European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1904

19.9.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1904 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Settembru 2025

dwar l-approvazzjoni mill-Unjoni tal-Ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Settembru 2021 fil-kawża C-741/19 (3), ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy (is-“sentenza Komstroy”), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) ddeċidiet li l-Artikolu 26(2), il-punt (c), tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom (4), għandu jiġi interpretat bħala mhux applikabbli għal tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dak l-investitur fl-ewwel Stat Membru, jiġifieri tilwim intra-UE.

(2)

Minkejja s-sentenza Komstroy, it-tribunali tal-arbitraġġ komplew jaċċettaw il-ġuriżdizzjoni u joħorġu deċiżjonijiet fi proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE li allegatament huma bbażati fuq l-Artikolu 26(2), il-punt (c), tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Skont il-QĠUE, kwalunkwe deċiżjoni bħal din hija inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 267 u 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, tali deċiżjonijiet ma jistgħux jipproduċu effetti legali u l-ħlas ta’ kumpens mogħti wara dawk id-deċiżjonijiet ma jistax jiġi eżegwit.

(3)

L-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni qed tiġi mminata mill-ħruġ ta’ deċiżjonijiet li jiksru l-liġi tal-Unjoni fi proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE. Hemm riskju ta’ kunflitt bejn it-Trattati, min-naħa waħda, u t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija kif interpretat minn xi tribunali tal-arbitraġġ, min-naħa l-oħra, li, jekk jiġi kkonfermat mill-qrati ta’ pajjiż terz, isir de facto ‘kunflitt legali fejn tali deċiżjonijiet kienu qed jiċċirkolaw fl-ordinamenti ġuridiċi ta’ pajjiżi terzi.

(4)

Skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, ir-riskju ta’ kunflitt legali huwa suffiċjenti li jirrendi ftehim internazzjonali inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li r-riskju ta’ tali kunflitt bejn it-Trattati u t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jiġi eliminat. L-adozzjoni ta’ strument tal-liġi internazzjonali, fil-forma ta’ ftehim li jistabbilixxi l-fehim komuni tal-partijiet għal dak il-ftehim dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, tgħin biex jiġi eliminat dak ir-riskju.

(5)

Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Istati Membri kkonkludew negozjati dwar it-termini ta’ ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Il-fehim komuni li jinsab f’dak il-ftehim ġie mtenni fid-“Dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi legali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Komstroy u l-fehim komuni dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi għall-proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE” tas-26 ta’ Ġunju 2024 (5).

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jiġi approvat sabiex ikun jista’ jiġi ffirmat mill-Unjoni u biex jesprimi il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’dak il-Ftehim,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li jakkumpanja din id-Deċiżjoni huwa b’dan approvat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Settembru 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  L-opinjoni tal-4 ta’ Diċembru 2024 (ĠU C, C/2025/776, 11.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/776/oj).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025.

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2021, ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy, C-741/19, ECLI:EU:C:2021:655, paragrafu 66.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/181/oj).

(5)   ĠU L, 2024/2121, 6.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2024/2121/oj.


FTEHIM DWAR L-INTERPRETAZZJONI U L-APPLIKAZZJONI TAT-TRATTAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA u

L-UNJONI EWROPEA

minn hawn ’il quddiem imsejħin il-“partijiet”

FILWAQT LI JQISU t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Liżbona fis-17 ta’ Diċembru 1994  (1) u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom fit-23 ta’ Settembru 1997  (2), kif emendat l-aħħar,

FILWAQT LI JQISU r-regoli tal-liġi internazzjonali konswetudinarja kif ikkodifikati fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, magħmula fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-membri ta’ Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1, il-punt 3, tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija hawnhekk jesprimu fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ trattat fir-relazzjonijiet inter se tagħhom,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-ħruġ mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jaffettwax il-kompożizzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika msemmija f’dak it-Trattat, u lanqas ma jipprekludi interess li jiġi espress fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat sakemm dan ikun jista’ jitqies li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ Parti li rtirat, u b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-referenzi għall-Unjoni Ewropea f’dan il-Ftehim għandhom jinftiehmu wkoll bħala referenzi għall-predeċessur tagħha, il-Komunità Ekonomika Ewropea u, sussegwentement, il-Komunità Ewropea, sakemm din tal-aħħar ġiet sostitwita mill-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JFAKKRU li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali (3) u tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (4), id-dritt li tingħata interpretazzjoni awtorevoli ta’ regola legali jappartjeni lill-partijiet fi ftehim internazzjonali fir-rigward ta’ dak il-ftehim,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-“Istati Membri”) assenjaw id-dritt li jagħtu interpretazzjonijiet awtorevoli tal-liġi tal-Unjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), kif spjegat mill-QĠUE fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Mejju 2006 fil-kawża C-459/03, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (Mox Plant) (5), li ddeċidiet li l-kompetenza esklużiva għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni testendi għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma partijiet fil-każ ta’ tilwim bejn żewġ Stati Membri jew bejn l-Unjoni Ewropea u Stat Membru,

FILWAQT LI JFAKKRU li, f’konformità mal-Artikolu 344 TFUE, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li ma jippreżentawx tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-Trattati għal metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fihom,

FILWAQT LI JFAKKRU li fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2018, fil-kawża C-284/16, Achmea  (6), il-QĠUE ddeċidiet li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni fi ftehim internazzjonali konkluż bejn Stati Membri, li jipprovdi li investitur ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri jista’, fil-każ ta’ tilwima dwar investimenti fl-Istat Membru l-ieħor, iressaq proċeduri kontra dan l-Istat Membru tal-aħħar quddiem tribunal tal-arbitraġġ li dan l-Istat Membru jkun impenja ruħu li jaċċetta l-ġuriżdizzjoni tiegħu,

FILWAQT LI JFAKKRU fil-pożizzjoni konsistentement imtennija tal-Unjoni Ewropea li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma kienx maħsub li japplika fir-relazzjonijiet intra-UE u li l-intenzjoni tal-Unjoni Ewropea, tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u tal-Istati Membri tagħhom, ma kinitx, u ma setgħetx tkun li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija joħloq kwalunkwe obbligu bejniethom peress li ġie nnegozjat bħala strument tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni fl-enerġija ma’ pajjiżi terzi filwaqt li, b’kuntrast, il-politika interna tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija tikkonsisti f’sistema elaborata ta’ regoli mfassla biex jinħoloq suq intern fil-qasam tal-enerġija li jirregola esklużivament ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri f’dak il-qasam,

FILWAQT LI JFAKKRU li fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Settembru 2021 fil-kawża C-741/19, ir-Repubblika tal-Moldova vs. Komstroy  (7) (is-“sentenza Komstroy”), kif ikkonfermata fl-opinjoni tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2022, 1/20 (8), il-QĠUE ddeċidiet li l-Artikolu 26(2), il-punt (c), tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex applikabbli għal tilwim bejn Stat Membru u investitur ta’ Stat Membru ieħor dwar investiment magħmul minn dan tal-aħħar fl-ewwel Stat Membru,

FILWAQT LI JFAKKRU li, bħala interpretazzjoni mill-qorti kompetenti u li tirrifletti prinċipju ġenerali tal-liġi internazzjonali pubblika, l-interpretazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija fis-sentenza Komstroy tapplika mill-approvazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mill-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Artikoli 267 u 344 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li tippermetti li t-tilwim bejn, min-naħa waħda, investitur ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, Stat Membru ieħor jew l-Unjoni Ewropea jiġi solvut quddiem tribunal tal-arbitraġġ (“proċedura ta’ arbitraġġ intra-UE”),

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, fi kwalunkwe każ, li, meta tilwima bejn, min-naħa waħda, investitur ta’ Stat Membru u, min-naħa l-oħra, Stat Membru ieħor jew l-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ tiġi riżolta b’mod amikevoli, parti f’dik it-tilwima tista’, bħal dejjem, tagħżel li tippreżentaha għar-riżoluzzjoni lill-qrati jew lit-tribunali amministrattivi kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali, kif iggarantiti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi u mir-rispett tad-drittijiet fundamentali minquxa, fost l-oħrajn, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JIKKONDIVIDU l-fehim komuni espress f’dan il-Ftehim li, bħala riżultat, klawżola bħall-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma setgħetx fil-passat u la issa jew fil-futur ma tista’ sservi bħala l-bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ mibdija minn investitur minn Stat Membru wieħed dwar investimenti fi Stat Membru ieħor,

FILWAQT LI JTENNU d-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar il-primazija, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Liżbona, li tfakkar li t-Trattati u l-liġi adottati mill-Unjoni abbażi tat-Trattati għandhom primazija fuq il-liġi tal-Istati Membri, u li l-prinċipju ta’ primazija jikkostitwixxi regola ta’ kunflitt fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom,

FILWAQT LI JFAKKRU, konsegwentement, li, sabiex jiġi solvut kwalunkwe kunflitt ta’ normi, ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri skont il-liġi internazzjonali jista’ japplika fir-relazzjonijiet intra-UE biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu kompatibbli mat-Trattati tal-UE,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax jestendi, u ma kienx maħsub li jestendi, għal tali proċedimenti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, il-Partijiet li huma kkonċernati minn proċidementi ta’ arbitraġġ intra-UE pendenti, kemm bħala konvenut kif ukoll bħala Stat Membru ta’ investitur, jenħtieġ li jikkooperaw sabiex jiżguraw li l-eżistenza ta’ dan il-Ftehim tinġieb għall-attenzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ ikkonċernat, biex jippermettu li tinġibed il-konklużjoni xierqa dwar in-nuqqas ta’ ġuriżdizzjoni ta’ dak it-tribunal,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, barra minn hekk, jenħtieġ li ma jiġi rreġistrat l-ebda proċediment ġdid ta’ arbitraġġ intra-UE, u FILWAQT LI JAQBLU li fejn avviż tal-arbitraġġ madankollu jingħata, il-Partijiet li huma kkonċernati minn dawk il-proċedimenti, kemm bħala konvenut kif ukoll bħala Stat Membru ta’ investitur, jenħtieġ li jikkooperaw sabiex jiżguraw li l-eżistenza ta’ dan il-Ftehim tinġieb għall-attenzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ ikkonċernat, li jippermetti li tinġibed il-konklużjoni xierqa li l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax iservi bħala bażi legali għal tali proċedimenti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, madankollu, li soluzzjonijiet u deċiżjonijiet f’każijiet ta’ arbitraġġ ta’ investiment intra-UE li ma jistgħux jiġu annullati jew imwarrba u li ġew irrispettati volontarjament jew infurzati b’mod definittiv jenħtieġ li ma jiġux kkontestati,

FILWAQT LI JIDDISPJAĊIHOM li d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ diġà ngħataw, għadhom qed jingħataw u għadhom jistgħu jsiru, minn tribunali tal-arbitraġġ fi proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE mibdija b’referenza għall-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, b’mod li jmur kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluż kif espress fil-ġurisprudenza tal-QĠUE,

FILWAQT LI JIDDISPJAĊIHOM ukoll li tali deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ huma s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ infurzar, inkluż f’pajjiżi terzi, li fi proċedimenti pendenti ta’ arbitraġġ intra-UE allegatament ibbażati fuq l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, it-tribunali tal-arbitraġġ ma jirrifjutawx il-kompetenza u l-ġuriżdizzjoni, u li l-istituzzjonijiet tal-arbitraġġ ikomplu jirreġistraw proċedimenti ta’ arbitraġġ ġodda u ma jirrifjutawhomx bħala manifestament inammissibbli minħabba nuqqas ta’ kunsens biex jissottomettu ruħhom għall-arbitraġġ,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW, għalhekk, li huwa meħtieġ li tiġi mtennija, espressament u mingħajr ambigwità, il-pożizzjoni konsistenti tal-Partijiet permezz ta’ ftehim li jafferma mill-ġdid il-fehim komuni tagħhom dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, kif interpretat mill-QĠUE, sa fejn jikkonċerna proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, f’konformita mas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited  (9) u kif spjegat mill-QĠUE fis-sentenza Komstroy, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huma maħsuba biex jirregolaw ir-relazzjonijiet bilaterali,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW għalhekk li dan il-Ftehim jikkonċerna biss relazzjonijiet bilaterali bejn il-Partijiet u, b’estensjoni, investituri minn dawk l-Istati Membri bħala Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, u li, b’riżultat ta’ dan, dan il-Ftehim jaffettwa biss dawk il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li huma rregolati mil-liġi tal-Unjoni Ewropea bħala Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika skont it-tifsira tal-Artikolu 1, il-punt 3, tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u ma jaffettwax it-tgawdija mill-Partijiet Kontraenti l-oħra għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija tad-drittijiet tagħhom skont dak it-Trattat jew it-twettiq tal-obbligi tagħhom,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Partijiet infurmaw lill-Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija bl-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu dan il-Ftehim,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li billi jikkonkludu dan il-Ftehim u f’konformità mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, iżda mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jagħmlu tali talbiet kif iqisu xieraq fir-rigward tal-kostijiet imġarrba minnhom bħala konvenuti fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE, il-Partijiet jiżguraw konformità sħiħa u effettiva mas-sentenza Komstroy, u jissottolinjaw in-nuqqas ta’ infurzabbiltà ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ eżistenti, l-obbligu għat-tribunali tal-arbitraġġ li jtemmu immedjatament kwalunkwe proċediment pendenti ta’ arbitraġġ intra-UE, l-obbligu għall-istituzzjonijiet tal-arbitraġġ li ma jirreġistraw l-ebda proċediment futur ta’ arbitraġġ intra-UE, f’konformità mas-setgħat rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 36(3) tal-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar l-Investiment bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati oħra (“ICSID”), konkluża f’Washington fit-18 ta’ Marzu 1965, u l-Artikolu 12 tar-regoli tal-arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stokkolma (“SCC”), u l-obbligu għat-tribunali tal-arbitraġġ li jiddikjaraw li kwalunkwe proċediment ta’ arbitraġġ intra-UE mitlub li jiġi rreġistrat quddiemhom ma għandux bażi legali,

FILWAQT LI JQISU li dan il-Ftehim ikopri proċedimenti ta’ arbitraġġ bejn l-investitur u l-Istat li jinvolvu l-Partijiet f’tilwim intra-UE bbażat fuq l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija skont kwalunkwe konvenzjoni ta’ arbitraġġ jew sett ta’ regoli, inkluża l-ICSID u r-regoli tal-arbitraġġ tal-ICSID, ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Istitut tal-Arbitraġġ tal-SCC, ir-regoli tal-arbitraġġ tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ u l-arbitraġġ ad hoc, u

FILWAQT LI JŻOMMU f’moħħhom li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni Ewropea jew kwalunkwe Stat Membru jressqu azzjoni quddiem il-QĠUE abbażi tal-Artikoli 258, 259 u 260 TFUE,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA 1

FEHIM KOMUNI DWAR IN-NUQQAS TA’ APPLIKABBILTÀ TAL-ARTIKOLU 26 TAT-TRATTAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA BĦALA BAŻI GĦALL-PROĊEDIMENTI TA’ ARBITRAĠĠ INTRA-UE

ARTIKOLU 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija” tfisser it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ffirmat f’Liżbona fis-17 ta’ Diċembru 1994 u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom, fit-23 ta’ Settembru 1997, u kif dan jista’ jiġi emendat minn żmien għal żmien;

(2)

“ir-relazzjonijiet intra-UE” tfisser ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru, u l-Unjoni Ewropea;

(3)

“il-Proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE” tfisser kwalunkwe proċediment quddiem tribunal tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija biex tiġi solvuta tilwima bejn, min-naħa waħda, investitur ta’ Stat Membru wieħed u, min-naħa l-oħra, Stat Membru ieħor, jew l-Unjoni Ewropea.

ARTIKOLU 2

Fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u t-tkomplija tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u n-nuqqas ta’ bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE

1.   Il-Partijiet b’dan jaffermaw mill-ġdid, għal aktar ċertezza, li jikkondividu fehim komuni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li skontu l-Artikolu 26 ta’ dak it-Trattat ma jistax u qatt ma seta’ qatt jservi bħala bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE.

Il-fehim komuni espress fl-ewwel subparagrafu huwa bbażat fuq l-elementi li ġejjin tal-liġi tal-Unjoni Ewropea:

(a)

l-interpretazzjoni tal-QĠUEtal-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li tfisser li dik id-dispożizzjoni ma tapplikax, u qatt ma kellha tiġi applikata, bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE; kif ukoll

(b)

il-primazija tal-liġi tal-Unjoni, imfakkra fid-Dikjarazzjoni Nru 17, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottatat it-Trattat ta’ Liżbona, bħala regola tal-liġi internazzjonali li tirregola l-kunflitt ta’ normi fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, bir-riżultat li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma japplikax u ma setax japplika bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE.

2.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid, għal aktar ċertezza, li huma jikkondividu l-fehim komuni li, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ bażi legali għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE skont l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jestendix, u ma setax jestendi fi kwalunkwe żmien, għal tali proċedimenti. Għaldaqstant, l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax ikun ipproduċa effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE meta Stat Membru jkun ħareġ mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija qabel il-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim, u ma jipproduċix effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE jekk sussegwentement Parti tkun ħarġet mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

3.   Għal aktar ċertezza, il-Partijiet jaqblu li, f’konformità mal-fehim komuni espress fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għalih, l-Artikolu 26 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma japplikax bħala bażi għal proċedimenti ta’ arbitraġġ intra-UE u l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jipproduċix effetti legali fir-relazzjonijiet intra-UE.

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 huma mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija sa fejn dawn jikkonċernaw ir-relazzjonijiet intra-UE.

TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 3

Depożitarju

1.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala d-Depożitarju ta’ dan il-Ftehim (id-“Depożitarju”).

2.   Id-Depożitarju għandu jinnotifika lill-Partijiet bi:

(a)

id-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5;

(b)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6(1);

(c)

id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għal kull Parti f’konformità mal-Artikolu 6(2).

3.   Id-Depożitarju għandu jippubblika dan il-Ftehim f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jinnotifika lid-depożitarju tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, kif ukoll lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, bl-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.   Id-Depożitarju għandu jistieden lid-depożitarju tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija jinnotifika dan il-Ftehim lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

5.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rreġistrat mid-Depożitarju mas-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti, f’konformità mal-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

ARTIKOLU 4

Riżervi

Ma għandha ssir l-ebda riżerva għal dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 5

Ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni

Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.

Il-Partijiet għandhom jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika, tal-approvazzjoni jew tal-aċċettazzjoni mad-Depożitarju.

ARTIKOLU 6

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 jum kalendarju wara d-data li fiha d-Depożitarju jirċievi t-tieni strument ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.

2.   Għal kull Parti li tirratifikah, tapprovah jew taċċettah wara d-dħul fis-seħħ tiegħu f’konformità mal-paragrafu 1, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 30 jum kalendarju wara d-data tad-depożitu minn tali Parti tal-istrument tagħha ta’ ratifika, approvazzjoni jew aċċettazzjoni.

ARTIKOLU 7

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim, imfassal f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Kroat, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Irlandiż, Taljan, Latvjan, Litwan, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol u Żvediż, b’kull test ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat fl-arkivji tad-Depożitarju.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi …,fi … il-jum … fis-sena …

Ir-Renju tal-Belġju,

Ir-Repubblika tal-Bulgarija,

Ir-Repubblika Ċeka,

Ir-Renju tad-Danimarka,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Ir-Repubblika tal-Estonja,

L-Irlanda,

Ir-Repubblika Ellenika,

Ir-Renju ta’ Spanja,

Ir-Repubblika Franċiża,

Ir-Repubblika tal-Kroazja,

Ir-Repubblika Taljana,

Ir-Repubblika ta’ Ċipru,

Ir-Repubblika tal-Latvja,

Ir-Repubblika tal-Litwanja,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

Ir-Repubblika ta’ Malta,

Ir-Renju tan-Netherlands,

Ir-Repubblika tal-Awstrija,

Ir-Repubblika tal-Polonja,

Ir-Repubblika Portugiża,

Ir-Rumanija,

Ir-Repubblika tas-Slovenja,

Ir-Repubblika Slovakka,

Ir-Repubblika tal-Finlandja,

Ir-Renju tal-Iżvezja u

L-Unjoni Ewropea


(1)  L-Att Finali tal-Konferenza Ewropea dwar il-Karta tal-Enerġija (ĠU L 380, 31.12.1994, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/998/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/181/oj).

(3)  Il-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali, Kwistjoni ta’ Jaworzina (Fruntiera bejn il-Polonja u ċ-Ċekoslovakkja), Opinjoni Konsultattiva, [1923] PCIJ Serje B Nru 8, p. 37.

(4)  Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, Riżervi dwar il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju, Opinjoni Konsultattiva, [1951] Rapporti tal-QIĠ. 15, p. 20.

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-459/03 ECLI: EU:C:2006:345, il-paragrafi 129 sa 137.

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C-284/16, ECLI: EU:C:2018:158.

(7)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2021, ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy, C-741/19, ECLI:EU:C:2021:655, paragrafu 66.

(8)  L-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2022, 1/20 EU:C:2022:485, paragrafu 47.

(9)  Is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1970, Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited (Rapporti tal-QIĠ 1970, p. 3, il-paragrafi 33 u 35).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1904/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)