|
23.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 344/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2433
tat-18 ta' Diċembru 2017
dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, b'rabta mas-sostituzzjoni tal-Protokoll I ta' dak il-Ftehim, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 38 tal-Protokoll I tal-Ftehim (“Protokoll I”), is-Sottokumitat Doganali UE-Georgia stabbilit permezz tal-Artikolu 74(1) tal-Ftehim (“Sottokumitat Doganali”) jista' jadotta emendi għad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll. |
|
(3) |
Is-Sottokumitat Doganali jrid jadotta deċiżjoni dwar is-sostituzzjoni tal-Protokoll, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, bi protokoll ġdid li jirreferi għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (3) (“il-Konvenzjoni”). |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ b'rabta mal-Unjoni u l-Georgia fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Lulju 2017 rispettivament. |
|
(5) |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jistipula li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Protokoll I jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini, ikun jirreferi għall-Konvenzjoni. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali UE-Georgia, minħabba li d-deċiżjoni ser tkun vinkolanti għall-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali stabbilit bl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat Doganali jistgħu jaqblu dwar korrezzjonijiet tekniċi fl-abbozz tad-deċiżjoni tas-Sottokumitat Doganali, mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
K. SIMSON
(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/838 tat-23 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 26).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2017 TAS-SOTTOKUMITAT DOGANALI UE-GEORGIA
ta' …
tissostitwixxi l-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva
IS-SOTTOKUMITAT DOGANALI UE-GEORGIA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 23(2) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll I tal-Ftehim (“il-Protokoll I”) għar-regoli tal-oriġini. |
|
(2) |
Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016. |
|
(3) |
L-Artikolu 38 tal-Protokoll I jipprevedi li s-Sottokumitat Doganali previst fl-Artikolu 74(1) tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll I. |
|
(4) |
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (2) (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tissostitwixxi r-regoli tal-oriġini fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja b'att legali wieħed. |
|
(5) |
L-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta' Ġunju 2011. Bid-Deċiżjoni tiegħu Nru 1/2016 (3), il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ddeċieda li l-Georgia jenħtieġ li tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni. |
|
(6) |
L-Unjoni u l-Georgia ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fis-17 ta' Mejju 2017, rispettivament. Konsegwentement, b'applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-UE u fil-Georgia fl-1 ta' Mejju 2012 u fil-1 ta' Lulju 2017 rispettivament. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll I jiġi sostitwit bi protokoll ġdid li jkun jirreferi għall-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll I tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandu jiġi sostitwit bit-test li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika minn …
Magħmul fi…
Għas-Sottokumitat Doganali
Il-President
(1) ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.
(3) Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tat-28 ta' Settembru 2016 rigward it-talba tal-Georgia biex issir Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji [2016/2126] (ĠU L 329, 3.12.2016, p. 118).
ANNESS
Protokoll I
rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva
Artikolu 1
Regoli tal-oriġini applikabbli
1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (1) (“il-Konvenzjoni”).
2. Ir-referenzi kollha għall-“ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jitqiesu li qed jirreferu għal dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Soluzzjoni tat-tilwim
1. Meta jinqala' xi tilwim rigward il-proċeduri ta' verifika tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li ma jkunx jista' jinstab soluzzjoni għalih mill-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli biex iwettqu dik il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem is-Sottokumitat Doganali. Id-dispożizzjonijiet dwar il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni tat-tilwim fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) tat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet Relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim ma għandhomx japplikaw.
2. Fil-każijiet kollha ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha timxi skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.
Artikolu 3
Emendi għall-Protokoll
Is-Sottokumitat Doganali jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.
Artikolu 4
Irtirar mill-Konvenzjoni
1. Jekk l-Unjoni Ewropea jew il-Georgia jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni u l-Georgia għandhom jidħlu minnufih f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.
2. Sakemm jidħlu fis-seħħ tali regoli tal-oriġini negozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom ikomplu japplikaw għal dan il-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermetti kumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni u l-Georgia biss.
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet tranżitorji – kumulazzjoni
Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I għall-Konvenzjoni, fejn il-kumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni, it-Turkija, il-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, u r-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.