6.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/48


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-29 ta’ Mejju 2009

li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 3853)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2009/431/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħiq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, bħalma huma, fil-każ attwali, l-istaġuni twal ta’ tkabbir u l-uċuħ b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fl-14 ta’ Jannar 2009, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ressqu talba lill-Kummissjoni għal deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales.

(3)

Id-deroga mitluba tikkonċerna l-intenzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq li jippermettu, fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, l-għoti ta’ kwantitajiet ta’ nitroġenu li jistgħu jilħqu l-250 kg għal kull ettaru fis-sena mid-demel ta’ bhejjem f’farms bil-mergħat. Huwa stmat li madwar 1 950 azjenda fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, jiġiferi 1,3 % tal-farms totali, 1,5 % tal-Art Agrikola Użata u 21 % tat-total tal-unitajiet tal-bhejjem tal-ħalib huma koperti mid-deroga.

(4)

Il-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE, inkluż in-nominazzjoni ta’ żoni vulnerabbli u t-twaqqif tal-programm ta’ azzjoni fl-Ingilterra (Regulations 2008 No 2349), l-Iskozja (Regulations 2008 No 298) u Wales (Regulations 2008 No 3143), ġiet adottata u tapplika flimkien ma’ din id-Deċiżjoni.

(5)

Iż-żoni vulnerabbli nnominati li għalihom japplikaw il-programmi ta’ azzjoni jkopru 68 % tal-erja totali tal-Ingilterra, 14 % tal-erja totali tal-Iskozja u 4 % tal-erja totali ta’ Wales.

(6)

Id-dejta mibgħuta dwar il-kwalità tal-ilma turi li għall-ilma ta’ taħt l-art fl-Ingilterra, 83 % mill-massa tal-ilma ta’ taħt l-art għandha medja ta’ konċentrazzjonijiet tan-nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati u 58 % tal-konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l ta’ nitrati. Għall-Iskozja u Wales, aktar minn 90 % tal-massa tal-ilma ta’ taħt l-art għandha medja ta’ konċentrazzjonijiet tan-nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati, u aktar minn 70 % għandha konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l. Għall-ilma tal-pjan fl-Ingilterra aktar minn 50 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom medja ta’ konċentrazzjonijiet tan-nitrati taħt il-25 mg/l u mhux aktar minn 9 % għandhom aktar minn 50 mg/l ta’ nitrati. Għall-Iskozja u Wales aktar minn 90 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom medja ta’ konċentrazzjonijiet tan-nitrati taħt 25 mg/l u ebda sit ma għandu aktar minn 50 mg/l ta’ nitrati.

(7)

Il-baqar għall-ħalib, il-baqar għaċ-ċanga u n-nagħaġ huma t-tipi ewlenin ta’ bhejjem li jirgħu fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales u l-għadd ta’ bhejjem juri xejra dejjem tonqos matul il-perjodu 1995-2007 (tnaqqis ta’ 13 % għall-baqar u 22 % għan-nagħaġ u l-ħrief). Madwar 48 % tal-produzzjoni totali tad-demel tal-bhejjem jiġi ttrattat bħala demel solidu li ġej minn sistemi abbażi ta’ tiben, 52 % tad-demel tal-bhejjem kollu jiġi ttrattat bħala demel likwidu.

(8)

Matul l-aħħar 20 sena, l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi naqas b’42 % għan-nitroġenu u b’49 % għall-fosfru. L-użu tan-nitroġenu kimiku fuq mergħat għall-bhejjem għall-ħalib naqas b’37 % mill-1999 u jammonta għal 128 kg N/ettaru fl-2007. Il-bilanċi nazzjonali tan-nitroġenu u l-fosfru tal-OECD juru tnaqqis għall-perjodu mill-1985 sal-2002, tal-bilanċ tan-nitroġenu minn 46 għal 22 kg N/ettaru u tal-bilanċ tal-fosfru minn 15 sa 12 kg P/ettaru.

(9)

Il-mergħat ikopru 69 % tal-erja agrikola totali fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales fejn 46 % minnhom huma mergħa estensiva u 54 % mergħa mmaniġġjata. 31 % tal-erja agrikola totali hija art li tinħadem.

(10)

Id-dokumenti anċillari li tressqu man-notifika juru li l-proposta għal ammont ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel ta’ bhejjem li jirgħu f’farms b’mergħat hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma preċipitazzjoni għolja netta, staġuni twal ta’ tkabbir, u produzzjoni għolja ta’ ħaxix b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(11)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba, tqis li l-ammont propost ta’ 250 kg għal kull ettaru mhux se jippreġudika l-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti.

(12)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata flimkien mal-programmi ta’ azzjoni fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales għall-perjodu mill-2009 sal-2012.

(13)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales għall-għan li jkun permess ammont ogħla ta’ demel tal-bhejjem minn dak li hemm dispożizzjoni għalih fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, qed tingħata, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Farms bil-mergħat” tfisser azjendi fejn 80 % jew aktar tal-erja agrikola disponibbli għall-għotja tad-demel hija art miksija bil-ħaxix,

(b)

“Bhejjem li jirgħu” tfisser baqar (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel,

(c)

“Art miksija bil-ħaxix” tfisser mergħa permanenti jew temporanja (temporanjament timplika art miżrugħa għal anqas minn erba’ snin).

Artikolu 3

Ambitu

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-farms bil-mergħat każ b’każ u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li se jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 ma jintlaħqux, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies li ma ġietx aċettata.

Artikolu 5

L-għoti tad-demel u fertilizzanti oħrajn

1.   L-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu li jingħata fis-sena f’farms bil-mergħat, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-ammonti totali tan-nitroġenu mogħti ma għandhomx jaqbżu d-domanda prevista ta’ sustanzi tal-wiċċ ikkunsidrat u jqisu l-provvista mill-ħamrija.

3.   Għal kull farm, għandu jinżamm pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tan-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-farm u l-għoti ppjanat ta’ demel u fertilizzanti tan-nitroġenu u tal-fosfat. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu.

Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ bhejjem, deskrizzjoni tas-sistemi għaż-żamma tagħhom u l-ħżin, inkluż il-volum disponibbli għall-ħżin tad-demel;

(b)

kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas it-telf fiż-żamma u l-ħażna) u l-fosfru mid-demel li jiġi prodott fil-farm;

(c)

in-newba tal-uċuħ u l-erja ta’ kull wiċċ, flimkien ma’ pjanta li turi l-lokalità ta’ għelieqi separati;

(d)

ir-rekwiżiti prevedibbli ta’ nitroġenu u fosfru tal-uċuħ;

(e)

l-ammont u t-tip ta’ demel li jingħata barra mill-farm jew fil-farm;

(f)

ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija relatati mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli;

(g)

l-għoti ta’ nitroġenu u ta’ fosfru mid-demel fuq kull għalqa;

(h)

l-għoti ta’ nitroġenu u ta’ fosfru b’fertilizzanti kimiċi kif ukoll fertilizzanti oħrajn fuq kull għalqa.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli attwali.

4.   Kull farm għandu jżomm kontijiet tal-fertilizzazzjoni, fosthom informazzjoni relatata mal-ġestjoni tal-għoti ta’ nitroġenu u fosfru. Dawn għandhom jitressqu lill-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

5.   Kull farm bil-mergħat li jibbenefika minn deroga għandu jaċċetta li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4, il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jistgħu jiġu soġġetti għal kontroll.

6.   Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosfru fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli għal kull farm li jibbenefika minn deroga. L-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni għandhom jitwettqu tal-anqas darba kull erba’ snin għall kull erja omoġenja tal-farm, fir-rigward tan-newba tal-uċuħ u l-karatteristiċi tal-ħamrija. Tkun meħtieġa, tal-anqas, analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ raba’.

7.   Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

Artikolu 6

Il-ġestjoni tal-art

80 % jew aktar tal-erja disponibbli għall-għoti tad-demel fuq farms għandha tkun kkoltivata bil-ħaxix. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

mergħa temporanja fuq ħamrija ramlija għandha tinħarat fir-rebbiegħa;

(b)

l-art miksija bil-ħaxix li tinħarat fuq it-tipi kollha ta’ ħamrija għandha tiġi segwita minnufih b’wiċċ b’domanda għolja ta’ nitroġenu;

(c)

in-newba tal-uċuħ ma għandhiex tinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jassimilaw in-nitroġenu atmosferiku. Madankollu, dan mhux se japplika għas-silla f’mergħa b’inqas minn 50 % ta’ silla jew għall-pjanti leguminużi oħrajn li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.

Artikolu 7

Miżuri oħrajn

Din id-deroga għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħtieġa għall-konformità ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra dwar il-ħarsien tas-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali u tal-ambjent.

Artikolu 8

Il-monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tħejji u taġġorna kull sena l-pjanti li juru l-perċentwali ta’ farms bil-mergħat, il-perċentwali ta’ bhejjem u l-perċentwali ta’ art agrikola koperta minn deroga individwali f’kull Distrett. Dawn il-pjanti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni kull sena, mehmuża mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni.

2.   Il-monitoraġġ tal-farms li huma koperti bil-programm ta’ azzjoni u d-deroga, għandu jitwettaq fuq l-iskala ta’ għelieqi tal-farm u f’żoni agrikoli ta’ monitoraġġ. Iż-żoni ta’ monitoraġġ ta’ referenza għandhom jirrappreżentaw it-tipi differenti ta’ ħamrija, il-livelli ta’ intensità u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni.

3.   L-istħarriġ u l-analiżi tas-sustanzi kif imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni għandhom jipprovdu dejta dwar l-użu lokali tar-raba’, in-newba tal-uċuħ u l-prattiki agrikoli fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Dik id-dejta tista’ tintuża għal kalkoli bbażati fuq mudelli tal-ammont tal-lissija tan-nitrati u tat-telf tal-fosfru minn għelieqi li jingħataw sa 250 kg nitroġenu għall kull ettaru fis-sena f’demel minn bhejjem li jirgħu.

4.   Il-monitoraġġ tal-ilma tal-pjan qrib il-wiċċ, l-ilma tal-ħamrija, l-ilma tad-dranaġġ u n-nixxigħat f’farms li jaqgħu fiż-żoni agrikoli ta’ monitoraġġ għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-konċentrazzjoni ta’ nitrati u fosfru fl-ilma li jħalli l-ħamrija li fiha hemm l-għeruq u jidħol fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilma tal-pjan.

5.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar bir-reqqa għal żoni agrikoli li jinsabu qrib massa tal-ilma l-aktar vulnerabbli.

6.   Għandu jsir studju sabiex, sa tmiem il-perjodu tad-deroga, tinġabar informazzjoni xjentifika dettaljata dwar is-sistemi ta’ mergħat għal użu intensiv u b’hekk tkun tista’ tittejjeb il-ġestjoni tas-sustanzi. Dan l-istudju se jiffoka fuq it-telf tas-sustanzi, inkluż it-tlissija tan-nitrati, it-telf minn denitrifikazzjoni u t-telf tal-fosfat, f’sistemi ta’ produzzjoni intensiva tal-ħalib f’żoni rappreżentattivi.

Artikolu 9

Kontrolli

1.   L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha twettaq kontrolli amministrattivi tal-farms kollha li jibbenefikaw minn deroga individwali għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kwantità massima ta’ 250 kg nitroġenu għal kull ettaru fis-sena mid-demel tal-bhejjem li jirgħu, mar-rati massimi ta’ fertilizazzjoni tan-nitroġenu, u mal-kundizzjonijiet tal-użu tal-art.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet tal-għelieqi bbażat fuq l-analiżi tar-riskju, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati ta’ kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet tal-għelieqi għandhom ikopru tal-anqas 3 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 10

Ir-rappurtar

1.   L-awtorità kompetenti għandha tressaq ir-riżultati tal-monitoraġġ lill-Kummissjoni kull sena, b’rapport konċiż dwar l-evoluzzjoni tal-kwalità tal-ilma u l-prattika tal-evalwazzjoni. Ir-rapport għandu jagħti informazzjoni dwar kif titwettaq l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga permezz ta’ kontrolli fil-livell ta’ farms u għandu jinkludi informazzjoni dwar farms mhux konformi fuq il-bażi ta’ riżultati ta’ spezzjonijiet amministrattivi u tal-għelieqi.

L-ewwel rapport għandu jintbagħat sa Ġunju 2010 u sa Ġunju ta’ kull sena ta’ wara.

2.   Ir-riżultati miksuba b’dan il-mod se jitqiesu mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ talba ġdida eventwali għal deroga.

Artikolu 11

L-applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tar-regolamenti li jimplimentaw il-programm ta’ azzjoni fl-Ingilterra (Regulations 2008 No 2349), l-Iskozja (Regulations 2008 No 298) u Wales (Regulations 2008 No 3143). Għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.