ) Ara l-protokoll G/TBT/M/41 tat-12 ta’ Ġunju 2008 dwar is-seduta tal-kumitat tal-WTO dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ tal-21 ta’ Marzu 2007, Nru 40.

( 33 ) Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008 fil-Kawża C-188/07, Commune de Mesquer (Ġabra p. I-4501, punt 120).

( 34 ) Barra minn hekk, il-konformità tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-ugwaljanza fil-kompetizzjoni mhijiex kunċett estranju għar-Regolament REACH. Minkejja li għall-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa hija biżżejjed reġistrazzjoni waħda, kull manifattur u kull importatur għandu jirreġistra s-sustanza.

( 35 ) Ara pereżempju s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1987, Nicolet Instrument (232/86, Ġabra p. 5025); tal-14 ta’ Lulju 1994, Il-Greċja vs Il-Kunsill (C-353/92, Ġabra p. I-3411, punt 50); Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 92) kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill (C-342/03, Ġabra p. I-1975, punt 18).

( 36 ) Ara b’mod partikolari l-protokolli G/TBT/M/44 tal-10 ta’ Ġunju 2008 dwar is-seduta tal-20 ta’ Marzu 2008, punti 119 et seq (L-Istati Uniti) u 140 (Il-Ġappun) kif ukoll G/TBT/M/45 tad-9 ta’ Settembru 2008 dwar is-seduta tal-1 u tat-2 ta’ Lulju 2008, punt 36 (Il-Brażil).

( 37 ) Sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47); tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C-377/02, Ġabra p. I-1465, punt 39) kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (Kawżi Magħquda C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 111).

( 38 ) Ara s-sentenza Nicolet Instrument (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35) dwar eżenzjoni mid-dazji li tidħol fis-seħħ biss meta ma tkun ikkonċernata ebda produzzjoni Komunitarja.

( 39 ) L-aħħar aġġornament: Mejju 2008, http://guidance.echa.europa.eu/docs/guidance_document/polymers_enru.pdf.

( 40 ) Guidance, p. 9.

( 41 ) Ara iktar ’il fuq, punt 21.

( 42 ) Sentenzi IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 95); tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57) kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63).

( 43 ) Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 47).

( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-3 ta’ April 2008 fil-Kawża C-524/06, Huber (Ġabra p. I-9705, punt 7) u l-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Settembru 2005 fil-Kawża C-540/03, Il-Parlament vs Il-Kunsill (Ġabra 2006, p. I-5769, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Ara iktar ’il fuq, punt 69. Ara, dwar is-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/97, Ġabra p. I-2737, punti 35 u 49); Lindorfer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 78) kif ukoll Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 57).

( 46 ) Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 58).

( 47 ) Sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 59).