7.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1102

tas-6 ta’ Ġunju 2023

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni anti-dumping, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja (“l-investigazzjoni oriġinali”) permezz tar-Regolament (KE) Nru 1629/2004 (2). Il-Kunsill, wara investigazzjoni antisussidji, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1628/2004 (3), impona dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja.

(2)

Wara rieżami interim parzjali ex officio tal-miżuri kompensatorji, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 1628/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 permezz tar-Regolament (KE) Nru 1354/2008 (4).

(3)

Wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill estenda l-miżuri anti-dumping permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1186/2010 (5). Wara rieżami tal-iskadenza tal-miżuri kompensatorji, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1185/2010 (6) il-Kunsill estenda l-miżuri kompensatorji.

(4)

Wara r-rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) estendiet il-miżuri anti-dumping permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/422 (7). Wara r-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri kumpensatorji, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri kumpensatorji permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/421 (8).

(5)

Il-miżuri anti-dumping attwalment fis-seħħ huma ta’ 9,4 % u 0 % fuq l-importazzjonijiet minn esportaturi msemmija individwalment, u rata ta’ dazju ta’ 8,5 % fuq l-importazzjonijiet mill-kumpaniji l-oħra kollha mill-Indja.

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(6)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (9), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(7)

It-talba għal rieżami ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Diċembru 2021 mill-produtturi tal-Unjoni, li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita (“l-applikanti”). It-talba għal rieżami kienet ibbażata fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(8)

Hekk kif ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni, fid-9 ta’ Marzu 2022, permezz ta’ Notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (10) (“in-Notifika ta’ Bidu”), bdiet rieżami ta’ skadenza rigward l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Investigazzjoni separata dwar il-miżuri antisussidji imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami

(9)

Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Marzu 2022 (11), il-Kummissjoni bdiet ukoll rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), tal-miżuri antisussidji definittivi fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja.

1.5.   Perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(10)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami” jew il-“PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.6.   Partijiet interessati

(11)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-applikanti, lil produtturi tal-Unjoni magħrufa oħrajn, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Indjani, lill-importaturi, fornituri u utenti magħrufa, lin-negozjanti, kif ukoll lil assoċjazzjonijiet li kienu magħrufa li kienu kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(12)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.7.   Kampjunar

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.7.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(14)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni. Dan il-kampjun kien magħmul minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw madwar 61 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni u 64 % tal-volum tal-bejgħ stmat tal-prodott simili fl-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.7.2.   Kampjunar tal-importaturi

(15)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(16)

L-ebda importatur ma ppreżenta ruħu.

1.7.3.   Kampjunar ta’ produtturi esportaturi fl-Indja

(17)

Biex tiddeċiedi jekk kienx hemm bżonn li jittieħed kampjun u biex jekk iva tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fl-Indja jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Il-Kummissjoni rċeviet fi żmien xieraq rispons għat-teħid ta’ kampjun minn żewġ produtturi tas-sistemi tal-elettrodi tal-grafit fl-Indja: HEG Limited u Graphite India Limited, għalhekk, ma kienx hemm bżonn jittieħed kampjun. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga ż-żewġ produtturi esportaturi li pprovdew l-informazzjoni mitluba.

1.8.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u kontroverifiki mill-bogħod

(18)

Fil-bidu, il-kwestjonarji kienu għad-dispożizzjoni fil-fajl sabiex jiġu spezzjonati mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Trade (13).

(19)

Tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand it-tliet produtturi tal-Unjoni kkampjunati. Ħadd mill-produtturi esportaturi ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju. L-ebda wieħed mill-utenti ma pprovda kwestjonarju jew ippreżenta ruħu matul l-investigazzjoni.

(20)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ ddumpjar u tad-dannu li jirriżulta u għad-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi mill-Unjoni

—

GrafTech Iberica S.L., Navarra, Spanja

—

Showa Denko Carbon Spain S.A., A Coruna, Spanja

—

Tokai Erftcarbon GmbH, Grevenbroich, il-Ġermanja

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(21)

Il-prodott taħt rieżami huwa elettrodi tal-grafita ta’ tip użat għal fran tal-elettriku, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μ.Ω.m jew anqas, u konnetturi użati għal dawn l-elettrodi, kemm jekk importati flimkien kif ukoll jekk b’mod separat (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 u ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545110010 u 8545909010) “il-prodott taħt rieżami”, jew “GES”.

2.2.   Prodott simili

(22)

Kif ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, kif ukoll fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza kkonfermat li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott taħt rieżami;

—

il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat; u

—

l-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(23)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawk il-prodotti huma, għalhekk, prodotti simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   DUMPING

(24)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżura fis-seħħ twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping mill-Indja.

3.1.   Rimarki preliminari

(25)

F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk hemmx il-probabbiltà li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping.

(26)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (19), ħadd mill-produtturi esportaturi ma pprovda tweġiba għall-kwestjonarju. Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, u f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-Kummissjoni kellha ssir abbażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(27)

L-awtoritajiet Indjani ġew infurmati kif xieraq li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Indjani, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ma wasal l-ebda kummenti f’dan ir-rigward.

(28)

Għalhekk, is-sejbiet fit-Taqsima 3 u 4 kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli. Għal dan l-għan, intużaw l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza u l-istatistika disponibbli fil-bażijiet tad-data tal-Eurostat u tal-Global Trade Atlas (14) (‘GTA’) kif ukoll sorsi oħra disponibbli għall-pubbliku.

3.2.   Valur normali

(29)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

(30)

Il-valur normali kien ibbażat fuq id-data pprovduta mill-applikanti, minn (i) Mordor Intelligence (15) u (ii) Valuates Reports (16). Iż-żewġ sorsi indikaw prezz domestiku medju simili tal-GES fl-Indja ta’ EUR 3 788 għal kull tunnellata fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami. Dan il-prezz ġie kontroverifikat u kien konformi mal-istimi li saru, abbażi taċ-ċarts tal-prezzijiet disponibbli għall-pubbliku ppubblikati minn SteelMint.com (17) matul l-istess perjodu, li jindikaw prezz medju ta’ EUR 3 630 għal kull tunnellata.

(31)

Il-Kummissjoni użat il-prezz medju taż-żewġ sorsi pprovduti mill-applikanti biex tistabbilixxi valur normali ta’ EUR 3 788 għal kull tunnellata.

3.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(32)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi mill-Indja, il-prezz tal-esportazzjoni ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet CIF fid-data tal-Eurostat ikkoreġuta għal-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Kif jidher fil-premessa (44), il-volumi tal-importazzjonijiet mill-Indja fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienu sinifikanti u għalhekk il-prezzijiet tqiesu bħala rappreżentattivi. Il-prezz CIF ta’ EUR 2 747 għal kull tunnellata (18) ġie aġġustat għall-kost tat-trasport bil-baħar u tal-assigurazzjoni, għall-kostijiet tat-trasport domestiku fl-Indja u għall-immaniġġjar doganali tal-UE biex ġie EUR 2 558 għal kull tunnellata fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. L-aġġustamenti kienu bbażati fuq id-data (19) u l-informazzjoni tal-OECD ipprovduti fit-talba għal rieżami.

3.4.   Tqabbil u marġni ta’ dumping

(33)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika kif stabbilit hawn fuq.

3.5.   Marġni ta’ dumping

(34)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas għall-Indja kienu ta’ 44,7 %. Għalhekk ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TAD-DUMPING

(35)

Wara s-sejba tal-eżistenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-Kummissjoni investigat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(36)

L-investigazzjoni wriet li matul il-PIR l-importazzjonijiet Indjani komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet iddumpjati b’mod sinifikanti u żammew il-kwantitajiet u l-ishma mis-suq tagħhom bħal fl-aħħar żewġ investigazzjonijiet ta’ rieżami. Barra minn hekk, l-analiżi tal-volum tal-produzzjoni u tal-kapaċità ta’ riżerva fl-Indja, tal-volumi tal-esportazzjoni u l-prezzijiet mill-Indja lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħrajn, tal-miżuri eżistenti fil-pajjiżi terzi l-oħrajn, u tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni li tinsab fil-premessi (107) sa (115) turi wkoll li huwa probabbli li l-esportazzjonijiet sussidjati jkomplu jżidu l-preżenza diġà sostanzjali tagħhom fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri kurrenti jitħallew jiskadu. Konsegwentement, ġie konkluż li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   DANNU

5.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(37)

Il-prodott simili kien manifatturat minn seba’ produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Huma jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(38)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami kienet stabbilita għal 219 330 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tat-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u d-data provduta mill-produtturi mhux inklużi fil-kampjun u mill-applikanti (20). Kif indikat fil-premessa (14), it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 61 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(39)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volumi ta’ bejgħ tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni stess maħsuba għas-suq tal-Unjoni u abbażi tal-volumi tal-importazzjonijiet miksuba mill-istatistika tal-Eurostat.

(40)

Abbażi ta’ dan, il-konsum mill-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)  (21)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

152 612

120 169

99 873

137 279

Indiċi

100

79

65

90

Sors:

Eurostat, informazzjoni provduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mhux inklużi fil-kampjun, informazzjoni provduta mill-applikanti.

(41)

Il-konsum tal-Unjoni tal-GES naqas b’10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Is-sena 2018 wriet konsum għoli xprunat minn domanda għolja tal-industrija tal-azzar tal-UE, li kienet fil-proċess tal-irkupru mill-kriżi tal-azzar. Barra minn hekk, f’sitwazzjoni ta’ żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-GES, il-produtturi tal-azzar kienu qed jibnu ħażniet ta’ GES għaliex stennew żieda addizzjonali.

(42)

Fl-2019, il-produzzjoni tal-azzar minn fran bl-ark elettriku naqset, meta mqabbla mal-2018 (b’6,6 % skont iċ-ċifri tal-Eurofer). Konsegwentement, id-domanda għall-GES naqset. Peress li l-prezz tal-GES naqas b’mod sinifikanti, ż-żieda fl-istokkijiet ma baqgħetx meqjusa meħtieġa għall-industrija downstream peress li l-utenti ma kinux għadhom imħassba dwar żieda ulterjuri fil-prezz. B’konsegwenza ta’ dan, il-produtturi tal-azzar kienu qegħdin inaqqsu l-istokk mill-inventarji tal-GES tagħhom. Barra minn hekk, id-domanda kompliet tonqos - iżda din id-darba fuq bażi temporanja fl-2020, wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

5.3.   Importazzjonijiet mill-Indja

5.3.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja

(43)

Kif imsemmi fil-premessa (39), il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja abbażi tal-istatistika tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq kien stabbilit fuq il-bażi tal-konsum tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessa (40).

(44)

L-importazzjonijiet mill-Indja żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-volum ta’ importazzjonijiet mill-Indja (tunnellati)

5 802

3 369

2 154

6 540

Indiċi

100

58

37

113

Sehem mis-suq (%)

4

3

2

5

Indiċi

100

74

57

125

Sors:

Il-Eurostat u l-bażi tad-data 14.6.

(45)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat naqsu fl-2019 u fl-2020, wara t-tnaqqis fil-konsum tal-UE, u rkupraw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet żdied minn 5 802 tunnellati fl-2018 għal 6 540 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, jiġifieri bi 13 %. L-importazzjonijiet ta’ GES mill-Indja kienu jirrappreżentaw madwar 16 % tal-importazzjonijiet totali ta’ GES lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami li jikkorrispondu għal sehem mis-suq ta’ 5 %.

(46)

B’mod ġenerali, l-importazzjonijiet mill-Indja u s-sehem mis-suq tagħhom żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Minkejja t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja baqa’ jiżdied matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (bi 13 %), filwaqt li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas.

5.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(47)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-Indja żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indja

13 756

10 211

4 120

2 747

Indiċi

100

74

30

20

Sors:

Eurostat.

(48)

Il-prezz medju tal-importazzjoni (22) ta’ GES mill-Indja naqas bi 80 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn EUR 13 756/tunnellata fl-2018 għal EUR 2 747/tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(49)

Minħabba d-domanda globali għolja għall-GES, il-prezzijiet tal-Indja qabżu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-ewwel nofs tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni, iżda mbagħad naqsu b’60 % bejn l-2018 u l-2020 u baqgħu konsistentement aktar baxxi mill-prezzijiet tal-Unjoni fl-2020 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(50)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Indjani, il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami billi qabblet:

(1)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li jintalab lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustat għal livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u

(2)

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-Indja mill-Eurostat, stabbiliti fuq bażi tas-CIF, inkluż id-dazju anti-dumping u dak kumpensatorju, b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni. Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni, dawn il-kostijiet ġew stmati għal 1 % tal-valur CIF.

(51)

Dan irriżulta f’marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz medju ta’ 33,2 %. Dawn il-prezzijiet tqiesu wkoll bħala indikatur raġonevoli tal-livelli tal-prezzijiet possibbli fil-ġejjieni jekk il-miżuri jiġu revokati.

(52)

Wara d-divulgazzjoni, il-Gvern tal-Indja (GTI), argumenta li l-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ikkalkulat mill-Kummissjoni mhuwiex rappreżentattiv peress li mhuwiex ibbażat fuq il-prezzijiet attwali tas-suq fl-Unjoni. Fil-fehma tal-GTI, il-fatt li l-bejgħ miksub minn GrafTech Iberica sar skont kuntratti fit-tul (“LTAs”) wassal għal prezz tal-bejgħ artifiċjalment għoli li mhuwiex indikattiv tal-prezz tas-suq tal-GES fl-Unjoni.

(53)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-valutazzjoni. Il-LTAs mhumiex prattika kummerċjali mhux komuni u deċiżjoni kummerċjali li fiha klijent jaċċetta li jorbot lilu nnifsu b’livell ta’ prezz partikolari bi skambju għal sigurtà tal-provvista. Meta wieħed iqis li l-LTAs kienu qed jintużaw f’negozjati fis-suq rilevanti, il-preżenza tagħhom fil-kampjun ma tirrendix il-kampjun mhux rappreżentattiv. Barra minn hekk, parti biss mill-bejgħ li sar minn GrafTech kien kopert minn LTAs filwaqt li l-bejgħ taż-żewġ produtturi l-oħra tal-Unjoni fil-kampjun fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ma kienx kopert minn LTAs simili. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, filwaqt li jirrappreżentaw parti mis-suq, b’mod ġenerali l-LTAs użati minn GrafTech Iberica ma affettwawx b’mod sinifikanti l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

5.3.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr l-Indja

(54)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi oħrajn primarjament kienu miċ-Ċina, mill-Messiku u mir-Russja.

(55)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr l-Indja

Pajjiż

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

RPĊ

Volum (tunnellati)

22 054

19 284

20 074

26 065

Indiċi

100

87

91

118

Sehem mis-suq (%)

14

16

20

19

Indiċi

100

111

139

131

Prezz medju

10 875

5 253

2 337

2 614

Indiċi

100

48

21

24

Ir-Russja

Volum (tunnellati)

1 076

3 229

780

3 371

Indiċi

100

300

72

313

Sehem mis-suq (%)

1

3

1

2

Indiċi

100

381

111

348

Prezz medju

9 623

5 771

4 898

2 851

Indiċi

100

60

51

30

Il-Messiku

Volum (tunnellati)

1 374

12

896

1 437

Indiċi

100

1

65

105

Sehem mis-suq (%)

1

0

1

1

Indiċi

100

1

100

116

Prezz medju

2 530

3 264

3 976

3 435

Indiċi

100

129

157

136

Il-kumplament tad-dinja

Volum (tunnellati)

4 482

2 471

2 616

3 621

Indiċi

100

55

58

81

Sehem mis-suq (%)

3

2

3

3

Indiċi

100

70

89

90

Prezz medju

8 253

10 648

5 737

3 979

Indiċi

100

129

70

48

Total ta’ pajjiżi terzi għajr l-Indja

Volum (tunnellati)

28 987

24 996

24 366

34 494

Indiċi

100

86

84

119

Sehem mis-suq (%)

19

21

24

25

Indiċi

100

110

128

132

Prezz medju

10 027

5 852

2 844

2 814

Indiċi

100

58

28

28

Sors:

Eurostat.

(56)

L-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ġie analizzat minħabba li dawn kienu jirrappreżentaw madwar 84 % tal-importazzjonijiet totali ta’ GES lejn l-Unjoni matul il-PIR. Minkejja t-tnaqqis fil-konsum, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żdied bi 19 % minn kważi 29 000 tunnellata fl-2018 għal madwar 35 000 tunnellata fil-PIR.

(57)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi segwew parzjalment it-tnaqqis fil-konsum fl-2019 u fl-2020 iżda malajr irkupraw u laħqu l-ogħla livell fil-PIR, b’żieda ta’ 19 % meta mqabbla mal-2018. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn segwa x-xejra globali, u naqas bi 72 % bejn l-2018 u l-PIR.

(58)

Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet fil-PIR, 76 %, kienu importazzjonijiet miċ-Ċina. Il-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiżi terzi l-oħrajn minbarra ċ-Ċina u l-Indja żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni b’22 %. Il-volum tal-importazzjoni ta’ GES mill-Indja żdied minn 5 800 tunnellata fl-2018 għal 6 500 tunnellata matul il-PIR, filwaqt li taċ-Ċina żdied minn 22 054 tunnellata fl-2018 għal 26 065 tunnellata matul il-PIR, b’żieda fis-sehem mis-suq ta’ 25 % u 31 %, rispettivament.

(59)

Matul l-istess perjodu, il-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina kienu aktar baxxi mill-prezzijiet kemm tal-esportaturi Indjani kif ukoll mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni (ħlief fl-2018).

(60)

Barra minn hekk, mis-7 ta’ April 2022 (23) il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ GES miċ-Ċina soġġetti għal dazju anti-dumping (li jvarja minn 23 % sa 74,9 %) (24).

5.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.4.1.   Kummenti ġenerali

(61)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(62)

Kif imsemmi fil-premessa (14), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(63)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping mill-produtturi inklużi fil-kampjun, kif ukoll tad-data makroekonomika provduta mill-produtturi mhux inklużi fil-kampjun u mill-applikanti, kontroverifikata mad-data fit-talba għal rieżami. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ datainkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(64)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(65)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

5.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

5.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(66)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

251 009

219 744

164 413

219 330

Indiċi

100

88

66

87

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

283 500

294 900

294 900

285 235

Indiċi

100

104

104

101

Użu tal-kapaċità (%)

89

75

56

77

Indiċi

100

84

63

87

Sors:

informazzjoni provduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mhux inklużi fil-kampjun, informazzjoni provduta mill-applikanti.

(67)

Wara t-tnaqqis fil-konsum, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’34 % bejn l-2018 u l-2020, u rkupra parzjalment fil-PIR, filwaqt li baqa’ taħt il-livell tal-2018. B’mod ġenerali, tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni naqas b’13 %.

(68)

It-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni huwa dovut għat-tnaqqis fil-konsum flimkien mat-telf fil-kwantità tal-bejgħ imġarrab mill-industrija tal-Unjoni, kif spjegat hawn taħt fil-premessa (70).

5.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(69)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

117 824

91 804

73 352

96 245

Indiċi

100

78

62

82

Sehem mis-suq (%)

77

76

73

70

Indiċi

100

99

95

91

Sors:

Informazzjoni provduta mill-applikanti, informazzjoni provduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun.

(70)

Il-volum ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’18 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan naqas b’mod stabbli sal-2020 (bi 38 %) u rkupra parzjalment biss matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Madankollu, din iż-żieda ma kinitx f’konformità max-xejra simili segwita mill-konsum tal-Unjoni li b’mod ġenerali rriżulta f’telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minn 77 % fl-2018 għal 70 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (bi tnaqqis ta’ 9 %), filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja żdied b’25 % matul l-istess perjodu.

(71)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum tal-UE ta’ GES naqas b’10 %. Dan it-tnaqqis ta’ 15 000-il tunnellata fil-konsum affettwa biss lill-industrija tal-Unjoni, li tilfet 21 000 tunnellata ta’ bejgħ. Matul l-istess perjodu, il-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja, miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħrajn baqa’ jiżdied matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’13 %, 18 % u 19 % rispettivament.

5.4.2.3.   Tkabbir

(72)

Kif spjegat hawn fuq, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tilef 21 000 tunnellata ta’ bejgħ filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 6 200 tunnellata. Dan irriżulta f’telf ta’ 9 % mis-sehem mis-suq għall-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Konsegwentement, ma kienx hemm tkabbir għall-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(73)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 7

Impjiegi u produttività

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Numru ta’ impjegati (FTE)

1 165

1 148

1 102

1 143

Indiċi

100

99

95

98

Produttività (unità/impjegat)

215

191

149

192

Indiċi

100

89

69

89

Sors:

Informazzjoni provduta mill-applikanti, informazzjoni provduta mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u dawk mhux inklużi fil-kampjun.

(74)

L-għadd ta’ impjegati tal-industrija tal-Unjoni baqa’ relattivament stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (naqas b’2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni). Għalhekk, minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni spjegat fit-taqsima 5.4.2.1, il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala produzzjoni (tunnellati) għal kull impjegat, segwiet l-istess xejra bi tnaqqis ta’ 11 % matul l-istess perjodu.

5.4.2.5.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping li sar fil-passat

(75)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (34) li d-dumping mill-Indja kompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kien hemm probabbiltà kbira ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping mill-Indja jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(76)

Minkejja l-miżuri anti-dumping fis-seħħ mill-2009, l-industrija tal-Unjoni tilfet volum ta’ bejgħ sostanzjali li huwa rifless f’telf tas-sehem mis-suq ta’ disa’ punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għaldaqstant, ma seta’ jiġi stabbilit l-ebda rkupru sħiħ mid-dumping tal-passat u l-industrija tal-Unjoni tibqa’ vulnerabbli ħafna għall-effetti dannużi minn kwalunkwe importazzjoni ssusidjata fis-suq tal-Unjoni.

5.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

5.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(77)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Prezz unitarju medju tal-bejgħ fl-Unjoni fis-suq totali (EUR/ tunnellata)

8 483

9 578

5 870

4 682

Indiċi

100

113

69

55

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/ tunnellata)

3 696

4 685

4 864

3 556

Indiċi

100

127

132

96

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(78)

Il-prezzijiet tal-bejgħ żdiedu bejn l-2018 u l-2019 bi 13 % qabel ma naqsu b’mod qawwi fl-2020 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għal-livell ta’ 45 % anqas milli fl-2018.

(79)

Il-kost tal-produzzjoni żdied, laħaq l-ogħla punt tiegħu fl-2020 u beda jonqos matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Din ix-xejra hija dovuta għaż-żieda sostanzjali fil-prezz tal-materja prima ewlenija, jiġifieri l-kokk aċikulari. Il-prezz tal-kokk aċikulari, minħabba ż-żieda fid-domanda xprunata mill-industrija tal-batteriji tal-joni tal-litju, żdied b’mod stabbli u b’mod sinifikanti sal-2019 u beda jonqos biss mill-2020.

(80)

Meta wieħed iqis il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni nnotat li parti mill-produzzjoni tal-Unjoni (b’mod partikolari prodotta minn GrafTech Iberica u minn GrafTech France) li tirrappreżenta madwar 50 % tal-bejgħ u tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, kienet sa ċertu punt temporarjament protetta minn kompetizzjoni diretta fis-suq, filwaqt li l-parti l-oħra (iż-żewġ produtturi l-oħrajn tal-Unjoni inklużi fil-kampjun) kienet esposta direttament għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja.

(81)

Din is-sitwazzjoni kienet dovuta għall-eżistenza ta’ LTAs li jkopru l-bejgħ ta’ GES miksuba mingħand GrafTech Iberica. Dawn l-LTAs ġew konklużi wara perjodu ta’ prezzijiet għoljin aktar mis-soltu fis-snin 2017–2018. Dawn il-kuntratti huma kuntratti ta’ xiri “take or pay” b’livell ta’ provvisti ggarantiti bi prezzijiet stabbiliti u x-xerrej impenja ruħu li jixtri l-volumi miftiehma bil-prezz fiss stabbilit minn qabel, soġġett għal diversi drittijiet u obbligi kuntrattwali. Id-durata ta’ dawn il-kuntratti kienet ta’ bejn tlieta u ħames snin. Deher li porzjon kbir ħafna tal-bejgħ miksub minn GrafTech Iberica matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami sar skont dawn l-LTAs. L-investigazzjoni ma żvelatx li xi produttur ieħor tal-Unjoni kien se jkun kopert minn LTAs simili fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fid-dawl tad-durata limitata tal-LTAs, il-Kummissjoni nnotat li l-impatt tal-kuntratti huwa ta’ natura temporanja.

(82)

L-oriġini ta’ dawn l-LTAs tinstab fil-perjodu ta’ volatilità għolja tal-prezzijiet tas-snin 2017-2018 li baqgħet għaddejja sal-2019. F’dawn is-snin, il-prezzijiet globali tal-elettrodi tal-grafita żdiedu b’mod sinifikanti. Dan kien dovut għal ħafna fatturi, inkluża żieda fid-domanda globali. Ir-raġuni ewlenija għaż-żieda fid-domanda msemmija mill-industrija tal-Unjoni kienet il-bidla globali fl-industrija tal-azzar, mill-fran tal-blast għall-fran tal-ark elettriku, li jużaw l-elettrodi tal-grafita. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (79), il-kompetizzjoni l-ġdida għall-kokk aċikulari (il-materja prima ewlenija użata fil-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafita) mal-industrija tal-batteriji tal-joni tal-litju wasslet għal żieda fil-kost tal-materja prima li kkontribwixxiet għall-volatilità tal-prezzijiet. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni tal-volatilità tal-prezzijiet, il-LTAs għall-provvista tal-prodott taħt rieżami li nkiseb mingħand GrafTech Iberica ġew innegozjati b’durata ta’ bejn tlieta u ħames snin. Il-prinċipju kien li jinkisbu prezzijiet aktar stabbli bi skambju għal provvista stabbli kif mitlub mill-klijenti.

(83)

Għalhekk, bis-saħħa tal-LTAs eżistenti, il-bejgħ ta’ GrafTech Iberica seta’ jsir b’livell stabbli ta’ prezz ([25-50] % ogħla mill-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami minkejja t-tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet li minnu l-bqija tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx protetta b’LTAs. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, bħall-volumi tal-bejgħ tal-prodott taħt rieżami mhux soġġetti għal LTAs u miksubin mingħand b’mod partikolari l-volumi tal-bejgħ ta’ GraftTech kif ukoll il-bejgħ taż-żewġ produtturi l-oħrajn tal-Unjoni fil-kampjun, il-Kummissjoni stmat li l-prezz medju fis-suq mhux protett mit-termini tal-LTAs kien madwar [25–50] % anqas mill-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni fis-suq totali. Għaldaqstant, il-prezz medju tal-bejgħ tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami ma jirriflettix b’mod akkurat is-sitwazzjoni tal-prezzijiet kompetittivi fis-suq tal-Unjoni, li kien affettwat b’mod sinifikanti minn importazzjonijiet bi prezz baxx u li huma l-oġġett ta’ dumping kemm mill-Indja kif ukoll miċ-Ċina.

5.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(84)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

91 856

87 714

84 993

87 519

Indiċi

100

95

93

95

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(85)

Il-kost lavorattiv medju naqas ftit matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. B’mod ġenerali, il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat naqas b’5 %. Din ix-xejra kienet influwenzata l-aktar mit-tnaqqis limitat fiċ-ċifri tal-impjiegi kif spjegat fil-premessa (74).

5.4.3.3.   Inventarji

(86)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Inventarji

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

7 026

9 447

8 172

8 812

Indiċi

100

134

116

125

Stokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

3

4

5

4

Indiċi

100

154

178

144

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(87)

L-inventarji ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indikatur rilevanti ta’ ħsara f’dan is-settur peress li l-produzzjoni u l-bejgħ huma bbażati prinċipalment fuq ordnijiet u, għalhekk, il-produtturi għandhom it-tendenza li jżommu stokks limitati. Għalhekk, ix-xejriet fl-inventarji qegħdin jingħataw biss għall-fini ta’ informazzjoni.

(88)

B’mod ġenerali, l-inventarji kienu influwenzati mix-xejriet ta’ tnaqqis tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni żdiedu b’mod sinifikanti fl-2019 u fl-2020 (b’54 % u 78 % rispettivament) u naqsu parzjalment matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’mod ġenerali, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-istokks tal-għeluq f’tunnellati żdiedu b’25 %.

(89)

Madankollu, meta wieħed iħares lejn id-data taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li ma kkonkludewx LTAs. Matul l-istess perjodu, l-istokks tagħhom żdiedu b’[35–45] %.

5.4.3.4.   Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(90)

Il-profittabilità, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

Profittabilità, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

75

62

2

31

Indiċi

100

82

2

42

Fluss tal-flus (EUR)

659 909 270

475 537 375

120 592 009

210 732 326

Indiċi

100

72

18

32

Investimenti (EUR)

23 523 042

28 065 231

21 574 327

29 396 885

Indiċi

100

119

92

125

Redditu fuq l-investimenti (%)

722

467

35

154

Indiċi

100

65

5

21

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(91)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(92)

Wara l-investigazzjoni għar-rieżami ta’ skadenza preċedenti msemmija fil-premessa (1), fejn ġew imposti l-miżuri anti-dumping, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet u fl-2018 il-marġni ta’ profitt tagħha laħaq il-75 %, minħabba ż-żieda fil-prezzijiet imsemmija hawn fuq fit-taqsima 5.4.3.1. Madankollu, is-sitwazzjoni marret għall-agħar sussegwentement u l-marġnijiet ta’ profitt naqsu mill-2018 u laħqu l-aktar punt baxx fl-2020 (2 %) u rkupraw parzjalment fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (31 %), li jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 58 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(93)

Il-kawża għal din ix-xejra ta’ tnaqqis hija t-tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-Unjoni u fil-volum tal-bejgħ li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni b’vantaġġ għall-importazzjonijiet Indjani oġġett ta’ dumping u importazzjonijiet Ċiniżi li għamlu pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet meta daħlu fl-Unjoni u waqqgħu dawk tal-industrija tal-Unjoni u li l-parti tal-industrija tal-Unjoni mhux protetta mil-LTAs ġiet sforzata tnaqqas il-livelli tal-prezzijiet tagħha, kif spjegat hawn fuq fil-premessa(83).

(94)

Kif imsemmi hawn fuq, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, GrafTech Iberica, biegħ il-maġġoranza tal-volum tiegħu bis-saħħa tal-LTAs. Għalhekk, il-prodotti nbigħu bi prezzijiet stabbli u matul il-PIR (sal-iskadenza tal-LTAs; parti sinifikanti skadiet sa tmiem l-2021, parti oħra sa tmiem l-2022), dan il-bejgħ kien għadu meqjus parzjalment protett mill-fatturi esterni bħat-tnaqqis ġenerali fil-prezz.

(95)

Madankollu, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti għaż-żewġ produtturi l-oħrajn tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Bl-esklużjoni ta’ GrafTech Iberica l-mikroindikaturi juru stampa differenti, bil-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni tonqos minn [+70-+80] % fl-2018 għal [0-+10] % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(96)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha. Minħabba x-xejra ta’ tnaqqis fil-profitt tal-industrija tal-Unjoni, il-fluss tal-flus naqas b’68 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(97)

L-investimenti, grazzi għal fluss ta’ flus li għadu pożittiv, żdiedu b’25 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, li huwa prinċipalment dovut għall-isforzi li saru mill-industrija tal-Unjoni sabiex tissimplifika l-produzzjoni tagħha u żżid l-effiċjenza u l-produttività sabiex tiffaċċja ż-żieda fl-importazzjonijiet bi prezz baxx. Madankollu, matul l-istess perjodu, ir-redditu fuq l-investimenti, li huwa espress bħala l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti naqas b’79 % u għalhekk segwa l-istess xejra bħall-profittabbiltà.

(98)

Stampa simili għal dik spjegata hawn fuq tista’ tiġi osservata meta wieħed iħares lejn id-data taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li ma bigħux taħt LTAs matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Matul l-istess perjodu, ir-redditu fuq l-investiment u l-fluss tal-flus naqas għal 0 (+)10 %.

(99)

It-tnaqqis fil-profittabbiltà u fir-redditu fuq l-investiment se jagħmluha dejjem aktar diffiċli għall-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun sabiex jiġbru l-kapital għall-investiment futur. Hekk kif ir-redditu fuq l-investimenti naqas daqshekk malajr, il-kapaċità tal-produtturi inklużi fil-kampjun li jiġbru l-kapital fil-futur hija f’periklu akbar.

5.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(100)

L-investigazzjoni wriet li l-miżuri ppermettew lill-industrija tal-Unjoni żżomm, tal-anqas parzjalment, sehem sinifikanti mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tad-dannu wrew li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet diffiċli. Kif spjegat hawn fuq, dawn l-iżviluppi negattivi huma spjegati mit-tnaqqis fil-konsum flimkien mal-konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u mill-Indja li matul l-istess perjodu kisbu sehem mis-suq għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni li s-sehem mis-suq tagħha naqas. Is-sitwazzjoni kompliet taggrava biż-żieda qawwija tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u mill-Indja. L-industrija tal-Unjoni wieġbet għal dawn l-isfidi billi naqqset il-prezzijiet tagħha u naqqset il-profitt, li, madankollu, baqa’ pożittiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(101)

B’mod partikolari, il-produzzjoni, il-volumi tal-bejgħ u l-ishma mis-suq naqsu, kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ li kellhom effett negattiv fuq il-produttività kif ukoll fuq il-profittabbiltà. Iż-żieda fil-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping li ġejjin mill-Indja u miċ-Ċina ġiegħlet lill-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha b’effetti negattivi fuq il-profittabbiltà tagħha li naqset sostanzjalment matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-aħħar, ir-redditi, li qegħdin jonqsu b’rata mgħaġġla, fuq l-investimenti għandhom impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiġbor il-kapital u l-investimenti.

(102)

Min-naħa l-oħra, minkejja x-xejriet ta’ tnaqqis, l-industrija tal-Unjoni xorta rnexxielha żżomm volum kbir ta’ bejgħ u sehem konsiderevoli mis-suq. Bl-istess mod, minkejja x-xejra negattiva, il-profittabbiltà baqgħet pożittiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni kienet soġġetta għal xi xejriet negattivi matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni li rriżultaw f’sitwazzjoni vulnerabbli ġenerali fl-2021 iżda ma ġarrbitx dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(103)

Wara d-divulgazzjoni, il-GTI sostna li ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, wara l-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, hija waħda mill-fatturi ewlenin għat-tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(104)

Din l-affermazzjoni mhix sostnuta b’evidenza. L-aggressjoni militari u s-sitwazzjoni ġeopolitika sottostanti żviluppaw wara l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, minn Frar 2022, u għalhekk ma kellhomx influwenza fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, din l-affermazzjoni tqieset bħala bla bażi.

6.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TAD-DANNU

(105)

Fil-premessa (102), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu oriġinarjament ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(106)

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu oriġinarjament ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja, il-Kummissjoni qieset l-elementi li ġejjin: (i) il-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fl-Indja, (ii) il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Indja lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħrajn, (iii) il-miżuri eżistenti fil-pajjiżi terzi l-oħrajn, (iv) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, u, (v) il-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja u l-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

6.1.   Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva

(107)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami ta’ skadenza (25), il-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-Indja tal-GES ġiet stmata għal madwar 160 000 tunnellata, il-produzzjoni għal madwar 121 000 tunnellata u l-kapaċità ta’ riżerva għal madwar 39 000 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Il-kapaċità ta’ riżerva stmata kienet tirrappreżenta madwar 29 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(108)

Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta fit-talba (26) indikat li produttur Indjan wieħed huwa mistenni jkompli jżid il-kapaċità tiegħu b’20 000 tunnellata addizzjonali sal-bidu tal-2023, u b’hekk tiżdied il-kapaċità ta’ riżerva għal 59 000 tunnellata (43 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami). Għalhekk, il-kapaċità li jiżdiedu b’mod sinifikanti l-kwantitajiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni teżisti, b’mod partikolari għaliex ma hemmx indikazzjonijiet li s-swieq ta’ pajjiżi terzi jew is-suq domestiku jistgħu jassorbu xi produzzjoni addizzjonali.

6.2.   Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Indja lejn swieq oħrajn ta’ pajjiżi terzi

(109)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni u konsegwentement ta’ kwalunkwe sors ieħor aktar affidabbli għall-istabbiliment tal-esportazzjonijiet Indjani ta’ GES mill-Indja lejn pajjiżi terzi oħrajn għajr l-Unjoni, l-analiżi kienet ibbażata fuq id-data tal-GTA tal-kodiċi HS 8545 11. Dan il-kodiċi HS kopra madwar 82 % tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni (meta mqabbel mad-data TARIC tal-Eurostat), filwaqt li kważi l-ebda importazzjoni fl-Unjoni mill-Indja ma saret taħt il-kodiċi HS 8545 90. Għalhekk, id-data tal-GTA għall-HS 8545 11 tqieset bħala l-aktar sors affidabbli għall-analiżi tas-suq ta’ pajjiżi terzi.

(110)

Kemm GIL kif ukoll HEG, iż-żewġ produtturi magħrufa tal-GES fl-Indja, kienu nstabu li huma orjentati ħafna lejn l-esportazzjoni, u li esportaw aktar minn 60 % tal-produzzjoni tagħhom fl-2021. It-Turkija, l-Istati Uniti, l-Unjoni u l-Eġittu kienu s-swieq ewlenin tal-esportazzjoni tagħhom. B’mod ġenerali, il-volumi tal-esportazzjoni madwar id-dinja mill-Indja naqsu b’14 % mill-2018 sal-PIR, filwaqt li żdiedu b’16 % għall-aqwa tliet swieq tal-esportazzjoni (it-Turkija, l-Istati Uniti u l-Eġittu).

(111)

L-analiżi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-aqwa għaxar pajjiżi tal-esportazzjoni tal-Indja matul il-PIR indikat li l-prezz tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Indja FOB (EUR 2 727/tunnellata) kien ogħla mill-Eġittu, mill-Korea t’Isfel, mill-Afrika t’Isfel, mill-Messiku u mill-Emirati Għarab Magħquda, filwaqt li kien aktar baxx mit-Turkija, mill-Istati Uniti, mill-Arabja Sawdija u mill-Indoneżja. Madankollu, minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li qiegħda tiffaċċja l-industrija tal-Indja, kif spjegat hawn taħt fit-taqsima 6.3, u filwaqt li titqies il-kapaċità ta’ riżerva kurrenti tal-Indja, tqies li, l-esportaturi Indjani jkollhom inċentiv li jittrasferixxu kwantitajiet sinifikanti ta’ esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn is-suq tal-Unjoni, li huwa aktar attraenti, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

6.3.   Miżuri eżistenti fil-pajjiżi terzi l-oħrajn

(112)

Wara s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Iran f’Awwissu 2018, l-Indja tilfet l-akbar destinazzjoni ta’ esportazzjoni tagħha għal GES (27). Qabel is-sanzjonijiet, l-Iran kien fost l-ewwel tliet destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ GES għall-Indja b’volumi ta’ esportazzjoni ta’ madwar 9 000 tunnellata/sena. Fl-2019, wara s-sanzjonijiet, il-volumi tal-esportazzjoni mill-Indja lejn l-Iran naqsu għal kważi żero tunnellati u baqgħu hekk fis-snin ta’ wara.

(113)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ekonomika Ewrasjatika estendiet il-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ GES mill-Indja sa Settembru 2023 bir-rata ta’ 16,04 % għal HEG u ta’ 32,83 % għal GIL u manifatturi Indjani oħrajn. Il-Federazzjoni Russa, waħda mill-membri tal-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika, kienet konsumatur importanti ta’ GES bil-produzzjoni tal-fran tal-azzar b’ark elettriku annwali tagħha li ammontat għal 24 miljun tunnellata fl-2019. L-esportazzjonijiet ta’ GES tal-Indja lejn ir-Russja naqsu minn madwar 840 tunnellata fl-2018 għal żero tunnellati fl-2020 u fl-2021. Għalhekk, bil-kapaċità ta’ riżerva diġà disponibbli, dan se jirrestrinġi s-swieq tal-esportazzjoni potenzjalment disponibbli għall-produtturi Indjani, u jżid saħansitra aktar l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

6.4.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(114)

L-attraenza tas-suq tal-Unjoni ntweriet mill-fatt li minkejja d-dazji anti-dumping u kumpensatorji fis-seħħ, il-GES mill-Indja baqa’ jidħol fis-suq tal-Unjoni. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-Indja baqgħet it-tieni l-akbar pajjiż esportatur għall-Unjoni wara ċ-Ċina. Minkejja tnaqqis bejn l-2019 u l-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-Indja żammet u żiedet l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-Unjoni, bejn 5 800 tunnellata fl-2018 sa 6 500 tunnellata fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, u l-ishma mis-suq, bejn 4 % fl-2018 u 5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan huwa fl-istess firxa tal-volumi tal-esportazzjoni u tal-ishma mis-suq osservati fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami taż-żewġ rieżamijiet ta’ skadenza preċedenti. Kif previst fil-premessa (51), il-prezz tal-esportazzjoni Indjan lejn l-Unjoni kien qed iwaqqa’ b’mod sinifikanti l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(115)

Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ HEG, il-produttur iqis lill-Unjoni suq importanti tal-esportazzjoni biex iżid il-preżenza tagħhom jekk jitneħħew il-miżuri anti-dumping/ta’ sussidju (28).

6.5.   Il-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja u l-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jekk il-miżuri jiskadu.

(116)

Sabiex tivvaluta l-impatt tal-importazzjonijiet futuri fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li l-livelli tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Indjani mingħajr dazji anti-dumping ikunu indikatur raġonevoli tal-livelli futuri tal-prezzijiet għas-suq tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, kif stabbilit fil-premessa (51), il-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezz għall-prodott taħt rieżami nstab li kien ta’ 33,2 %, u għalhekk huwa meqjus bħala l-aħjar indikatur tal-livelli probabbli tal-prezzijiet fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping.

(117)

Minħabba l-użu intensiv u s-sostituzzjoni rapida tiegħu, l-utenti tal-prodott taħt rieżami għandhom it-tendenza jżommu ħażniet sostanzjali bħala komoditajiet. Għalhekk, il-prodott taħt rieżami huwa sensittiv għall-prezzijiet. Żieda fl-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi ġġiegħel lill-industrija tal-Unjoni tkompli tnaqqas il-prezzijiet tagħhom hekk kif diġà sar sabiex tikkompeti mal-importazzjonijiet mill-Indja u miċ-Ċina, kif spjegat hawn fuq fit-taqsima 5.4.3.1.

(118)

Barra minn hekk, minn April 2022 l-importazzjonijiet ta’ ċerti GES miċ-Ċina huma soġġetti għad-dazju anti-dumping imsemmi fil-premessa (58). L-ambitu tal-prodott ikkonċernat minn dawn id-dazji jkopri, fil-biċċa l-kbira, l-ambitu tal-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni, jiġifieri l-kodiċi TARIC 8545110010. Għalhekk huwa mistenni li s-sehem mis-suq Ċiniż se jonqos (minn 20 %, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami). Dan se jkompli jżid l-attraenza tas-suq tal-Unjoni għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping/sussidjati mill-Indja. Biż-żieda kurrenti jew saħansitra bi probabbiltà ta’ żieda fil-kapaċità ta’ riżerva msemmija hawn fuq fil-premessa (108), u mingħajr il-kompetizzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, hemm probabbiltà kbira li l-produtturi esportaturi Indjani jżidu b’mod sinifikanti l-importazzjonijiet tagħhom tal-prodott taħt rieżami lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(119)

Barra minn hekk, kif spjegat hawn fuq fil-premessi(81) sa (83), is-sitwazzjoni kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni hija affettwata mis-sitwazzjoni partikolari imma temporanja ta’ GrafTech Iberica. L-LTAs waslu biex jintemmu (fil-biċċa l-kbira l-LTAs fis-seħħ diġà skadew fl-2022). Xi wħud mil-LTAs eżistenti miksuba mingħand GrafTech Iberica ġew estiżi għal sena jew sentejn wara l-2022. Madankollu, l-LTAs estiżi koprew biss parti żgħira mill-bejgħ totali miksub mingħand GrafTech Iberica. Anke jekk jiġu inklużi l-LTAs estiżi, il-maġġoranza l-kbira tal-volum tal-bejgħ miksuba mingħand GrafTech Iberica, fi tmiem l-2023 mhux se tibqa’ koperta mil-LTAs attwali. Dan il-proporzjon se jkompli jiżdied fi tmiem l-2024. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-prodotti miksuba mingħand GrafTech Iberica matul il-PIR naqsu meta mqabbla mal-2020 (anke jekk ikun inkluż il-bejgħ taħt l-LTAs), li indika li GrafTech Iberica kienet affettwata mill-importazzjonijiet tal-elettrodi tal-grafita mill-Indja u miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi. Għalhekk, sa tmiem l-2023 l-aktar tard, GrafTech Iberica se tkun fl-istess sitwazzjoni bħall-produtturi l-oħrajn u se tkun esposta bis-sħiħ għall-impatt ta’ żieda fil-volumi ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u ssussidjati mill-Indja. Dan ifisser li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tkompli tiddeterjora jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(120)

B’telf ta’ profittabbiltà, l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ twettaq l-investimenti meħtieġa. Fl-aħħar mill-aħħar, dan iwassal ukoll għal telf ta’ impjiegi u riskju ta’ għeluq ta’ linji tal-produzzjoni.

(121)

Wara d-divulgazzjoni, il-GTI argumenta li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu f’dan il-każ, primarjament minħabba li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni huwa biss ta’ 5 % u li kwalunkwe dannu lill-industrija tal-Unjoni huwa minħabba l-importazzjonijiet miċ-Ċina u mhux l-importazzjonijiet mill-Indja. Barra minn hekk, il-GTI argumenta li l-prezzijiet baxxi tal-importazzjoni mill-Indja huma reazzjoni għall-importazzjonijiet bi prezz baxx miċ-Ċina.

(122)

Meta stabbiliet jekk hemmx probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu oriġinarjament ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja, kif spjegat fil-premessa (106), il-Kummissjoni qieset diversi elementi bħall-volum tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fl-Indja, il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Indja lejn is-swieq ta’ pajjiżi terzi oħra, il-miżuri eżistenti fil-pajjiżi terzi l-oħra, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, u l-livelli probabbli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja u l-impatt tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Fil-kummenti tiegħu, il-GTI ma kkontesta l-analiżi jew il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-ebda minn dawn l-elementi għajr dak indirizzat fil-premessa (125). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerixxa l-GTI fil-kummenti tiegħu, il-Kummissjoni ma bbażatx is-sejba tagħha fir-rigward tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu fuq is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-GES mill-Indja lejn l-Unjoni osservati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(123)

L-affermazzjoni kienet għalhekk miċħuda.

(124)

Barra minn hekk, il-GTI ddikjara li s-suq tal-Unjoni mhuwiex suq attraenti fil-prezz għall-produtturi esportaturi Indjani peress li l-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni huma aktar baxxi mill-prezz tal-esportazzjoni tal-GES lejn pajjiżi terzi oħra.

(125)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa (111) ta’ hawn fuq, li l-prezzijiet tal-esportazzjoni Indjani lejn xi pajjiżi terzi huma ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Madankollu, il-prezzijiet lejn xi swieq oħra tal-esportazzjoni, li huma importanti għall-produtturi esportaturi Indjani, huma aktar baxxi mill-prezzijiet lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fit-taqsimiet 6.1 sa 6.5 hawn fuq, l-esportazzjonijiet Indjani kisbu sehem mis-suq fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-affermazzjoni ma kinitx fondata.

6.6.   Konklużjoni

(126)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskadenza tal-miżuri wisq probabbli se tirriżulta f’żieda sinifikanti ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-Indja bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk tkompli taggrava s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni. Huwa probabbli ħafna li dan iwassal għal rikorrenza ta’ dannu materjali u b’konsegwenza ta’ dan, il-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tkun f’riskju serju.

7.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(127)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, tad-distributuri u tal-utenti.

(128)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(129)

L-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn ħames gruppi li jipproduċu l-elettrodi tal-grafita fl-Unjoni. Il-gruppi kollha kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa (14), il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni li provdew tweġiba għall-kwestjonarju. Il-kampjun tqies li kien rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni.

(130)

Kif huwa stabbilit hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni iżda tinsab f’sitwazzjoni fraġli, kif huwa konfermat mix-xejriet negattivi tal-indikaturi tad-dannu. It-tneħħija tad-dazji anti-dumping twassal għal rikorrenza probabbli ta’ ħsara materjali li tiġi kkonkretizzata f’telf fil-volum tal-bejgħ u tal-produzzjoni, kif ukoll f’sehem mis-suq li jwassal għal telf fil-profittabbiltà u fl-impjiegi.

(131)

Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-Unjoni wriet li hija industrija vijabbli. Wara l-aħħar rieżami ta’ skadenza, hija rnexxielha ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha fil-kundizzjonijiet ġusti fis-suq tal-Unjoni, tinvesti u topera bi profitt ogħla mill-profitt fil-mira stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Il-kontinwazzjoni tal-miżuri tipprevjeni l-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-Indja milli jimlew is-suq tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti lill-industrija tal-Unjoni żżomm prezzijiet sostenibbli u livelli ta’ profittabbiltà meħtieġa għal investimenti futuri.

(132)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni b’hekk ikkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri anti-dumping hija fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

7.2.   L-interess ta’ importaturi, negozjanti u utenti mhux relatati

(133)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-importaturi, lin-negozjanti u lill-utenti mhux relatati magħrufa kollha. L-ebda parti interessata ma ppreżentat ruħha.

(134)

Minħabba li l-ebda importatur, negozjant jew utent ma kkoopera, ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar l-impatt tad-dazji fuq dawn il-partijiet. Madankollu, l-investigazzjoni oriġinali żvelat li kwalunkwe impatt fuq partijiet interessati oħrajn ma kienx tali li l-miżuri kellhom jitqiesu li huma kontra l-interess tal-Unjoni u bl-istess mod, l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti stabbiliet li ż-żamma tal-miżuri ma jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn il-partijiet.

(135)

Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri kumpensatorji fis-seħħ ma jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi, in-negozjanti jew l-utenti.

(136)

Wara d-divulgazzjoni, il-GTI sostna li ż-żamma tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ mhijiex fl-interess tal-Unjoni. Il-GTI argumenta li l-fatt li l-bejgħ miksub mingħand GrafTech Iberica sar skont LTA wassal għal prezz tal-bejgħ artifiċjalment għoli u mhux kompetittiv li mhuwiex indikattiv tal-prezz tas-suq tal-GES fl-Unjoni. Il-konsegwenzi ta’ dan il-bejgħ bi prezz artifiċjalment għoli jiġu ffaċċjati mill-utenti downstream fl-Unjoni.

(137)

Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (53), l-LTAs huma prattika kummerċjali li mhux rari tintuża fil-prassi kummerċjali fejn iż-żewġ partijiet jaqblu dwar it-termini peress li jassumu li se jkunu ta’ benefiċċju. Għalhekk, fil-fehma tal-Kummissjoni l-LTAs u l-prezzijiet li jirriżultaw ma jistgħux jitqiesu bħala antikompetittivi. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (119) sa tmiem l-2023, il-maġġoranza tal-LTAs iffirmati minn GrafTech Iberica se jintemmu u GrafTech Iberica se tkun fl-istess sitwazzjoni bħall-produtturi l-oħra u se tkun esposta bis-sħiħ għall-impatt tal-volumi dejjem akbar ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja.

(138)

Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

(139)

Barra minn hekk, il-GTI argumenta li l-kontinwazzjoni tad-dazji ma tkunx fl-interess tal-Unjoni peress li l-impatt ta’ dawn id-dazji se jingħadda fuq il-klijenti.

(140)

Dan l-argument tqies bħala bla bażi. L-interess tal-utenti ġie vvalutat, mill-Kummissjoni, fil-premessi (134) u (135) u ġie konkluż li ż-żamma tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ ma jkollha l-ebda effett negattiv sinifikanti fuq l-utenti.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(141)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti tal-interess tal-Unjoni kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-Indja.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(142)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping mill-Indja, il-possibbiltà tar-rikorrenza tad-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet iddumpjati mill-Indja, u l-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni ssib li jenħtieġ li jinżammu l-miżuri kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja.

(143)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkollhomx dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(144)

Waqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija neċessarja biex l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru japplikaw ir-rati individwali tad-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet, din il-fattura mhijiex l-unika element li jrid jiġi kkunsidrat mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anki jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jitolbu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport marittimu, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw il-preċiżjoni tad-dettalji fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti ta’ rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(145)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkustanzi bħal dawn u dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. L-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa li titneħħa/jitneħħew r-rata/i individwali tad-dazju u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(146)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-Indja u li jiġi mmanifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mmanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rati individwali ta’ dazju anti-dumping.

(147)

Kumpanija tista’ titlob li jiġu applikati dawn ir-rati ta’ dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (29). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(148)

Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Ingħataw ukoll perjodu biex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Ma wasal l-ebda kumment.

(149)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), meta ammont għandu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rata tal-imgħax li trid titħallas jenħtieġ li tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(150)

Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv għalhekk huwa impost fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafita tat-tip użat għal fran tal-elettriku, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μ.Ω.m jew anqas, u konnetturi użati għal dawn l-elettrodi, kemm jekk importati flimkien kif ukoll jekk b’mod separat, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8545 11 00 u ex 8545 90 90 (kodiċijiet TARIC 8545110010 u 8545909010) u li joriġinaw mill-Indja.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

Kumpanija

Dazju anti-dumping

Kodiċi addizzjonali TARIC

Graphite India Limited (GIL), 31 Chowringhee Road, Kolkatta - 700016, West Bengal

9,4

A530

HEG Limited, Bhilwara Towers, A-12, Sector-1, Noida — 201301, Uttar Pradesh

0

A531

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

8,5

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz il-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fl-Indja. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1629/2004 tat-13 ta’ Settembru 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, 18.9.2004, p. 10).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 tat-13 ta' Settembru 2004 li jimponi taxxa kompensatorja definittiva u li jiġbor definittivament it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjoni ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, 18.9.2004, p. 4).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1628/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 24).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1186/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 16.12.2010, p. 17).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1185/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 332, 16.12.2010, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/422 tad-9 ta' Marzu 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 64, 10.03.2017. p. 46).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/421 tad-9 ta' Marzu 2017 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti sistemi ta' elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 64, 10.3.2017. p. 10).

(9)   ĠU C 226, 14.6.2021, p. 3.

(10)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja, ĠU C 113, 9.3.2022, p. 3.

(11)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antisussidji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja, ĠU C 113, 9.3.2022, p. 13.

(12)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

(13)  https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2585.

(14)  https://www.gtis.com/gta/

(15)  https://www.mordorintelligence.com/

(16)  https://reports.valuates.com/

(17)  Fornitur tad-data tas-suq għall-produtturi tal-azzar u għall-utenti tal-azzar: https://www.steelmint.com/intel/india-graphite-electrode-prices-inch-up-6-for-oct-dec-21-quarter-8571 u https://twitter.com/SteelMint/status/1400101045217357835, l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku tikkonsisti f’ċarts li jipprovdu prezzijiet tal-bejgħ domestiku fix-xahar għall-GES fl-Indja; madankollu, il-Kummissjoni setgħet biss testima dawn il-prezzijiet u mhux tiddefinihom b’mod preċiż.

(18)  Il-prezz tal-importazzjoni mingħajr id-dazji doganali u AD/AS. Sors: Comext.

(19)  Sett ta’ data: Kostijiet tat-trasport internazzjonali u tal-assigurazzjoni tal-kummerċ tal-merkanzija — OECD.

(20)  Il-volum tal-produzzjoni huwa bbażat fuq id-data tal-EU-27 peress li r-Renju Unit ma baqax jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Frar 2020 u l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-ħruġ tar-Renju Unit intemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(21)  Il-konsum huwa bbażat fuq data tal-EU-27, minbarra data relatata mar-Renju Unit.

(22)  Il-prezz tal-importazzjoni mingħajr id-dazji doganali u AD/AS. Sors: Eurostat.

(23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/558 tas-6 ta’ April 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 108, 7.04.2022, p. 20).

(24)  Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament Ċiniż huwa kemxejn differenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li ma jinkludix il-konnetturi u jinkludi wkoll elettrodi tal-grafita ta’ tip użat għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar iżda ta’ anqas minn 1,65 g/cm3 u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μΩ.m jew anqas, jew b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u reżistenza elettrika ta’ aktar minn 6,0 μΩ.m iżda ta’ mhux aktar minn 7,0 μΩ.m, (kodiċijiet TARIC 8545110010 u 8545110015).

(25)  Ir-Rapport annwali disponibbli għall-pubbliku ta’ HEG fl-2021 u Preżentazzjoni Korporattiva ta’ GIL tal-2021.

(26)  Ir-Rapport Annwali ta’ HEG 2021, p. 2, 11.

(27)  Kumpaniji mhux tal-Istati Uniti ma jistgħux jibqgħu jużaw id-dollaru Amerikan għal tranżazzjonijiet mal-Iran. Barra minn hekk, jekk jiġu ssanzjonati għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti, dan jista’ jirriżulta f’li kumpaniji barranin ma jitħallewx jiftħu kontijiet bankarji ġodda tal-Istati Uniti u jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq self, liċenzji u kreditu Ex-Im.

(28)  It-Traskrizzjoni ta’ Konferenza Telefonika tal-2021 ta’ HEG, disponibbli pubblikament, ipprovduta mill-applikanti. https://hegltd.com/wp-content/uploads/2021/06/ConferenceCallTranscript08062021.pdf;

(29)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate G, Rue de la Loi 170, 1040 Brussels, Belgium.

(30)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).