KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2023 ( 1 )
Kawża C‑90/22
“Gjensidige” ADB
partijiet oħra:
UAB “Rhenus Logistics”,
UAB “ACC Distribution”
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja, il-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 71 – Relazzjoni ma’ konvenzjoni internazzjonali li tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari – Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija (CMR) – Ftehim dwar għażla tal-qorti mhux esklużiv – Rikonoxximent, quddiem qorti ta’ Stat Membru, ta’ sentenza li taqa’ fil-portata taċ-CMR – Qorti ta’ oriġini li stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fuq bażi differenti – Kompatibbiltà mal-prinċipji sottostanti l-operat tar-Regolament Nru 1215/2012 – Motivi għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza – Artikolu 45”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-tilwim transkonfinali spiss jibda bil-ħtieġa li l-qorti invokata taċċerta jekk ikollhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni quddiemha. Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u fir-rigward ta’ tilwim f’materji ċivili u kummerċjali, dan l-eżami huwa rregolat, bħala prinċipju, mir-regoli stabbiliti f’dan is-sens fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 2 ). |
|
2. |
Fl-istess ħin, u kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem, dan ir-regolament jagħti prijorità lil regoli speċifiċi stabbiliti f’konvenzjonijiet internazzjonali speċjalizzati li daħlu għalihom l-Istati Membri. |
|
3. |
Madankollu, fis-sentenza tagħha TNT Express ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, essenzjalment, li l-applikazzjoni ta’ tali regoli speċifiċi ma għandhiex tippreġudika ċerti prinċipji fundamentali li huma l-bażi tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea, bħall-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni jew l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
4. |
Il-kumplessità tal-eżerċizzju sussegwenti tintwera mit-tilwima li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Din it-tilwima qamet wara s-serq ta’ merkanzija waqt it-trasport tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi għal-Litwanja. L-assiguratur ikkonċernat talab kumpens mit-trasportatur responsabbli u għamel dan fil-Litwanja, billi bbaża ruħu fuq ftehim tal-għażla tal-qorti li jinsab fil-kuntratt tal-ġarr. |
|
5. |
Madankollu, f’dak il-punt, it-trasportatur kien diġà fetaħ proċeduri ġudizzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi, bil-għan li jiġi stabbilit li r-responsabbiltà tiegħu f’dan il-kuntest partikolari kienet limitata. Qabel ma laqgħet din it-talba, il-qorti Olandiża affermat il-ġurisdizzjoni tagħha billi applikat waħda mir-regoli ġurisdizzjonali li jinsabu fil-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem iċ-“CMR’) ( 4 ), minkejja l-għażla msemmija iktar ’il fuq tal-ftehim tal-għażla tal-qorti, li, mill-perspettiva ta’ dik il-qorti, ma setax jeskludi l-motivi (alternattivi) l-oħra ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fiċ-CMR. |
|
6. |
Wara rikonoxximent mill-qrati Litwani ta’ dik is-sentenza, Gjensidige ADB ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja, il-Litwanja), il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li r-rikonoxximent tas-sentenza tal-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi jmur kontra r-Regolament Nru 1215/2012, peress li dak ir-regolament jistabbilixxi, fil-prinċipju, l-esklużività tal-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn ftehim tal-għażla tal-qorti. |
|
7. |
F’din iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel, liema regoli ta’ ġurisdizzjoni japplikaw. Hija tinnota li r-Regolament Nru 1215/2012 jagħti s-supremazija ta’ applikazzjoni lir-regoli stabbiliti f’konvenzjoni internazzjonali speċjalizzata, bħaċ-CMR. Madankollu, hija tiddubita jekk tali preċedenza tistax tippermetti li ftehim tal-għażla tal-qorti jiġi injorat, fid-dawl tal-protezzjoni msaħħa mogħtija lil dawn il-ftehimiet mir-Regolament Nru 1215/2012. It-tieni, hija titlob kjarifika dwar jekk din il-protezzjoni ikbar għandhiex tirriżulta fir-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza tal-qorti Olandiża. Għalkemm ir-Regolament Nru 1215/2012 ma jippermettix espressament tali approċċ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex meħtieġa interpretazzjoni usa’ tiegħu sabiex jiġu ssalvagwardjati, essenzjalment, l-intenzjonijiet tal-partijiet, kif iddokumentat fil-ftehim tal-għażla tal-qorti inkwistjoni. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt internazzjonali
|
8. |
Iċ-CMR tapplika, skont l-Artikolu 1 tagħha, “għal kull kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta’ vetturi, meta l-post tal-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna […] jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li għall-inqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u n-nazzjonalità tal-partijiet” ( 5 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9. |
L-Artikolu 31 taċ-CMR jippreċiża li: “1. Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mit-trasport ta’ merkanzija suġġetti għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:
u jista’ biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati ( 6 ). 2. Kemm-il darba kawża li tkun tressqet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tkun pendenti quddiem il-qorti kompetenti skont dak il-paragrafu, jew kemm-il darba din il-qorti tkun iddeċidiet din il-kawża, ma tistax tinfetaħ kawża ġdida bejn l-istess partijiet u dwar l-istess mertu, sakemm is-sentenza tal-qorti li quddiemha tkun ġiet imressqa l-ewwel kawża ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fl-Istat fejn tkun ġiet imressqa l-kawża l-ġdida. 3. Kemm-il darba f’kawża li tkun tressqet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sentenza li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat kontraenti ssir eżekuttiva f’dak l-Istat, din tkun eżekuttiva bl-istess mod fl-Istati kontraenti l-oħra, hekk kif jiġu ssodisfatti l-formalitajiet meħtieġa fl-Istat ikkonċernat. Tali formalitajiet ma jistgħux jinkludu eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża. 4. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu japplikaw għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri kontradittorji, għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri fil-kontumaċja u għal ftehim bonarju kkonfermat minn digriet tal-qorti, iżda dawn la japplikaw għas-sentenzi li huma eżekuttivi biss provviżorjament, u lanqas għas-sentenzi li, minbarra għall-ispejjeż, jikkundannaw ukoll lir-rikorrent għall-ħlas tad-danni wara li t-talbiet tiegħu jkunu ġew totalment jew parzjalment miċħuda. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
10. |
L-Artikolu 41(1) taċ-CMR jipprevedi li “suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40, kwalunkwe stipulazzjoni li tidderoga direttament jew indirettament mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandha tkun nulla u bla effett. In-nullità ta’ stipulazzjoni bħal din ma għandhiex tinvolvi n-nullità tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
B. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
11. |
Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprevedi li “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati […]”. |
|
12. |
Il-premessa 22 tal-istess regolament jiddikjara li “[m]adankollu, sabiex titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim, hu neċessarju li tkun prevista eċċezzjoni għar-regola ġenerali lis pendens sabiex tiġi trattata b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni partikulari li fiha jistgħu jinqalgħu proċedimenti konkurrenti. Din hi s-sitwazzjoni meta qorti mhux magħżula fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tkun ġiet invokata bil-proċedimenti, u l-qorti magħżula tiġi invokata sussegwentement bi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet. F’tali każ, il-qorti invokata l-ewwel għandha tintalab tissospendi l-proċedimenti tagħha malli l-qorti magħżula tkun ġiet invokata, u sa meta l-qorti tal-aħħar tiddikjara li m’għandha ebda ġurisdizzjoni skont il-ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti. Dan għandu jiżgura li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti magħżula jkollha prijorità li tiddeċiedi dwar il-validità tal-ftehim u dwar il-grad sa liema l-ftehim japplika għat-tilwim pendenti quddiemha. Il-qorti magħżula għandha tkun tista’ tipproċedi irrispettivament mill-fatt jekk il-qorti mhux magħżula tkunx diġà ddeċidiet dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti.” |
|
13. |
It-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 fiha l-Artikolu 24, intitolat “Ġurisdizzjoni esklużiva”, li jaqra kif ġej: “Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:
|
|
14. |
L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jifforma parti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar u jipprevedi li “Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru […]”. |
|
15. |
L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevdi li: “1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata. […]” |
|
16. |
L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej: “[…] 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, meta qorti ta’ Stat Membru li lilha ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 25 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva tiġi invokata, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l-proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim. 3. Meta l-qorti indikata fil-ftehim tkun stabbiliet ġurisdizzjoni f’konformità mal-ftehim, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membr ieħor għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti. […]” |
|
17. |
L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi: “1. Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:
[…] jew
[…] 3. Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1(e), il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. It-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] msemmija fil-paragrafu 1(a) ma jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġurisdizzjoni. […]” |
|
18. |
L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddikjara: “1. Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi. 2. Bil-għan tal-interpretazzjoni uniformi tiegħu, il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod: […]
Meta konvenzjoni dwar kwistjoni partikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet tkun stabbiliet kondizzjonijet għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw.” |
III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi magħmula
|
19. |
UAB ACC Distribution (iktar ’il quddiem “ACC Distribution”), il-klijent, u Rhenus Logistics UAB(iktar ’il quddiem “Rhenus Logistics”), it-trasportatur, ikkonkludew kuntratt ta’ ġarr ta’ tagħmir tal-kompjuter mill-Pajjiżi l-Baxxi sal-Litwanja. Waqt dak il-ġarr, insterqet parti mill-merkanzija. |
|
20. |
Il-klawżola 3 tal-kuntratt tal-ġarr kienet tipprevedi li “f’każ li tilwim u nuqqas ta’ qbil ma jiġux solvuti permezz ta’ negozjati bejn il-partijiet, dawn għandhom jinstemgħu mill-qorti li fid-distrett tagħha jkun irreġistrat l-indirizz legali tal-Klijent”. Peress li l-uffiċċju rreġistrat ta’ ACC Distribution (il-klijent) jinsab fil-Litwanja, huwa ċar li l-partijiet qablu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani. |
|
21. |
Wara s-serq, Gjensidige, kumpanija tal-assigurazzjoni li kienet assigurat il-kunsinna, għamlet ħlas tal-assigurazzjoni fil-valur ta’ EUR 205 108.89 lil ACC Distribution fil‑21 ta’ April 2017. |
|
22. |
Fit‑3 ta’ Frar 2017, ġie ppreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) minn, b’mod partikolari, Rhenus Logistics kontra, fost l-oħrajn, ACC Distribution u Gjensidige. Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess jirriżulta li meta tressqet din it-talba, Rhenus Logistics ibbażat ruħha fuq iċ-CMR (li t-tilwima kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha), li abbażi tagħha r-rikorrenti tista’ tressaq it-talba, b’mod partikolari, quddiem il-qrati ta’ pajjiż li fit-territorju tiegħu jinsab il-post fejn ittieħdet il-merkanzija mit-trasportatur ( 7 ). |
|
23. |
L-għan ta’ dan ir-rikors kien li tintalab dikjarazzjoni li tistabbilixxi li r-responsabbiltà ċivili tat-trasportatur li tirriżulta fil-kuntest tas-serq imsemmi iktar ’il fuq kienet limitata. ACC Distribution u Gjensidige eċċepixxew in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Pajjiżi Baxxi, billi rreferew għall-ftehim dwar għażla tal-qorti li jinsab fil-kuntratt tal-ġarr. Din l-eċċezzjoni ġiet miċħuda għall-motiv li l-ftehim dwar għażla tal-qorti kien null u bla effett skont l-Artikolu 41(1) taċ-CMR peress li kien jillimita l-għażla tal-qrati li jisimgħu t-tilwima inkwistjoni taħt l-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni. |
|
24. |
Fid‑19 ta’ Settembru 2017, Gjensidige bdiet proċeduri legali kontra Rhenus Logistics quddiem il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja). għad-danni ta’ EUR 205 108.89. Dak ir-rikors kien ibbażat fuq surroga mitluba minn Gjensidige wara li għamlet il-ħlas tal-assigurazzjoni lil ACC Distribution. |
|
25. |
B’risposta għal dan, Rhenus Logistics talbet ir-rifjut tar-rikors, billi sostniet li dan ħoloq sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens li kellha tiġi solvuta billi tiġi rrikonoxxuta l-ġurisdizzjoni tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), li kienet l-ewwel qorti adita b’din il-kwistjoni. |
|
26. |
F’dan il-kuntest, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) issospendiet il-proċeduri. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mil-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja). |
|
27. |
Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2019, ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) iddikjarat li r-responsabbiltà ta’, b’mod partikolari, Rhenus Logistics lejn, b’mod partikolari, ACC Distribution u Gjensidige, kienet limitata u ma setgħetx teċċedi l-ammont ta’ kumpens skont l-Artikolu 23(3) taċ-CMR ( 8 ). Minn din is-sentenza ma ġie ppreżentat ebda appell. |
|
28. |
B’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni, Rhenus Logistics ittrasferixxiet is-somma rilevanti lil Gjensidige. Din tal-aħħar imbagħad talbet l-irtirar parzjali tat-talba tagħha pendenti fil-Litwanja u li l-kumplament tagħha jintlaqa’. |
|
29. |
Permezz tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Mejju 2020, il-Kauno apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) aċċettat dik ir-rinunzja parzjali filwaqt li ċaħdet il-kumplament tar-rikors, u ddeċidiet li s-sentenza tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) kienet kisbet awtorità ta’ res judicata. Il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) laqgħet din il-pożizzjoni. |
|
30. |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2021, ġie ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn Gjensidige.quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja). Gjensidige sostniet, b’mod partikolari, li, kuntrarjament għaċ-CMR, ir-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi l-esklużività tal-ġurisdizzjoni ddeterminata minn ftehim dwar għażla tal-qorti u li s-sitwazzjoni li nħolqot fil-kawża prinċipali għandha twassal sabiex dak ir-regolament jieħu preċedenza. Skont din il-parti, is-soluzzjoni kuntrarja jkollha konsegwenzi inqas favorevoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u ma tkunx tissalvagwardja l-prinċipji ta’, b’mod speċjali, il-prevedibbiltà tal-ġurisdizzjoni u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
31. |
B’dubji f’dan ir-rigward, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
32. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Rhenus Logistics, minn Gjensidige, mill-Gvern Litwan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll argumenti orali waqt is-seduta, li nżammet fit‑23 ta’ Marzu 2023. |
IV. Evalwazzjoni
|
33. |
Wara li nipprovdi xi rimarki introduttorji dwar l-elementi rilevanti tat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali (A) u s-sentenza fil-kawża TNT Express tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija, mill-inqas parzjalment, il-bażi tad-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju (B), ser nindirizza l-merti tad-domandi magħmula (C). |
|
34. |
Għal dan il-għan, l-ewwel ser nirrikorri għall-premessa li hija bbażata fuqha t-talba preżenti, jiġifieri li xorta waħda huwa possibbli li tiġi eżamina mill-ġdid l-ġurisdizzjoni tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) bħala l-qorti tal-oriġini, fi ħdan il-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Ser nispjega li din il-premessa hija żbaljata u li, f’tali sitwazzjoni, l-effetti transkonfinali ta’ sentenza jistgħu jiġu evitati biss meta parti tkun invokat b’suċċess waħda mill-motivi għar-rifjut tar-rikonoxximent tagħha previsti fir-Regolament Nru 1215/2012 (C.1). Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra dik l-għażla fit-tieni u t-tielet domanda preliminari. Ser nispjega li dawn il-motivi ma jinkludux is-sitwazzjoni li fiha, essenzjalment, il-qorti tal-oriġini stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha, minkejja li ma kinitx qorti tal-Istat Membru maħtura permezz ta’ ftehim dwar għażla tal-qorti (C.2). |
|
35. |
Għal raġunijiet ta’ kompletezza, u sabiex nindirizza d-diskussjoni estensiva f’dawn il-proċeduri dwar il-kwistjoni, ser nispjega li r-regoli ġurisdizzjonali li jinsabu fiċ-CMR, fl-ebda każ, ma jikkontradixxu l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1215/2012, skont l-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit fis-sentenza NT Express (D). |
A. L‑elementi rilevanti tat‑tilwima inkwistjoni
|
36. |
Għandu jitfakkar li t-tilwima fil-kawża prinċipali toriġina minn serq ta’ parti mill-merkanzija li seħħ waqt it-trasport internazzjonali tagħha. Għalkemm il-kuntratt ta’ ġarr kien fih klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Litwani ( 9 ), it-tilwima kkaġunata minn dak is-serq ultimament spiċċat instemgħet u ġiet iddeterminata mill-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 10 ). |
|
37. |
Dan kien minħabba l-fatt li din it-tilwima kienet taqa’, ratione materiae, fil-kamp ta’ applikazzjoni taċ-CMR li tinkludi mhux biss regoli sostantivi dwar ir-responsabbiltà fil-kuntest tat-trasport ta’ merkanzija stradali, iżda wkoll, b’mod partikolari, regoli ġurisdizzjonali (u ta’ infurzar) applikabbli għal tilwim li jinqala’ minn tali ġarr. |
|
38. |
B’mod speċifiku, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31 taċ-CMR jipprevedi li r-rikorrenti għażla bejn erba’ postijiet possibbli, jiġifieri, l-ewwel, il-qrati tal-pajjiż miftiehma bejn il-partijiet, it-tieni, il-qrati tal-pajjiż ta’ – essenzjalment. – id-domiċilju tal-konvenut ( 11 ), it-tielet, il-qrati tal-post fejn ittieħdet il-merkanzija jew, ir-raba’, il-qrati tal-post magħżul għall-kunsinna. |
|
39. |
Għalkemm minn dawn ir-regoli jirriżulta li l-partijiet jistgħu jiffirmaw ftehim ta’ għażla tal-qorti, jidher li, mill-inqas skont il-pożizzjoni meħuda mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West Brabant), tali ftehim dwar għażla tal-qorti ma jistax ikun esklużiv ( 12 ). Din tidher ukoll li hija l-fehma espressa mill-qorti tar-rinviju. |
|
40. |
Nifhem li Rhenus Logistics, it-trasportatur responsabbli, ippreżentat ir-rikors tagħha quddiem ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) billi bbażat ruħha fuq it-tielet kategorija msemmija iktar ’il fuq fil-punt 38 ( 13 ). Ir-rikors tagħha jidher li kien preventiv fis-sens li din il-kumpannija ppruvat tikseb dikjarazzjoni ġudizzjarja li r-responsabbiltà tagħha għad-danni li jirriżultaw mis-serq kienet limitata għal ċertu ammont. |
|
41. |
Kif nifhimha, l-Artikolu 23(3) taċ-CMR jillimita, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà li jista’ jkollu t-trasportatur f’każ ta’ telf tal-merkanzija ( 14 ). Madankollu, jidher li fl-applikazzjoni tal-Artikolu 29(1) taċ-CMR, tali limitazzjoni tar-responsabbiltà ma tapplikax meta d-dannu kien ikkawżat minn “frodi [tat-trasportatur] jew minħabba nuqqas imputabbli lilu u li, skont il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti għal frodi”. |
|
42. |
F’dan ir-rigward, il-qrati tal-partijiet kontraenti għaċ-CMR jista’ jkollhom fehmiet differenti dwar il-kundizzjonijiet li taħthom din l-aħħar klawżola tapplika ( 15 ). Din għandha t-tendenza li tirriżulta, meta tinqala’ tilwima, f’tellieqa lejn il-qorti li x’aktarx tagħti interpretazzjoni favorevoli għall-parti kkonċernata. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jirriżulta fi proċeduri ġudizzjarji paralleli li jinbdew fi Stati differenti sabiex jinkiseb, fil-każ ta’ parti li jkollha d-dritt li tiddisponi mill-merkanzija, kumpens għad-dannu jew it-telf, u, bil-maqlub, fil-każ tat-trasportatur, dikjarazzjoni li teskludi jew tillimita r-responsabbiltà għal tali dannu jew telf ( 16 ). |
|
43. |
F’dawn il-proċeduri, Gjensidige għamlet riferiment għall-pożizzjonijiet diverġenti meħuda mill-qrati Olandiżi, minn naħa waħda, u l-qrati Litwani, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tat-trasportaturi tista’ tiġi kkunsidrata bħala mingħajr limiti. Din il-parti argumentat li l-pożizzjoni meħuda mill-qrati Olandiżi hija iktar favorevoli għat-trasportaturi sa fejn huwa iktar diffiċli li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jagħtu bidu għar-responsabbiltà mingħajr limiti tagħhom. Il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-istess fehma. |
|
44. |
Rhenus Logistics kisbet b’suċċess dikjarazzjoni li tillimita r-responsabbiltà tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din is-sentenza sussegwentement ġiet irrikonoxxuta mill-qrati tal-Litwanja fl-istadji tal-kawża prinċipali li ppreċedew dik pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dik il-kawża, Gjensidige l-ewwel talbet li tikseb kumpens għat-telf ta’ parti mill-merkanzija. Sussegwentement, hija llimitat it-talba tagħha għall-ammont li jaqbeż is-somma diġà mħallsa lilha minn Rhenus Logistics konformement mas-sentenza Olandiża. |
|
45. |
F’dan il-kuntest, Gjensidige ssostni li r-rikonoxximent ta’ din is-sentenza kien illegali peress li l-qorti Olandiża stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha bi ksur tal-ftehim applikabbli dwar għażla tal-qorti. Skont Gjensidige, dan il-ftehim kellu jingħata prijorità peress li, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn ftehim dwar għażla tal-qorti hija, fil-każ partikolari, esklużiva ( 17 ). |
|
46. |
B’mod iktar speċifiku, din il-parti ssostni li, peress li t-tilwima inkwistjoni taqa’ kemm taħt iċ-CMR kif ukoll taħt ir-Regolament (iktar ġenerali) Nru 1215/2012, u li ż-żewġ strumenti jidhru li fihom regoli kontradittorji dwar l-effetti li għandhom jingħataw lil ftehim tal-għażla tal-qorti, ir-rikonoxximent tas-sentenza Olandiża għandu jiġi miċħud peress li l-applikazzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali taċ-CMR li fuqhom hija bbażata din is-sentenza għandha konsegwenzi inqas favorevoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, meta mqabbla ma’, kif nifhem l-argument jien, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, fir-rigward tal-effetti ta’ ftehim dwar għażla tal-qorti. |
|
47. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar liema regoli ġurisdizzjonali għandhom japplikaw u jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza Olandiża għandux jiġi miċħud. |
|
48. |
Sabiex il-qarrej jifhem bis-sħiħ l-argumenti ta’ Gjensidige kif ukoll id-domandi tal-qorti tar-rinviju, u b’mod speċjali l-ewwel domanda preliminari, l-ewwel ser ngħaddi għal x’jista’ jkun dak li jikkostitwixxi s-sors ta’ ispirazzjoni tagħhom, jiġifieri s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża TNT Express. |
B. Konvenzjonijiet internazzjonali speċjalizzati: prijorità […] b’mod kundizzjonali
|
49. |
L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ eżekuzzjoni speċifiċi li jistgħu jkunu inklużi f’konvenzjonijiet internazzjonali speċjalizzati konklużi mill-Istati Membri u jagħti prijorità lil dawn l-istrumenti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippreċiża li “m’għandu jaffettwa l-ebda konvenzjoni li għaliha l-Istati Membri jkunu parti u, li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, tirregola l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”. |
|
50. |
Il-premessa 35 ta’ dak ir-regolament tippreżenta dik il-“klawżola ta’ kunflitt ta’ liġijiet” ( 18 ) bħala espressjoni ta’ rispett għall-impenji internazzjonali tal-Istati Membri. Għalkemm din il-formulazzjoni forsi tista’ twassal lill-qarrej sabiex jikkunsidra li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkonċerna impenji meħuda fil-konfront ta’ pajjiżi terzi, it-test tal-Artikolu 71, u speċjalment it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tiegħu, jagħmilha ċara, kif tosserva l-Kummissjoni, li dan japplika wkoll fir-relazzjonijiet interni fl-Unjoni Ewropea ( 19 ). |
|
51. |
Fl-istess ħin, l-Artikolu 71 ġie deskritt ukoll bħala regola li tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-oqsma li huma rregolati mill-konvenzjonijiet speċjalizzati rispettivi ( 20 ). |
|
52. |
Preċedentement, din ir-regola kienet espressa, f’termini identiċi, fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li kien jippreċedi r-Regolament Nru 1215/2012. |
|
53. |
L-interpretazzjoni ta’ din ir-regola kienet fil-qalba tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża TNT Express ( 21 ), mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima bejn kumpannija tal-ġarr bl-istess isem u l-assiguratur ta’ merkanzija mitlufa waqt it-trasport tagħha. F’dawn il-proċeduri, TNT opponiet l-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ sentenza ta’ qorti Ġermaniża li tikkundannaha tħallas kumpens għal tali dannu. |
|
54. |
Il-qofol tad-domandi preliminari ddur madwar il-kwistjoni, simili għal dik impliċita f’din il-kawża, jekk il-qorti tal-Istat indirizzat (in casu l-Pajjiżi l-Baxxi) setgħetx teżamina mill-ġdid il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ġermaniża (bħala l-qorti tal-oriġini) ( 22 ). Għalkemm dan kien ipprojbit taħt ir-Regolament Nru 44/2001 (li kien applikabbli dak iż-żmien) (kif inhu llum taħt ir-Regolament Nru 1215/2012), l-istess soluzzjoni ma tirriżultax neċessarjament miċ-CMR. |
|
55. |
Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżamina l-interazzjoni bejn iż-żewġ strumenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li s-supremazija kkonferita mill-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament fuq konvenzjonijiet internazzjonali speċjalizzati, bħaċ-CMR, kienet tapplika taħt kundizzjoni importanti mehmuża: ir-regoli tagħhom jieħdu preċedenza biss, bil-kundizzjoni li“jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà, jiffaċilitaw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jippermettu li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ proċedimenti simultanji, u bil-kundizzjoni li jiżguraw, taħt kundizzjonijiet minn tal-inqas daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, il-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u l-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (favor executionis)” ( 23 ). |
|
56. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni wara li spjegat li r-regoli li jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali speċjalizzati ma jistgħux iwasslu għal “riżultati li huma inqas favorevoli għat-twettiq tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern minn dawk li għalihom iwasslu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament” ( 24 ) u ma jistgħux “[jippreġudikaw il-prinċipji] li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni […]” ( 25 ). |
|
57. |
Ser nindirizza l-konklużjoni speċifika li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik il-kawża, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet. F’dan l-istadju, biżżejjed ngħidu li kien hemm taħlita ta’ reazzjonijiet akkademiċi għall-kriterju ġenerali stabbilit f’dik is-sentenza, filwaqt li jiġi rrilevat li jkun diffiċli li jiġi applikat ( 26 ) – fejn ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 71 kienu intiżi li jkunu regoli sempliċi ta’ kunflitt – u li l-eżistenza tiegħu “tagħmel ċerta ħsara” ( 27 ) lit-test ta’ din id-dispożizzjoni jew saħansitra ċċaħħad lir-regola ta’ preċedenza mogħtija lill-konvenzjonijiet internazzjonali mit-tifsira tagħha, u tibdilha f’“illużjoni ( 28 ). Fl-istess ħin, is-sentenza ġiet irrikonoxxuta wkoll bħala li tfassal soluzzjoni għat-theddida pperċepita li tista’ sseħħ għar-reġim komuni ta’ ġurisdizzjoni u ta’ rikonoxximent, jekk japplikaw regoli diverġenti ta’ konvenzjonijiet speċjalizzati għal sitwazzjonijiet ġol-Unjoni ( 29 ). |
|
58. |
Irrispettivament minn hekk, il-kriterju żviluppat fis-sentenza TNT Express, li issa tinforma l-applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, sar element inevitabbli tal-evalwazzjoni komparattiva ta’ sistemi ġurisdizzjonali u ta’ eżekuzzjoni potenzjalment kompetituri ( 30 ). Wieħed jifhem li, kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq dan il-kriterju sabu posthom fis-sottomissjonijiet fil-kawża prinċipali u fir-riflessjonijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel din it-talba għal deċiżjoni preliminari li issa ser nikkunsidra iktar fid-dettall. |
C. Id‑domandi magħmula f’din il‑kawża
|
59. |
It-tliet domandi magħmula f’din il-kawża jidhru li jirriflettu t-tħassib tal-qorti tar-rinviju li l-ftehim dwar għażla tal-qorti li daħlu għalih il-partijiet fil-kawża prinċipali ma ġiex irrispettat meta r-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) aċċettat li tisma’ u tiddeċiedi t-talba ta’ Rhenus Logistics. |
|
60. |
L-ewwel domanda preliminari tistaqsi b’mod iktar speċifiku jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri fid-dawl tal-premessi 21 u 22 tiegħu, jippermettix l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni alternattivi stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 taċ-CMR, fejn it-tilwima inkwistjoni tkun irregolata minn ftehim dwar għażla tal-qorti. |
|
61. |
Wisq nibża’ li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li huwa possibbli, għall-qorti tar-rinviju, li teżamina mill-ġdid l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini fl-istadju tar-rikonoxximent. Ser nispjega iktar ’il quddiem li tali eżami mill-ġdid hija eskluża u li, għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda hija irrilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali (C.1). |
|
62. |
Pjuttost, meta parti tfittex li tipprevjeni l-effetti transkonfinali ta’ sentenza, hija għandha tinvoka, f’dan is-sens, wieħed mill-motivi għar-rifjut tar-rikonoxximent tagħha, kif previst fir-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk ser nirrikorri għal dik il-kwistjoni, u b’mod iktar speċifiku, għat-tieni u t-tielet domanda magħmula li bihom il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-ftehim dwar għażla tal-qorti tħalla ineffettiv għandux iwassal għar-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza Olandiża. Ser nispjega li dawn id-domandi għandhom jirċievu risposta fin-negattiv (C.2). |
1. Dwar l‑impossibbiltà, għall‑qorti tar‑rinviju, li teżamina mill‑ġdid l‑ġurisdizzjoni tal‑qorti ta’ oriġini
|
63. |
Kif jirriżulta mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-regoli dwar rikonoxximent u dwar eżekuzzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament huma bbażati fuq fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Dawn ir-regoli joperaw fuq il-premessa li sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru wieħed għandha tiġi ttrattata bħallikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat ( 31 ). |
|
64. |
Għaldaqstant, u kif essenzjalment enfasizzat il-Kummissjoni, essenzjalment, fis-seduta ta’ din il-kawża, waħda mill-karatteristiċi fundamentali tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1215/2012 hija r-rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru differenti. B’mod partikolari, din is-sistema teskludi l-possibbiltà li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini tiġi eżaminata mill-ġdid mill-qrati tal-Istat Membru indirizzat, kif indikat fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 ( 32 ). |
|
65. |
Madankollu, is-sitwazzjoni f’din il-kawża ma hijiex irregolata (jew, mill-inqas, mhux esklużivament, kif ser nispjega iktar ’il quddiem) mir-Regolament Nru 1215/2012, iżda pjuttost mir-regoli speċjalizzati taċ-CMR, li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012 jagħtihom prijorità. Għalhekk tqum id-domanda dwar jekk il-projbizzjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini tapplikax ukoll f’sitwazzjoni bħal din. |
|
66. |
Fil-fehma tiegħi, iva. |
|
67. |
F’dan ir-rigward ninnota, l-ewwel, li ċ-CMR ma hijiex strument tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tibqa’ barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ). |
|
68. |
Din il-limitazzjoni, madankollu, ma tfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-test ta’ tali strumenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontenut tagħhom. Inkella, fl-ewwel lok, ikun impossibbli li jiġi aċċertat jekk dawn il-konvenzjonijiet fihomx regoli li jikkompetu magħhom ( 34 ). |
|
69. |
Fuq din il-bażi, it-tieni, filwaqt li ngħaddi għall-kontenut speċifiku taċ-CMR, ninnota li r-regoli taċ-CMR dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni huma pjuttost rudimentali, punt li ġie rrikonoxxut ukoll f’dawn il-proċeduri kemm minn Rhenus Logistics kif ukoll minn Gjensidige ( 35 ). |
|
70. |
Dawn ir-regoli huma inklużi fl-Artikolu 31(3) taċ-CMR li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, maħruġa f’parti kontraenti waħda, fl-oħrajn mandatorja, l-osservanza ta’ “formalitajiet” li, madankollu, jeskludu l-eżami mill-ġdid tal-kawża fil-mertu. |
|
71. |
Aspetti oħra ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni jidhru li ma humiex irregolati li jfisser li tali regoli għandhom jiġu identifikati fid-dritt tal-Istat indirizzat ( 36 ). |
|
72. |
Fir-rigward tal-Istati Membri, dan id-dritt huwa stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012. Ir-reġim applikabbli, fil-fehma tiegħi, huwa għalhekk, dak previst fl-Artikoli 45 et seq.ta’ dan ir-regolament, inkluża r-regola kardinali msemmija iktar ’il quddiem li tipprojbixxi, fl-ispazju ġuridiku ġol-Unjoni, l-eżami mill-ġdid tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini. |
|
73. |
Barra minn hekk, u indipendentement minn dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sentenza TXT Express twassal għall-istess konklużjoni. |
|
74. |
Fil-fatt, wara li stabbilixxiet il-kriterju ġenerali li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, kif deskritt fit-taqsima preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “l-qorti tal-Istat indirizzat f’ebda każ ma hi f’pożizzjoni aqwa mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini biex tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar” ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li huwa preċiżament dak il-fatt li wassal sabiex tali eżami mill-ġdid jiġi pprojbit bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. |
|
75. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni espliċita dwar jekk il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-operat tar-Regolament Nru 44/2001 ipprekludewx effettivament l-eżami mill-ġdid tal-ġurisdizzjoni tal-qorti fl-applikazzjoni ta’ konvenzjoni speċjalizzata, din is-sentenza nftiehmet b’mod ġenerali bħala li tikkonferma l-aħħar għażla ( 38 ). Matul is-seduta f’din il-kawża, il-Kummissjoni u l-Gvern Litwan esprimew, essenzjalment, l-istess opinjoni. |
|
76. |
Għalhekk, u fil-qosor, jien tal-fehma li kemm jekk huwiex ikkunsidrat fid-dawl tal-kriterju stabbilit fis-sentenza TNT Express jew jekk huwiex ibbażat fuq il-formulazzjoni taċ-CMR, qorti ta’ Stat Membru, talbet li tirrikonoxxi sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor b’applikazzjoni ta’ dik il-konvenzjoni ma hijiex permessa li teżamina mill-ġdid il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini. Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju peress li din tal-aħħar ma tistax teżamina jekk ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) stabbilixxietx korrettament il-ġurisdizzjoni tagħha qabel ma tat is-sentenza li r-rikonoxximent tagħha huwa kkontestat fil-kawża prinċipali. |
|
77. |
Issa li dan huwa ċar, ser ngħaddi għad-domanda dwar jekk il-fatt li din il-qorti stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha irrispettivament mill-ftehim dwar għażla tal-qorti inkwistjoni jistax jikkostitwixxi motiv li jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza li tirriżulta. |
2. Jekk ftehim dwar għażla tal‑qorti jiġi injorat, jista’ jiġi rrifjutat ir‑rikonoxximent tas‑sentenza?
|
78. |
Kif spjegat qabel, il-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju tidħol fil-portata taċ-CMR. B’applikazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, din il-konvenzjoni tieħu preċedenza fuq dan ir-regolament ( 39 ). Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ għalhekk jidher sorprendenti li wieħed jirrikorri għar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tiegħu jippermettux ir-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq. |
|
79. |
Madankollu, diġà spjegajt li fl-assenza ta’ regoli speċifiċi f’dan is-sens fiċ-CMR, ir-regoli applikabbli huma dawk previsti fid-dritt tal-Istat Membru indirizzat, li fil-każ tal-Litwanja, huwa r-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk il-qorti tar-rinviju hija korretta meta tikkunsidra dan l-istrument legali iktar fil-fond. |
|
80. |
Ir-Regolament Nru 1215/2012, kif diġà ġie kkonstatat, jopera fuq il-bażi tar-rikonoxximent awtomatiku ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor. |
|
81. |
B’eċċezzjoni għal din ir-regola, ir-rikonoxximent jista’ jiġi miċħud biss fuq il-bażi ta’ wieħed mill-motivi speċifikament previsti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (meta, kif tenfasizza l-Kummissjoni, issir talba għal dan il-għan). |
|
82. |
Għal dak li huwa rilevanti għal din il-kawża, dawn il-motivi jinkludu, minn naħa waħda, u skont l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, ksur tar-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament (it-tieni domanda preliminari) u, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni li fiha r-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija jiġi kkunsidrat manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku fl-Istat Membru indirizzat, kif previst fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 (it-tielet domanda preliminari). |
|
83. |
Il-qorti tar-rinviju hija konxja li l-ebda wieħed minn dawn il-motivi ma tkopri, fil-prinċipju, is-sitwazzjoni f’din il-kawża. Madankollu, permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha, li ser nindirizza iktar ’il quddiem, hija tistaqsi jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza Olandiża jistax jiġi miċħud abbażi ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn il-motiv. |
a) Interpretazzjoni wiesgħa tal‑motiv stipulat fl‑Artikolu 45(1)(e)ii tar‑Regolament Nru 1215/2012?
|
84. |
Mill-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li, meta ssir talba f’dan is-sens, rikonoxximent ta’ sentenza għandu jiġi rrifjutat jekk din is-sentenza tkun f’kunflitt mar-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament. |
|
85. |
Ir-regoli deskritti fih (u iktar speċifikament fl-Artikolu 24 li jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tat-taqsima msemmija iktar ’il fuq) jistabbilixxu ġurisdizzjoni esklużiva fir-rigward ta’ tilwim relatat ma’ ħames suġġetti elenkati. Fil-qosor, dawn il-kampijiet huma (i) ċerti aspetti ta’ proprjetà immobbli, (ii) ċerti kwistjonijiet korporattivi, (iii) il-validità tal-iskrizzjonijiet fir-reġistri pubbliċi, (iv) il-validità ta’ privattivi, trade marks, disinji, jew drittijiet oħra simili, kif ukoll (v) l-eżekuzzjoni tas-sentenzi. |
|
86. |
Dawn ir-regoli ġurisdizzjonali ma jistax ikun hemm tbegħid minnhom permezz ta’ ftehim ( 40 ) u r-raġunament tagħhom ġie deskritt b’referenza għar-rabta partikolari bejn il-kampijiet ikkonċernati u l-Istat Membru partikolari ( 41 ). |
|
87. |
B’mod partikolari, mid-deskrizzjoni iktar ’il fuq isegwi li t-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru9 1215/2012 ma tapplikax għal ftehimiet dwar għażla tal-qorti. Infakkar li dawn il-ftehimiet huma koperti mit-Taqsima 7 ta’ dak il-kapitlu. |
|
88. |
Il-qorti tar-rinviju hija konxja minn dan il-fatt iżda tistaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk il-bidliet leġiżlattivi miġjuba mir-Regolament Nru 1215/2012, li permezz tagħhom issaħħet il-protezzjoni tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti, ifissrux li r-regola fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ sabiex tinkludi mhux biss il-ksur tar-regoli taħt it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll il-ksur tal-Artikolu 7. |
|
89. |
Jien ma naħsibx li dan huwa l-każ. |
|
90. |
Il-qorti tar-rinviju ġustament tenfasizza li, meta mqabbel mar-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 1215/2012 isaħħaħ l-effikaċja ta’ tali ftehimiet billi jipprevedi regola speċifika ta’ lis alibi pendens fl-Artikolu 31(2) u (3) ( 42 ). |
|
91. |
Madankollu, minkejja din il-bidla, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jirriflettihiex fis-sistema tal-motivi li jippermettu r-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza. |
|
92. |
Il-lista ta’ dawn il-motivi tinsab fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u hija eżawrjenti ( 43 ). |
|
93. |
L-istess għandu loġikament jitqies li huwa minnu fir-rigward, speċifikament, tal-motiv elenkat fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) tal-istess att dwar ksur tar-regoli li jistabbilixxu ġurisdizzjoni esklużiva fl-applikazzjoni tat-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
94. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li, jekk ma jkun hemm ebda motiv li jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent ta’ sentenza li tikser ftehim esklużiv dwar għażla tal-qorti, il-ksur ta’ tali ftehim ma jkollu ebda konsegwenzi. |
|
95. |
Wisq nibża’ li din hija preċiżament il-loġika tal-funzjonament tar-Regolament Nru 1215/2012, kif inhu mfassal bħalissa, li jiffavorixxi r-rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi, anki fejn ir-regoli ġurisdizzjonali previsti fih ma ġewx osservati, ħlief fis-sitwazzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti stabbiliti fl-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament ( 44 ). |
|
96. |
Meta jitkellem dwar ksur ta’ regoli ġurisdizzjonali, din id-dispożizzjoni tispeċifika li r-rifjut ta’ rikonoxximent hija permissibbli biss meta l-kunflitt ikun jikkonċerna (i) regoli stabbiliti fit-Taqsima 6 ta’ dan ir-regolament, kif iddiskutejt hawn (Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, jew (ii) regoli stabbiliti f’taqsimiet oħra ta’ dak il-kapitolu li jimmiraw, fil-qosor, li jipproteġu l-parti dgħajfa, b’applikazzjoni tal-istess regolament (Artikolu 45(1(e)(i) tal-istess regolament) ( 45 ). B’kuntrast, l-Artikolu 45(1) ma jinkludix ksur ta’ xi regola ġurisdizzjonali oħra stipulata fir-Regolament Nru 1215/2012. |
|
97. |
Għandu jitfakkar li l-motivi esposti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali skont liema s-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom jiġu rrikonoxxuti awtomatikament. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, inqis, madankollu, li huwa superfluwu li nfakkar il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni skont liema l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Prinċipju bħal dan huwa utli meta l-portata tal-eċċezzjoni tkun vaga. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. L-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa ċar billi jirreferi għal regoli ġurisdizzjonali preċiżi li l-ksur tagħhom jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni kkkunsidrata mill-qorti tar-rinviju u ssuġġerita minn Gjensidige sempliċement tmur kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
98. |
Sabiex nikkonkludi fuq dan il-punt, jien tal-fehma li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-protezzjoni li tingħata lill-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti tasal sabiex tieħu l-forma ta’ motiv ġdid għal rifjut f’każ ta’ ksur tagħhom, wieħed kien jistenna li l-leġiżlatur jagħmel dan espressament. B’kuntrast ma’ dan, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li tippermetti li r-rikonoxximent ta’ sentenza jiġi rrifjutat, tindika li dan il-leġiżlatur kjarament ma kellux din l-intenzjoni. |
b) Interpretazzjoni wiesgħa tal‑motiv relatat mal‑ordni pubbliku?
|
99. |
Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni tistax twassal għal interpretazzjoni wiesgħa tal-motiv espost fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, skont liema r-rikonoxximent ta’ sentenza, fil-prinċipju, għandu jiġi rrifjutat jekk tali rikonoxximent ikun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat indirizzat. |
|
100. |
Jien tal-fehma li l-osservazzjonijiet kollha tiegħi li saru fir-rigward tal-motiv imsemmi fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) japplikaw mutatis mutandis peress li t-test tal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa ugwalment ċar. |
|
101. |
Fil-fatt, ir-risposta għat-tielet domanda rrinvijata tingħata, parzjalment, fl-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, kif sostnut, essenzjalment, mill-Gvern Litwan. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-kriterju ta’ ordni pubbliku “ma jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġurisdizzjoni”. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-motivi stabbiliti fl-Artikolu 45(1)(e) tar-Regolament Nru 1215/2012 diskussi fis-subtaqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet u jien ma nara l-ebda raġuni għaliex din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod differenti mill-formulazzjoni tagħha stess. |
|
102. |
Madankollu, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-motiv ta’ ordni pubbliku, mhux biss dwar sitwazzjoni li fiha ftehim dwar għażla tal-qorti ma ġiex osservat iżda wkoll dwar sitwazzjoni li tinvolvi ksur ta’ ftehim dwar il-liġi applikabbli. |
|
103. |
Madankollu, il-proċess tal-kawża ma jiżvela ebda informazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim bejn il-partijiet involuti. |
|
104. |
Din il-parti tat-tielet domanda għalhekk tidher li hija inammissibbli. |
|
105. |
Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li l-qorti tar-rinviju għandha tħassib dwar il-fatt li, meta stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fuq it-talba inkwistjoni, ir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant) tat bidu għall-applikabbiltà tad-dritt Olandiż fir-rigward tal-merti, li mbagħad wassal sabiex ir-responsabbiltà tat-trasportatur tiġi ddeterminata taħt id-dritt Olandiż u mhux taħt id-dritt Litwan. Il-qorti tar-rinviju temmen li l-konvenuta fil-proċeduri quddiem il-qorti Olandiża (jiġifieri, skont il-fehim tiegħi, minn Gjensidige) ma setgħetx tipprevedi tali konsegwenzi. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tgħix dan espressament, nifhem dawn ir-rimarki bħala li jfissru li l-kwistjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur kellha tiġi ddeterminata b’applikazzjoni tad-dritt Litwan, u mhux b’applikazzjoni tad-dritt Olandiż u li r-riżultat huwa inqas favorevoli għal parti bħal Gjensidige. |
|
106. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li l-Artikolu 29(1) taċ-CMR, li jirreferi għad-dritt nazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom ir-responsabbiltà tat-trasportatur tista’ titqies bħala mingħajr limiti ( 46 ), jidher li huwa f’kunflitt mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 47 ). |
|
107. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddubita li s-sitwazzjoni li tirriżulta hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, kif ukoll mal-prinċipji sottostanti, kif nifhem jien, ir-Regolament Nru 1215/2012. |
|
108. |
F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel, li l-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw, kif diġà ġie enfasizzat repetutament, ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. |
|
109. |
Pjuttost, id-domanda ewlenija f’dan il-kuntest hija jekk id-differenzi fid-dritt sostantiv li jidhru li jeżistu bejn id-dritt Olandiż u dak Litwan, fir-rigward tal-portata tar-responsabbiltà tat-trasportatur, jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut tas-sentenza li tirriżulta fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-motiv ta’ ordni pubbliku taħt l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
110. |
Ma naħsibx li jistgħu jagħmlu dan. |
|
111. |
L-ewwel, skont ġurisprudenza stabbilita, filwaqt li l-Istati Membri fil-prinċipju jibqgħu liberi li jiddeterminaw, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom stess, x’inhuma r-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett huma kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina mill-ġdid il-limiti li fihom il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jirrikorru għal dan il-kunċett sabiex jiċħdu r-rikonoxximent ta’ sentenza li toħroġ minn qorti fi Stat Membru ieħor ( 48 ). |
|
112. |
It-tieni, dan il-motiv jista’ jiġi invokat biss f’każijiet eċċezzjonali ( 49 ), meta r-rikonoxximent ikun “[jolqot] is-sistema legali tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli [jew, f’dan ir-rigward, ir-rikonoxximent ikun oppost] peress li jippreġudika prinċipju fundamentali” ( 50 ). |
|
113. |
It-tielet, u għall-kuntrarju, il-motiv għal rifjut stabbilit fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jistax jiġi attivat għas-sempliċi raġuni li, “teżisti differenza bejn id-dispożizzjoni legali applikata mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru fejn issir it-talba kieku t-tilwima tressqet quddiemha” ( 51 ). |
|
114. |
It-tħassib ċentrali tal-qorti tar-rinviju jidher li huwa li, minħabba l-allegata determinazzjoni żbaljata tal-qorti b’ġurisdizzjoni fuq it-talba inkwistjoni, din it-talba spiċċat tiġi ddeterminata taħt id-dritt Olandiż, pjuttost milli d-dritt Litwan. |
|
115. |
Sa fejn dan it-tħassib jikkonsisti fl-indikazzjoni li l-qorti tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċidiet b’mod żbaljat id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala d-dritt applikabbli, ninnota li tali żball, anki meta stabbilit, ma jistax fih innifsu, iwassal għar-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ dik is-sentenza. |
|
116. |
Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li tali rifjut huwa possibbli biss meta r-rikonoxximent tas-sentenza li tirriżulta jikser prinċipju li huwa kkunsidrat, fl-Istat indirizzat, bħala fundamentali. |
|
117. |
Madankollu, fir-rigward tal-konsegwenzi speċifiċi tar-rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax il-mod li bih id-diskrepanza ta’ dritt sostantiv imsemmija iktar ’il fuq (u r-rikonoxximent tas-sentenza Olandiża) taffettwa lill-ordni pubbliku tal-Litwanja, u, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, tkun f’kontradizzjoni, sa grad inaċċettabbli, mal-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru tant li tikser prinċipju fundamentali. |
|
118. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari, jien tal-fehma li l-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix sitwazzjoni li fiha l-qorti tal-oriġini stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha abbażi ta’ waħda minn diversi regoli li jinsabu f’konvenzjoni speċjalizzata, fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinkludu, iżda ma jikklassifikawhx bħala esklużiv, ftehim dwar għażla tal-qorti, u meta l-qorti tal-oriġini ma kinitx il-qorti nnominata mill-ftehim dwar għażla tal-qorti konkluż mill-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li żball, meta stabbilit, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli ma jistax, fih innifsu, iwassal għar-rikonoxximent ta’ sentenza li jiġi rrifjutat għar-raġuni li hija konfliġġenti mal-ordni pubbliku tal-Istat indirizzat. |
|
119. |
Din ir-risposta, flimkien ma’ dik issuġġerita iktar ’il fuq fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet jipprovdu, fil-fehma tiegħi, kjarifika rilevanti li tippermetti lill-qorti tar-rinviju ssolvi l-kwistjoni pendenti quddiemha. Madankollu, għal raġunijiet ta’ kompletezza u sabiex nindirizza d-diskussjoni estensiva li saret dwar din il-kwistjoni f’dawn il-proċeduri, ser nispjega li r-regoli ġurisdizzjonali taċ-CMR, fl-ebda każ, ma jiksru l-prinċipji sottostanti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea skont l-applikazzjoni tat-test stabbilit fis-sentenza fil-kawża TNT Express. |
D. “Il-kriterju TNT Express” u n‑natura mhux esklużiva ta’ ġurisdizzjoni li tirriżulta minn ftehim dwar għażla tal‑qorti
|
120. |
Ħafna diskussjonijiet f’din il-kawża daru madwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fiċ-CMR humiex f’kontradizzjoni mal-kriterju stabbilit fis-sentenza TNT Express u, għaldaqstant, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażata l-operat tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
121. |
Il-problema, kif ipperċepita mill-qorti tar-rinviju, tirriżulta mill-fatt li, minn naħa waħda, ir-Regolament Nru 1215/2012 jikklassifika l-ġurisdizzjoni stabbilita minn ftehim dwar għażla tal-qorti bħala, fil-prinċipju, esklużiva. Madankollu, min-naħa l-oħra, iċ-CMR, filwaqt li tippermetti li tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fuq din il-bażi, tidher li tipprekludiha milli tkun esklużiva (mill-inqas fl-interpretazzjoni tagħha adottata mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), liema fehma tidher li hija aċċettata wkoll mill-qorti tar-rinviju). |
|
122. |
F’dan ir-rigward, ninnota, l-ewwel, li, fis-sentenza tagħha Nickel & Goeldner Spedition, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, kif tfakkar ġustament il-qorti tar-rinviju tinnota, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR ma humiex f’kunflitt mal-kriterju stabbilit fis-sentenza TNT Express. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, huwa minnu li f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-regoli kollha dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR (kif imniżżel fil-punt 38 iktar ’il fuq) bl-eċċezzjoni ta’ dik inkwistjoni f’dan il-każ ( 52 ). |
|
123. |
Nifhem li dan huwa għaliex il qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-differenza fit-trattament li ċ-CMR (kif, għal darba oħra, interpretata mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant)) tidher li tapplika għal ftehimiet dwar għażla tal-qorti, għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 1215/2012, tagħtix lok għal kunflitt mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. |
|
124. |
Jien ma nemminx li dan huwa l-każ. |
|
125. |
L-ewwel u qabel kollox, fid-dawl tal-pożizzjoni miżmuma mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant), jidher li hemm differenza bejn iċ-CMR u r-Regolament Nru 1215/2012 fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-ftehimiet dwar għażla tal-qorti. |
|
126. |
Madankollu, jien tal-fehma li tali differenza ma tikkostitwixxix kwistjoni fiha nnifisha. |
|
127. |
Fil-fatt, jekk kwalunkwe jew kull differenza twassal sabiex ir-reġim speċjalizzat jiġi megħlub mir-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 71(1) tiegħu jiġi mċaħħad mit-tifsira kollha tiegħu. L-ebda reġim speċjalizzat li jitbiegħed mir-Regolament Nru 1215/2012 ma jista’ qatt jiġi applikat f’relazzjonijiet legali intra-UE. Madankollu, tali riżultat ma jistax jiġi aċċettat fid-dawl tal-kliem ċar ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
128. |
Pjuttost, l-applikazzjoni ta’ regoli speċjalizzati li possibbilment ikunu differenti mir-regoli previsti mir-Regolament Nru 1215/2012 għandha tiġi rrifjutata biss meta dawn ikunu ġenwinament f’kontradizzjoni mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza TNT Express. Fir-rigward tar-regoli ġurisdizzjonali, il-prinċipji rilevanti huma dawk, essenzjalment, tal-prevedibbiltà għolja tar-regoli ġurisdizzjonali u ċ-ċertezza legali għal-partijiet fil-kawża, minn naħa waħda, u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, min-naħa l-oħra ( 53 ). |
|
129. |
Ma naħsibx li xi wieħed minn dawn il-prinċipji huwa mqiegħed f’riskju. |
|
130. |
L-ewwel, jien tal-fehma li, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ prevedibbiltà għolja tar-regoli ġurisdizzjonali, dak li huwa importanti huwa li r-rikorrent ikun jista’ jiddeċiedi faċilment fejn jista’ jiftaħ kawża, u li l-konvenut raġonevolment ibassar fejn dan jista’ jseħħ. |
|
131. |
Dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-Artikolu 31(1) taċ-CMR. Din id-dispożizzjoni ma tinkludix regola fformulata b’mod vag li tipprevedi, pereżempju, forum xieraq li għandu jiġi ddeterminat każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, u fl-interessi tal-ġustizzja, u li jitħalla fid-diskrezzjoni tal-qorti adita. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 31(1) taċ-CMR jistabbilixxi diversi kategoriji ta’ fora, iddefiniti b’mod ċar permezz ta’ kategoriji ġenerali u li jinftiehmu faċilment (jiġifieri, u fil-qosor, is-sede tal-konvenuti, il-post fejn il-merkanzija ttieħdet mit-trasportatur, il-post indikat għall-kunsinna jew, il-ftehim li sar bejn il-partijiet). |
|
132. |
Issa, il-qofol tal-kwistjoni f’din il-kawża jidher li huwa l-fatt li l-ġurisdizzjoni, kif irregolata miċ-CMR (fl-interpretazzjoni tagħha adottata mir-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant)), meta ddeterminata bi ftehim dwar għażla tal-qorti, ma ssirx esklużiva wkoll. Pjuttost, din l-interpretazzjoni taċ-CMR tidher li tippreserva l-fora l-oħra kollha possibbli previsti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR. |
|
133. |
F’dan ir-rigward, wieħed jista’ ċertament jargumenta li l-preżunzjoni ta’ esklużività mogħtija lill-ftehimiet dwar għażla tal-qorti mir-Regolament Nru 1215/2012 issaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża (u b’mod speċjali għall-konvenut) peress li tagħmilha ċara li meta ftehim dwar għażla tal-qorti jkun ġie konkluż, u sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, il-fora ipotetiċi l-oħra jistgħu, fil-prinċipju, jiġu esklużi b’suċċess. |
|
134. |
Madankollu, jien tal-fehma li d-determinazzjoni ta’ jekk forum magħżul b’dan il-mod għandux jitqies esklużiv jew le hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ strateġija li fuqha jistgħu jittieħdu pożizzjonijiet differenti f’ordinamenti ġuridiċi differenti (u f’oqsma differenti tagħhom). |
|
135. |
F’dan ir-rigward, l-awturi ta’ konvenzjoni li tirregola kwistjoni partikolari, bħaċ-CMR, setgħu kellhom raġunijiet validi sabiex jinsistu fuq id-disponibbiltà ta’ diversi fora fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur ( 54 ). |
|
136. |
Barra minn hekk, nikkonstata li, filwaqt li r-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi l-preżunzjoni ta’ esklużività tal-ftehimiet dwar għażla tal-qorti, tali esklużività ma hijiex regola assoluta u jista’ jsir tbegħid minnha mill-partijiet. Meta jiġri hekk, is-sitwazzjoni ssir simili għal dik li tidher li tirriżulta mill-Artikolu 31(1) taċ-CMR. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1215/2012 stess jillimita l-effett tal-ftehimiet dwar għażla tal-qorti peress li dawn il-ftehimiet ma jistgħux ibiddlu l-operat tar-regoli ġurisdizzjonali f’ċerti kwistjonijiet ( 55 ). |
|
137. |
It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u r-riskju li jinbdew proċeduri konkorrenti, il-fatt li ftehim dwar għażla tal-qorti ma jitqiesx esklużiv fil-fatt iżid dan ir-riskju. Madankollu, nosserva li l-Artikolu 31(2) taċ-CMR fih regola ta’ lis alibi pendens, li fl-espressjoni ġenerali tagħha hija analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 peress li għandha l-għan li, fil-fehma tiegħi, tevita ir-riskju li jsiru proċeduri b’mod parallel u li jingħataw sentenzi irrikonċiljabbli ( 56 ). |
|
138. |
Huwa minnu li, mhux bħar-Regolament Nru 1215/2012, iċ-CMR ma fihiex regoli ta’ lis alibi pendens li jkunu speċifikament protettivi ta’ ftehimiet dwar għażla tal-qorti (bħal dawk fl-Artikolu 31(2) u fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1215/2012). Dik id-differenza hija, madankollu, il-konsegwenza loġika tal-għażla tal-ordni pubbliku msemmija iktar ’il fuq li tiġi kkunsidrata l-ġurisdizzjoni li tirriżulta minn tali ftehimiet bħala alternattiva li għandha tiġi ppreservata flimkien ma’ regoli oħra possibbli. |
|
139. |
Din il-ħarsa ġenerali, għalhekk, twassalni sabiex nikkunsidra li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012 u l-kriterju stabbilit fis-sentenza TNT Express ma jipprekludux l-interpretazzjoni tar-regola ġurisdizzjonali stabbilita fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR skont liema ġurisdizzjoni li tirriżulta minn ftehim ta’ għażla tal-qorti ma tistax titqies bħala esklużiva. |
|
140. |
Intenni li l-analiżi tiegħi f’din it-taqsima saret sempliċiment għal raġunijiet ta’ kompletezza u sabiex nindirizza d-dibattitu ħaj li seħħ f’din il-kawża dwar din il-kwistjoni. B’mod partikolari, infakkar fil-kunsiderazzjonijiet tiegħi hawn fuq li minnhom jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini ma tistax tiġi eżaminata mill-ġdid mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali dwar ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. |
V. Konklużjoni
|
141. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja, il-Litwanja) kif ġej: L-Artikolu 45(1)(a) u (e)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-motivi għar-rifjut tar-rikonoxximent stabbiliti hemmhekk ma japplikawx għal sitwazzjoni li fiha l-qorti tal-oriġini stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ waħda minn diversi regoli li jinsabu f’konvenzjoni speċjalizzata, fis-sens tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinkludu, iżda ma jikklassifikawhx bħala esklużiv, ftehim dwar għażla tal-qorti, u meta l-qorti tal-oriġini ma kinitx il-qorti maħtura mill-ftehim dwar għażla tal-qorti konkluż mill-partijiet kkonċernati. Barra minn hekk, l-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li żball, meta stabbilit, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli ma jistax, fih innifsu, iwassal għar-rikonoxximent ta’ sentenza rrifjutata għall-motiv li huwa kontra l-ordni pubbliku tal-Istat indirizzat. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 3 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243) (iktar ’il quddiem is-“sentenzaTNT Express”). Dik is-sentenza kienet tikkonċerna r-regolament li jippreċedi r-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Dan tal-aħħar issostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1978, L 304, p. 36) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell 1968”). Skont ġurisprudenza stabbilita “sa fejn, [ir-Regolament Nru 1215/2012] iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tal-aħħar, tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ‘ekwivalenti’”. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland (C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 27).
( 4 ) Magħmula f’Genève, fid‑19 ta’ Mejju 1956, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 399, p. 189; kif emendata bil-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija (CMR), Genève, 5 ta’ Lulju 1978, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1208, p. 427 u l-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Stradali Internazzjonali ta’ Merkanzija (CMR), dwar Nota ta’ Kunsinna Elettronika, Genève, 20 ta’ Frar 2008, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2762, p. 23.
( 5 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li t-test uffiċjali taċ-CMR bil-lingwa Litwana ma huwiex preċiż meta mqabbel ma’ verżjonijiet miktuba b’lingwi oħra.
( 6 ) Ninnota li wħud mill-verżjonijiet pubblikament disponibbli taċ-CMR ma jidhirx li fihom is-sentenza “u f’ebda qrati jew tribunali oħra”, li tidher fl-aħħar nett tal-Artikolu 31(1) taċ-CMR. Madankollu, il-verżjoni uffiċjali disponibbli fil-Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNTS) tagħmel dan.
( 7 ) Ara wkoll f’iktar dettall in-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il quddiem.
( 8 ) L-Artikolu 23(1) taċ-CMR jiddikjara li “meta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, ir-responsabbiltà għal kumpens għal telf totali jew parzjali tal-merkanzija tiġi attribwita lit-trasportatur, dan il-kumpens huwa kkalkolat skont il-valur tal-merkanzija fil-post u fi żmien l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija”. L-Artikolu 23(3) tagħha jżid li “madankollu, il-kumpens ma jistax jeċċedi 8.33 unità ta’ għadd għal kull kilogramm ta’ piż gross li huwa nieqes” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 9 ) Kif spjegat f’iktar dettall iktar ’il fuq fil-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Gjensidige targumenta li ż-żewġ rikorsi ma għandhomx l-istess għan u jqis li ma jinvolvux l-istess partijiet. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet tal-lis alibi pendens huma ssodisfatti. Kif korrettament tindika din il-qorti, rikors għal sentenza dikjaratorja negattiva u rikors għal indennizz ippreżentati fir-rigward tal-istess dannu għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom l-istess kawża għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola tal-lis alibi pendens fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012. Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponkoa Insurance Co. (Europe) (C‑452/12, EU:C:2013:858, iktar ’il quddiem is-“sentenzaNipponkoa”, punti 40 sa 49), li kkonċernat ir-regola ekwivalenti stabbilita fir-Regolament Nru 44/2001, jew tas‑6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, EU:C:1994:400, iktar ’il quddiem is-“sentenzaTatry”, punt 44).
( 11 ) L-Artikolu 31(1) taċ-CMR jirreferi b’mod iktar speċifiku għar-residenza ordinarja tal-konvenut, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu u l-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ transport ġie konkluż.
( 12 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-pożizzjoni tal-partijiet kontraenti taċ-CMR fuq din il-kwistjoni tidher li hija differenti. Ara l-punt 7.3 tas-sommarji miktuba mill-Institut du Droit International des Transports dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 taċ-CMR, li tista’ tinsab fuq: https://www.idit.fr/rapports-pays/index.php?lang=en. Ara wkoll Commentary on the Convention of 19 May 1956 on the Contract for the International Carriage of Goods by Road (CMR), Nazzjonijiet Uniti 1975, punt 240, p. 64, ECE/TRANS/14.
( 13 ) Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-proċess jirriżulta li l-merkanzija inkwistjoni kellha tiġi ttrasportata mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Litwanja. B’kuntrast ma’ dan, il-fatturi l-oħra ta’ konnessjoni kollha mfakkra fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet jidhru li jwasslu għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Litwanja.
( 14 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.
( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:50, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawżaTNT Express”, punt 22). Mill-proċess jirriżulta li differenzi f’dan ir-rigward jeżistu wkoll bejn il-ġurisprudenza Olandiża u dik Litwana.
( 16 ) Ibidem.
( 17 ) Ninnota li, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, ftehim dwar għażla tal-qorti huwa preżunt li huwa esklużiv sakemm ma jkunx indikat mod ieħor.
( 18 ) Cremona, M., “The Internal Market and Private International Law Regimes: A Comment on Case C-533/08 TNT Express Nederland BV v AXA Versicherung AG, Judgment of the Court (Grand Chamber) of 4 May 2010 (July 2014)”, EUI Department of Law Working Paper No. 2014/08, Lulju 2014, p. 12. Il-premessa 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li “[l]-osservanza tal-impenji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri tfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri”.
( 19 ) Sentenza TNT Express, punt 47. Ara, b’mod partikolari, it-tieni sentenza tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Sentenza Tatry, punt 24. Ara wkoll is-sentenza TNT Express, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Brite Strike Technologies (C‑230/15, EU:C:2016:366, punt 31). Madankollu, dan ir-raġunament kien partikolarment preżenti fl-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968. Din id-dispożizzjoni, inkwistjoni fis-sentenza fil-kawża Tatry, ippreċediet l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 u kienet differenti minnu biss (iżda b’mod importanti) fil-fatt li ppreservat il-possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonkludu tali konvenzjonijiet speċjalizzati pro futuro. Sentenza TNT Express, punt 38.
( 21 ) Sar riferiment għaliha iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Konklużjonijiet fil-kawża TNT Express, punt 27.
( 23 ) Sentenza TNT Express, punt 56.
( 24 ) Ibidem, punt 51.
( 25 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat dawn il-prinċipji bħala l-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ta’ prevedibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-individwi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, b’riferiment għall-premessi 6, 11, 12 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001. Is-sentenza TNT Express, punt 49.
( 26 ) Cremona, M., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, fil-p. 6.
( 27 ) Kuijper, P.J., “The Changing Status of Private International Law Treaties of the Member States in Relation to Regulations No. 44/2001”, Legal Issues of Economic Integration, 2011, p. 89 sa p. 104, fil-p. 99.
( 28 ) Ara wkoll, Attal, M., “Droit international privé communautaire et conventions internationales: une délicate articulation”, Petites affiches, Nru 238, 2010, p. 22.
( 29 ) Kuijper P.J., iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, fil-p. 102. Għal pożizzjoni differenti, ara Cremona, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, fil-p. 6.
( 30 ) Imfakkra fis-sentenzi Nipponkoa, punti 36 sa 39; tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, iktar ’il quddiem is-“sentenzaNickel & Goeldner Spedition”, punt 38); u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Brite Strike Technologies (C‑230/15, EU:C:2016:560, iktar ’il quddiem is-“sentenzaBrite Strike Technologies”, punt 65).
( 31 ) Ara wkoll, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, iktar ’il quddiem is-“sentenza Diageo Brands”, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Kif ikkonfermat fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, reċentement, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, H Limited (C‑568/20, EU:C:2022:264, iktar ’il quddiem is-“sentenzaH Limited”, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest tar-Regolament 44/2001, ara s-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 49) u tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 31).
( 33 ) Sentenza TNT Express, punt 63.
( 34 ) Naqbel li s-sitwazzjoni ma hijiex differenti minn dik li tirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt intern sabiex tistabbilixxi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludihomx. Konklużjonijiet fil-kawża TXT Express, punti 76 u 78. Lanqas ma hija differenti mill-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-ftehimiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 351 TFUE sabiex tistabbilixxi jekk hemmx bżonn li l-Istati Membri jeliminaw l-“inkompatibbiltajiet” taħt din id-dispożizzjoni.
( 35 ) Infakkar li din il-konvenzjoni tmur lura għall‑1956 u ġiet emendata fl‑1978 u fl‑2008 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 hawn fuq). Dawn l-emendi ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.
( 36 ) Ara, għal dan il-għan, il-konklużjonijiet fil-kawża TNT Express, punt 93.
( 37 ) Sentenza TNT Express, punt 55.
( 38 ) Ara, pereżempju, Lamont-Black, S., “The UK Supreme Court on jurisdiction over successive CMR Convention carriers and European Union rules”, Uniform Law Review, Vol. 21, Ħarġa 4, 2016, p. 487 sa p. 509, fil-p. 498, kif ukoll Kuijper, P.J., iċċitat fin-nota f’qiegħ il-paġna 27, fil-p. 99 (filwaqt li jiġi indikat madankollu li dik il-konklużjoni ma kinitx kompletament ċerta).
( 39 ) Ara wkoll l-Artikolu 71(2)(b) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 40 ) Kif dan isegwi mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1215/2012 li jipprevedi li “[f]tehim[iet] […] li jagħtu ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali […] jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24”.
( 41 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 46) fil-kuntest tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968. Ara wkoll u pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Apostolides (C‑420/07, EU:C:2008:749, punt 83) fir-rigward tal-ġurisdizzjoni fuq tilwim li għandu bħala għan drittijiet in rem fi proprjetà immobbli.
( 42 ) Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta jkunu għaddejjin proċeduri paralleli, u waħda minnhom tkun pendenti quddiem il-qorti adita fuq il-bażi ta’ ftehim dwar għażla tal-qorti, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha toqgħod lura milli tiddeċiedi fuq il-kwistjoni, meta l-qorti nnominata tikkonferma li għandha ġurisdizzjoni, u sakemm dik il-qorti ma tiddikjarax li dan ma huwiex il-każ. Ara wkoll il-premessa 22 tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 43 ) Ara, is-sentenza H Limited, punt 31 jew, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, iktar ’il quddiem is-“sentenza flyAL”, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessa 30, imfakkra ġustament mill-Gvern Litwan, skont liema “[ir-rikonoxximent] ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata biss jekk raġuni għal rifjut waħda jew aktar kif hemm previst f’dan ir-Regolament ikunu preżenti”.
( 44 ) Kif tinnota l-qorti tar-rinviju, il-ksur allegat tar-regoli ġurisdizzjonali jista’ jiġi kkontestat permezz tar-rimedji disponibbli fl-Istat Membru tal-qorti kkonċernata.
( 45 ) Dan huwa l-każ tat-Taqsima 3, 4 jew 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 46 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 41 sa 43.
( 47 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).
( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza flyLAL, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 49 ) Sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), fil-kuntest tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001.
( 50 ) Ara, is-sentenza Diageo Brands, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 51 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza flyAL, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 52 ) Sentenza Nickel & Goeldner Spedition, punti 39 sa 41.
( 53 ) Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 53 tas-sentenza tagħha TNT Express, il-prinċipji rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni li huma dawk ta’ prevedibbiltà għolja, amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji. Fil-punt 65 tas-sentenza Brite Strike Technologies, dawn il-prinċipji jirrigwardaw iċ-ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
( 54 ) Ninnota li flessibbiltà simili tidher li tintalab ukoll fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġarr ta’ Merkanzija bil-Baħar, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, 1978, Vol. 1695, p. 3, jew fl-Artikolu 46(1) tar-Regoli Uniformi li Jirrigwardaw il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bil-Ferrovija (CIM), simili ħafna għall-Artikolu 31(1) taċ-CMR.
( 55 ) Ara l-Artikoli 15, 19 u l-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1215/2012.
( 56 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma riprodotti fil-punti 9 u 15 iktar ’il fuq.