31998R2521



Official Journal L 315 , 25/11/1998 P. 0012 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2521/98

ta’ l-24 ta’ Novembru 1998

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 577/97 li jistipula ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94 li jistipula l-istandards għal xaħmijiet li jiddelku u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet użati fil-marketing ta’ ħalib u l-prodotti tal-ħalib

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94 tal-5 ta’ Diċembru 1994 li jistipula l-istandards għax-xaħamijiet li jiddellku [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkonsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 tat-2 ta’ Lulju 1987 dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet użati fil-marketing tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [2], kif l-aħħar emendat bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 577/97 ta’ l-1 ta’April 1997 li jistipula ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2991/94 li jistipula l-istandards tax-xaħamijiet li jiddelku u tr-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1898/87 dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet użati fil-marketing tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1298/98 [4], li jistipula r-regoli li jikkonċernaw l-indikazzjoni tal-kontenut ta’ xaħam fix-xaħamijiet li jiddellku bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-prodotti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 2991/94 li għandhom kontenut minimu ta’ xaħam ta’ 80 %; billi metodu biex tkun verifikata l-konformità ma’ dawk ir-regoli huwa stipulat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 577/97 u fl-Anness II li jinsab miegħu; billi d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dak il-metodu ġiet differita għall-1 ta’ Jannar 1999 sabiex tippermetti li l-utenti jiksbu esperjenza fih u, fuq il-bażi tar-riżultati mibgħuta lill-Kummissjoni, jippermetti eżami dettaljat tal-vijabilità tiegħu;

Billi l-eżami ta’ l-informazzjoni mibgħuta wera li t-tolleranzi għall-kontenuti dikjarati ta’ xaħam hija ristretta wisq; billi t-tolleranzi għall-medja tar-riżultati individwali għandhom jiġu rdoppjati; billi taħt dawk iċ-ċirkostanzi, ħtieġa li kull kampjun għandu jikkonforma mal-limiti stipulati fl-Anness li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 2991/94 ma jistgħux jinżammu aktar; billi l-ħtieġa li l-medja ta’ kontenut stabbilit għandha tikkonforma ma’ dawk il-limiti trid tiġi stabbilita;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjonijiet tal-kumitati relevanti ta’ ġestjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 577/97 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1(b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

"(b) il-kontenut medju ta’ xaħam m’għandux ivarja b’iktar minn punt perċentwali mill-perċentwali dikjarat. Il-kampjuni individwali ma jistgħux ivarjaw b’iktar minn żewġ punti perċentwali mill-perċentwali dikjarat;

(c) fil-każi kollha, il-kontenut medju ta’ xaħam għandu jikkonforma mal-limiti stipulati fl-Anness li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 2991/94.";

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2. Minkejja l-paragrafu 1, il-kontenut ta’ xaħam fir-rigward tal-prodotti msemmija fit-Taqsimiet A(1), B(1) u C(1) ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 2991/94 għandu jikkorospondi għall-kontenut minimu ta’ xaħam tal-prodott."

2. L-Anness II huwa sostitwit b’dan li ġej:

"

“ANNESS II

Il-verifika tal-kontenut tax-xaħam dikjarat ta’ xaħmijiet li jiddelku

Ħames kampjuni għandhom jittieħdu kif jiġi jiġi mill-lott li għandu jiġi verifikat u analizzat. Il-proċeduri li ġejjin għandhom jiġu applikati:

A. Il-medja aritmetika tal-ħames riżultati miksuba hija mqabbla mal-kontenut dikjarat ta’ xaħam. Il-kontenut dikjarat ta’ xaħam huwa meqjus li jikkonforma jekk il-kontenut tal-medja aritmetika ma jvarjax b’iktar minn punt perċentwali mill-kontenut dikjarat ta’ xaħam.

B. Il-ħames riżultati individwali huma mqabbla mat-tollerenza (± żewg punti perċentwali tal-kontenut dikjarat ta’ xaħam) kif muri fl-Artikolu 2(1)(b). Jekk id-differenza bejn il-valur massimu u l-valur minimu tal-ħames riżultati individwali huwa inqas jew ugwali għal erba’ punti perċentwali, il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 2(1)(b) huma meqjusa bħala mħarsa.

Fejn konformità mal-kondizzjonijiet kif imniżżla taħt A u B hija stabbilita, il-lott li jkun qed jiġi verifiat huwa meqjus li jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 2(1)(b) ukoll fejn wieħed mill-ħames valuri jaqa’ barra mill-medda ta’ tolleranza ta’± żewġ punti perċentwali.”

"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ Novembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 316, tad-9.12.1994, p. 2.

[2] ĠU L 182, tat-3.7.1987, p. 36.

[3] ĠU L 87, tat-2.4.1997, p. 3.

[4] ĠU L 180, ta’ l-24.6.1998, p. 5.

--------------------------------------------------