2005R0356 — MT — 01.01.2006 — 001.002
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 356/2005 ta' l-1 ta' Marzu 2005 (ĠU L 056, 2.3.2005, p.8) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1805/2005 tat-3 ta' Novembru 2005 |
L 290 |
12 |
4.11.2005 |
|
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 356/2005
ta' l-1 ta' Marzu 2005
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-immarkar u għall-identifikazzjoni ta’ rkaptu tas-sajd passiv u tat-tkarkir bit-travu
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll applikabbli għall-politika tas-sajd komuni ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(c) u 20a (3) tiegħu,
Billi:|
(1) |
Il-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet ta’ attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari ta’ ċerti miżuri ta’ konservazzjoni tekniċi, li jispeċifikaw fost l-oħrajn id-daqsijiet tal-malji tax-xbieki, il-limitazzjonijiet tal-perjodi tas-sajd u karatteristiċi oħrajn ta’ rkaptu tas-sajd passiv huma meħtieġa. Għal dan il-għan, l-irkaptu tas-sajd użat mill-bastimenti tas-sajd għandu jkun jista’ jiġi identifikat u kkontrollat faċilment. Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ ċertu rkaptu tas-sajd użat minn bastimenti tal-Komunità jew fl-ibħra tal-Komunità. |
|
(2) |
Għal implimentazzjoni adegwata ta’ dan ir-regolament, huwa xieraq li l-użu ta’ rkaptu tas-sajd li ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fih, kif ukoll il-ġarr abbord ta’ rkaptu li ma jikkonformax ma’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ikun ipprojbit. |
|
(3) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-immarkar u l-identifikazzjoni ta’ rkaptu tas-sajd passiv u tat-tkarkir bit-travu.
Artikolu 2
Ambitu
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal bastimenti tas-sajd tal-Komunità u għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi terzi li jistadu fl-ibħra tal-Komunità.
2. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għar-regoli applikati minn Stati Membri Kostali fl-ibħra taħt is-sovranità tagħhom għall-għanijiet tar-regolazzjoni ta’ traffiku marittimu jew maħsubin biex jimmarkaw id-delimitazzjoni ta’ żoni għall-għanijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “irkaptu passiv” tfisser:
(i) konzijiet;
(ii) għeżula, xbieki tat-tħabbil, pariti, għeżula tal-mitlaq li jistgħu jikkonsistu minn xibka separata waħda jew aktar mgħammra bi ħbula minn fuq, minn isfel u minn waħda għall-oħra, u jistgħu jkunu mgħammra b’tagħmir għall-ankraġġ, li jżomm fil-wiċċ u għan-navigazzjoni.
(b) “tkarkir bit-travu” tfisser tkarkir fejn l-irkaptu tas-sajd jiġi rmunkat minn bomi li joħorġu ’l barra mill-bord tal-bastiment.
Artikolu 4
Projbizzjoni
1. L-użu għas-sajd ta’ rkaptu passiv, ta’ bagi u ta’ rkaptu ta’ tkarkir bit-travu li ma jkunux immarkati u identifikabbli skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandu jkun projbit.
2. Għandu jiġi pprojbit il-ġarr abbord ta’:
(a) bomi ta’ rkaptu tat-tkarkir bit-travu li ma jkollhomx fuqhom l-ittri u n-numri tar-reġistrazzjoni esterni skond l-Artikolu 5;
(b) irkaptu passiv li m’huwiex ittikkettat skond l-Artikolu 7;
(ċ) bagi li m’humiex immarkati skond l-Artikolu 10.
KAPITOLU II
TKARKIR BIT-TRAVU
Artikolu 5
Responsabbiltajiet dwar it-tkarkir bit-travu
Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd jew persuna maħtura minnu għandhom jiżguraw li kull boma ta’ xbiek tat-tkarkir tal-qiegħ li tkun armata u tinġarr abbord jew li tintuża għas-sajd ikollha espost b’mod permanenti l-ittri u n-numri tar-reġistrazzjoni esterni tal-bastiment li tkun tappartjeni għalih, fuq il-boma jew fuq is-saqajn ta’ kull boma.
KAPITOLU III
IRKAPTU PASSIV
Artikolu 6
Responsabbiltajiet dwar irkaptu passiv
Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd jew persuna maħtura minnu għandhom jiżguraw li kull irkaptu passiv — li jinżamm abbord jew li jintuża għas-sajd ikun immarkat b’mod ċar u identifikabbli, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.
Artikolu 7
Turija ta’ l-identifikazzjoni
Kull irkaptu passiv użat għas-sajd għandu jkollu espost b’mod permanenti l-ittri u n-numri tar-reġistrazzjoni esterni li jkunu jidhru fuq il-qafas tal-bastiment li l-irkaptu jkun jappertjeni għalih:
(a) fuq tikketta mwaħħla ma’ l-ewwel ringiela fuq in-naħa ta’ fuq fiż-żewġt itruf ta’ kull irkaptu passiv;
(b) għal irkaptu passiv li jaqbeż mil nawtiku, fuq tabelli mwaħħlin ma’ l-ewwel ringiela fuq in-naħa ta’ fuq ta’ l-irkapru passiv f’intervalli regolari li ma jaqbżux mil nawtiku b’tali mod li l-ebda parti ta’ l-irkaptu passiv li testendi għal iktar minn mil nawtiku tibqa’ mhux immarkata.
Artikolu 8
Tikketti
1. Kull tikketta għandha tkun:
(a) magħmula minn materjal li jiflaħ għall-istrapazz;
(b) imwaħħla sew ma’ l-irkaptu;
(ċ) wiesgħa mill-inqas 65 millimetru;
(d) twila mill-inqas 75 millimetru.
2. L-ittri u n-numri esposti fuq kull tikketta m’għandhomx jitħassru, jiġu mmodifikati jew jitħallew isiru ma jinqrawx.
KAPITOLU IV
BAGI
Artikolu 9
Responsabbiltajiet dwar bagi
Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd jew il-persuni maħtura minnu għandhom jiżguraw li ż-żewġ bagi li jimmarkaw it-truf u l-bagi intermedjarji użati bħala markaturi, mgħammra skond l-Anness, ikunu marbutin ma’ kull irkaptu passiv użat għas-sajd u jintużaw skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.
Artikolu 10
Turija ta’ l-identifikazzjoni
1. Kull baga li timmarka t-tarf u kull baga intermedjarja għandu jkollhom espost l-ittri u n-numri tar-reġistrazzjoni esterni fuq il-buq tal-bastiment li jappertjenu għalih kif ġej:
(a) l-ittri u n-numri għandhom jintwerew kemm jista’ jkun ’il fuq possibbli mill-ilma sabiex ikunu jidhru b’mod ċar;
(b) f’kulur li jikkuntrasta mal-wiċċ li fuqu jkunu qegħdin jiġu esposti.
2. L-ittri u n-numri esposti fuq il-bagi markaturi m’għandhomx jitħassru, jiġu mmodifikati jew jitħallew isiru ma jinqrawx.
Artikolu 11
Ħbula
1. Il-ħbula li jgħaqqdu l-bagi ma’ l-irkaptu passiv għandhom ikunu ta’ materjal li jiflaħ għall-ilma, jew għandhom ikunu mgħammra bil-piżijiet.
2. Il-ħbula li jgħaqqdu l-bagi li jimmarkaw it-tarf ma’ kull irkaptu għandhom jitwaħħlu fit-truf ta’ dak l-irkaptu.
Artikolu 12
Bagi li jimmarkaw it-tarf
1. Bagi li jimmarkaw it-tarf għandhom jintużaw b’tali mod li kull tarf ta’ l-irkaptu jkun jista’ jintagħraf fi kwalunkwe ħin.
2. L-arblu ta’ kull baga li timmarka t-tarf għandu jkollu għoli ta’ mill-inqas 2 metri ’il fuq mil-livell tal-baħar imkejjel min-naħa ta’ fuq tas-sufrun.
3. Bagi li jimmarkaw it-tarf għandhom ikunu kkuluriti, iżda ma jistgħux ikunu ħomor jew ħodor.
4. Kull baga li timmarka t-tarf għandha tinkludi:
(a) bandiera waħda jew tnejn rettangolari li l-ġnub tagħhom ikunu mill-inqas 40 ċentimetru; fejn ikunu meħtieġa żewġ bnadar fuq l-istess baga, id-distanza bejniethom għandha tkun mill-inqas 20 ċentimetru; id-distanza bejn l-ilma u l-ewwel bandiera għandha tkun mill-inqas 80 ċentimetru; bnadar li jindikaw l-estremitajiet ta’ l-istess xbiek għandhom ikunu ta’ l-istess kulur, li ma jistax ikun abjad, u ta’ l-istess daqs;
(b) sors ta’ dawl wieħed jew tnejn, liema dawl għandu jkun isfar, għandu jagħti leħħa kull ħames sekondi (F1 Y5s) u jkunu jidher minn distanza ta’ mhux inqas minn żewġ mili nawtiċi;
(ċ) sinjal fuq l-estremità tan-naħa ta’ fuq tal-baga li għandu jkun sfera ta’ dijametru ta’ mill-inqas 25 ċentimetru li jkollha fuqha faxxa waħda li tixgħel jew anki tnejn. Dawn il-faxex m’għandhomx ikunu ħomor jew ħodor u għandhom ikunu wiesgħin mill-inqas 6 ċentimetri. Jista’ jintuża riflettur tar-radar sferiku bħala s-sinjal fuq in-naħa ta’ fuq tal-baga;
(d) rifletturi tar-radar li jagħtu uku li jwassal sa mhux inqas minn żewġ mili nawtiċi.
Artikolu 13
Twaħħil ta’ bagi li jimmarkaw it-tarf
Bagi li jimmarkaw it-tarf għandhom jitwaħħlu ma’ rkaptu passiv bil-mod kif ġej:
(a) il-baga fil-medda tal-punent (jiġifieri ż-żona delimitata permezz ta’ nofs iċ-ċirku tal-boxxla li tibda min-Nofsinhar, tgħaddi mill-Punent u tasal sat-Tramuntana) għandha tkun mgħammra b’żewġ bnadar, żewġ faxex li jixegħlu, żewġt idwal u tikketta skond l-Artikolu 8.
(b) il-baga fil-medda tal-Lvant (jiġifieri ż-żona delimitata permezz ta’ nofs iċ-ċirku tal-boxxla li tibda mit-Tramuntana, tgħaddi mil-Lvant u tasal sa Nofsinhar) għandha tkun mgħammra b’bandiera waħda, faxxa waħda li tixgħel, dawl wieħed u tikketta skond l-Artikolu 8.
It-tikketta għandu jkollha l-informazzjoni li tinsab fl-Artikolu 10.
Artikolu 14
Bagi markaturi intermedji
1. Il-gavitelli intermedji għandhom ikunu fissi mal-irkaptu passiv li jkun fih aktar minn 5 mili nawtiċi kif ġej:
(a) il-gavitelli intermedji għandhom jintużaw f'distanzi ta' mhux aktar minn 5 mili nawtiċi sabiex l-ebda parti tal-irkaptu li jkun fih 5 mili nawtiċi jew aktar ma jitħalla mhux sinjalat.
(b) il-gavitelli intermedji għandu jkollhom l-istess karatteristiċi bħal dawk tal-aħħar baga fis-settur tal-Lvant għajr fil-lewn tal-bnadar li jridu jkunu bojod.
2. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fil-Baħar Baltiku l-gavitelli intermedji għandhom ikunu fissi mal-irkaptu passiv li fih aktar minn mil nawtiku wieħed. Il-gavitelli intermedji għandhom jintużaw f'distanzi ta' mhux aktar minn mil nawtiku wieħed sabiex l-ebda parti tal-irkaptu li jkun fiha mil nawtiku wieħed jew aktar ma jitħalla mhux sinjalat.
Il-gavitelli intermedji għandu jkollhom l-istess karatteristiċi bħal dawk tal-aħħar baga fis-settur tal-Lvant għajr dan li ġej:
(a) il-bnadar għandhom ikunu bojod;
(b) kull ħames baga intermedja għandu jkollha riflettur tar-radar li jagħtu eku tal-anqas ta' żewġ mili nawtiċi.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 15
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
KARATTERISTIĊI TA’ BAGI LI JIMMARKAW IT-TARF U TA’ BAGI INTERMEDJARJI UŻATI BĦALA MARKATURI
( 1 ) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1954/2003 (ĠU L 289, 7.11.2003, p. 1).