|
17.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 408/3 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1998
tal-15 ta’ Novembru 2021
li tawtorizza lill-Estonja tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu dritt li persuni taxxabbli jiddeduċu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jirċievu li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ assi tan-negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom irid jiġi ttrattat bħala provvista ta’ servizzi. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE (2) awtorizzat lill-Estonja tirrestrinġi d-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT għal 50 % fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri, u li teħles mill-obbligu li l-persuna taxxabbli jkollha tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali tal-vetturi koperti minn din ir-restrizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 (3) estendiet il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/797/UE sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2021, l-Estonja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tiġi awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tirrestrinġi d-dritt ta’ deduzzjoni fir-rigward tax-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri użati għal finijiet mhux kummerċjali. (‘il-miżura speċjali’). |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Estonja. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis li kellha bżonn biex tevalwa t-talba. |
|
(6) |
Ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri, u anke meta jkun possibbli, il-mekkaniżmu biex dan isir huwa wieħed ta’ spiss oneruż. Skont l-awtorizzazzjoni mitluba, jenħtieġ li, ħlief f’xi eċċezzjonijiet, l-ammont ta’ VAT fuq in-nefqa eliġibbli għad-deduzzjoni fir-rigward ta’ vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali ikun iffissat b’rata perċentwali fissa. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, l-awtoritajiet Estonjani jemmnu li rata ta’ 50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, jenħtieġ li r-rekwiżit ta’ dikjarazzjoni tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta’ karozzi tal-passiġġieri jkun sospiż meta dawk il-karozzi jkunu ġew soġġetti għal limitazzjoni. Din il-miżura speċjali tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu privat ta’ karozzi kummerċjali u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz taż-żamma ta’ rekords skorretta. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-limitazzjoni tad-dritt ta’ deduzzjoni skont l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ kategoriji speċifiċi ta’ karozzi tal-passiġġieri u fuq l-infiq marbut magħhom, inkluż ix-xiri tal-fjuwil. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika biss għall-karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat ta’ mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, peress li kull użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri li jaqbżu it-3 500 kilogramma jew li jkollhom aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, huwa negliġibbli minħabba n-natura ta’ dawk il-karozzi tal-passiġġieri jew it-tip ta’ kummerċ li jintużaw għalih. Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll lista dettaljata ta’ karozzi tal-passiġġieri speċifiċi esklużi minn dik l-awtorizzazzjoni, abbażi tal-użu partikolari tagħhom. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2024, sabiex ikun jista’ jsir rieżami tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura speċjali u tar-rata ta’ porzjonament bejn l-użu kummerċjali u dak mhux kummerċjali li hija bbażata fuqhom. |
|
(10) |
Jekk l-Estonja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2024, ikun jenħtieġ li, sal-31 ta’ Marzu 2024, tibgħat talba lill-Kummissjoni għal estensjoni, flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat. |
|
(11) |
Il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jiġu mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata tillimita għal 50 % id-dritt ta’ deduzzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali meta dik in-nefqa tkopri x-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tali karozzi u max-xiri tal-fjuwil għalihom.
Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja ma għandhiex tittratta bħala provvisti ta’ servizzi l-użu għal finijiet mhux kummerċjali ta’ karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-karozza tkun ġiet għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx it-3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq.
2. Din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-kategoriji ta’ karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:
|
(a) |
karozzi mixtrijin biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni; |
|
(b) |
karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas, inklużi s-servizzi tat-taksi; |
|
(c) |
karozzi użati biex jingħataw lezzjonijiet tas-sewqan. |
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE tas-7 ta’ Novembru 2014 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 48).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17).