European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1546

31.7.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1546

tat-30 ta’ Lulju 2025

dwar ir-rifjut tal-protezzjoni fl-Unjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini ГЖЕЛЬ (GZHEL) irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra tal-2015 tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (2) (“l-Att ta’ Ġinevra”), l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO, World Intellectual Property Organization), li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu d-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi rreġistrati fit-territorji tagħhom fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal kwalunkwe rifjut, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fit-3 ta’ Ottubru 2024, il-Bureau Internazzjonali tal-WIPO (“il-Bureau Internazzjonali”) innotifika lill-Kummissjoni li l-isem ГЖЕЛЬ (GZHEL), użat mill-Federazzjoni Russa, kien ġie rreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra. L-isem jiddeżinja prodotti taċ-ċeramika dekorattivi u applikati (porċellana, majolica, tafal li jiflaħ għan-nar, fuħħar) mill-villaġġ ta’ Turygino, fid-Distrett ta’ Ramenskiy, fir-Reġjun ta’ Moska.

(3)

Billi sa issa ma hemm l-ebda protezzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jiddeżinjaw prodotti tas-snajja’, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini ГЖЕЛЬ (GZHEL) ma ġietx ippubblikata. F’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss ir-reġistrazzjonijiet internazzjonali nnotifikati mill-Bureau Internazzjonali relatati ma’ prodotti li fir-rigward tagħhom hija pprovduta l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fil-livell tal-Unjoni, sabiex tkun tista’ tiġi ppreżentata oppożizzjoni possibbli. Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jipprevedi l-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jiddeżinjaw prodotti artiġjanali u industrijali se jsir applikabbli mill-1 ta’ Diċembru 2025 sabiex jipprevedi li r-reġistrazzjonijiet tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi artiġjanali u industrijali minn pajjiżi terzi nnotifikati mid-WIPO jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u vvalutati bil-ħsieb li tingħata protezzjoni.

(4)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, jenħtieġ li tiġi rifjutata l-protezzjoni fl-Unjoni tal-isem ГЖЕЛЬ (GZHEL), li jiddeżinja prodotti taċ-ċeramika dekorattivi u applikati, irreġistrati bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali skont l-Att ta’ Ġinevra.

(5)

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 5s(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (4), l-istituzzjonijiet kompetenti skont id-dritt tal-Unjoni, inkluża l-Kummissjoni, ma jistgħux jaċċettaw applikazzjonijiet ġodda għar-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ppreżentati minn ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja jew minn persuni ġuridiċi stabbiliti fir-Russja.

(6)

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 5s(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, l-Unjoni, meta taġixxi skont il-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, hija obbligata tuża l-aħjar sforzi biex tiżgura li d-WIPO jew l-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali kostitwiti skont id-dritt tal-Unjoni ma jaċċettawx applikazzjonijiet ġodda għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minn kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika residenti fir-Russja, jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja.

(7)

Billi d-Denominazzjoni ta’ Oriġini ГЖЕЛЬ (GZHEL) ġiet innotifika lill-Unjoni għall-protezzjoni wara r-reġistrazzjoni tagħha fir-Reġistru Internazzjonali, mhuwiex possibbli li jiġi żgurat li d-WIPO mhux se taċċetta applikazzjonijiet ġodda għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali minn kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja, jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja. Madankollu, il-protezzjoni mfittxija għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u b’mod partikolari l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, relatati mar-Russja jenħtieġ li ma tingħatax fl-Unjoni.

(8)

Sakemm ikunu fis-seħħ tali miżuri restrittivi kontra l-applikazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jikkonċernaw kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi b’mod li twaqqaf l-għoti ta’ kwalunkwe protezzjoni bħal din ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika.

(9)

Billi diversi Stati Membri, jiġifieri, iċ-Ċekja, Franza, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja huma partijiet kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, u meta jitqies in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-protezzjoni nazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini minħabba l-fatt li din hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni minn meta saret l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra fl-2019, jeħtieġ li jiġi ċċarat li r-rifjut tal-ГЖЕЛЬ (GZHEL) japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-kwistjoni u r-rwol li l-Kummissjoni teżerċita fl-Att ta’ Ġinevra, ta’ awtorità kompetenti għall-Unjoni u għal dawk l-Istati Membri li huma partijiet kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, jenħtieġ li tali rifjut jiġi nnotifikat lid-WIPO f’isem l-Unjoni u f’isem iċ-Ċekja, Franza, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja.

(10)

Għalkemm mhumiex kompetenti biex jadottaw deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni nazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini rreġistrati skont l-Att ta’ Ġinevra, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-protezzjoni ta’ dawk id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini fit-territorju kollu tal-Unjoni, il-Bulgarija u l-Italja, li huma firmatarji tal-ftehim ta’ Lisbona iżda li għadhom ma aderewx mal-Att ta’ Ġinevra, jenħtieġ li jinnotifikaw lid WIPO dwar ir-rifjut tal-protezzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini ГЖЕЛЬ (GZHEL), jekk dawn jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra, fi żmien sena minn dik l-adeżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-protezzjoni tal-isem ГЖЕЛЬ (GZHEL), irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali, hi b’dan rifjutata fl-Unjoni.

Artikolu 2

Ir-rifjut tal-protezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni. Għandu jiġi nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“WIPO”) f’isem l-Unjoni kif ukoll f’isem iċ-Ċekja, Franza, l-Ungerija, il-Portugall u s-Slovakkja, bħala partijiet kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 3

Il-Bulgarija u l-Italja għandhom jinnotifikaw lid-WIPO bir-rifjut tal-protezzjoni fir-rigward tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini ГЖЕЛЬ (GZHEL), fi żmien sena mill-adeżjoni tagħhom mal-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din għandha tiġi nnotifikata lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.

(2)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1754/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/2411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti artiġjanali u industrijali u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1001 u (UE) 2019/1753 (ĠU L, 2023/2411, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2411/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/833/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1546/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)