European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4505

11.7.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2024/4505)

Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi”

Nru tal-UE: PDO-TR-02661 — 25.2.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

It-Turkija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi” huwa sostitut tal-kafè prodott permezz tal-inkaljar u t-tħin taż-żerriegħa tas-siġar tal-iskornabekk jew tat-trementina (Pistacia terebinthus L.) li jikbru fir-reġjuni muntanjużi tal-provinċja ta’ Gaziantep. Is-siġra skornabekk hija indiġena għaż-żona ġeografika u tikber fis-selvaġġ f’reġjuni muntanjużi. Iż-żerriegħa tal-P. terebinthus tissejjaħ “menengiç” jew “melengiç” fit-Turkija. Il-frott tal-menengiç/melengiç imkabbar fil-provinċja ta’ Gaziantep għandu kontenut għoli ta’ żejt, b’valur ta’ aċidu xaħmi fil-medda ta’ 44-56 %. Il-valur tal-aċidu olejku huwa fil-medda ta’ 53-68 %. L-ebda prodott jew addittiv ma jiżdied mal-prodott qisu pejst miksub bit-tnixxif, ix-xiwi u t-tħin tal-frott miġbur mill-fergħa. Il-frott jitkabbar f’din iż-żona ġeografika, u xi wħud mill-proprjetajiet fiżikokimiċi tal-prodott finali miksub minn dan il-frott huma bejn wieħed u ieħor kif ġej.

Proprjetajiet fiżikokimiċi

Valur

Żejt

44 -56  %

Ilma

5 -6  %

Proteina

18 -20  %

Irmied

3 -3,5  %

Zokkor

6 -6,5  %

Fibra

2 -2,5  %

Il-viskożità tal-prodott estratt jenħtieġ li tkun mill-inqas 1 (cP); massimu ta’ 45 % tal-ammont totali tad-daqs tal-partikoli jenħtieġ li jkun ogħla minn 20-25 μm. Minħabba li huwa rikk ħafna fiż-żejt, jista’ jidher saff taż-żejt fuq il-wiċċ tal-prodott. Il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi” huwa prodott qisu pejst b’kontenut għoli ta’ xaħam. Il-prodott isir omoġenju billi jitħallat qabel l-użu. Il-prodott għandu struttura ħarxa u u qisha pejst, kulur kannella skur u aroma simili għall-pistaċċi.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi” jiġi prodott biss miż-żerriegħa tal-menengiç li jinġabru mis-siġar tal-menengiç/melengiç li jikbru b’mod naturali f’Gaziantep.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni, inklużi t-tkabbir, il-ħsad tal-materja prima u t-tindif, ix-xiwi u t-tħin tal-prodott iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

—

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

—

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tinkludi l-irħula u l-bliet kollha tal-provinċja ta’ Gaziantep li jinsabu fix-Xlokk tat-Turkija.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-provinċja ta’ Gaziantep tinsab bejn il-Mediterran u r-Reġjun tax-Xlokk tal-Anatolia. Tinsab bejn 36° 28′ u 38° 01′ lonġitudnijiet tal-Lvant u 36° 38′ u 37° 32′ latitudnijiet tat-Tramuntana. It-tul medju ta’ dawl tax-xemx fiż-żona kollha huwa ta’ aktar minn 200 jum fis-sena. Is-sigħat twal ta’ dawl binhar matul l-istaġun tas-sajf iwasslu biex l-għelieqi jirċievu aktar radjazzjoni solari, u b’hekk jiżdiedu t-temperaturi. Art imħarbta hija komuni fiż-żona. Is-siġar tal-iskornabekk jippreferu l-blat, żoni degradati 600-1 500 m’il fuq mil-livell tal-baħar u jevitaw ambjenti kesħin u tat-Tramuntana. Is-siġra hija indiġena għall-Asja u l-Mediterran, partikolarment komuni fin-Nofsinhar tat-Turkija u hija wieħed mill-aktar prodotti importanti mhux tal-injam fir-reġjun. L-ammont għoli ta’ xemx fir-reġjun jaffettwa l-kompożizzjoni taż-żejt xaħmi taż-żerriegħa, iżid il-kontenut taż-żejt u l-valur tal-aċidu xaħmi. Iż-żieda fil-kontenut taż-żejt u l-komposti tal-aċidu xaħmi żżid it-togħma tal-prodott.

Fatturi Umani

Iż-żerriegħa tas-siġar tal-iskornabekk ilhom jintużaw għall-produzzjoni tas-sostitut tal-kafè tal-menengiç/melengiç fir-reġjun mis-snin 1600. Ta’ spiss jingħad li matul il-Kampanja ta’ Baghdad tal-Imperu Ottoman, Murad IV kien jistrieħ f’Gaziantep u ġie offrut il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi”, u li ħa pjaċir bih.

L-istadju tal-inkaljar fil-produzzjoni jeħtieġ ħakma tajba. L-inkaljar taż-żerriegħa sal-punt ideali huwa ħila essenzjali għall-produtturi li tipprevjeni kwalunkwe aroma mhux mixtieqa. Iż-żerriegħa tal-Menengiç jiġu inkaljati bir-reqqa billi jitħalltu sakemm isiru kannella. L-inkaljar eċċessiv ma huwiex mixtieq peress li jħalli togħma morra fuq il-komponenti tal-aċidu xaħmi. Il-produtturi lokali għandhom ħakma speċifika fl-inkaljar taż-żerriegħa biex jiksbu l-aroma korretta.

Speċifiċità tal-prodott

Il-kontenut għoli ta’ żejt taż-żerriegħa tal-iskornabekk imkabbra f’Gaziantep huwa s-sors tal-aroma u t-togħma tal-prodott. Il-prodott għandu togħma ħafifa ta’ pistaċċi.

Rabta kawżali

Il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi” jinkiseb miż-żerriegħa tas-siġar tal-iskornabekk imkabbra f’Gaziantep, li huma nattivi għar-reġjun. Iż-żerriegħa tal-menengiç/melengiç imkabbra f’Gaziantep fihom livelli ogħla ta’ aċidu olejku meta mqabbla ma’ reġjuni oħra minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-provinċja b’ammont kbir ta’ xemx.

Il-klima tal-provinċja tipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet ta’ tkabbir għas-siġar tal-menengiç/melengiç u tipproduċi rendimenti għoljin. Il-konsum taż-żerriegħa tas-siġra tal-iskornabekk bħala s-sostitut tal-kafè tal-menengiç/melengiç għandu storja twila fir-reġjun ta’ Gaziantep.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Il-“Gaziantep Menengiç Kahvesi / Gaziantep Melengiç Kahvesi” ġie rreġistrat mill-Uffiċċju Tork tal-Privattivi u tat-Trademarks fil-Bullettin Nru 93 datat il-15.1.2021, paġna 51 u 52.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4505/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)