IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.8.2020
COM(2020) 355 final
2020/0163(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
{SWD(2020) 154 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.8.2020
COM(2020) 355 final
2020/0163(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
{SWD(2020) 154 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li japplika għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, u li jinkludu l-Gżejjer Kanarji, fil-prinċipju ma jawtorizza l-ebda differenza bejn it-tassazzjoni ta’ prodotti lokali u t-tassazzjoni ta’ prodotti minn Spanja jew minn Stati Membri oħra. L-Artikolu 349 tat-TFUE jippermetti li jittieħdu miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE peress li jagħraf li r-restrizzjonijiet permanenti u kkombinati jrażżnu bil-kbir l-iżvilupp tagħhom u jaffettwaw il-qagħda ekonomika u soċjali tagħhom.
Il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill attwali Nru 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 1 . Din id-Deċiżjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, tawtorizza lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2020, tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre Importaciones y Entregas de Mercancías en las Islas Canarias” (minn hawn ’il quddiem “AIEM”) jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji.
L-AIEM hija taxxa indiretta imposta mill-Istat fi stadju wieħed fuq il-provvisti ta’ oġġetti fil-Gżejjer Kanarji. Il-miżuri speċifiċi koperti mid-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE jistabbilixxu forma ta’ tassazzjoni differenzjata, li tibbenefika l-produzzjoni lokali ta’ ċerti prodotti. Dan il-benefiċċju tat-taxxa jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, attwalment implimentata mill-awtoritajiet Spanjoli taħt it-taqsima tal-għajnuna reġjonali tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa 2 .
L-objettiv ta’ din il-miżura hija li tikkumpensa lill-produtturi fil-Gżejjer Kanarji għar-restrizzjonijiet permanenti relatati mal-iżolament, il-materja prima u d-dipendenza enerġetika, l-obbligu li jinbnew ħażniet, id-daqs żgħir tas-suq lokali u l-livell baxx tal-attività ta’ esportazzjoni. Il-kombinazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet tfisser li l-kostijiet tal-produzzjoni, u b’hekk il-prezz tal-kost ta’ oġġetti prodotti lokalment, huma ogħla, u għalhekk mingħajr miżuri speċifiċi, il-produtturi lokali jkunu inqas kompetittivi mill-produtturi tal-Ewropa kontinentali, anke jekk jitqies il-kost biex dawn l-oġġetti jiġu ttrasportati lejn il-Gżejjer Kanarji. Dan se jagħmilha aktar diffiċli biex tinżamm il-produzzjoni lokali. Il-miżuri speċifiċi huma maħsuba biex isaħħu l-industriji lokali billi jikkumpensawhom għall-kostijiet addizzjonali tagħhom, u b’hekk joħolqu kundizzjonijiet ekwi.
Fl-24 ta’ April 2019, Spanja ressqet talba lill-Kummissjoni biex testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE.
Fir-rigward tat-talba biex jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 377/2014/UE, il-Kummissjoni nediet studju estern sabiex tivvaluta r-reġim attwali kif ukoll l-impatti potenzjali tal-għażliet possibbli għall-perjodu ta’ wara l-2020, inkluż l-għażla li fuqha hija mibnija din il-proposta. Abbażi ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni tqis li huwa ġġustifikat li tingħata l-estensjoni mitluba, b’xi emendi għar-reġim eżistenti.
Għalhekk, din il-proposta tinvolvi l-istabbiliment tal-qafas legali għall-AIEM mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2027, bir-reviżjonijiet tal-arranġamenti attwali mmirati biex jagħmlu r-reġim aktar flessibbli u trasparenti.
L-emendi proposti, meta mqabbla mar-reġim attwali, huma kif ġej:
(a)Reviżjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-prodotti eliġibbli.
Ir-reġim rivedut jipproponi metodu ġdid użat għall-identifikazzjoni tal-prodotti appoġġati permezz tar-reġim tat-taxxa speċjali. Minflok l-approċċ attwali fejn kull prodott speċifiku huwa espliċitament identifikat fid-Deċiżjoni (abbażi ta’ kodiċi li jvarja minn CN4 għal TARIC10), id-Deċiżjoni proposta tindika biss il-kategoriji ta’ prodotti eliġibbli (CN4), filwaqt li prodotti speċifiċi (CN8 jew ogħla) huma dettaljati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-oqfsa legali u amministrattivi tagħhom.
L-awtoritajiet Spanjoli talbu li 99 kategorija ta’ prodotti tal-Intestaturi tas-Sistema Armonizzata (HS) 3 , skont l-erba’ ċifri tan-Nomenklatura Magħquda, jenħtieġ li jibbenefikaw minn din il-miżura. Il-Kummissjoni taqbel mal-lista fl-Anness I peress li dawn il-kategoriji ta’ prodotti jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà.
Il-prodotti jintgħażlu abbażi tal-kriterji li ġejjin:
–li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %;
–li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %; u
–li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-prezz tal-kost tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
Il-limiti tas-sehem fis-suq jistgħu jiġu derogati f’ċirkostanzi debitament iġġustifikati, li jinkludu produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema; produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali; produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi; produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati; produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa.
(b)Reviżjoni tal-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit id-differenzjal massimu permess.
Ir-reġim rivedut għandu l-għan li jissimplifika l-arranġamenti dwar l-istabbiliment ta’ differenzjal tat-taxxa, is-sostituzzjoni tal-erba’ listi ta’ prodotti differenti attwali b’lista waħda biss b’limitu massimu permess uniku ta’ 15 % bħala d-differenzjal massimu permess għall-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni l-ġdida.
L-awtoritajiet Spanjoli se jiddeċiedu liema se jkun il-persentaġġ xieraq għal kull prodott u se jipprovdu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kunsill. Madankollu, jenħtieġ li japplika l-limitu kwantitattiv ta’ EUR 150 miljun kull sena ta’ dħul mitluf, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.
Din il-lista ta’ prodotti u d-differenzjal massimu permess jindirizzaw l-objettiv tal-Artikolu 349 tat-TFUE li jiġu adottati miżuri speċifiċi biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-Gżejjer Kanarji bħala reġjun ultraperiferiku tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin, ma ssirx distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod li jista’ jiġi pperikolat is-suq intern.
(c)Arranġamenti ta’ monitoraġġ riveduti.
L-għan ta' din il-proposta huwa wkoll li tnaqqas il-piż ta’ valutazzjoni mill-ġdid frekwenti u li ttejjeb l-utilità u l-effettività tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Għalhekk, tippreżenta struttura standardizzata għar-rappurtar ibbażata fuq sett armonizzat ta’ indikaturi komuni għar-reġjuni ultraperiferiċi kollha tal-UE li jibbenefikaw minn reġim tat-taxxa speċjali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Il-Komunikazzjoni tal-2017 dwar “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE” 4 tinnota li r-reġjuni ultraperiferiċi għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi serji, li ħafna minnhom huma permanenti. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-approċċ tal-Kummissjoni f’termini ta’ appoġġ lil dawn ir-reġjuni biex jibnu fuq l-assi uniċi tagħhom u ta’ identifikazzjoni ta’ setturi ġodda li jippermettu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.
F’dan il-kuntest, l-għan ta’ din il-proposta huwa li tappoġġa lir-reġjun ultraperiferiku ta’ Spanja biex jibni fuq l-assi tiegħu sabiex jippermetti t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fis-settur lokali. Din il-proposta tissupplimenta l-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI) 5 , li jimmira lejn l-appoġġ għas-settur primarju u l-produzzjoni ta’ materja prima, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) 6 u l-finanzjament tal-Allokazzjoni Addizzjonali Speċifika tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) 7 .
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għas-Suq Uniku tal-2015 8 , fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li twassal Suq Uniku aktar profond u aktar ġust li jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet ikkonċernati kollha. Wieħed mill-objettivi tal-miżura proposta huwa li jittaffew il-kostijiet addizzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom il-kumpaniji fir-reġjuni ultraperiferiċi u li jxekklu s-sehem bis-sħiħ tagħhom fis-Suq Uniku. Minħabba l-volumi limitati ta’ produzzjoni involuti u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-AIEM fuq il-Gżejjer Kanarji biss, ma hu previst l-ebda impatt negattiv fuq il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 349 tat-TFUE. Dan il-provvediment jippermetti lill-Kunsill jadotta dispożizzjonijiet speċifiċi li jaġġustaw l-applikazzjoni tat-Trattati għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)
Abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, il-Kunsill biss huwa awtorizzat li jadotta miżuri speċifiċi għall-aġġustament tal-applikazzjoni tat-Trattati favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, inkluż il-politiki komuni, minħabba r-restrizzjonijiet permanenti li jaffettwaw il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ dawk ir-reġjuni. Dan jgħodd ukoll għall-awtorizzazzjoni ta’ derogi tal-Artikolu 110 tat-TFUE. Għaldaqstant, il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet involuti u, b’dak il-mod, biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattat sabiex jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem b’mod tajjeb u effettiv.
•L-għażla tal-istrument
Deċiżjoni tal-Kunsill hija proposta biex tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 377/2014/UE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet “ex post”/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim AIEM jindirizza b’mod sodisfaċenti l-ħtiġijiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Ir-raġunament tar-reġim speċjali AIEM huwa li jappoġġa l-prodotti lokali billi jnaqqas id-distakk fil-kompetittività tal-prodotti lokali meta mqabbla mal-oġġetti prodotti barra mill-gżejjer ikkawżat minn kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni b'riżultat tar-restrizzjonijiet permanenti li jaffettwaw lill-Gżejjer Kanarji. Ir-reġim AIEM jikkumpensa biss għal parti mill-kostijiet addizzjonali stmati. Bħala medja, ir-rata mnaqqsa tindirizza madwar kwart tal-kostijiet addizzjonali, iżda f’termini monetarji, il-kumpens totali – imkejjel b’rabta mat-taxxa totali imposta fuq l-importazzjonijiet – jammonta biss għal 14 % tal-kostijiet addizzjonali ġenerali. F’dan is-sens, l-AIEM itaffi primarjament tnaqqis fl-industrija lokali fil-Gżejjer Kanarji minflok jgħin bis-sħiħ l-iżvilupp u t-tkabbir.
Ir-riżultati tal-analiżi tad-data kwantitattiva tal-istudju estern jissuġġerixxu li, fin-nuqqas tal-appoġġ tal-AIEM, il-prestazzjoni tas-setturi tal-produzzjoni lokali kienet tkun ferm agħar. Madwar terz tal-valur tal-prodotti appoġġati mill-AIEM (madwar EUR 570 miljun) teoretikament kien permess mill-mekkaniżmu tad-differenzjal tat-taxxa, b’effetti pożittivi fuq l-impjiegi – li rreġistra żieda ta’ kważi 2 000 unità fis-setturi tal-AIEM mill-2014 – u fuq l-għadd ta’ intrapriżi attivi, li kiber b’madwar 300 unità fl-istess perjodu. Ma hemm l-ebda evidenza ta’ benefiċċji fuq il-valur totali tal-investimenti u fuq id-diversifikazzjoni tal-produzzjonijiet. F’termini ta’ effiċjenza, il-prestazzjoni tar-reġim speċjali hija ġeneralment pożittiva bi proporzjon ta’ kważi 1:3 bejn il-“kost” tal-miżura (id-dħul mitluf mit-taxxa) u l-produzzjoni lokali addizzjonali li possibbilment tippermetti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
B’mod ġenerali, ġew intervistati madwar 120 parti kkonċernata bħala parti mill-istudju estern li jappoġġa l-analiżi tar-reġim attwali. Il-programm ta’ intervisti involva lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u lir-rappreżentanti ta’ Spanja.
Għal din il-konsultazzjoni, ingħatat attenzjoni biex tiġi żgurata kopertura xierqa tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u bilanċ bejniethom, inklużi kemm ir-rappreżentanti tas-setturi produttivi lokali - jiġifieri l-benefiċjarji tar-reġimi speċjali - u s-setturi tal-kummerċ u s-servizzi li huma affettwati direttament jew indirettament minnhom.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din l-inizjattiva tħejjiet bħala eżerċizzju "back-to-back": evalwazzjoni ex-post tar-reġim attwali segwita mill-qrib minn valutazzjoni progressiva. Valutazzjoni bħal din, tal-impatti potenzjali tat-tkomplija u possibbilment tat-tibdil tar-reġim eżistenti, ġiet stabbilita f’dokument analitiku, inkluż anness ta’ evalwazzjoni. Dan id-dokument jissejjes fuq studju estern u fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-funzjonament tad-deroga se jkun ir-rwol tal-awtoritajiet Spanjoli u tal-Kummissjoni, kif kien sal-ġurnata tal-lum.
L-awtoritajiet Spanjoli sejrin jintalbu jissottomettu rapport sat-30 ta’ Settembru 2025 għall-perjodu mill-2019 sal-2024. Dan ir-rapport se jinkludi dan li ġej: informazzjoni dwar il-kostijiet addizzjonali involuti fil-produzzjoni; id-distorsjonijiet ekonomiċi u l-impatti fuq is-suq; informazzjoni għall-evalwazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza mal-politiki l-oħrajn tal-UE; kif ukoll informazzjoni dwar ir-rilevanza kontinwata u l-valur miżjud tal-UE tal-leġiżlazzjoni.
L-eżerċizzju ta’ rapportar jenħtieġ li jfittex ukoll li jiġbor kontribut mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-rigward tal-livell u tal-evoluzzjoni tal-kostijiet addizzjonali tal-produzzjoni tagħhom, il-kostijiet tal-konformità tagħhom u kwalunkwe każ ta’ distorsjoni tas-suq.
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet Spanjoli jkun fiha d-data meħtieġa biex il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni infurmata dwar il-validità u l-vijabbiltà tal-iskema fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tfassal linji gwida speċifiċi dwar l-informazzjoni meħtieġa. Linji gwida bħal dawn se jkunu, sa fejn ikun possibbli, komuni għal skemi simili oħrajn għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, regolati minn leġiżlazzjoni simili.
Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din id-deroga għadhomx jeżistu, jekk il-vantaġġ fiskali mogħti minn Spanja għadux proporzjonat u jekk miżuri alternattivi għal sistema ta’ deroga għat-taxxa humiex possibbli, filwaqt li titqies id-dimensjoni internazzjonali tagħhom.
L-istruttura u d-data meħtieġa fir-rapport ta’ monitoraġġ huma annessi mal-proposta fl-Anness II. Meta l-awtoritajiet Spanjoli jissottomettu r-rapport ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni tevalwa l-effetti tar-rati differenzjati u tivvaluta l-ħtieġa għal bidliet.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-parti mhijiex applikabbli peress li l-artikoli huma evidenti.
2020/0163 (CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar it-taxxa AIEM applikabbli fil-Gżejjer Kanarji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,
Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, il-Kunsill, filwaqt li jqis ir-restrizzjonijiet strutturali soċjali u ekonomiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, inkluż il-periferiċità, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli u d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, għandu jadotta miżuri speċifiċi mmirati, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni, inkluż il-politiki komuni.
(2)Għalhekk jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-Trattat għal dawk ir-reġjuni. Dawn iridu jqisu l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali ta’ dawn ir-reġjuni, bla preġudizzju għall-integrità u l-koerenza tal-ordni ġuridiku tal-Komunità, inkluż is-suq intern u l-politiki komuni.
(3)Id-dipendenza ekonomika tal-Gżejjer Kanarji fuq is-settur tas-servizzi u b’mod partikolari fuq it-turiżmu kif imkejjel fis-sehem tal-PDG tar-reġjun relatat ma’ dan is-settur, tikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti. Dan is-settur għandu rwol ferm akbar fl-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji mis-settur tal-industrija.
(4)L-iżolament u l-insularità inerenti f’arċipelagu jfixklu l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi u huma t-tieni l-akbar restrizzjoni li qed jiffaċċjaw il-Gżejjer Kanarji. Il-post fejn jinsabu l-gżejjer iżid id-dipendenza tagħhom fuq it-trasport bl-ajru u fuq it-trasport marittimu. It-trasport lejn, minn u fuq dawk il-gżejjer imbiegħda u insulari jkompli jżid il-kostijiet tal-produzzjoni għall-industriji lokali. Il-kostijiet tal-produzzjoni huma akbar minħabba li dawn il-modi ta’ trasport huma inqas effiċjenti u jiġu jiswew iktar flus milli bit-triq jew bil-ferrovija.
(5)Bħala konsegwenza ulterjuri ta’ dan l-iżolament, kostijiet ogħla tal-produzzjoni jirriżultaw mid-dipendenza tal-gżejjer fuq l-importazzjoni ta’ materja prima u tal-enerġija, l-obbligu li jiġu akkumulati ħażniet u diffikultajiet li jaffettwaw il-forniment ta’ tagħmir ta’ produzzjoni.
(6)Id-daqs żgħir tas-suq u l-livell baxx ta’ attività ta’ esportazzjoni, il-frammentazzjoni ġeografika tal-arċipelagu, u l-obbligu li jinżammu linji ta’ produzzjoni diversifikati iżda żgħar sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ suq żgħir, jillimitaw l-opportunitajiet għal ekonomiji ta’ skala.
(7)F’ħafna każijiet huwa aktar diffiċli jew aktar għali fil-Gżejjer Kanarji biex tikseb servizzi speċjalizzati u ta’ manutenzjoni, u taħriġ għal maniġers u tekniċi, jew li tissottokuntratta jew tippromwovi l-espansjoni ta’ negozju lil hinn mis-suq reġjonali. Il-firxa dejqa ta’ metodi ta’ distribuzzjoni tirriżulta wkoll f’eċċess ta’ stokk.
(8)Fir-rigward tal-ambjent, ir-rimi ta’ skart industrijali u t-trattament ta’ skart tossiku jagħti lok għal kostijiet ambjentali ogħla. Dawn il-kostijiet huma ogħla minħabba li ma hemmx impjanti tar-riċiklaġġ, ħlief għal ċerti prodotti, u l-iskart irid ikun ittrasportat biex jiġi ttrattat barra l-Gżejjer Kanarji.
(9)Eżaminazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni tikkonferma li huwa meħtieġ li tintlaqa’ t-talba ta’ Spanja li tiġġedded l-awtorizzazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ taxxa għal lista ta’ prodotti li għalihom eżenzjonijiet għal prodotti lokali jistgħu jkunu permessi.
(10)It-taxxa AIEM qed isservi l-għan ta’ żvilupp awtonomu tas-setturi ta’ produzzjoni industrijali tal-Gżejjer Kanarji u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-Gżejjer.
(11)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE tal-20 ta’ Ġunju 2002, adottata abbażi tal-Artikolu 299 tat-Trattat tal-KE, inizjalment awtorizzat lil Spanja biex, sal-31 ta’ Diċembru 2011, tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala ‘Arbitrio sobre Importaciones y Entregas de Mercancías en las Islas Canarias’ (minn hawn ’il quddiem “AIEM”) jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji. L-Anness għal dik id-Deċiżjoni fih lista ta’ prodotti li għalihom jistgħu jiġu applikati eżenzjonijiet u tnaqqis fit-taxxa. Skont il-prodott, id-differenza fit-tassazzjoni bejn il-prodotti lokali u l-prodotti l-oħrajn ma tistax taqbeż il-5, il-15 jew il-25 punt perċentwali.
(12)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 895/2011/UE tad-19 ta’ Diċembru 2011 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE, billi estendiet il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2013.
(13)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1413/2013/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/546/KE, billi estendiet il-perjodu tal-applikazzjoni tagħha sat-30 ta’ Ġunju 2014.
(14)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 377/2014/UE tat-12 ta’ Ġunju 2014 awtorizzat lil Spanja biex tapplika eżenzjonijiet mit-taxxa magħrufa bħala AIEM jew tnaqqasha għal ċerti prodotti li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-anness tad-Deċiżjoni fih il-lista tal-prodotti li għalihom jistgħu japplikaw l-eżenzjonijiet mit-taxxa jew it-tnaqqis tat-taxxa.
(15)Ir-rata massima differenzjali, li tista’ tiġi applikata għall-prodotti industrijali inkwistjoni, hija ta’ 15 %. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-awtoritajiet Spanjoli sejrin jiddeċiedu dwar il-persentaġġ xieraq għal kull prodott. Id-differenzjal tat-taxxa awtorizzat jenħtieġ li ma jeċċedix il-kostijiet addizzjonali ġġustifikati. Madankollu, dan il-vantaġġ fiskali jenħtieġ li japplika soġġett għal limitu ta’ EUR 150 miljun fis-sena, ħlief f’każijiet iġġustifikati bix-xieraq.
(16)B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u sabiex tiġi żgurata flessibbiltà, l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jemendaw il-prodotti u d-differenzjali tat-taxxa awtorizzati tagħhom biex jirriflettu l-livell attwali tal-kostijiet addizzjonali mġarrba għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Gżejjer Kanarji. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet Spanjoli biex japplikaw rati tad-differenzjali aktar baxxi u li jistabbilixxu taxxa minima għal prodotti speċifiċi fejn meħtieġ, diment li kwalunkwe emenda tkun konformi mal-objettivi tal-Artikolu 349 tat-TFUE. Kwalunkwe emenda fil-lista ta’ prodotti jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kriterji ta’ eliġibbiltà li ġejjin: li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %; li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %; li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-prezz tal-kost tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
(17)F’ċirkostanzi debitament ġustifikati tista' ssir deroga mil-limiti tas-sehem fis-suq, li jinkludu: produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema; produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali; produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi; produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati; produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa. Għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet Spanjoli li jemendaw il-lista ta’ prodotti u d-differenzjal tat-taxxa awtorizzat tagħhom, diment li kwalunkwe emenda tkun konformi mal-objettivi tal-Artikolu 349 tat-TFUE.
(18)L-objettivi li jippromwovu l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Gżejjer Kanarji huma riflessi fuq livell nazzjonali għall-għanijiet tat-taxxa u għall-allokazzjoni tad-dħul li hija tiġġenera. L-inkorporazzjoni tad-dħul minn din it-taxxa fir-riżorsi tas-sistema ekonomika u tat-taxxa tal-Gżejjer Kanarji u l-użu tiegħu għal strateġija ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali li tinvolvi l-promozzjoni ta’ attivitajiet lokali hija obbligu legali.
(19)L-eżenzjonijiet minn jew it-tnaqqis fit-taxxa tal-AIEM jenħtieġ li japplikaw għal 7 snin. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni għadhomx issodisfati, jenħtieġ li Spanja tissottometti rapport ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2025.
(20)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. B’deroga mill-Artikoli 28, 30 u 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jiġu awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 2027 li jistipulaw, fir-rigward ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Anness I li jiġu prodotti lokalment fil-Gżejjer Kanarji, eżenzjonijiet totali jew tnaqqis parzjali tat-taxxa magħrufa bħala “Arbitrio sobre las Importaciones y Entregas de mercancias en las islas Canarias (AIEM)”. Dawn l-eżenzjonijiet iridu jagħmlu parti mill-istrateġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Gżejjer Kanarji u jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ attivitajiet lokali.
2. L-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet totali jew tat-tnaqqis imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex twassal għal differenzi li jeċċedu l-15 % għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Anness I.
Spanja għandha tiżgura li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis applikati għall-prodotti ma jaqbżux il-persentaġġ strettament meħtieġ biex jinżammu, jiġu promossi u jiġu żviluppati attivitajiet lokali. Id-differenzjal tat-taxxa awtorizzat ma għandux jeċċedi l-kostijiet addizzjonali ġustifikati.
3. Dan il-vantaġġ fiskali għandu japplika soġġett għal limitu ta’ EUR 150 miljun fis-sena, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.
Artikolu 2
Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintgħażlu billi jitqiesu l-kriterji li ġejjin:
(a) li l-produzzjoni lokali teżisti u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mhux inqas minn 5 %;
(b) li teżisti importazzjoni sinifikanti ta’ oġġetti (inkluż minn Spanja kontinentali u minn Stati Membri oħra) li tista’ tipperikola l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni lokali, u li s-sehem tagħha fis-suq lokali jammonta għal mill-inqas 10 %;
(c) li jeżistu kostijiet addizzjonali li jżidu l-kostijiet tal-produzzjoni lokali meta mqabbla ma’ prodotti li jiġu prodotti bnadi oħra, u b’hekk jikkompromettu l-kompetittività tal-prodotti li jiġu prodotti lokalment.
Il-limiti tas-sehem fis-suq imsemmija fil-paragrafi a u b jistgħu jiġu derogati f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, li jinkludu:
(i) produzzjoni li tirrikjedi ħafna ħaddiema;
(ii) produzzjoni li altrimenti tkun strateġika għall-iżvilupp lokali;
(iii) produzzjoni soġġetta għal varjazzjonijiet perjodiċi;
(iv) produzzjoni li tinsab f’żoni partikolarment żvantaġġati;
(v) produzzjoni ta’ prodotti mediċi u tagħmir personali protettiv meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa.
Artikolu 3
Sal-1 ta’ Jannar 2021, l-awtoritajiet Spanjoli għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista inizjali ta’ prodotti li għalihom japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis. Dawk il-prodotti għandhom jaqgħu fil-kategoriji ta’ prodotti stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. L-emendi għal din il-lista ta’ prodotti jistgħu jsiru mill-awtoritajiet Spanjoli, sakemm il-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-informazzjoni rilevanti kollha.
Artikolu 4
Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2025, Spanja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni jibqgħux issodisfati. Ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa fl-Anness II.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President