|
16.12.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 451/109 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali”
COM(2014) 167 final – 2014/0091 (COD)
(2014/C 451/18)
|
Relatur: |
IS-SUR PATER |
|
Korelatur: |
IS-SUR DANDEA |
Nhar l-14 ta' April 2014 u t-12 ta' Ġunju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (riformulazzjoni)
COM(2014) 167 final – 2014/0091 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2014.
Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta' Lulju 2014 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Billi hemm bżonn li l-pensjonijiet okkupazzjonali jiġu żviluppati iktar u b'ritmu iktar mgħaġġel fil-qafas tas-sistemi tal-pensjonijiet tal-Istati Membri tal-UE, il-Kumitat jappoġġja ħafna mill-proposti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-Proposta għal Direttiva IORP II. |
|
1.2 |
Il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-fatt li ħafna mill-proposti li għamel il-KESE fl-Opinjoni dwar il-White Paper dwar Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli (1), ġew riflessi fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni (2). |
|
1.3 |
Peress li jqis li hemm bżonn ta' tipi oħra ta' tfaddil għal finijiet tal-pensjonijiet – b'mod partikolari fid-dawl tal-previżjonijiet ta' pensjonijiet iktar baxxi mill-Istat, il-KESE jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, li nħolqu b'riżultat tad-deċiżjonijiet tal-imsieħba soċjali, jistgħu jaqdu rwol ferm importanti biex jiżguraw li l-impjegati jkollhom pensjoni addizzjonali. |
|
1.4 |
Madankollu, il-Kumitat jesprimi t-tħassib dwar ċerti dispożizzjonijiet fil-Proposta għal Direttiva. |
|
1.4.1 |
Il-Kumitat ma jaqbilx mal-approċċ lejn l-IORP bħala istituzzjonijiet purament tas-swieq finanzjarji, ħaġa li ma tirrikonoxxix u ma tirrispettax iċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom. L-IORP huma istituzzjonijiet li jwettqu funzjoni soċjali importanti. Huma jġorru biċċa kbira mir-responsabbiltà tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali u saru addizzjoni indispensabbli għas-sistemi tal-pensjonijiet pubbliċi. Il-proposta għal Direttiva għandha tqis ir-rwol ewlieni tal-imsieħba soċjali fit-twaqqif u l-ġestjoni tal-programmi u l-fatt li l-prinċipji bażiċi tal-operazzjonijiet tagħhom iridu jqisu l-liġi tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol nazzjonali. |
|
1.4.2 |
Peress li hemm differenzi fundamentali bejn is-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri individwali u fl-iskemi tal-pensjonijiet tal-ħaddiema individwali, biex jitwettaq dan il-pjan, l-għanijiet tal-Kummissjoni m'għandhomx ikunu ta' approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd (one size fits all). Dan għandu impatt sinifikanti fuq l-istatus, id-drittijiet u l-aspettattivi differenti ta' dawk li jieħdu sehem u jibbenefikaw minn tali skemi. Pereżempju, il-KESE jikkritika l-proposta għall-introduzzjoni ta' mudell uniformi għall-informazzjoni li tintbagħat lill-membri kollha tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali fl-Unjoni Ewropea kollha. Fid-dawl tad-diversità li hemm, il-Kumitat jemmen li mhuwiex possibbli li tinħoloq formola unika li tipprovdi kull wieħed minn dawn il-membri u benefiċjarji bl-informazzjoni li hija l-iktar essenzjali u adatta għalihom. |
|
1.4.2.1 |
Il-Kumitat jenfasizza li armonizzazzjoni estensiva tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali tista' tiswa l-flus u fl-aħħar mill-aħħar ma twassalx biex jiġu żviluppati iktar (ħaġa li qed jistenna l-KESE), iżda biex jisparixxu gradwalment. |
|
1.4.3 |
Il-Kumitat jenfasizza li l-għan aħħari ta' sistemi ta' pensjonijiet li jaħdmu tajjeb hu li jiġi żgurat livell adegwat u stabbli ta' benefiċċji għall-persuni li jibbenefikaw minn dawn is-sistemi. Il-funzjoni ta' appoġġ tas-swieq kapitali, inklużi l-investimenti fit-tul, jistgħu jitqiesu biss bħala għan sekondarju, mingħajr ħsara għall-interessi tal-utenti u tal-benefiċjarji tal-iskemi. Filwaqt li jappoġġja l-possibbiltà li l-IORP jaqdu rwol ta' investiment ikbar fi “strumenti li għandhom profil ekonomiku fit-tul”, fl-istess ħin il-KESE huwa totalment oppost għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li “l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu istituzzjonijiet milli [...]jinvestu fi strumenti li [...]mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'faċilitajiet multilaterali tan-negozjar jew f'faċilitajiet organizzati tan-negozjar”. L-aċċess għal valutazzjoni oġġettiva ta' assi ta' skema kif ukoll għal informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar il-qagħda finanzjarja ta' emittent tat-titoli li fihom ikunu investiti l-assi ta' skema tal-pensjonijiet huwa prerekwiżit fundamentali għas-sigurtà finanzjarja tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskema. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jiddeċiedu jimponux restrizzjonijiet f'dan ir-rigward wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali. |
|
1.4.4 |
Iktar 'l isfel f'din l-Opinjoni hemm diskussjoni dettaljata dwar dawn l-oġġezzjonijiet u kummenti oħra tal-KESE. |
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
|
2.1 |
Il-Proposta tal-Kummissjoni hija verżjoni riveduta tad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORP) (3), li ilha fis-seħħ mill-2005. Hija simultanjament tikkodifika d-dispożizzjonijiet mhux mibdula tad-Direttiva u temendahom. |
|
2.2 |
Kif issemmi l-Kummissjoni, l-għan ewlieni tal-proposta hu li t-tfaddil tal-pensjonijiet isir iktar faċli fil-forma ta' pensjoni okkupazzjonali. Il-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll erba' objettivi speċifiċi:
|
|
2.3 |
Il-Proposta tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata fis-27 ta' Marzu 2014, bħala parti minn pakkett ta' miżuri intiż biex jiżgura l-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea. Il-memorandum spjegattiv fil-Proposta jenfasizza kemm-il darba l-bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-IORP biex tinvesti fi profil ekonomiku attiv fit-tul. |
|
2.4 |
Bħala ġustifikazzjoni tal-proposta tagħha l-Kummissjoni tenfasizza, fost oħrajn, li jekk l-Unjoni Ewropea ma taġġornax il-qafas regolatorju, hemm ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-liġi fl-Istati Membri individwali ser issir iktar u iktar diverġenti, u ser jinħolqu ostakli fl-attivitajiet transkonfinali tal-IORP, filwaqt li ma jiġix żgurat livell ogħla ta' protezzjoni pan-Ewropea tal-konsumatur u ma jinkisibx l-iffrankar assoċjat mal-ekonomiji ta' iskala. Il-Kumitat jinnota wkoll li qafas legali sod għall-IORP jista' jsaħħaħ l-iżvilupp tagħhom f'dawk il-pajjiżi fejn bilkemm jeżistu. |
|
2.5 |
Il-Kummissjoni tikkalkula li l-implimentazzjoni tad-Direttiva ser teħtieġ spejjeż ta' madwar EUR 22 għal kull parteċipant fl-iskema u spejjeż annwali ta' EUR 0,27- 0,80 għal kull membru. |
3. Osservazzjonijiet ġenerali
|
3.1 |
Livelli mnaqqsa ta' kopertura taħt skemi pubbliċi f'ħafna Stati Membri jfissru li soluzzjonijiet addizzjonali ser ikollhom jaqdu rwol dejjem iktar importanti biex jiġu żgurati pensjonijiet deċenti, liema soluzzjonijiet ħafna drabi jkunu appoġġjati mill-Istati Membri permezz ta' ħelsien mit-taxxa. L-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali għandhom rilevanza partikolari għax għandhom karatteristiċi li ma jeżistux fit-tfaddil individwali tal-pensjonijiet. Dawn l-iskemi huma finanzjati kompletament jew fil-biċċa l-kbira mill-impjegatur, filwaqt li huma faċilment disponibbli għall-impjegati, inkluż dawk fuq salarji iktar baxxi u li għandhom spejjeż tal-unità iktar baxxi minħabba l-ekonomiji ta' skala. Minħabba r-regoli interni tal-iskemi adottati mill-imsieħba soċjali, kultant pensjoni addizzjonali tiġi provduta anke għal perjodi li fihom l-impjegat ma kienx jista' jaħdem (pereżempju, mard, liv tal-maternità). Huma u jfasslu politika dwar l-investiment, l-imsieħba soċjali, f'ċerti skemi, ma jintroduċux biss kriterji ekonomiċi iżda anke pereżempju kriterji ta' natura etika, u b'hekk jippromovu fost in-negozji l-valuri li jqisu importanti. Peress li l-pensjonijiet okkupazzjonali jipprovdu pensjoni addizzjonali biss għal proporzjon żgħira ta' ċittadini tal-UE (bħalissa jaqdu rwol sinifikanti fi ftit Stati Membri biss, filwaqt li f'ħafna oħra mhumiex magħrufa), il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi biex jiġu żviluppati IORP. |
|
3.2 |
L-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali huma ta' benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-isponsors tal-iskemi, jiġifieri l-impjegaturi. Id-drittijiet akkwistati għall-pensjonijiet mill-impjegati huma effettivament kumpens addizzjonali għax-xogħol. Għall-impjegaturi l-iskemi tal-pensjonijiet huma mod kif jibnu relazzjoni fit-tul mal-persunal tagħhom. Għall-ħaddiema dawn l-iskemi ġeneralment jispiraw impenn ikbar u jnaqqsu r-rata ta' bidla tal-persunal. Għalhekk il-Kumitat jenfasizza li hemm bżonn kawtela kbira fl-adozzjoni ta' leġislazzjoni f'dan il-qasam, sabiex l-IORP ma jsirux inqas attraenti b'riżultat ta' piż finanzjarju addizzjonali jew burokrazija. |
|
3.3 |
Il-KESE huwa konxju li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa m'għandhiex l-għodod biex tikseb informazzjoni komprensiva u oġġettiva dwar l-ispejjeż tas-soluzzjonijiet ippjanati u trid topera abbażi ta' informazzjoni provduta mill-IORP rilevanti. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li l-ispejjeż tar-regolamenti proposti tnaqqsu għall-medja, u barra minn hekk, hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-elementi individwali ta' dawn l-ispejjeż globali. B'hekk mhux possibbli li jiġi determinat liema spejjeż jistgħu jinħolqu minn kull proposta u liema differenzi jistgħu joħorġu bejn il-pajjiżi individwali. |
|
3.4 |
Peress li d-Direttiva proposta tintroduċi rekwiżiti ġodda għall-IORP bi spejjeż addizzjonali, il-Kumitat jixtieq jara l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet potenzjali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva fil-fażi inizjali ta' IORP (sa 12-il xahar). B'hekk l-isponsor ikun jista' jwaqqaf IORP mingħajr spejjeż amministrattivi relattivament għoljin mill-ewwel ġurnata tal-operazzjonijiet tal-IORP, u jiddeċiedi wara jekk jixtieqx ikompli l-attivitajiet billi jiffinanzja IORP “proprju” jew jekk jippreferix jidħol ma' IORP eżistenti. Il-KESE jqis li dan ikun fattur f'deċiżjoni ta' impjegatur biex iwaqqaf IORP. |
|
3.5 |
Il-Kumitat jixtieq jenfasizza r-rwol kruċjali tal-imsieħba soċjali fil-proċess tal-ħolqien u l-ġestjoni ta' IORP. Fil-fehma tal-Kumitat l-awtonomija tal-imsieħba soċjali biex jiġu determinati soluzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjonijiet għandha tinżamm. Il-qafas leġislattiv għandu jiddetermina biss l-istandards minimi li għandhom jikkonformaw magħhom l-imsieħba responsabbli għall-iskemi. Il-KESE jenfasizza wkoll li f'ħafna Stati Membri hemm rabtiet mill-qrib ħafna bejn l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali u l-liġi tax-xogħol, il-liġi tas-sigurtà soċjali u r-regoli dwar ir-rwol tal-imsieħba soċjali. F'din il-proposta li qed tiġi analizzata l-KESE jħoss li r-rwol tal-imsieħba soċjali qed jiġi marġinalizzat meta dawn l-imsieħba ħafna drabi jkollhom ħafna snin ta' esperjenza fl-iżvilupp ta' skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali, minkejja d-dikjarazzjoni tal-Artikolu 21(2) li “din id-Direttiva hija bla ħsara għar-rwol tas-sħab soċjali fl-immaniġġjar tal-istituzzjonijiet”. L-IORP m'għandhomx jiġu ttrattati bħalma huma fil-proposta, sempliċiment bħala istituzzjoni finanzjarja iżda bħala istituzzjoni fi ħdan sistema tas-sigurtà soċjali, bi żvilupp u ġestjoni attivi mill-imsieħba soċjali. Il-Kumitat għalhekk itenni l-pożizzjoni tiegħu fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper (4). |
|
3.6 |
Il-KESE jenfasizza li r-relazzjonijiet bejn l-IORP u l-membri u l-benefiċjarji tal-iskema ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mod bħar-relazzjonijiet bejn istituzzjonijiet finanzjarji u l-klijenti (konsumaturi) tagħhom. |
|
3.7 |
Il-Kumitat bi pjaċir jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex ma tintroduċix soluzzjonijiet għal skemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali bil-għan li żżomm “sitwazzjoni b'kundizzjonijiet indaqs ma' Solvibbiltà II” (5). Il-KESE kien irrakkomanda dan fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper (6). Il-KESE jenfasizza li l-alinjament tar-rekwiżiti kwantitattivi u regolatorji fl-abbozz ta' Direttiva mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II (metodi ta' valutazzjoni tal-assi, u r-rekwiżit għal korelazzjoni iktar mill-qrib bejn l-ammont ta' kapital u l-livell ta' riskju) ikollu impatt detrimentali fuq l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali minħabba ż-żieda fir-rekwiżiti tal-kapital u tal-ispejjeż operattivi, kif ukoll interruzzjoni potenzjali għall-allokazzjoni tal-kapital. |
4. Osservazzjonijiet speċifiċi
4.1 Attivitajiet transkonfinali
|
4.1.1 |
Il-KESE jenfasizza li l-aspetti kollha tal-attivitajiet transkonfinali tal-IORP speċifikati fl-Artikoli 12 u 13 tal-proposta għal Direttiva jridu jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-impjegaturi li jwaqqfu l-iskema u l-impjegati tagħhom, u jridu jservu l-interessi tagħhom. Għalhekk, id-deċiżjonijiet dwar jekk dawn l-attivitajiet għandhomx jitwettqu għandhom jittieħdu mill-imsieħba soċjali li jwaqqfu l-iskema. |
|
4.1.2 |
Il-Kumitat jilqa' l-introduzzjoni tal-possibbiltà li l-iskemi tal-pensjonijiet jiġu trasferiti għal istituzzjonijiet fi Stati Membri oħra, sakemm dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni riċevitur u mill-membri u l-benefiċjarji konċernati. |
|
4.1.3 |
Il-Kumitat huwa favur miżuri għall-appoġġ ta' aspetti transkonfinali tal-attività tal-IORP, u jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-IORP jiġu promossi u propogati fl-Istati Membri fejn din ix-xorta ta' skema ma teżistix jew bdiet dieħla biex is-settur ikun jista' jagħmel progress sinifikanti. |
|
4.1.4 |
Fil-fehma tal-KESE l-awtorizzazzjoni li l-IORP jinvestu fi Stati Membri oħra tal-UE, b'konformità mar-regoli tal-pajjiż tal-oriġini, hija pass pożittiv li jiffaċilita l-attività tal-IORP f'suq komuni Ewropew. |
4.2 Il-ġestjoni u l-ġestjoni tar-riskju
|
4.2.1 |
Il-KESE japprova l-proposta għal trasparenza ikbar f'termini tar-remunerazzjoni ta' persuni b'pożizzjonijiet kruċjali fl-IORP sakemm jitqiesu t-tipi differenti ta' governanza tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali. |
|
4.2.2 |
Il-Kumitat iqis li f'każ li l-ġestjoni tal-assi ssir abbażi tal-esternalizzazzjoni, ir-regoli dwar ir-remunerazzjoni għandhom jiġu żvelati, kif għandu jiġi żvelat ukoll l-ammont riċevut mill-kumpanija ta' ġestjoni, iżda mhux ir-remunerazzjoni ta' impjegati seletti fit-tali kumpanija. Il-Kumitat jikkritika l-pjan li l-politiki ta' remunerazzjoni trasparenti jiġu estiżi għal kumpaniji li jiġġestixxu l-iskemi abbażi tal-esternalizzazzjoni. Dan jista' jkun ostaklu serju biex jinstabu kumpaniji li jaqdu dawn il-kompiti, b'mod partikolari għall-ġestjoni ta' skemi ta' pensjonijiet fuq skala żgħira. |
|
4.2.3 |
Il-Kumitat jilqa' proposti oħra għal regolazzjoni ulterjuri tal-esternalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-iskemi tal-pensjonijiet iżda jirrakkomanda l-kawtela meta jiġu definiti l-obbligi li jridu jiġu sodisfati minn dawn il-kumpaniji ta' ġestjoni. |
|
4.2.4 |
Fir-rigward tal-proposta li jiġu definiti kriterji għal persuni adatti biex jamministraw l-istituzzjoni u l-persuni biex jaqdu funzjonijiet ewlenin oħrajn, il-KESE jqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-IORP u r-rwol dejjiemi tal-imsieħba soċjali fil-ġestjoni tal-IORP (pereżempju permezz tad-dritt li jaħtru rappreżentanti proprji bħala membri tal-korpi li jamministraw jew jimmonitorjaw l-IORP). Wara kollox l-IORP mhumiex istituzzjonijiet finanzjarji tipiċi bi skop ta' qligħ, iżda huma organizzazzjonijiet monitorjati mill-impjegaturi u l-impjegati. Għal raġunijiet evidenti, huma jimmiraw li jżommu l-ispejjeż tal-organizzazzjoni baxxi kemm jista' jkun. Għalhekk, dan għandu jitqies fil-ħiliet rekwiżiti għall-funzjonijiet ta' ġestjoni ta' IORP, peress li d-dispożizzjonijiet ma jistgħux jillimitaw ir-rwol moqdi mill-imsieħba soċjali fil-proċess tal-ġestjoni tal-iskema tal-pensjoni iktar milli hu fis-sistema attwali |
|
4.2.5 |
Il-Kumitat jipproponi li l-analiżi tal-ħiliet mwettqa għall-maniġers tiġi applikata għall-korp sħiħ ta' ġestjoni jew ta' monitoraġġ u mhux għal persuni individwali. Il-bażi biex titwettaq din il-proposta tista' tkun definizzjoni separata fl-Artikolu 23 dwar ir-rekwiżiti għal persuni li jamministraw istituzzjoni u l-persuni li jaqdu rwoli ewlenin fiha. Tali soluzzjoni tkun tippermetti li l-imsieħba soċjali jkomplu jiġu rappreżentati fil-korpi li jamministraw l-IORP filwaqt li fl-istess ħin jgħollu r-rekwiżiti għall-persuni involuti direttament fl-attivitajiet statutorji tal-IORP. |
|
4.2.6 |
Il-Kumitat jenfasizza li r-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-IORP iridu jqisu l-karatteristiċi strutturali speċifiċi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. F'din l-iskema hemm tliet partijiet interkonnessi: impjegatur/sponsor, impjegat/membru fl-iskema kif ukoll l-IORP. Minn naħa dan jiżgura sistema iktar sigura, minħabba s-superviżjoni reċiproka mill-partijiet differenti, filwaqt li min-naħa l-oħra jikkomplika l-affarijiet peress li jfisser li l-leġislazzjoni dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji trid tiġi koordinata mal-liġi tax-xogħol, il-liġi tas-sigurtà soċjali u r-regoli dwar il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri individwali. |
|
4.2.7 |
Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea hija konxja tal-problemi potenzjali li jinħolqu jekk ir-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-IORP jsiru iktar stretti, u jappoġġja d-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li s-sistemi ta' governanza jkunu proporzjonali għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP (Artikoli 22, 24, 25, 26, 29). |
|
4.2.8 |
Fil-fehma tal-KESE, l-prijorità għall-IORP għandha tkun li tiżgura r-riżorsi finanzjarji akkumulati fl-iskemi tal-pensjonijiet u livell adatt ta' provvista ta' pensjonijiet, fejn politika ta' investiment bilanċjata tkun kontribut. L-appoġġ għal-investimenti fit-tul m'għandux jaħbi l-għan ewlieni tal-IORP, li huwa li jipprovdu lill-membri bi dħul fi xjuħithom. Il-possibbiltà li l-assi tal-iskema tal-pensjoni jiġu valutati b'mod frekwenti u oġġettiv flimkien mal-aċċess għal informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent tat-titoli li tinvesti fihom l-IORP huma prerekwiżit għall-investiment sigur ta' dawn l-assi. |
|
4.2.8.1 |
Il-KESE jqis b'mod pożittiv il-proposta li l-assi tal-iskema ta' pensjoni okkupazzjonali jistgħu jinvestu mingħajr xkiel min-naħa tal-Istati Membri fi strumenti li għandhom profil ekonomiku fit-tul. |
|
4.2.9 |
Madankollu, il-Kumitat jopponi l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li “l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu istituzzjonijiet milli [...]jinvestu fi strumenti li [...]mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'faċilitajiet multilaterali tan-negozjar jew f'faċilitajiet organizzati tan-negozjar”. Il-KESE jinnota li, fil-każ tal-iskemi ta' kontribuzzjonijiet definiti, meta ma tkunx possibbli l-valutazzjoni kontinwa tal-assi tagħhom, tali investimenti jkunu soluzzjoni ferm riskjuża għall-membri tal-iskema. Approċċ ibbażat fuq din ix-xorta ta' politika ta' investiment inaqqas it-trasparenza peress li ma jkunx possibbli li l-membri jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-valur tal-fondi akkumulati u l-benefiċċji mistennija meta jilħqu l-età tal-pensjoni. Din hija xi ħaġa partikolarment importanti għall-membri li jġarrbu r-riskju kollu tal-investiment. Madankollu, il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jiddeċiedu jimponux restrizzjonijiet f'dan ir-rigward wara li jikkonsultaw mal-imsieħba soċjali. |
|
4.2.9.1 |
Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li IORP tinvesti f'investimenti infrastrutturali fit-tul. Madankollu jħoss li l-investimenti f'tali proġetti mingħajr limitu fuq il-kwantità għandhom ikunu permessi biss jekk jintużaw strumenti finanzjarji elenkati fil-borża (pereżempju ishma, bonds), jew strumenti finanzjarji disponibbli b'mod miftuħ fis-suq finanzjarju (pereżempju diversi tipi ta' fondi ta' investiment, ishma elenkati fil-boroż ta' kumpaniji li jinvestu direttament fi proġetti fit-tul). |
|
4.2.10 |
Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li temenda l-Artikolu 20(1)(d) tal-proposta għal Direttiva, li tistabbilixxi r-regoli għall-investiment fi strumenti derivattivi. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-esperjenza tal-kriżi tiġġustifika l-bżonn għal trażżin maġġuri tar-regola attwali, li hija estensiva ħafna, skont liema regola l-IORP jistgħu jinvestu fi strumenti derivattivi sabiex “jiffaċilita(w) l-immaniġġjar effiċjenti tal-portafoll”. |
|
4.2.11 |
Il-Kumitat jappoġġja kompletament l-introduzzjoni ta' depożitarji għal skemi fejn il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskju sħiħ tal-investiment, u jħoss li d-depożitarji huma mezz essenzjali biex jiġu salvagwardjati l-assi tal-istituzzjonijiet ta' investiment kollettiv fid-dinja tal-lum. |
|
4.2.12 |
Il-KESE japprova r-rekwiżit għal funzjoni aktwarjali effettiva fi skemi fejn il-membri u l-benefiċjarji ma jġorrux it-tipi kollha ta' riskju. |
4.3 Informazzjoni għall-membri u l-benefiċjarji
|
4.3.1 |
Il-KESE bi pjaċir jilqa' r-rekwiżit li ssir disponibbli firxa usa' ta' informazzjoni, kemm għall-membri kif ukoll għall-benefiċjarji, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu. Jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' rekwiżit li l-IORP jipprovdu informazzjoni importanti tal-inqas darba kull 12-il xahar dwar, pereżempju, il-garanziji tal-iskemi, il-kontribuzzjonijiet globali, l-ispejjeż tas-sħubija fl-iskema, il-profil tal-investiment, il-prestazzjoni fil-passat u l-proġezzjonijiet tal-pensjoni. |
|
4.3.2 |
Il-Kumitat għandu dubji serji dwar jekk l-idea proposta li jkun hemm stqarrija ta' żewġ paġni ta' informazzjoni standardizzata b'format ċar għar-riċevitur hijiex waħda fattibbli. Diversi skemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali jinvolvu tipi differenti ta' riskju għall-membri tagħhom, li għandhom ukoll stennijiet differenti dwar il-pensjonijiet futuri. Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-ħlas tal-fondi akkumulati ta' skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali ħafna drabi jiġu determinati mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri individwali. L-informazzjoni li tintbagħat lill-membri jew lill-benefiċjarji dwar dawn l-iskemi għandha tirrifletti dawn il-fatturi. Għalhekk, il-KESE jipproponi li d-dispożizzjonijiet proposti jiġu emendati, sabiex il-proċess tal-istandardizzazzjoni tal-mudell tal-informazzjoni li tintbagħat lill-membri jinfirex fuq bosta stadji, u t-tfassil finali jista' jiġi determinat b'mod flessibbli matul dak il-proċess. Il-ħidma għandha tinbeda fuq l-iżvilupp ta' mudelli li jinkludu diversi tipi ta' informazzjoni (tal-inqas żewġ mudelli, ibbażati fuq il-kunċetti ta' kontribut definit u ta' benefiċċju definit) u li jitniedu fuq bażi ta' proġett pilota f'xi Stati Membri partikolari. Il-ħidma fuq l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 54 tinbeda biss ladarba tkun inkisbet l-esperjenza rilevanti. |
|
4.3.3 |
Il-Kumitat iqis li fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun hemm mill-inqas żewġ mudelli ta' informazzjoni – wieħed għas-sistemi bbażati fuq kontributi definiti u wieħed għas-sistemi bbażati fuq benefiċċji definiti. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jissupplementa dan il-mudell b'biċċiet ta' informazzjoni kruċjali għall-membri jew il-benefiċjarji tal-iskema, skont in-natura speċifika tar-regoli nazzjonali. |
|
4.3.4 |
Il-KESE jqis li ħafna mid-dispożizzjonijiet proposti mhumiex preċiżi biżżejjed, bil-potenzjal li jqarrqu lill-membri jew il-benefiċjarji minflok ma jagħtuhom informazzjoni preċiża. |
|
4.3.4.1 |
It-titlu stess ta' dan id-dokument (stqarrija tal-benefiċċju tal-pensjonijiet) huwa sors ta' konfużjoni – l-iktar l-iktar tkun stqarrija ta' benefiċċji previsti tal-pensjonijiet. Għalhekk dan id-dokument għandu jingħata isem ġdid, pereżempju “Previżjoni attwali tal-pensjonijiet”. |
|
4.3.4.2 |
L-Artikolu 48(1) jipprevedi l-possibbiltà li l-membri jingħataw informazzjoni b'garanziji sħaħ. Dan huwa terminu żbaljat, li ma jagħti l-ebda idea lil membri potenzjali tal-prospettiva pessimista f'każ li jfalli l-impjegatur/sponsor tal-IORP. Effett wieħed ta' tali falliment jista' jkun li l-membri ma jkunux jistgħu jitħallsu mill-iskema tal-pensjoni. Fl-istess ħin, fl-Artikolu 48(2)(d) il-Kummissjoni tirreferi għall-“mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji” – ħaġa li tixħet id-dubju fuq kemm vera teżisti garanzija sħiħa. |
|
4.3.5 |
Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun kawta b'mod partikolari hija u tfassal l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 54, minħabba l-ispejjeż potenzjali ta' tali soluzzjoni. Il-piż tal-ġbir tal-informazzjoni għall-membri tal-iskema jew spejjeż ta' servizzi addizzjonali li jqumu mill-bżonn li jingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali jekk mudell uniku Ewropew ma jkunx adatt għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' skema partikolari m'għandux jitħalla jgħolli b'mod sinifikanti l-ispejjeż tal-IORP. Għalhekk il-KESE jissuggerixxi li meta jiġu elenkati r-rekwiżiti tal-informazzjoni għall-membri tal-iskema, il-Kummissjoni tqis in-natura tal-iskemi li jappartjenu għaliha. |
4.4 Superviżjoni tal-attivitajiet ta' IORP
|
4.4.1 |
Fid-dawl tal-problemi fil-passat fl-interpretazzjoni minħabba prattiki superviżorji differenti fl-Istati Membri, il-Kumitat jilqa' l-isforzi biex jiġu definiti b'mod iktar ċar l-oqsma ta' attività finanzjarji soġġetti għas-superviżjoni u li dawn jiġu separati minn oqsma li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tas-sigurtà soċjali u tax-xogħol. |
|
4.4.2 |
Il-KESE jilqa' wkoll il-pjani biex isiru iktar stretti r-regoli dwar l-iskambju interistituzzjonali tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. |
|
4.4.3 |
Il-KESE jqis li l-proposta biex jissaħħu s-setgħat superviżorji hija waħda razzjonali; din tista' tinvolvi rekwiżiti għal informazzjoni addizzjonali. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta f'dan il-qasam laħqu livell adegwat ta' flessibbiltà, billi jippermettu li miżuri speċifiċi ta' superviżjoni jiġu aġġustati għal sitwazzjonijiet individwali. |
Brussell, 10 ta' Lulju 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) COM(2012) 55 final.
(2) Ara l-Opinjoni ĠU C 299/21, 04/10/2012, p. 115-122. Fost affarijiet oħra, il-KESE nnota li “għandha tingħata attenzjoni hawnhekk mhux biss lill-aspetti relatati mal-attivitajiet transkonfinali tal-fondi tal-pensjonijiet u l-mobilità tal-ħaddiema, iżda wkoll il-kwistjonijiet ta’ superviżjoni u sorveljanza mill-korp tal-pensjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-informazzjoni lill-konsumatur u l-ħarsien tiegħu”.
(4) Fl-Opinjoni dwar il-White Paper il-Kumitat jenfasizza li “huwa favur skemi tal-pensjonijiet professjonali ffinanzjati, stabbiliti u amministrati minn dawk li jħaddmu u mir-rappreżentanti tal-impjegati, u jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-imsieħba soċjali biex isaħħu l-kapaċità amministrattiva tagħhom f’dan il-qasam”.
(5) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II),ĠU L 335/1, 17.12.2009).
(6) Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-White Paper, il-Kumitat jenfasizza li “huwa mħasseb b'mod serju dwar uħud mill-proposti għal pensjonijiet tax-xogħol. Billi l-iskemi tal-pensjonijiet huma differenti ħafna mis-servizzi tal-assigurazzjoni tal-ħajja, il-Kumitat ma jappoġġjax l-għan iddikjarat li tiġi riveduta d-Direttiva IORP, sabiex tinżamm sitwazzjoni ugwali għal dik ta’ Solvency II, iżda jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri mfassla b'mod speċifiku għall-iżgurar tal-assi tal-fondi tal-pensjonijiet wara konsultazzjoni minn qabel tal-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra.”