15.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 187/56


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

ta' l-24 ta' April 2007

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

(2008/501/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 – Volum I (C6-0467/2006) (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0109/2007),

1.

Jagħti kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2005;

2.

Jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u sabiex jagħmlu l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Harald RØMER


(1)   ĠU L 60, 8.3.2005.

(2)   ĠU C 264, 31.10.2006, p. 1.

(3)   ĠU C 263, 31.10.2006, p. 1.

(4)   ĠU C 263, 31.10.2006, p. 10.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

ta' l-24 ta' April 2007

b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali minnha dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2005 – Volum I (C6-0467/2006) (2),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005, u r-rapporti speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għall-affidabilità tal-kontijiet u għal-legalità u għar-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri bi qbil ma' l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (4),

wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u partikularment l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0109/2007),

1.

Jinnota li fl-2005 il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) kellha approprjazzjonijiet ta' impenn disponibbli li jammontaw għal total ta' EUR 232 602 467.74 (2004: 235 041 565) b'rata ta' użu ta' 92,66 %;

2.

Jinnota li wara l-introduzzjoni tal-kontabilità tad-dovut (accrual accounting) b'effett mill-1 ta' Jannar 2005, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' l-ECJ juru bilanċ ekonomiku negattiv għas-sena (EUR 30 747 924) u eċċess ta' passiv fuq l-attiv ta' EUR 43 902 361;

3.

Jinnota li l-karta tal-bilanċ ta' l-ECJ tinkludi ammont ta' EUR 105 879 903 li jikkorrispondi mal-passiv tagħha fir-rigward tal-pensjonijiet ta' l-imħallfin; jinnota li dan il-passiv jitpatta parzjalment bl-assi tanġibbli u intanġibbli fissi ta' l-ECJ u parzjalment b'ammont li se jintalab mill-Istati Membri (EUR 43 902 361);

4.

Ifakkar li fil-paragrafu 9.21 tar-Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2004 il-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea (ECA) ikkritikat il-fatt li l-Kap tas-Servizz ta' Verifika Interna kien responsabbli għal verifika ex ante ta' l-operazzjonijiet ta' l-uffiċjali awtorizzati; jinnota li l-istess sitwazzjoni kienet innotata dwar is-sena finanzjarja 2005 (Rapport Annwali paragrafu 10.13);

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-informazzjoni kontenuta fit-tweġibiet ta' l-ECJ għar-rapport annwali ta' l-ECA li, fid-dawl tal-kummenti magħmula f'dan ir-rigward mill-awtoritajiet ta' kontroll u kwittanza, l-amministrazzjoni ta' l-ECJ, matul il-preparazzjoni ta' l-estimi ta' dħul u infiq għas-sena finanzjarja 2007, ipproponiet il-modifika ta' din l-organizzazzjoni billi tinħoloq unità amministrattiva b'kompetenza esklussiva għall-verifika, li għal dan il-għan tkun provduta b'żewġ karigi ġodda (amministratur responsabbli għall-immaniġġjar u assistent biex jirrinforza t-tim responsabbli mill-verifiki);

6.

Jinnota b'sodisfazzjon l-informazzjoni kontenuta fit-tweġibiet ta' l-ECJ għar-Rapport Annwali ta' l-ECA (paragrafu 10.14) li wara li ġie jopera kompletament f'Settembru 2005 l-Awditur Intern ta' l-ECJ għamel xi verifiki speċifiċi u indirizza rakkomandazzjonijiet lis-servizzi konċernati (l-assenza ta' tali verifiki speċifiċi kienu ġew ikkritikati fis-snin preċedenti);

7.

Jifraħ lill-ECJ talli naqqset in-numru ta' kuntratti negozjati fi proporzjon man-numru ta' kuntratti mogħtija minn 72 % fl-2004 għal 27 % fl-2005; madankollu, jinnota bi tħassib, id-diffikultajiet tagħha fir-reklutaġġ ta' staff kwalifikat għal diversi karigi fuq il-bażi tal-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO;

8.

Jinnota li fl-2005 l-iżvilupp tal-ECJ bħala istituzzjoni kienet notevoli l-iktar minħabba l-bidu ta' l-inkarigu tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili Ewropew, magħmul minn seba' imħallfin;

9.

Jinnota b'sodisfazzjon li n-numru ta' każijiet deċiżi fis-sena fl-ECJ tela' minn 494 fl-2003 għal 574 fl-2005 filwaqt li n-numru ta' kawżi pendenti niżel minn 974 għal 740;

10.

Jinnota li fl-2005 in-numru ta' uffiċjali u aġenti (membri ta' l-istaff awżiljarju u temporanju, aġenti kuntrattwali) fis-servizz tela' fuq sena minn 1512 għal 1704 (13 %) u n-numru tal-Membri żdid bi tmienja (b'riżultat tal-ħolqien tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili);

11.

Jinnota bi tħassib ir-referenzi ripetuti, f'numru ta' taqsimiet amministrattivi deskritti fir-rapport ta' ħidma ta' l-ECJ, għal problemi fir-reklutaġġ ta' staff kwalifikat kopert bir-Regolamenti tal-Persunal;

12.

Jinnota li ma saru l-ebda verifiki ex post fl-2005;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni fir-rapport ta' ħidma ta' l-ECJ ta' taqsima li tistipula s-segwitu mogħti matul is-sena biex jingħataw deċiżjonijiet ta' kwittanza aktar kmieni mill-Parlament Ewropew u rapporti magħmula mill-ECA;

14.

Jinnota li wara l-ħolqien tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili u s-sħubija tal-Bulgarija u r-Rumanija, in-numru totali ta' imħallfin, avukati ġenerali u reġistraturi issa tela' għal 72 u li l-ispiża ta' l-ECJ fuq il-vetturi żdiedet b'madwar 50 % minn EUR 809 853,24 fl-2005 (spiża) għal EUR 1 218 000 fl-2007 (stima baġitarja);

15.

Jinnota li fl-ECJ l-verifika ex ante ssir fuq il-bażi ta' sistema ċentralizzata konnessa b'line management ma' l-Uffiċjal Awtorizzat mid-Delegazzjon u l-ħsieb ta' l-ECJ li din tidher li hi l-aħjar sistema, minħabba l-qis ta' l-istituzzjoni u n-natura purament amministrattiva tat-tranżazzjonijiet finanzjarja tagħha;

16.

Jinnota b'sodisfazzjon li wara l-kummenti kontenuti fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tas-sena l-oħra, il-Membri ta' l-Istituzzjoni qablu li joħolqu, bejniethom, grupp ta' ħidma bil-għan li jmexxi studju dwar jekk għandux jitfassal kodiċi ta' kondotta applikabbli għalihom u l-kontenut ta' tali kodiċi; il-kwistjoni ta' dikjarazzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Membru tifforma parti minn dak l-istudju; jinnota li l-Qorti ta' Prim Istanza u li t-Tribunal tas-Servizz Ċivili huma assoċjati wkoll ma' din l-inizjattiva;

17.

Jenfasizza t-talba ripetuta tal-Parlament Ewropew għall-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-interessi ekonomiċi u finanzjarji magħmula mill-imħallfin tat-tliet qrati kollha; jistieden lill-ECJ sabiex tinforma lill-Parlament sat-30 ta' Settembru 2007 dwar il-miżuri adegwati li tkun ser tieħu;

18.

Jinnota b'sodisfazzjon il-miżuri meħuda mill-ECJ biex titnaqqas il-kwantità ta' dokumenti biex jiġu tradotti li kkontribwew għal tnaqqis fl-ammont ta' xogħol tat-tradutturi; jitlob ukoll lill-ECJ biex tesplora l-possibilità li tnaqqas it-tul tad-deċiżjonijiet sabiex tikkontribwixxi aktar għal aktar tnaqqis fl-ispejjeż u biex dawn id-deċiżjonijiet jinftehmu aħjar.

(1)   ĠU L 60, 8.3.2005.

(2)   ĠU C 264, 31.10.2006, p. 1.

(3)   ĠU C 263, 31.10.2006, p. 1.

(4)   ĠU C 263, 31.10.2006, p. 10.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).