|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/51 |
10.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/51
tas-16 ta’ Diċembru 2024
li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja t-tiġdid tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) (1) (il-“Ftehim”) skada fil-31 ta’ Mejju 2024. |
|
(2) |
Il-Bord Eżekuttiv tal-KEDO mistenni jiddeċiedi li jkompli l-KEDO bħala organizzazzjoni internazzjonali wara l-31 ta’ Mejju 2024. |
|
(3) |
Huwa fl-interess tal-Euratom li tkompli s-sħubija tagħha fil-KEDO lil hinn mill-31 ta’ Mejju 2024 għal raġunijiet finanzjarji u legali. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-estensjoni tal-Ftehim tapplika b’mod retroattiv mill-31 ta’ Mejju 2024. |
|
(5) |
Minħabba n-natura ripetittiva u twila tal-proċess ta’ estensjoni preċedenti tal-Ftehim u n-nuqqas ta’ kwalunkwe impenn finanzjarju mill-Euratom u mill-Istati Membri, jenħtieġ li l-estensjonijiet futuri tal-Ftehim jibbenefikaw minn approċċ simplifikat abbażi ta’ mandat usa’ mill-Kunsill biex il-Kummissjoni tinnegozja tali estensjonijiet futuri. Dak il-mandat usa’ jkun jippermetti lill-Kummissjoni tinnegozja aktar minn tiġdid wieħed tal-Ftehim, dment li dak it-tiġdid tas-sħubija tal-Euratom fil-KEDO ma jkollu l-ebda impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li tali negozjati jkunu mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva tal-Kunsill skont l-Artikolu 101 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat KEEA) li japprova l-konklużjoni mill-Kummissjoni tal-ftehimiet imġedda li għandhom isiru mill-Euratom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe tiġdid tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), it-tiġdid tal-Ftehim bejn l-Euratom u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO).
2. In-negozjati għandhom isiru abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
LANTOS C.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2023/2781 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Enerġija fil-Peniżola Koreana (KEDO) (ĠU L, 2023/2781, 12.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2781/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/51/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)