Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Settembru 2026 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Ċanfira – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Prinċipju ta’ imparzjalità – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli – Proporzjonalità – Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża T‑188/25,

IG, irrappreżentat minn M. Aboudi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Seyr, I. Lázaro Betancor u L. Burguin, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn S. L. Kalėda (Relatur), President, H. Kanninen u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, IG, jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad‑29 ta’ Mejju 2024 li timponi fuqu ċanfira (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl‑1 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrent ġie ttrasferit mill-Kumitat tar-Reġjuni għall-Parlament bħala uffiċjal.

3        Fis‑26 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent ġie assenjat lill-Unità Parlamentarium, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Komunikazzjoni. Huwa kien jagħmel parti minn tim ta’ membri tal-persunal tal-Parlament li kienu jissorveljaw, b’mod partikolari, il-persunal tal-fornitur ta’ servizzi estern li miegħu l-Parlament kien ikkonkluda kuntratt għall-akkoljenza tal-viżitaturi. Il-fornitur tas-servizzi estern inkwistjoni kien il-kumpannija ManpowerGroup Solutions (iktar ’il quddiem “MGS”).

4        Fil‑11 ta’ Marzu 2015, il-konjuġi tar-rikorrent f’dak iż-żmien (iktar ’il quddiem l-“ex konjuġi tar-rikorrent”) bagħtet lill-membru tal-persunal ta’ MGS inkarigat bil-ġestjoni tal-kuntratt imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq f’dak iż-żmien (iktar ’il quddiem l-“ewwel amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS”) posta elettronika bil-curriculum vitae (CV) tagħha.

5        Fil‑5 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrent inħatar membru supplenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti bir-referenza COMM/DG/AWD/2015/241 u dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal tas-servizz għall-infrastrutturi ta’ akkoljenza tal-Parlament. Din is-sejħa għal offerti tnediet fil-kuntest tal-iskadenza tal-kuntratt li l-Parlament kien ikkonkluda ma’ MGS fl‑2011. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent iffirma, fit‑12 ta’ Mejju 2015, dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità u ta’ assenza ta’ kunflitt ta’ interessi.

6        Fid‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti rrakkomanda li l-kuntratt jingħata lil MGS.

7        Fid‑29 ta’ Ġunju 2015, l-ex konjuġi tar-rikorrent ikkonkludiet kuntratt ta’ impjieg ma’ MGS għal perijodu ta’ sitt xhur għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu 2015 u l‑1 ta’ Frar 2016.

8        Fis‑7 ta’ Lulju 2015, wara sejħa għal offerti ġdida, il-kuntratt dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal tas-servizz għall-infrastrutturi ta’ akkoljenza tal-Parlament ingħata mill-ġdid lil MGS.

9        Fis‑27 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrent bagħat lill-Kap ta’ Diviżjoni tiegħu posta elettronika li fiha invoka irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-imsemmi kuntratt wara t-tluq tal-ewwel amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS. F’din il-posta elettronika, huwa talab li ma jibqax inkarigat bil-ġestjoni finanzjarja tal-kuntratt ma’ MGS.

10      Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, il-kap ta’ MGS bagħat ittra lill-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent li fiha huwa rrapporta, minn naħa, aġir abbużiv tar-rikorrent fil-konfront tal-persunal ta’ MGS assenjat fil-Parlamentarium u, min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrent kien ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu sabiex jitlob lill-ewwel amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS ir-reklutaġġ tal-ex konjuġi tiegħu, fil-mument meta seħħet is-sejħa għal offerti għall-għoti tal-istess kuntratt.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2016, id-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ għall-Komunikazzjoni ta’ dak iż-żmien, għal raġunijiet ta’ interess tas-servizz, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), iddeċidiet li tassenja mill-ġdid lir-rikorrent fid-diviżjoni tal-programm taż-żjarat tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-imsemmi Direttorat Ġenerali.

12      Fis‑7 ta’ Marzu 2017, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni għall‑2016, il-Kap ta’ Diviżjoni fassal nota li fiha rrakkomanda li r-rikorrent ma jingħatax punti ta’ mertu, filwaqt li invoka diversi fatti, b’mod partikolari l-fatt li huwa kien ipprova jsib impjieg għall-ex konjuġi tiegħu ma’ MGS, taħt kuntratt mal-Parlament, u dan fil-mument meta huwa kien membru tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti li pparteċipat fiha MGS.

13      Fil‑21 ta’ Awwissu 2020, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) irċieva ittra anonima li takkuża lir-rikorrent, minn naħa, b’fastidju psikoloġiku u sesswali u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu sabiex jikseb impjieg għall-ex konjuġi tiegħu.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2021, is-Segretarju Ġenerali fetaħ investigazzjoni amministrattiva dwar l-allegati nuqqasijiet tar-rikorrent.

15      Fid‑29 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrent instema’ fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva.

16      Fir-rapport tagħhom tat‑22 ta’ Marzu 2022, l-investigaturi kkonkludew, minn naħa, li “l-investigazzjoni ma [kinitx] ippermettiet li jiġi stabbilit li [ir-rikorrent] [kien] effettivament ħati ta’ fastidju fil-konfront ta’ uħud mill-kollegi tiegħu [jew] tal-impjegati ta’ [MGS], fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal”, u, min-naħa l-oħra, li, billi “ħa vantaġġ mir-relazzjonijiet professjonali tiegħu ma’ impjegata b’funzjoni maniġerjali ta’ [MGS] sabiex isib impjieg, ma’ din l-istess kumpannija, għall-[ex] konjuġi tiegħu, [ir-rikorrent] [kien] naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

17      Fil‑31 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) bagħtet lir-rikorrent ir-rapport ta’ investigazzjoni u stednitu għal smigħ skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal fis‑27 ta’ April 2022. Fuq talba tar-rikorrent, dan is-smigħ ġie pospost għas‑6 ta’ Mejju 2022.

18      Fit‑3 ta’ Mejju 2022, fid-dawl tas-smigħ tiegħu, ir-rikorrent issottometta lill-Awtorità tal-Ħatra osservazzjonijiet bil-miktub.

19      Fis‑6 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent instema’ skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari.

20      Fit‑2 ta’ Mejju 2023, il-Bord Dixxiplinari ta l-opinjoni motivata tiegħu billi rrakkomanda li s-sanzjoni ta’ ċanfira tiġi imposta fuq ir-rikorrent. Fil-fatt, il-Bord Dixxiplinari kkonkluda li r-rikorrent kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu msemmija, minn naħa, fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ħa vantaġġ mir-relazzjonijiet professjonali tiegħu ma’ impjegata b’funzjoni maniġerjali ta’ MGS sabiex isib, fl‑2015, impjieg għall-ex konjuġi tiegħu u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 11a tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn, meta nħatar bħala membru supplenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti li fiha pparteċipat MGS, huwa ma kienx indika lis-superjuri tiegħu l-fatt li huwa kien ikkuntattja lill-ewwel amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS sabiex jikseb kuntratt ta’ impjieg għall-ex konjuġi tiegħu u lanqas il-fatt li l-ex konjuġi tiegħu kienet fil-proċess ta’ reklutaġġ ma’ din il-kumpannija.

21      Fl‑1 ta’ Ġunju 2023, ir-rikorrent irtira minħabba invalidità

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2023, l-Awtorità tal-Ħatra imponiet fuq ir-rikorrent is-sanzjoni ta’ ċanfira. Fit‑30 ta’ Ottubru 2023, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2024, is-Segretarju Ġenerali laqa’ l-ilment billi qies li d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2023 kienet ivvizzjata minn assenza ta’ motivazzjoni u bagħat lura l-fajl lill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti.

24      Fid‑29 ta’ Mejju 2024, l-Awtorità tal-Ħatra adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

25      Fil‑25 ta’ Lulju 2024, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-Deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 It-talbiet tal-partijiet

26      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

27      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-att li kontrih ikun tressaq l-ilment meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, PO vs Il‑Kummissjoni, T‑36/21, mhux ippubblikata, EU:T:2012:192, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, sa fejn tiċħad l-ilment u tikkonferma d-Deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu. Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu li huma diretti kontra d-Deċiżjoni kkontestata biss. Għalhekk, il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi mad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2022, PO vs Il‑Kummissjoni, T‑36/21, mhux ippubblikata, EU:T:2012:192, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

30      Ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-garanziji proċedurali fil-qasam tal-investigazzjoni amministrattiva kif ukoll tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba, it-tielet wieħed, fuq ksur tat-terminu raġonevoli kif ukoll tal-Artikolu 6(4)(b) u tal-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali fil-qasam ta’ investigazzjoni amministrattiva, kif ukoll tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ amministrazzjoni tajba

31      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, “irregolarità sostantiva” tar-rapport ta’ investigazzjoni (l-ewwel parti), ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ imparzjalità (it-tieni parti) u ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tan-natura kontradittorja tal-proċedura (it-tielet parti).

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq “irregolarità sostantiva” tar-rapport ta’ investigazzjoni

32      Ir-rikorrent isostni li r-rapport ta’ investigazzjoni huwa vvizzjat b’ “irregolaritajiet sostantivi”.

33      Qabel kollox, ir-rikorrent isostni li l-investigaturi ma wettqux investigazzjoni fuq l-oriġini tal-ilment anonimu tal‑21 ta’ Awwissu 2020 u ma tawx informazzjoni dwar il-kuntest ġuridiku li fuqu bbażat ruħha l-Awtorità tal-Ħatra sabiex taċċetta tali lment anonimu. Skont ir-rikorrent, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ kienet tipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni anonima.

34      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li n-nota tas‑7 ta’ Marzu 2017 stabbilita fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 u annessa mal-ittra anonima tal‑21 ta’ Awwissu 2020 inkisbet b’mod irregolari peress li dan huwa dokument tax-xogħol intern u kunfidenzjali, li jagħmel parti minn proċedura ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li kellha tiġi miċħuda.

35      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkritika lill-investigaturi talli ma kkomunikawx l-identità tax-xhud li ttrażmettilhom il-kuntratt tal-ex konjuġi tiegħu ma’ MGS u li ma spjegawx il-mod kif dan ix-xhud kiseb dan id-dokument.

36      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

37      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jikkontesta l-possibbiltà li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva abbażi ta’ informazzjoni anonima, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jistgħu jiftħu investigazzjoni amministrattiva “fejn [...] isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas”. Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva abbażi ta’ informazzjoni anonima. Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-investigazzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun tista’ tinvoka provi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ nuqqas, anki meta s-sors ta’ dawn il-provi ma jkunx magħruf. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), li jipprevedi espressament li l-investigazzjoni tista’ tinfetaħ “meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista’ jkun ukoll ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe pajjiż terz jew informazzjoni anonima”.

38      Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ilment anonimu sabiex tiftaħ investigazzjoni amministrattiva. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni rċevuta, irrispettivament mis-sors tagħha, bil-kundizzjoni li jkollha provi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ nuqqas.

39      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrent, ibbażat fuq l-Artikolu 4(1) tar-Regoli Interni tal-Parlament tal‑4 ta’ Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li “l-informatur ma jistax jaġixxi b’mod anonimu”, peress li l-proċedura ta’ protezzjoni tal-informaturi prevista mill-imsemmi artikolu ma ġietx applikata f’dan il-każ.

40      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li n-nota tas‑7 ta’ Marzu 2017 stabbilita fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016 meħuda inkunsiderazzjoni mill-investigaturi nkisbet b’mod irregolari, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jipproduċi ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

41      Fi kwalunkwe każ, dan huwa dokument amministrattiv intern li ma huwiex ta’ natura kunfidenzjali f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni.

42      Fir-rigward tat-trażmissjoni lill-investigaturi tal-kuntratt tal-ex konjuġi tar-rikorrent ma’ MGS, huwa jikkritika lill-Parlament talli rrifjuta li jikkomunikalu l-identità tax-xhud li bagħat dan id-dokument u li ma tax spjegazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet imwettqa fil-kuntest tal-kisba tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ex konjuġi tar-rikorrent kienet ġiet impjegata minn MGS kien diġà magħruf mill-amministrazzjoni, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti allegatament miksuba b’mod illegali għandu jiġi miċħud.

44      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ imparzjalità

45      Ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, l-inkoerenzi fix-xhieda mogħtija matul l-investigazzjoni amministrattiva u l-fatt li l-konklużjonijiet tal-investigaturi huma bbażati prinċipalment fuq ix-xhieda inkriminanti, li tagħti inqas kredibbiltà lix-xhieda li huwa u l-ex konjuġi tiegħu pprovdew. Fil-fatt, l-investigaturi semgħu wieħed biss mid-disa’ xhieda proposti mir-rikorrent. Peress li ma wettqux il-verifiki suffiċjenti tal-fatti u peress li ma kkunsidrawx il-kuntest tal-ittra tat‑3 ta’ Ottubru 2016, l-investigaturi aġixxew b’mod parzjali.

46      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika d-dritt ta’ kull persuna li l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati imparzjalment mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni Ewropea.

48      B’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-amministrazzjoni hija marbuta, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ li jkollha quddiemha u li tiġbor il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha kif ukoll li tiżgura l-iżvolġiment tajjeb u l-effettività tal-proċeduri li hija timplimenta (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑220/20, EU:T:2021:716, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Klein vs Il‑Kummissjoni, C‑430/20 P, EU:C:2022:377, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu juri parzjalità jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, skont liema din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar preġudizzju li jista’ jkun hemm. F’dan ir-rigward, sabiex jintwera li l-organizzazzjoni tal-proċedura amministrattiva ma toffrix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ imparzjalità. Huwa biżżejjed li jkun jeżisti dubju leġittimu f’dan ir-rigward u li ma jistax jiġi eliminat (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Il‑Parlament vs UZ, C‑894/19 P, EU:C:2021:863, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2023, YD vs FRA, T‑648/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:575, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, l-imparzjalità suġġettiva hija preżunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2018, QB vs BCE, T‑827/16, EU:T:2018:756, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi pprovat nuqqas ta’ imparzjalità suġġettiva, ir-rikorrent għandu jippreżenta indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-veraċità jew il-probabbiltà tal-allegazzjonijiet tiegħu (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, AH vs Eurofound, T‑630/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:538, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jilmenta, essenzjalment, dwar l-għażla tax-xhieda li għandhom jinstemgħu kif ukoll dwar il-mod kif ix-xhieda intużat fir-rapport ta’ investigazzjoni.

52      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-entità inkarigata b’investigazzjoni amministrattiva, li għandha l-obbligu li tinvestiga b’mod proporzjonat il-fajls sottomessi lilha, għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tal-investigazzjoni u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta mix-xhieda. Barra minn hekk, hija bl-ebda mod ma hija obbligata ssejjaħ ix-xhieda kollha proposti mill-partijiet tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Donati vs BĊE, F‑63/09, EU:F:2012:193, punt 187).

53      F’dan il-każ, qabel kollox, mir-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva jirriżulta li l-għażla li tmienja mid-disa’ xhieda proposti mir-rikorrent ma jinstemgħux kienet spjegata mill-fatt li dawn tal-aħħar ma kinux ħadmu direttament mar-rikorrent fil-Parlamentarium u għalhekk ma setgħux ikollhom għarfien dirett tal-aġir tiegħu fil-konfront tal-kollegi l-oħra u lanqas taċ-ċirkustanzi li fihom l-ex konjuġi tiegħu kienet ġiet impjegata minn MGS.

54      Għalhekk, ir-rapport ta’ investigazzjoni jippreżenta raġunijiet oġġettivi ta’ natura li jispjegaw l-għażla magħmula mill-investigaturi fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tagħhom. Issa, ir-rikorrent baqa’ ma weriex li l-investigaturi qabżu l-limiti tas-setgħa tagħhom, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, sa fejn huma ma interrogawx dawn ix-xhieda.

55      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-allegati inkoerenzi bejn ix-xhieda u l-konklużjonijiet tal-investigaturi juru nuqqas ta’ imparzjalità ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi rrilevat li dan huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-investigaturi. Issa, kif jirrileva ġustament il-Parlament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, sempliċi nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif titmexxa l-investigazzjoni u jiġu evalwati l-provi ma huwiex biżżejjed sabiex juri nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigaturi u lanqas ma jista’ jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

56      Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrent jallega li l-investigaturi bbażaw ir-rapport ta’ investigazzjoni tagħhom esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ xhieda inkriminanti.

57      Fil-fatt, mir-rapport ta’ investigazzjoni jirriżulta li l-investigaturi ma bbażawx ruħhom biss fuq l-informazzjoni li tinsab fl-ittra anonima rċevuta fil‑21 ta’ Awwissu 2020 mis-Segretarju Ġenerali, iżda, minn naħa, ġabru x-xhieda kemm inkriminanti kif ukoll skaġunanti tas-seba’ xhieda sabiex jissostanzjaw iktar il-fatti allegati jew jeskluduhom u, min-naħa l-oħra, wieġbu b’mod iddettaljat għall-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrent waqt l-intervista tiegħu.

58      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-investigaturi ma eżaminawx b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha għandu jiġi miċħud.

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrent li x-xhieda tal-ex konjuġi tiegħu ġiet ikkwotata darbtejn biss fir-rapport ta’ investigazzjoni, filwaqt li dik tal-amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS li ssostitwixxa l-ewwel amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS ġiet ikkwotata sitt darbiet, għandu jiġi osservat li n-numru ta’ kwotazzjonijiet ta’ xhieda waħda jew l-oħra ma jikkostitwixxix fih innifsu indizju ta’ imparzjalità. Barra minn hekk, kif jirrileva l-Parlament, peress li x-xhieda tal-ex konjuġi tar-rikorrent kienet tikkonċerna biss il-kwistjoni tal-impjieg tagħha ma’ MGS filwaqt li dik tal-amministratur tal-kuntratt fi ħdan MGS kienet tirrigwarda wkoll l-aġir tar-rikorrent fil-konfront tal-kollegi u tal-persunal ta’ MGS, id-differenza bejn in-numru ta’ kwotazzjonijiet ta’ dawn ix-xhieda ma tidhirx li hija inġustifikata.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent baqa’ ma weriex li l-amministrazzjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ imparzjalità.

61      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tan-natura kontradittorja tal-proċedura

62      Ir-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu fl-istadju tal-proċedura dixxiplinari. Huwa jilmenta li l-Bord Dixxiplinari rrifjuta li jisma’ x-xhieda li huwa kien ippropona u li ġabar ix-xhieda ta’ wieħed biss minn dawn ix-xhieda u dan bil-miktub biss. Ir-rikorrent isostni li, kieku kellu l-possibbiltà li jassisti għas-smigħ tax-xhieda jew li jirreplika għax-xhieda bil-miktub, huwa kien ikun jista’ jiċċara ċerti ċirkustanzi fattwali.

63      Il-Parlament iqajjem l-inammissibbiltà tal-ilmenti ppreżentati kontra l-Bord Dixxiplinari. L-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari hija att li jikkawża preġudizzju li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikorrent ma kkontestax din l-opinjoni fit-terminu previst.

64      Sussidjarjament, il-Parlament isostni li l-argumenti tar-rikorrent għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

65      Preliminarjament, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament, għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Il‑Kummissjoni vs Violetti et (T‑261/09 P, EU:T:2010:215), u tat‑13 ta’ Ottubru 2021, IB vs EUIPO (T‑22/20, EU:T:2021:689), li fuqhom ibbaża ruħu l-Parlament, huma bbażati fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, F vs Il‑Kummissjoni (228/83, EU:C:1985:28, punt 16), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ kontradittorju u għad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata minn proċedura dixxiplinari li jitqies li hija ma tistax tikkontesta separatament l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari u tikseb l-annullament tagħha, sabiex il-proċedura dixxiplinari terġa’ tinbeda.

66      Issa, kuntrarjament għal dak li jargumenta l-Parlament, mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, F vs Il‑Kummissjoni (228/83, EU:C:1985:28, punt 16), li tikkonferma li opinjoni tal-Bord Dixxiplinari tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, ma jirriżultax li l-persuna suġġetta għal proċedura dixxiplinari hija prekluża milli tikkritika l-irregolaritajiet proċedurali quddiem il-Bord Dixxiplinari fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni definittiva meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, minħabba li hija ma ppreżentatx ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-opinjoni tal-imsemmi Bord. Fil-fatt, anki jekk il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tikkontesta b’mod separat l-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, huwa fuq kollox fi tmiem il-proċedura dixxiplinari, fil-mument li fih ikun magħruf l-eżitu tagħha, li hija tkun f’pożizzjoni li tevalwa b’mod sħiħ l-interess tagħha li tikkontesta l-irregolaritajiet tal-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari.

67      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament għandha tiġi miċħuda.

68      Fir-rigward tal-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent li d-drittijiet tad-difiża tiegħu u n-natura kontradittorja tal-proċedura inkisru, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika meta l-amministrazzjoni tipproponi li tadotta kontra persuna att li jikkawżalha preġudizzju (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑406/04, EU:T:2006:322, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li għandu bħala korollarju l-prinċipju ta’ kontradittorju, jeżiġi li l-uffiċjal li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva jkun tqiegħed f’pożizzjoni, matul din il-proċedura, li jesponi b’mod effettiv il-perspettiva tiegħu dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, taċ-ċirkustanzi allegati u tad-dokumenti li din l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni tuża kontrih insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Bernaldo de Quirós vs Il‑Kummissjoni, C‑583/19 P, EU:C:2021:844, punti 63 u 64).

70      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-osservanza tan-natura kontradittorja tal-proċedura dixxiplinari, kif tirriżulta mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, teżiġi li l-uffiċjal inkriminat jew id-difensur tiegħu jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jattendi s-smigħ tax-xhieda li jkun sar u li jagħmel lil dawn tal-aħħar il-mistoqsijiet li jidhrulu utli għad-difiża tiegħu (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni, F‑107/13, EU:F:2014:232, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord Dixxiplinari ma sema’ ebda xhud addizzjonali minn dawk li diġà nstemgħu mill-investigaturi u li huwa ddeċieda li jibbaża ruħu fuq il-provi bil-miktub u li jiġbor ix-xhieda supplimentari bil-miktub ta’ xhud wieħed biss minn fost dawk kollha li s-smigħ tagħhom kien ġie ssuġġerit mir-rikorrent. Issa, fit‑12 u fit‑18 ta’ April 2023, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din ix-xhieda.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord Dixxiplinari għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari sabiex jevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta mix-xhieda (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2024, WV vs SEAE, T‑371/21, mhux ippubblikata, EU:T:2024:35, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Konsegwentement, is-sempliċi fatt li l-Bord Dixxiplinari ma sema’ ebda xhud addizzjonali, billi bbaża ruħu minflok fuq il-provi bil-miktub u fuq ix-xhieda tal-persuna li diġà nstemgħu matul l-investigazzjoni amministrattiva, u li jiġbor ix-xhieda bil-miktub ta’ xhud wieħed biss minn fost dawk kollha li s-smigħ tagħhom kien ġie ssuġġerit mir-rikorrent, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent seta’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ix-xhieda tad-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ għall-Komunikazzjoni ta’ dak iż-żmien li kienet tirrigwarda, essenzjalment, l-azzjoni meħuda fl‑2016 għall-fatti kkritikati lilu. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax validament isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx irrispettati.

74      Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

75      Ir-rikorrent isostni li, billi ddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, li jimponilu ċanfira, il-Parlament kiser il-prinċipju ta’ ne bis in idem sa fejn il-fatti li wasslu għaċ-ċanfira tiegħu diġà kienu s-suġġett ta’ analiżi eżawrjenti mwettqa mis-superjuri tiegħu tad-DĠ għall-Komunikazzjoni, wara l-ittra tal-persuna responsabbli ta’ MGS tat‑3 ta’ Ottubru 2016. Skont ir-rikorrent, din l-analiżi ppermettiet li jiġi konkluż li ma kienx hemm elementi li jippermettu l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal u, għaldaqstant, l-investigazzjoni ngħalqet.

76      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

77      Fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari, il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa stabbilit fl-Artikolu 9(3) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[k]aż wieħed ta’ kondotta ħażina ma twassalx għal aktar minn piena dixxiplinarja waħda”.

78      Mill-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 50 tal-Karta jirriżulta li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li l-istess fatti jkunu msemmija mid-deċiżjoni preċedenti u mill-proċeduri jew mid-deċiżjonijiet sussegwenti (kundizzjoni “idem”) (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost, C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 28).

79      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mit-tabella annessa (Taqsima VI) mad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2017 tas-Segretarju Ġenerali li temenda t-tqassim tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ b’applikazzjoni tad-delega prevista fl-Artikolu 9(3) tad-deċiżjoni tal-Bureau tat‑13 ta’ Jannar 2014 dwar id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra u tal-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg hija s-Segretarju Ġenerali. Dan tal-aħħar, wara li rċieva l-ittra tal‑21 ta’ Awwissu 2020 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), fit‑28 ta’ April 2021, fetaħ investigazzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 2 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tat‑18 ta’ Mejju 2004 li jirregolaw il-proċedimenti dixxiplinari u l-investigazzjonijiet amministrattivi. Skont l-istess tabella, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni fil-qasam dixxiplinari hija d-Direttur Ġenerali tal-Persunal, li adotta d-Deċiżjoni kkontestata.

80      Ċertament, kif ġustament jindika r-rikorrent, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata kienu effettivament magħrufa mis-superjuri tiegħu tad-DĠ għall-Komunikazzjoni sa mit‑3 ta’ Ottubru 2016. Madankollu, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li huma kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, miftuħa mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, jiġifieri s-Segretarju Ġenerali. Għaldaqstant, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li l-amministrazzjoni kienet diġà ħadet deċiżjoni li tagħlaq tali investigazzjoni fl-assenza tal-elementi li jippermettu l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fis-sens tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.

81      Ċertament, mill-atti tal-proċess jirriżulta li ċerti fatti li wasslu għad-Deċiżjoni kkontestata ġew irrilevati fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tar-rikorrent għas-sena 2016. Madankollu, dan l-eżerċizzju ma huwiex ekwivalenti għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-smigħ tal-Kap ta’ Diviżjoni tar-rikorrent fis‑16 ta’ Ġunju 2021, dawn il-fatti li seħħew fl‑2015 ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-imsemmija proċedura ta’ evalwazzjoni, li abbażi tagħha r-rikorrent, fl-aħħar nett, kiseb żewġ punti ta’ mertu.

82      Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata hija l-unika deċiżjoni definittiva li tirrigwarda r-responsabbiltà tar-rikorrent għall-fatti inkwistjoni.

83      Minn dan isegwi li l-ewwel kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, jiġifieri l-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti definittiva (kundizzjoni “bis”), ma hijiex stabbilita f’dan il-każ u r-rikorrent ma jistax validament jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju.

84      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tat-terminu raġonevoli u ksur tal-Artikolu 6(4)(b) u tal-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal

85      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Parlament ma osservax l-obbligu tiegħu li jaġixxi f’terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-istituzzjoni saret taf bil-fatti li kienu s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari fit‑3 ta’ Ottubru 2016. Madankollu, hija ma investigatx dawn il-fatti sal-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti fl‑2021.

86      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-proċedura dixxiplinari ma seħħitx fit-termini stabbiliti. B’mod iktar partikolari, huwa jinvoka ksur tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 6(4)(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 18 tagħhom.

87      Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandha tiġi żgurata mill-qorti tal-Unjoni u li barra minn hekk huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta (sentenza tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 162, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Füller-Tomlinson vs Il‑Parlament, T‑390/10 P, EU:T:2012:652, punt 115).

89      Hija ġurisprudenza stabbilita li, minbarra t-termini ta’ preskrizzjoni, it-termini previsti sabiex, minn perspettiva ratione temporis, jitfassal l-iżvolġiment ta’ proċedura dixxiplinari ma humiex, bħala prinċipju, perentorji. Fl-assenza ta’ rieda espressa b’mod ċar fit-testi applikabbli li tillimita, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, iż-żmien li matulu l-amministrazzjoni tista’ taġixxi, dawn it-termini jikkostitwixxu qabel kollox regola ta’ amministrazzjoni tajba li timponi fuq l-istituzzjoni l-obbligu li tmexxi l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li taġixxi b’tali mod li kull att proċedurali jseħħ f’terminu raġonevoli fir-rigward tal-att preċedenti (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, DD vs FRA, T‑470/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:511, punt 274 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Dan id-dmir ta’ diliġenza u ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli japplika wkoll għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, b’mod partikolari fil-każ u mill-mument meta l-amministrazzjoni ssir taf dwar fatti u aġir li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tiegħu, bħala uffiċjal, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, anki fl-assenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jaġixxu b’tali mod li l-ftuħ tal-proċedura li għandha twassal għal sanzjoni sseħħ f’terminu raġonevoli (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2021, IB vs EUIPO, T‑22/20, EU:T:2021:689, punt 86 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għaldaqstant, id-dewmien irraġonevoli ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jirriżulta kemm mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi ta’ qabel kif ukoll mill-proċedura dixxiplinari bħala tali. Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura dixxiplinari ma huwiex biss dak li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura msemmija. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll iż-żmien li għadda bejn il-mument li fih l-amministrazzjoni ssir taf bil-fatti u bl-aġir li jista’ jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u l-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2012, Kerstens vs Il‑Kummissjoni F‑12/10, EU:F:2012:29, punti 127 u 132).

92      F’dan ir-rigward, in-natura raġonevoli tat-tul tal-fażi li tippreċedi l-proċedura dixxiplinari u dak tal-proċedura dixxiplinari għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-każ u l-aġir tal-awtoritajiet kompetenti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2021, IB vs EUIPO, T‑22/20, EU:T:2021:689, punt 88 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, il-ksur tal-prinċipji ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli u ta’ amministrazzjoni tajba, bħala regola ġenerali, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni meħuda wara proċedura amministrattiva. Fil-fatt, huwa biss meta d-dewmien żejjed jista’ jkollu effett fuq il-kontenut stess tad-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura amministrattiva li n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli jaffettwa l-validità tal-proċedura amministrattiva. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tal-proċeduri ta’ sanzjoni meta d-dewmien żejjed jaffettwa l-kapaċità tal-persuni kkonċernati li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑551/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:751, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Settembru 2022, WT vs Il‑Kummissjoni, T‑91/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:510, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi vverifikat jekk il-proċedura dixxiplinari tmexxietx fi żmien raġonevoli.

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward taż-żmien li għadda bejn il-mument li fih l-amministrazzjoni saret taf bil-fatti li jikkostitwixxu ksur u l-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, għandu jitfakkar li l-fatti, kif ġew stabbiliti fil-kuntest tar-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva, ġew trażmessi lill-amministrazzjoni fit‑3 ta’ Ottubru 2016. Issa, l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, jiġifieri s-Segretarju Ġenerali, fetħet l-investigazzjoni amministrattiva biss fit‑28 ta’ April 2021, wara ittra anonima tal‑21 ta’ Awwissu 2020. Għalhekk, għaddew erba’ snin u seba’ xhur bejn il-mument li fih l-amministrazzjoni saret taf bil-fatti u l-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Parlament li jinvoka l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, jiġifieri s-Segretarju Ġenerali, saret taf bil-fatti li jikkostitwixxu ksur biss fil‑21 ta’ Awwissu 2020. Fil-fatt, kif il-Parlament irrikonoxxa waqt is-seduta, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tul raġonevoli tal-proċedura għandu jiġi evalwat fil-mument tal-għarfien tal-fatti mill-amministrazzjoni, u mhux mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti. Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-superjuri tar-rikorrent, jiġifieri l-Kap ta’ Diviżjoni tiegħu u d-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ għall-Komunikazzjoni, saru jafu bil-fatti kkonċernati mill-ittra tat‑3 ta’ Ottubru 2016.

97      F’dan ir-rigward, qabelxejn, f’dak li jirrigwarda l-importanza tat-tilwima għar-rikorrent, għandu jitfakkar li, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Parlament impona fuqu s-sanzjoni ta’ ċanfira. Ċertament, iċ-ċanfira hija waħda mis-sanzjonijiet l-inqas serji, iżda l-fatt stess li uffiċjal ikun suġġett għal sanzjoni dixxiplinari huwa, madankollu, kwistjoni importanti.

98      Sussegwentement, fir-rigward tal-kumplessità tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi relatati mal-fatti allegati ma jinkludux grad ta’ kumplessità sinjifikattiv.

99      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, għandu jiġi enfasizzat li, bejn il-mument li fih l-amministrazzjoni saret taf bil-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrent, fit‑3 ta’ Ottubru 2016, u l-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, fit‑28 ta’ April 2021, is-superjuri tar-rikorrent ma ħadu ebda azzjoni biex jinformaw lis-Segretarju Ġenerali, li huwa l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Parlament aġixxa, fir-rigward tal-fażi li ppreċediet il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, b’mod tardiv, bi ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

101    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 6(4)(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi ppreċiżat li, skont din id-dispożizzjoni, il-President tal-Bord Dixxiplinari għandu jaħtar żewġ membri addizzjonali, fi żmien għaxart ijiem mill-komunikazzjoni tar-rapport li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, billi jtella’ l-ismijiet tagħhom bix-xorti, fil-preżenza tal-persuna kkonċernata.

102    F’dan il-każ, permezz tan-nota tas‑7 ta’ Ottubru 2022, l-Awtorità tal-Ħatra għamlet riferiment lill-Bord Dixxiplinari. Wara l-irtirar tal-President tal-Bord Dixxiplinari, din in-nota ġiet issostitwita bin-nota tat‑2 ta’ Diċembru 2022, indirizzata lill-President supplenti tal-imsemmi bord. Peress li l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Bord Dixxiplinari ġiet stabbilita fid‑9 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrent ġie informat, fil‑21 ta’ Diċembru segwenti, bit-tlugħ bix-xorti tal-ismijiet taż-żewġ membri supplenti tal-Bord Dixxiplinari, li seħħ, fid-dawl tal-leave tal-aħħar tas-sena, fl‑10 ta’ Jannar 2023.

103    Dawn l-elementi kollha jippermettu li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, it-terminu bejn ir-riferiment tal-każ lill-Bord Dixxiplinari u t-tlugħ bix-xorti tal-ismijiet, għalkemm ta’ iktar minn għaxart ijiem, ma kienx irraġonevoli.

104    Barra minn hekk, fir-rigward tat-terminu previst fl-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li, skont dan l-artikolu, il-Bord Dixxiplinari għandu jibgħat opinjoni motivata lill-Awtorità tal-Ħatra u lill-uffiċjal ikkonċernat f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jirċievi r-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra.

105    F’dan il-każ, ir-riferiment lill-Bord Dixxiplinari effettivament sar mill-Awtorità tal-Ħatra fit‑2 ta’ Diċembru 2022. Huwa ta l-opinjoni tiegħu fit‑2 ta’ Mejju 2023, jiġifieri ħames xhur wara r-riferiment lilu.

106    Għalhekk, it-terminu ta’ ħames xhur bejn ir-riferiment lill-Bord Dixxiplinari u l-komunikazzjoni tal-opinjoni tiegħu lill-Awtorità tal-Ħatra huwa nettament itwal mit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

107    Madankollu, l-Artikolu 18 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li dan it-terminu ta’ xahrejn jista’ jiġi adattat skont il-kumplessità tal-fajl. Għalhekk, sabiex jiġġustifika t-terminu ta’ ħames xhur, il-Parlament jirrileva, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrent, li, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, il-Bord Dixxiplinari ddeċieda li jissottometti lil xhud mistoqsijiet bil-miktub u t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet intbagħtu lir-rikorrent sabiex jippreżenta l-kummenti tiegħu, ħaġa li estendiet il-proċedura.

108    Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mal-proċedura inkwistjoni u b’mod partikolari tal-fatt li l-estensjoni tat-tul tal-proċedura quddiem il-Bord Dixxiplinari hija, parzjalment, imputabbli lir-rikorrent, dan tal-aħħar ma jistax isostni li t-tul tal-perijodu bejn ir-riferiment lill-Bord Dixxiplinari u l-adozzjoni tal-opinjoni tiegħu kien irraġonevoli.

109    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-terminu tal-proċedura dixxiplinari fil-veru sens tal-kelma, jiġifieri t-terminu ta’ sentejn u tliet xhur li għadda bejn il-ftuħ tal-proċedura amministrattiva fit‑28 ta’ April 2021 u d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas‑26 ta’ Lulju 2023 li timponi fuq ir-rikorrent is-sanzjoni ta’ ċanfira, ma jistax jitqies li huwa eċċessiv, peress li, fil-kuntest ta’ dan it-terminu, l-istadji kollha tal-proċedura dixxiplinari żvolġew huma stess f’terminu raġonevoli fid-dawl tal-istadju preċedenti.

110    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura dixxiplinari ma huwiex biss dak li jibda mid-deċiżjoni li tinfetaħ l-imsemmija proċedura, iżda wkoll dak minn meta l-amministrazzjoni ssir taf bil-fatti li jikkostitwixxu ksur sal-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-Parlament aġixxa b’mod tardiv fir-rigward tal-fażi li ppreċediet il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva (ara l-punt 100 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċedura inkwistjoni, meħud fl-intier tiegħu, kien eċċessiv.

111    Dan id-dewmien, għalkemm jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, jista’ madankollu jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata biss jekk seta’ jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u, għalhekk, jaffettwa l-kontenut stess tad-Deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

112    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-mogħdija eċċessiva taż-żmien setgħet taffettwa l-kapaċità tiegħu li jiddefendi ruħu b’mod effettiv.

113    Fil-fatt, ir-rikorrent ma ressaq ebda argument f’dan is-sens fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrent isostni li x-xhieda tad-Direttriċi Ġenerali tad-DĠ għall-Komunikazzjoni ta’ dak iż-żmien, miġbura tmien snin wara l-fatti, kienet vaga wisq, għandu jiġi enfasizzat li din ix-xhieda ma kinitx tirrigwarda r-realtà tal-fatti allegati fid-Deċiżjoni kkontestata, iżda kienet tikkonċerna r-reazzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrent.

114    Minbarra dan, għandu jitfakkar li r-rikorrent ma jikkontestax li ma indikax, fil-mument tal-ħatra tiegħu bħala membru supplenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti li fiha pparteċipat MGS, kunflitt ta’ interessi potenzjali minħabba l-kandidatura tal-ex konjuġi tiegħu għal pożizzjoni fi ħdan din il-kumpannija, li huwa wieħed mill-kritiki prinċipali fformulati fil-konfront tiegħu.

115    Għalhekk, ir-rikorrent la stabbilixxa li d-dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva seta’ jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tiegħu u lanqas, b’mod iktar ġenerali, li l-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata seta’ kien differenti.

116    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

117    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li s-sanzjoni ta’ ċanfira hija sproporzjonata fid-dawl tal-fatti li magħhom hija relatata. Huwa jinvoka l-insuffiċjenza tal-provi fl-atti tal-proċess u jilmenta li l-Parlament ma ħax inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti jew provi li jiskaġunaw, bħall-grad ta’ intenzjonalità jew ta’ negliġenza fit-tort imwettaq, il-grad ta’ responsabbiltà personali tiegħu, il-livell tal-funzjonijiet u tar-responsabbiltajiet tiegħu, kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ invalidità tiegħu.

118    Fir-replika, ir-rikorrent jallega li l-problemi li wasslu għar-rikonoxximent tal-invalidità tiegħu jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi evalwat l-aġir tiegħu li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari.

119    Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti.

120    Skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, “[k]emm ikunu ħorox il-pieni dixxiplinarji imposti jiddependu kemm hija serja l-kondotta ħażin”.

121    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, fil-qasam dixxiplinari, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux relazzjoni fissa bejn is-sanzjonijiet li huma indikati fihom u l-kategoriji ta’ nuqqasijiet imwettqa mill-uffiċjali (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, OT vs Il‑Parlament, T‑757/20, EU:T:2012:156, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    L-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jelenka kategoriji differenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra meta tiddetermina l-gravità tan-nuqqas u tiddeċiedi dwar is-sanzjoni dixxiplinari li għandha tiġi imposta, fosthom b’mod partikolari “it-tip ta’ kondotta ħażina u f’liema ċirkostanzi ġrat” (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Cristescu vs Il‑Kummissjoni, T‑754/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:316, punt 216).

123    L-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi, b’mod espliċitu, l-eżistenza ta’ proporzjonalità bejn is-sanzjoni dixxiplinari imposta u l-gravità tan-nuqqas imwettaq, konformement mar-rekwiżit ġenerali ta’ proporzjonalità li jirregola l-azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif jipprevedu l-Artikolu 5(4) TUE u l-prinċipju ġenerali rrikonoxxut f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Cristescu vs Il‑Kummissjoni, T‑754/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:316, punt 217).

124    Il-ġurisprudenza ddeduċiet minn dawn l-elementi, bħala proporzjonalità, li d-determinazzjoni tas-sanzjoni kellha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali, li għandha ssir mill-Awtorità tal-Ħatra, tal-fatti konkreti kollha u taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Cristescu vs Il‑Kummissjoni, T‑754/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:316, punt 218 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tistabbilixxi, fid-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni, ir-raġunijiet li wassluha sabiex timponi, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi tal-każ, sanzjoni partikolari minflok oħra (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, OT vs Il‑Parlament, T‑757/20, EU:T:2012:156, punt 169).

126    Min-naħa tagħha, meta tiġi adita b’dawn id-domandi, il-qorti tal-Unjoni tivverifika b’mod partikolari jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża jaqgħux taħt il-kunċetti legali ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, OT vs Il‑Parlament, T‑757/20, EU:T:2012:156, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127    Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika wkoll jekk l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi twettqitx mill-awtorità dixxiplinari b’mod proporzjonat, kemm jekk dawn iċ-ċirkustanzi jkunu aggravanti jew attenwanti (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, OT vs Il‑Parlament, T‑757/20, EU:T:2012:156, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Il-verifika tan-natura proporzjonata tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanza tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Sabiex ikun effettiv, ir-rikors jimplika fil-fatt li “piena” imposta minn awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija stess il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ korp ġudizzjarju li għandu s-setgħa li jevalwa b’mod sħiħ il-proporzjonalità bejn in-nuqqas u s-sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, OT vs Il‑Parlament, T‑757/20, EU:T:2012:156, punt 172 u 173; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, DI vs BĊE, T‑514/19, EU:T:2021:332, punt 197).

129    Dan il-motiv, ifformulat bħala li huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, għandu jitqies li huwa bbażat biss fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għalhekk suġġett għall-istħarriġ komplet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

130    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra eżaminat il-fatti u ċ-ċirkustanzi li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrent aġixxa u ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

131    B’mod partikolari, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-grad ta’ intenzjonalità jew ta’ negliġenza fit-tort imwettaq, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstatat l-Awtorità tal-Ħatra fid-Deċiżjoni kkontestata, l-aġir tar-rikorrent sabiex isib l-impjieg tal-ex konjuġi tiegħu fi ħdan MGS kien jikkostitwixxi att intenzjonali ta’ gravità ċerta u mmotivat mit-tfittxija ta’ interess personali. Il-fatt li r-rikorrent ma indikax, waqt il-ħatra tiegħu bħala membru supplenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti li pparteċipat fiha MGS, kunflitt ta’ interessi potenzjali minħabba l-kandidatura tal-ex konjuġi tiegħu għal pożizzjoni fi ħdan MGS sempliċement jaggrava l-aġir żbaljat tiegħu, u dan iktar u iktar peress li, kif ikkonstata l-Bord Dixxiplinari, ir-rikorrent iddeskriva ruħu bħala kollega li jimpenja ruħu għall-osservanza stretta tar-regoli.

132    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-Awtorità tal-Ħatra ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-aġir tar-rikorrent kien jikkostitwixxi att iżolat.

133    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-grad ta’ responsabbiltà personali tal-uffiċjal u tal-livell tal-funzjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, ir-rikorrent ma kienx jeżerċita funzjonijiet maniġerjali, madankollu, fid-dawl tal-karriera twila tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet, minn naħa, il-Parlament kien inkarigah bil-kontroll tal-attività ta’ MGS fil-Parlamentarium u, min-naħa l-oħra, huwa kien intgħażel bħala membru supplenti tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tal-offerti għal sejħa għal offerti li fiha pparteċipat MGS u kellu l-informazzjoni kollha meħtieġa fuq l-imsemmija sejħa għal offerti, li kien jeżiġi iktar rigorożità min-naħa tiegħu. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tikkonkludi, ġustament, li dawn iċ-ċirkustanzi kienu jaggravaw l-aġir tar-rikorrent.

134    L-allegazzjoni tar-rikorrent li huwa ma kienx l-uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega f’dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ MGS fil-Parlementarium ma hijiex rilevanti, sa fejn il-konstatazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ma hijiex ibbażata fuq l-imsemmija funzjonijiet, li fir-rigward tagħhom huwa paċifiku li dawn ma ġewx eżerċitati mir-rikorrent.

135    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-invalidità tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar ma kkontestax il-konstatazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li din iċ-ċirkustanza kienet sussegwenti għall-fatti imputati lilu. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jipproduċi ebda prova li tippermetti li l-invalidità tiegħu tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza attenwanti fid-determinazzjoni tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta.

136    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kritika tar-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ftuħ tardiv tal-investigazzjoni amministrattiva fl-evalwazzjoni tas-sanzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija fattwalment infondata. Fil-fatt, mill-punt 7 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan id-dewmien ittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-sanzjoni li kellha tiġi imposta.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-konstatazzjoni li r-rikorrent ma ddikjarax, bi ksur tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, kunflitt ta’ interessi potenzjali u intenzjonalment ipprova jikseb interess strettament personali, għandu jiġi kkonstatat li l-Awtorità tal-Ħatra stabbilixxiet in-natura xierqa u, konsegwentement, proporzjonata tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqu.

138    Minn dan isegwi li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba għal adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

139    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex jikseb l-atti tal-proċess relatati mal-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna l-ex-kap tat-tim tiegħu.

140    Il-Parlament isostni li ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba għar-raġuni, essenzjalment, li din ma tirrigwardax informazzjoni rilevanti għal din il-kawża.

141    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità li tuża s-setgħa tagħha li tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha, peress li n-natura probatorja jew le tad-dokumenti tal-proċedura taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2023, QI vs Il‑Kummissjoni, T‑807/21, EU:T:2003:786, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    F’dan il-każ, il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrent ma tidhirx li hija neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

143    Fil-fatt, ir-rikorrent ma indikax kif eventwali produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni kienet iġġustifikata. L-uniku fatt li r-rikorrent jipprova juri permezz tad-dokumenti inkwistjoni huwa l-allegata eżistenza ta’ tensjonijiet sindakali waqt l-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal. Issa, dan il-fatt ma għandu ebda rabta mal-fatti li taw lok għad-Deċiżjoni kkontestata.

144    Konsegwentement, it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

145    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

146    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

147    F’dan il-każ, ir-rikorrent tilef fit-talbiet tiegħu. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-Parlament fetaħ l-investigazzjoni amministrattiva b’mod tardiv, li seta’ jinċentiva lir-rikorrent jippreżenta dan ir-rikors, bl-għan li tiġi kkonstatata din l-illegalità, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ġust li l-Parlament jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu u għal nofs l-ispejjeż sostnuti minn IG.

3)      IG huwa kkundannat għal nofs l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Kalėda

Kanninen

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Settembru 2026.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.