21.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1357

tad-19 ta' Lulju 2017

dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 60335-2-9:2003, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010, dwar rekwiżiti partikolari għall-grills, towsters u apparati simili tal-kċina li jistgħu jinġarru, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 3168)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 11(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012,

Billi:

(1)

Fejn standard armonizzat, li r-referenza għalih tkun ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikun ikopri wieħed jew iktar mill-elementi tal-objettivi tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-apparat elettriku ddisinjat għall-użu f'ċerti vultaġġi biss u mibni skont dak l-istandard ikun meqjus li jissodisfa l-elementi kkonċernati ta' dawk l-objettivi tas-sikurezza.

(2)

F'Ġunju 2014 u Lulju 2014, il-Ġermanja u n-Norveġja, rispettivament, ressqu oġġezzjoni formali għall-istandard EN 60335-2-9:2003, “Apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — Sigurtà — Parti 2-9: Rekwiżiti partikolari għal grills, towsters u apparati simili tal-kċina li jistgħu jinġarru”, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010.

(3)

L-oġġezzjonijiet formali tal-Ġermanja u n-Norveġja kienu jgħidu li t-taqsima 11 “Tisħin” tal-istandard ma fihiex biżżejjed dispożizzjonijiet dwar il-limiti tat-temperatura għal uċuħ mhux funzjonali aċċessibbli. Partikolarment, l-istandard jippermetti diversi esklużjonijiet mil-limiti tat-temperatura, u dawn jawtorizzaw lill-manifattur biex jirdoppja l-valuri ta' limitu tat-temperatura jew ma japplikahomx skont id-daqs, id-disinn jew il-parti tal-wiċċ tal-apparat, u kull ma jkun hemm bżonn huwa ta' avviż jew tikketta ta' twissija. F'dan ir-rigward, it-taqsima 7.1 tal-istandard tirrikjedi biss twissija fuq il-wiċċ bl-ogħla temperatura fil-partijiet li jisbqu l-valuri ta' limitu. Il-kuluri tat-tikketta jistgħu jkunu differenti mill-kuluri ta' twissija internazzjonali, u dan jista' jħawwad lill-utenti. Barra minn hekk, minħabba l-ambigwità tar-rekwiżiti tal-istandard, l-istandard jista' jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ma jsirx il-kejl taż-żidiet fit-temperatura f'ċerti partijiet ta' prodott speċifiku, li jista' jwassal biex ma jitqiesux jew jiġu rdoppjati l-valuri ta' limitu tat-temperatura applikabbli skont l-istandard fir-rigward tal-prodott sħiħ. Minħabba f'hekk, jibqa' r-riskju ta' ħruq għall-persuni u għall-annimali domestiċi, u l-istandard fih innifsu ma għandux jagħti l-preżunzjoni ta' konformità mad-Direttiva 2014/35/UE.

(4)

Wara li eżaminaw l-istandard EN 60335-2-9:2003, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010, fil-Grupp ta' Ħidma għad-Direttiva dwar il-Vultaġġ Baxx, li huwa grupp ta' esperti fis-settur, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni u l-biċċa l-kbira tal-esperti mill-Istati Membri qablu mal-argumenti mressqa mill-Ġermanja u n-Norveġja. Għaldaqstant, ġie konkluż li l-istandard ma jissodisfax l-objettivi tas-sikurezza stipulati fil-punt 1(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2014/35/UE, flimkien mal-punt 2(b) ta' dak l-Anness.

(5)

Filwaqt li jitqiesu l-aspetti tas-sikurezza li jeħtieġ jittejbu u sakemm issir reviżjoni xierqa tal-istandard, ir-referenza tal-istandard EN 60335–2-9:2003, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tkun akkumpanjata minn sistema xierqa ta' restrizzjoni, u b'hekk ir-referenza għal partijiet speċifiċi tal-istandard soġġetti għar-restrizzjoni ma tagħtix il-preżunzjoni ta' konformità,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard EN 60335-2-9:2003, “Apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — Sigurtà — Parti 2-9: Rekwiżiti partikolari għal grills, towsters u apparati simili tal-kċina li jistgħu jinġarru”, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010, għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bir-restrizzjoni stipulata fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Elzbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).


ANNESS

Pubblikazzjoni ta' titoli u referenzi ta' standard armonizzat għall-fini tad-Direttiva 2014/35/UE

L-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

Cenelec (1)

EN 60335-2-9:2003

Apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — Sigurtà — Parti 2-9: Rekwiżiti partikolari għal grills, towsters u apparati simili tal-kċina li jistgħu jinġarru, kif emendat permezz ta':

 

EN 60335-2-9:2003/A1:2004

 

EN 60335-2-9:2003/A2:2006

 

EN 60335-2-9:2003/A12:2007

 

EN 60335-2-9:2003/A13:2010

Restrizzjoni:

L-applikazzjoni ta' dawn il-partijiet tal-istandard EN 60335–2-9:2003, kif emendat l-aħħar permezz ta' A13:2010, ma tikkonferixxix il-preżunzjoni ta' konformità mal-objettivi tas-sikurezza stipulati fil-punt 1(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2014/35/UE, flimkien mal-punt 2(b) ta' dak l-Anness:

—

nota ta' qiegħ il-paġna b tat-Tabella Z101 fit-taqsima 11,

—

il-partijiet tat-taqsima 7.1 li jirreferu għan-nota ta' qiegħ il-paġna b tat-Tabella Z101,

—

il-partijiet tat-taqsima 11.Z10x li jirreferu għal fetħiet għall-ventilazzjoni.


(1)  Cenelec: Avenue Marnix 17, 1000 Brussell, il-Belġju. Tel.+32 25196871; fax +32 25196919 (http://www.cenelec.eu).