European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/2257

20.3.2024

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(C/2024/2257)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Dithmarscher Gans”

Nru tal-UE: PGI-DE-02964 — 14.6.2023

DOP ( )IĠP (X)

1.   Isem/ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Dithmarscher Gans”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-“Dithmarscher Gans” hija varjetà tradizzjonali ta’ wiżża tar-razza lokali, imrobbija għall-ewwel darba madwar 150 sena ilu f’żona żgħira u dejqa ta’ art bejn ix-xmajjar Elbe u Eider, jiġifieri r-reġjun ta’ Dithmarschen. Id-“Dithmarscher Gans” hija wiżża robusta li tibbenefika mit-trobbija fil-beraħ fil-mergħat umdi vasti u fl-imraġ tar-reġjun ta’ Dithmarschen, mill-inqas fl-istadju inizjali tal-fellus sa 21 jum u fiż-żamma tal-għasafar ġenituri. Hija wiżża relattivament tqila b’piż medju meta msemmna ta’ bejn 6 kg u 8 kg. Hija magħrufa għall-kapaċità kbira ta’ ragħa tagħha u għall-karkassa ttondjata sew u soda tagħha. Meta tkun lesta għall-qatla, ġeneralment il-wiżża tkun twila bejn 75 cm u 95 cm. L-oriġini ta’ din il-varjetà tradizzjonali ta’ wiżża tar-razza lokali, inkroċjata ma’ wiżeż oħrajn tar-razza lokali ta’ oriġini Daniża madwar 150 sena ilu, wassal għal varjetà partikolarment bnina u robusta, li fiċ-ċrieki rilevanti tal-konsumaturi hija assoċjata ħafna mar-reġjun ta’ Dithmarschen. Id-“Dithmarscher Gans” hija kkaratterizzata fuq kollox minn proporzjon għoli ta’ aċidi grassi mhux saturati, riflessi f’togħma speċifika għall-konsumaturi, minħabba li, fid-dinja tal-annimali, ix-xaħam huwa s-sustanza li tagħti togħma. Minbarra l-piż finali kbir tal-wiżeż imsemna u l-proporzjon ibbilanċjat ta’ laħam ta’ valur għoli, id-“Dithmarscher Gans” huwa kkaratterizzat b’mod partikolari minn livell ta’ aċidi grassi mhux saturati ta’ madwar 17 g għal kull 100 g ta’ prodott tal-laħam. Id-“Dithmarscher Gans” għandu togħma aromatika relattivament intensa, kemxejn żejtnija minħabba l-proporzjon għoli ta’ aċidi grassi mhux saturati. Il-laħam huwa komparattivament skur u delikat, u sukkulenti ħafna.

Id-“Dithmarscher Gans” huwa kkaratterizzat minn laħam tal-muskoli sod b’kontenut baxx ħafna ta’ xaħam (medja ta’ madwar 31 g ta’ xaħam għal kull wiżża, inkluż il-ġilda, fl-età tal-qatla) minħabba l-oriġini ġeografika tiegħu fir-reġjun ta’ Dithmarschen u l-forma speċifika tiegħu. Għandu proporzjon ogħla ta’ aċidi grassi mhux saturati minn wiżeż oħra. Il-proporzjon ta’ aċidi grassi mhux saturati għal dawk saturati huwa ta’ madwar 2:1. Id-“Dithmarscher Gans” għandu proporzjon aktar favorevoli ta’ laħam/xaħam/għadam minn wiżeż oħra u huwa proporzjonat sew fuq is-sider u l-koxxa, b’medja ta’ madwar 16 % laħam tas-sider u madwar 14 % laħam tal-koxxa. Id-“Dithmarscher Gans” jinbiegħ frisk u ffriżat fil-forma ta’ wiżża sħiħa, karkassa sħiħa, sider tal-wiżża, saqajn tal-wiżża u ġewwieni. Prodotti oħra magħmula mid-“Dithmarscher Gans” jinkludu drumsticks ippreparati minn qabel (friski u ffriżati).

Il-fatt li dawn il-wiżeż jitrabbew f’kundizzjonijiet ta’ trobbija fil-beraħ b’mod tradizzjonali, jiġifieri b’perjodu ta’ ragħa relattivament twil ta’ mill-inqas 16-il ġimgħa skont l-età tal-qatla, u mit-22 jum tal-ħajja (ir-raba’ ġimgħa) possibbilment barra mir-reġjun ta’ Dithmarschen, iwassal għal togħma partikolarment aromatika u naturali, li hija differenti b’mod ċar minn dik ta’ tipi oħra ta’ wiżeż.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Fl-ewwel stadju tal-produzzjoni, jiġifieri mit-tifqis tal-bajd f’mafqas sal-21 jum tal-ħajja (3 ġimgħat), jintuża biss għalf li jkun fih mill-inqas 70 % foraġġ taċ-ċereali jew veġetali miż-żona ta’ Dithmarschen għall-annimali ġenituri u għall-wiżeż żgħar fl-età.

Fit-tieni stadju tal-produzzjoni, jiġifieri mit-22 jum tal-ħajja (ir-raba’ ġimgħa), iċ-ċereali jew il-magħlef aħdar (mill-inqas 70 % tat-taħlita totali tal-għalf) prinċipalment mir-reġjun ta’ Dithmarschen jiġu mitmugħa lill-wiżeż żgħar fl-età. It-30 % li jifdal tal-għalf huwa 100 % ibbażat fuq il-pjanti, biż-żieda ta’ minerali u vitamini jekk meħtieġ, iżda mingħajr sustanzi li jsaħħu t-tkabbir jew prodotti veterinarji profilattiċi.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Id-“Dithmarscher Gans” u l-prodotti tal-laħam assoċjati tiegħu joriġinaw mir-reġjun ta’ Dithmarschen. Il-wiżeż żgħar fl-età jitrabbew fir-reġjun ta’ Dithmarschen fi stadju inizjali mit-tifqis sal-21 jum tal-ħajja. L-għasafar ġenituri użati jitrabbew fil-beraħ f’Dithmarschen.

Fit-tieni stadju tal-produzzjoni, mit-22 jum tal-ħajja (ir-raba’ ġimgħa), il-wiżeż żgħar fl-età jitrabbew jew fir-reġjun ta’ Dithmarschen jew f’reġjuni oħra tat-Tramuntana tal-Ġermanja f’kundizzjonijiet ta’ trobbija fil-beraħ. Fit-tielet stadju tal-produzzjoni, id-“Dithmarscher Gans” jiġi ttrasferit biex jinqatel bl-attenzjoni dovuta f’konformità mar-rekwiżiti deskritti hawn taħt.

Il-wiżeż u l-prodotti derivati kollha ttikkettati bħala “Dithmarscher Gans” iridu jiġu minn varjetà tradizzjonali “Dithmarscher Gans”. Irid jinżamm reġistru tat-tnissil għall-għażla u għall-preservazzjoni tal-karatteristiċi tad-“Dithmarscher Gans”.

Il-linji ta’ tnissil jinżammu f’azjenda li tinsab f’Dithmarschen. Il-wiżeż jintgħażlu għat-tnissil fuq il-bażi ta’ valur medju, il-kapaċità tar-ragħa u l-vitalità.

Id-“Dithmarscher Gans” jitgħabbew b’attenzjoni għat-trasport għall-qatla. It-trasport isir tard filgħaxija jew matul il-lejl. L-età minima tal-qatla ta’ wiżża hija ta’ 20 ġimgħa, jew ta’ 16-il ġimgħa għal wiżża żgħira. Id-“Dithmarscher Gans” jiġi pproċessat bl-użu tal-metodu tat-tbiċċir fin-niexef.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

—

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

—

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija reġjun fit-Tramuntana tal-Ġermanja magħruf storikament u għal skopijiet agrikoli bħala Dithmarschen. Ir-reġjun ta’ Dithmarschen huwa mdawwar fuq kull naħa bl-ilma, jiġifieri l-Baħar tat-Tramuntana, ix-xmajjar Eider u Elbe u l-Kanal ta’ Kiel, u jista’ jintlaħaq biss permezz tal-pontijiet jew bil-lanċa. Ir-reġjun ta’ Dithmarschen, li minnu joriġina d-“Dithmarscher Gans”, huwa delimitat fil-Punent mill-Baħar tat-Tramuntana, fin-Nofsinhar mill-Elbe u fil-Lvant u t-Tramuntana mill-Kanal ta’ Kiel u mix-xmajjar Eider u Elbe rispettivament.

Għalhekk, ir-reġjun ta’ Dithmarschen għandu wkoll oriġini storika u tradizzjonalment kien magħruf bħala “Repubblika tal-Bdiewa Ħielsa”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-“Dithmarscher Gans” bħala IĠP hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u l-kwalità tiegħu. Dawn il-karatteristiċi huma r-riżultat tat-trobbija rilevanti tal-wiżeż f’dan ir-reġjun ta’ Dithmarschen.

Ir-reġjun ta’ Dithmarschen huwa pajsaġġ ikkaratterizzat minn umdità kbira u minn veġetazzjoni speċifika. Jinsab bejn il-passaġġi fuq l-ilma fuq naħa waħda u l-Baħar tat-Tramuntana fuq in-naħa l-oħra, u jirriżulta f’taħlita unika ta’ arja tal-baħar, temp imxarrab u mergħat u mraġ folti. Il-pajsaġġ ta’ Dithmarschen jikkonsisti f’mergħat estensivi li huma eċċellenti għat-trobbija tal-wiżeż u għall-produzzjoni tal-għalf tal-wiżeż. Dawn jipprovdu l-kundizzjonijiet ottimali għat-tnissil u għat-trobbija tal-annimali ġenituri u tal-wiżeż żgħar fl-età, minħabba l-ambjent imxarrab.

Fin-natura wkoll, l-għasafar iħallu l-ħabitat tal-antenati tagħhom u jfittxu żoni ta’ tnissil u abitazzjoni bl-aħjar kundizzjonijiet għal kull speċi. Fl-aħħar mill-aħħar, dan iseħħ għal raġuni waħda biss, u din hija biex jitnisslu frieħ b’karatteristiċi fiżiċi ottimali. Meta mqabbel ma’ speċijiet komuni oħra tal-pollam, il-wiżża hija għasfur relattivament qrib l-antenati naturali tagħha u, kif inhu normali fis-selvaġġ, trabbi l-frieħ tagħha biss matul ċertu staġun tas-sena. Dan il-fatt huwa sfruttat fit-trobbija u fit-tnissil tad-“Dithmarscher Gans”. Il-kundizzjonijiet prevalenti fiż-żona ta’ Dithmarschen jinkoraġġixxu lill-wiżeż biex jgħaddu karatteristiċi speċjali li jistgħu jinkisbu biss f’kundizzjonijiet ottimali. L-użu ta’ programmi esperti ta’ tnissil effettivi jirriżulta f’wiżeż kbar b’saff tas-sider tajjeb ħafna u bil-proporzjon mixtieq bejn il-laħam, ix-xaħam u l-għadam, prodotti skont dawn il-kundizzjonijiet ottimali. Dawn l-għasafar “Dithmarscher Gans” jitrabbew f’konformità mal-kriterji stabbiliti hawn fuq, bħad-disponibbiltà ġeneruża ta’ spazju aħdar, u għalf b’minimu ta’ 70 % ċereali u/jew materja ħadra mir-reġjun ta’ Dithmarschen fl-istadji kollha tal-produzzjoni, daqslikieku kienu fis-selvaġġ. Wara t-tifqis u t-trobbija sal-21 jum tal-ħajja tagħhom fir-reġjun ta’ Dithmarschen, imbagħad ikunu jistgħu jgawdu mill-istess kundizzjonijiet f’reġjuni oħra tat-Tramuntana tal-Ġermanja, bħall-bqija ta’ Schleswig-Holstein, is-Sassonja t’Isfel, Mecklenburg-Vorpommern jew Brandenburg. F’termini tan-natura u tal-oriġini tagħhom, dawn għandhom karatteristiċi li jwasslu għall-kundizzjonijiet tat-tismin u l-karatteristiċi tal-kwalità mixtieqa. Barra minn hekk, kif ġie osservat fis-selvaġġ, it-tixrid tat-tismin sussegwenti mat-Tramuntana tal-Ġermanja kollha jfisser li l-ispeċi ma hijiex ikkonċentrata f’żona partikolari waħda.

Dan jgħin biex tiġi evitata l-feġġa ta’ patoġeni speċifiċi u jappoġġa l-iżvilupp tal-karatteristiċi tal-kwalità mixtieqa, bħal kontenut għoli ta’ laħam tal-muskoli b’verament ftit xaħam.

Il-prinċipju ġenerali li l-ewwel stadju essenzjali tal-produzzjoni, jiġifieri ż-żamma tal-għasafar ġenituri u t-tifqis u t-trobbija assoċjati tal-wiżża żgħira fl-età sa 21 jum ta’ ħajja, iseħħ fir-reġjun ta’ Dithmarschen jikkostitwixxi l-pedament bażiku u l-iktar importanti għall-produzzjoni tad-“Dithmarscher Gans”. Din hija l-kundizzjoni għall-uniċità tal-linja tad-“Dithmarscher Gans”. L-annimali mbagħad jistgħu jissemmnu fi trobbija fil-beraħ skont il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq tat-trobbija u tar-riproduzzjoni madwar il-Ġermanja tat-Tramuntana.

Il-karatteristiċi tal-kwalità ta’ dawn il-wiżeż speċifiċi ma jvarjawx. L-annimali għandhom il-karatteristiċi fiżiċi u ta’ kwalità speċjali deskritti hawn fuq, li jiddistingwuhom minn wiżeż oħrajn mhux minn Dithmarschen.

Il-wiżeż Dithmarscher ilhom tradizzjonalment jinbiegħu minn bdiewa lokali tal-wiżeż għal għexieren ta’ snin fis-swieq tal-bdiewa staġunali u fis-swieq speċjali tal-wiżeż. Il-platti u l-prodotti tradizzjonali tal-wiżeż huma offruti, pereżempju, fil-ħarifa madwar Jum San Martin (11 ta’ Novembru) u fit-tħejjija għall-Milied.

Il-konsumaturi jivvjaġġaw lejn Dithmarschen minn reġjuni oħra biex jieklu diversi platti abbażi tal-wiżża bħall-wiżża mixwija bil-kaboċċi ħomor jew bil-kaboċċi ta’ Brussell, jew platti tradizzjonali oħra li fihom il-laħam tal-wiżża, jew biex jixtru prodotti tad-“Dithmarscher Gans” (bħal għasafar sħaħ, saqajn, ġewwieni jew simili) direttament mingħand il-produttur. Id-“Dithmarscher Gans” huwa popolari mhux biss mal-konsumaturi iżda wkoll fis-settur tal-forniment tal-ikel fir-reġjun kollu u lil hinn minnu bħala wiżeż ta’ kwalità partikolarment għolja. Is-swieq tradizzjonali tal-wiżeż u l-kampanji ta’ bejgħ matul l-istaġun tal-qatla huma attrazzjoni turistika reġjonali speċifika li żviluppat madwar id-“Dithmarscher Gans” bħala prodott assoċjat mar-reġjun. Għalhekk teżisti tradizzjoni twila ta’ trobbija, monitoraġġ u bejgħ tad-“Dithmarscher Gans” fl-azjendi tal-wiżeż li huma ġeneralment relattivament żgħar fir-reġjun ta’ Dithmarschen.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/42379


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2257/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)