28.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/39


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1109

tas-27 ta' Ġunju 2019

li ttemm il-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, mir-Russja u mit-Turkija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament Bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fit-28 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless, iżda esklużi l-pajpijiet li jintużaw għall-pipelines għaż-żejt jew għall-gass u kejsing u tubi tax-xorta użati fit-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass (“profili vojta minn ġewwa”), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, ir-Russja u t-Turkija (“il-pajjiżi kkonċernati”), fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-14 ta' Awwissu 2018 mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-tubi tal-azzar iwweldjati tal-Unjoni Ewropea (“l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi tal-Unjoni. Il-kumpaniji rrappreżentati mill-ilmentatur irrappreżentaw aktar minn 40 % tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni tal-profili vojta minn ġewwa. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali riżultanti li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Talba għar-reġistrazzjoni

(3)

Fl-20 ta' Diċembru 2018, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur allega li kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati billi qabbel:

(a)

il-volum għall-perjodu wara tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (“PI”) (Lulju — Ottubru 2018) mal-perjodu Lulju — Ottubru 2017, u

(b)

il-medja tal-importazzjonijiet ta' kull xahar mill-pajjiżi kkonċernati fil-perjodu ta' wara l-bidu tal-investigazzjoni (Ottubru u Novembru 2018) meta mqabbla mal-perjodu korrispondenti fis-sena ta' qabel.

1.3.   Partijiet interessati

(4)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Maċedonja ta' Fuq, tar-Russja u tat-Turkija, lill-importaturi, lill-fornituri magħrufa kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(5)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjonijiet u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.4.   Kampjunar

(6)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li tista' tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.4.1.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(7)

Fin-Notifika ta' Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun ta' produtturi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-volum ta' produzzjoni tal-prodott simili fl-Unjoni bejn Lulju 2017 u Ġunju 2018 u l-firxa ġeografika. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Wieħed mill-produtturi proviżorjament fil-kampjun informa lill-Kummissjoni li ma kienx f'pożizzjoni li jimla kwestjonarju sħiħ u għalhekk ma riedx ikun parti mill-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni billi tissostitwixxi lil dan il-produttur mal-akbar produttur tal-Unjoni li jmiss f'termini ta' volum ta' produzzjoni. Il-kampjun definittiv kien jammonta għal aktar minn 30 % tal-produzzjoni stmata tal-Unjoni tal-prodott simili u tqies li kien rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.4.2.   Il-kampjunar tal-importaturi

(8)

Sabiex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ teħid ta' kampjuni u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi fl-Unjoni mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(9)

Tnax-il importatur mhux relatati ppreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni, li minnhom erbgħa ddikjaraw importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ipprovdew l-informazzjoni mitluba u li qablu wkoll li jiġu inklużi fil-kampjun. B'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet importaturi abbażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet fl-Unjoni u l-pożizzjoni ġeografika tagħhom fl-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi kollha magħrufa kkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.

1.4.3.   Kampjunar ta' produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq, fir-Russja u fit-Turkija

(10)

Sabiex tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq, fir-Russja u fit-Turkija sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjonijiet tal-Maċedonja ta' Fuq, ir-Russja u t-Turkija għall-Unjoni Ewropea biex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi oħra fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(11)

Għaxar produtturi esportaturi fit-Turkija, tlieta fil-Maċedonja ta' Fuq u tnejn fir-Russja pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun.

(12)

Minħabba n-numru limitat ta' produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq u r-Russja, il-Kummissjoni ddeċidiet li t-teħid ta' kampjuni ma kienx meħtieġ f'dawk iż-żewġ pajjiżi.

(13)

Fir-rigward tal-produtturi esportaturi fit-Turkija, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tliet produtturi esportaturi bbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati, kif ukoll l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.

1.5.   Eżami individwali

(14)

Produttur esportatur fit-Turkija talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl tal-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa 97, ma kienx meħtieġ li din it-talba tiġi pproċessata ulterjorment.

1.5.1.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

(15)

Il-Kummissjoni għamlet il-kwestjonarji disponibbli online fid-data tal-bidu u stiednet lit-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Maċedonja ta' Fuq, liż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw fir-Russja, lit-tliet produtturi esportaturi fit-Turkija inklużi fil-kampjun, lill-erba' produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lit-tliet importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun biex iwieġbuhom.

(16)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu mingħand it-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Maċedonja ta' Fuq, produttur esportatur li kkoopera fir-Russja, it-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun u produttur esportatur li għamel talba għal eżami individwali fit-Turkija, l-erba' produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u t-tliet importaturi mhux relatati fil-kampjun. Produttur esportatur wieħed fir-Russja ma pprovdiex tweġiba u ħabbar li ma xtaqx jikkoopera.

1.6.   Iż-żjarat ta' verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala neċessarja sabiex jiġi stabbilit id-dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku twettqu fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

 

European Steel Tube Association, Pariġi, Franza

 

Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

—

Tata Steel UK Limited, Corby, ir-Renju Unit

—

Tata Steel Tubes BV, Oosterhout u Zwijndrecht, in-Netherlands

—

Marcegaglia Carbon Steel S.P.A, Gazoldo degli Ippoliti, l-Italja

 

Produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq

—

FZC 11 Oktomvri AD, Kumanovo,

—

IGM-Trade Ilija I Dr. d.o.o. Kavadarci,

—

Metalopromet Dooel, Strumica

 

PAO Severstal Group

—

PAO Severstal, Cherepovets, ir-Russja

—

JSC Severstal Distribution, Cherepovets, ir-Russja

—

SIA Severstal Distribution, Riga, il-Latvja

—

Severstal Export GmbH, Manno, l-Iżvizzera

 

Produtturi esportaturi fit-Turkija

—

Noksel Celik Boru Sanayi, Ankara

—

Özdemir Boru Profil San. ve Tic. Ltd. Ști., Zonguldak

—

Tosçelik Profil ve Sac Endüstrisi, Iskenderun

—

Yücel Boru ve Profil Endüstrisi, Istanbul

 

Importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun fl-Unjoni

—

Kromat Trading Ltd, Londra, ir-Renju Unit

—

Carl Spaeter GmbH, Duisburg, il-Ġermanja

1.7.   Il-perjodu ta' investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(18)

L-investigazzjoni ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2017 sat-30 ta' Ġunju 2018 (il-“perjodu ta' investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2015 u t-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(19)

Il-prodott ikkonċernat huwa tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr l-inossidabbli, iżda esklużi l-pajpijiet li jintużaw għall-pipelines għaż-żejt jew għall-gass u kejsing u tubi tax-xorta użati fit-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass, li joriġina mill-Maċedonja ta' Fuq, ir-Russja u t-Turkija, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 7306 61 92 u 7306 61 99 (“il-prodott ikkonċernat”).

(20)

Il-profili vojta jintużaw f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, pereżempju għal skopijiet strutturali u ta' ġarr mill-industrija tal-kostruzzjoni, tagħmir ta' ġestjoni, magni ta' għodda, industrija awtomotiva, makkinarju agrikolu, tagħmir tar-razzett u użi simili oħra.

2.2.   Il-prodott simili

(21)

L-investigazzjoni indikat li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat;

—

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiżi kkonċernati;

—

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(22)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Il-Maċedonja ta' Fuq

(23)

Kien hemm tliet produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq, li kkooperaw fl-investigazzjoni, jiġifieri FZC 11 Oktomvri AD (“FZC”), IGM-Trade Ilija I Dr. d.o.o. (“IGM”) u Metalopromet Dooel (“Metalopromet”).

3.1.1.   Il-valur normali

(24)

Biex tikkalkula l-valur normali, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur li kkoopera kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku huwa meqjus rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun mill-anqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tiegħu għall-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(25)

Għal wieħed mill-produtturi esportaturi, jiġifieri FZC, il-bejgħ domestiku globali ma kienx rappreżentattiv skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku.

(26)

Peress li l-prodott simili ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal FZC skont l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

(27)

Meta ma kienx hemm bejgħ bi profitt għal tip ta' prodott, il-valur normali għal dak it-tip ġie maħdum biż-żieda ta' dan li ġej mal-kost medju tal-manifattura tal-prodott simili tal-produttur esportatur li kkoopera matul il-perjodu ta' investigazzjoni:

(a)

l-ispejjeż medji ponderati tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”, selling general and administrative) imġarrba mill-produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun, fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ, matul il-PI; kif ukoll

(b)

il-profitt medju ponderat magħmul mill-prodottur esportatur li kkoopera mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ, matul il-PI.

Meta kien hemm bejgħ bi profitt għal tip ta' prodott, il-valur normali għal dak it-tip ġie maħdum bl-użu tal-SG&A u l-profitt ta' dak it-tip minflok bil-medja ponderata tal-SG&A u l-profitt.

(28)

Fil-każ ta' IGM u Metalopromet, abbażi tat-test ta' rappreżentattività deskritt fil-premessa 24, il-Kummissjoni sabet li l-prodott simili nbiegħ fi kwantitajiet ġenerali rappreżentattivi fis-suq domestiku.

(29)

Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(30)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għat-tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ ikunx profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

(31)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dan it-tip ta' prodott matul il-PI.

(32)

F'każ fejn inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu kien profittabbli jew il-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(33)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ jew ma kienx hemm biżżejjed bejgħ ta' tip ta' prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn tip ta' prodott ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali skont l-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, kif deskritt fil-premessa 27 hawn fuq.

(34)

L-investigazzjoni sabet li, fil-każ ta' IGM u Metalopromet, għal xi wħud mit-tipi ta' prodott ma kien hemm l-ebda bejgħ, jew il-bejgħ insuffiċjenti, ta' tip ta' prodott tal-prodott simili fl-andament normali tal-kummerċ jew tip ta' prodott ma kienx mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku. Għal dawk it-tipi ta' prodotti l-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dawk li jifdal, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi fl-andament normali tal-kummerċ.

(35)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar finali, l-ilmentatur argumenta li l-approċċ għall-kalkolu tal-valur normali kif deskritt hawn fuq kien inkonsistenti. L-ilmentatur iddikjara li l-Kummissjoni kellha tuża valur normali kostruwit (għall-kuntrarju tal-bejgħ domestiku) għall-esportaturi kollha fil-Maċedonja ta' Fuq, notevolment minħabba li s-suq domestiku fil-Maċedonja ta' Fuq ma jkunx punt ta' referenza rappreżentattiv għal tqabbil mal-bejgħ magħmul lis-suq tal-Unjoni minħabba d-daqs, il-kapaċitajiet finanzjarji u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

(36)

Il-Kummissjoni tinnota li l-approċċ tiegħu biex jikkalkula l-valur normali segwa b'mod konsistenti l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. L-injorar tal-prezzijiet fejn ikun hemm biżżejjed bejgħ fl-andament ordinarju tal-kummerċ, kif issuġġerit mill-ilmentatur, imur kontra dik id-dispożizzjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.1.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(37)

It-tliet produtturi esportaturi fil-Maċedonja ta' Fuq esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-prezz reali mħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.1.3.   Tqabbil

(38)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika.

(39)

Meta dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-iskontijiet, il-ġarr, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, it-trasport, l-ispiża tal-kreditu, l-ispejjeż bankarji, l-imballaġġ u l-kummissjonijiet.

3.1.4.   Il-marġini tad-dumping

(40)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(41)

Il-livell ta' kooperazzjoni mill-Maċedonja ta' Fuq kien għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw ammontaw għal kważi 100 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping, espressi bħala perċentwali tal-valur ta' importazzjoni CIF, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġini tad-dumping %

FZC 11 Oktomvri AD

8,5

IGM-Trade Ilija I Dr. d.o.o.

1,5

Metalopromet Dooel

1,9

Marġini għall-pajjiż kollu

2,9

(42)

Fid-dawl tal-marġni tad-dumping għal tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun mill-Maċedonja ta' Fuq li huma taħt il-limitu de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-marġni medju peżat ta' dumping mal-pajjiż kollu kienx 'il fuq minn dak il-limitu.

(43)

Il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu ġie kkalkulat bħala l-medja ponderata tal-marġini tad-dumping stabbilita għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw fil-Maċedonja ta' Fuq. L-ammont ta' dumping, espress bħala perċentwali tal-valur CIF tal-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, kien ta' 2,9 %, jiġifieri 'l fuq mil-livell limitu de minimis ta' 2 % definit hawn fuq.

3.2.   Ir-Russja

(44)

Kien hemm produttur esportatur wieħed fir-Russja li kkoopera mal-investigazzjoni, jiġifieri PAO Severstal (“Severstal”).

3.2.1.   Il-valur normali

(45)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' Severstal kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tiegħu għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Abbażi ta' dan, il-bejgħ totali ta' Severstal tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(46)

Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(47)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għat-tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ ikunx profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità

(48)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dan it-tip ta' prodott matul il-PI.

(49)

F'każ fejn inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu kien profittabbli jew il-prezz tal-bejgħ medju peżat kien aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(50)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ jew ma kienx hemm biżżejjed bejgħ ta' tip ta' prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn tip ta' prodott ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali skont l-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, kif deskritt fil-premessa 27 hawn fuq.

(51)

L-investigazzjoni sabet li l-valur normali għall-uniku produttur esportatur li kkoopera kien ibbażat għal xi tipi tal-prodott fuq medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu tat-tip ta' prodott rispettiv matul il-PI, għal xi tipi tal-prodott kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi fl-andament normali tal-kummerċ u għal xi tipi tal-prodott, inbena skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku.

3.2.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(52)

Severstal użat tliet kanali ta' bejgħ meta biegħet lill-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. B'hekk, biegħet il-prodott ikkonċernat direttament lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni, permezz ta' importaturi relatati fl-Unjoni u permezz ta' negozjant relatat fl-Iżvizzera.

(53)

Meta l-produtturi esportaturi esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, u f'każijiet fejn il-bejgħ sar permezz tal-kummerċjant relatat fl-Iżvizzera, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(54)

Għall-bejgħ permezz tal-importaturi relatati, il-prezz tal-esportazzjoni nħadem abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa' nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. L-aġġustamenti tal-prezz saru għall-ispejjeż kollha li ġġarrbu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż l-ispejjeż BĠA, u għall-profitti.

(55)

Sabiex jiġi stabbilit il-livell xieraq ta' profitti, il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni miġbura mit-tliet importaturi inklużi fil-kampjun. L-investigazzjoni żvelat li tnejn mill-importaturi fil-kampjun kienu madankollu qed jaġixxu bħala distributuri ta' varjetà wiesgħa ta', primarjament, prodotti akkwistati mill-Unjoni, b'importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna tan-negozju tagħhom. L-ebda waħda mill-kumpaniji ma setgħet tiżola l-marġni ta' profitt relatat mal-attivitajiet ta' importazzjoni tagħha minn dak tal-attività ġenerali tagħha. Għalhekk, il-marġini ta' profitt ta' dawn il-kumpaniji ma kinux jirriflettu l-attività tagħhom relatata mal-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat. L-attività ewlenija tat-tielet importatur mhux relatat kienet l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat u għalhekk il-marġni ta' profitt irrapportat irrifletta kif xieraq din l-attività. Konsegwentement, il-marġni ta' profitt ta' dan l-importatur kien użat meta ġie kkalkulat il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-marġni tal-profitt kien [minn 2 % sa 6 %].

3.2.3.   Tqabbil

(56)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur uniku fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(57)

Meta dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, il-ġarr, it-tagħbija u spejjeż anċillari, l-assigurazzjoni, l-ippakkjar, spejjeż tal-kreditu, ħlasijiet ta' importazzjoni, spejjeż bankarji, skontijiet u kummissjonijiet.

(58)

Il-produttur esportatur li kkoopera talab ukoll aġġustament minħabba l-kost ta' kreditu negattiv għall-bejgħ ta' esportazzjoni fl-euro fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku. Il-produttur esportatur argumenta li l-bejgħ kollu lejn l-Unjoni kien f'euro u l-medja tar-rata LIBOR għall-euro matul il-PI kienet negattiva. Il-Kummissjoni tinnota li l-iskop ta' aġġustament tal-ispejjeż tal-kreditu skont l-Artikolu 2(10)(g) huwa li jirrifletti t-termini ta' kreditu li ġew miftiehma bejn il-bejjiegħ u x-xerrej fiż-żmien tal-kuntratt jew tal-bejgħ. Fil-fatt, dan huwa l-fattur li tqies fid-determinazzjoni tal-prezz mitlub, irrispettivament mill-ispejjeż reali jew qligħ eventwalment magħmul fuq dak il-bejgħ billi dawn l-ispejjeż jew qligħ ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni meta l-prezz kien kuntrattwalment determinat. Fi kwalunkwe każ u mingħajr preġudizzju għal dan ta' hawn fuq, il-kumpanija ma wrietx li dan kellu effett fuq il-prezz u t-tqabbil tal-prezzijiet u għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(59)

Rigward il-bejgħ mill-esportazzjoni li sar permezz tal-kummerċjant relatat fl-Iżvizzera, il-produttur esportatur argumenta li n-negozjant Żvizzeru aġixxa bħala d-dipartiment tal-bejgħ intern tiegħu li miegħu kien jifforma entità ekonomika waħda. Il-produttur esportatur ġibed l-attenzjoni li l-kummerċjant Żvizzeru huwa 100 % s-sussidjarju tiegħu li huwa responsabbli mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Għal din ir-raġuni, skont il-produttur esportatur li kkoopera, il-Kummissjoni ma kellhiex taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni tagħha għall-kummissjoni.

(60)

Madankollu, l-investigazzjoni sabet li ma kien hemm l-ebda relazzjoni esklużiva bejn il-kumpanija prinċipali u l-kummerċjant fl-Iżvizzera fir-rigward tal-bejgħ lejn l-Unjoni u kien hemm entitajiet oħrajn fi ħdan il-grupp, inkluż il-produttur esportatur li wkoll biegħ direttament, li kellhom x'jaqsmu ma' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Kif imsemmi fil-premessa 52, il-kumpanija ewlenija fir-Russja żammet tliet kanali differenti ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-prodott ikkonċernat. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-kumpanija relatata tiegħu fl-Iżvizzera ma kinitx waħda ta' dipartiment tal-bejgħ integrat u intern li tista' tagħmel mod li ż-żewġ entitajiet legali jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Minflok, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ekwivalenti għal dik ta' aġent li jaħdem fuq bażi ta' kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni li l-produttur esportatur u tal-kummerċjant relatat tiegħu fl-Iżvizzera jiffurmaw entità ekonomika waħda ġiet miċħuda. B'riżultat ta' dan, il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku billi tnaqqsu l-kummissjonijiet. Il-kalkolu tal-kummissjonijiet kien ibbażat fuq l-SG&A u marġni ta' profitt raġonevoli tal-kummerċjant kif stabbiliti fil-premessa 55 fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta minn importaturi mhux relatati fl-Unjoni.

3.2.4.   Il-marġini tad-dumping

(61)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(62)

Il-livell ta' kooperazzjoni mir-Russja kien għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produttur esportatur li kkoopera ammontaw għal madwar 85 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-marġni ta' dumping, espress bħala perċentwali tal-valur ta' importazzjoni CIF, huwa kif ġej:

Kumpanija

Il-marġini tad-dumping %

PAO Severstal

– 1,4

Marġini għall-pajjiż kollu

– 1,4

(63)

Minħabba l-kooperazzjoni kbira fir-Russja, il-marġni tad-dumping mal-pajjiż kollu ġie stabbilit fl-istess livell tal-marġni tad-dumping stabbilit għall-produttur esportatur li kkoopera.

(64)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar finali, l-ilmentatur iddikjara li l-Kummissjoni ma kellhiex tistabbilixxi l-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu fl-istess livell bħall-marġini tad-dumping stabbilit għall-uniku produttur esportatur li kkoopera imma suppost ikkalkulat il-marġni għall-pajjiż kollu skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku minflok.

(65)

L-affermazzjoni tal-ilmentatur li kien ikun inġust li l-marġni għall-pajjiż kollu jiġi bbażat fuq is-sejbiet fir-rigward tal-produttur esportatur li kkoopera ma ġietx spjegata aktar u lanqas ma ressaq xi informazzjoni jew evidenza oħra li ssostni l-affermazzjoni tiegħu. Kif innutat fil-premessa 62, il-livell ta' kooperazzjoni mir-Russja kien għoli u d-data pprovduta kienet ikkunsidrata rappreżentattiva irrispettivament minn jekk dawk l-esportazzjonijiet sarux minn produttur esportatur wieħed jew aktar fir-Russja. Barra minn hekk, anke kieku l-Kummissjoni kienet użat l-iktar tipi ta' prodotti esportati tal-produttur esportatur li kkoopera biex tikkalkula d-dazju residwu, il-marġini mal-pajjiż kollu kien jibqa' taħt de minimis. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(66)

Fid-dawl tal-marġni negattiv ta' dumping għall-pajjiż kollu, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' profili vojta minn ġewwa mir-Russja għandha tintemm mingħajr miżuri.

3.3.   It-Turkija

(67)

Għaxar produtturi esportaturi fit-Turkija kkooperaw fl-investigazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 13, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tlieta, jiġifieri Noksel Celik Boru Sanayi, Tosçelik Profil ve Sac Endüstrisi u Yücel Boru ve Profil Endüstrisi.

3.3.1.   Il-valur normali

(68)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk għal kull produttur esportatur il-volum totali ta' bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali tiegħu għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Abbażi ta' dan, il-bejgħ totali tal-prodott simili fuq is-suq domestiku kien rappreżentattiv għal kull produttur esportatur li kkopera.

(69)

Il-Kummissjoni mbagħad iddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(70)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għat-tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ ikunx profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost ikkalkolat tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità

(71)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dan it-tip ta' prodott matul il-PI.

(72)

F'każ fejn inqas minn 80 % tal-bejgħ domestiku kollu kien profittabbli jew il-prezz tal-bejgħ medju peżat kien aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni, il-valur normali ġie kkalkolat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

(73)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ jew ma kienx hemm biżżejjed bejgħ ta' tip ta' prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn tip ta' prodott ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali skont l-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, kif deskritt fil-premessa 27 hawn fuq.

(74)

L-investigazzjoni sabet li l-valur normali għat-tliet produtturi esportaturi li kkooperaw kien ibbażat għal xi tipi tal-prodotti fuq medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu tat-tip ta' prodott rispettiv matul il-PI, għal xi tipi tal-prodotti kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi fl-andament normali tal-kummerċ u għal xi tipi tal-prodotti, inbena skont l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku.

3.3.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(75)

It-tliet produtturi esportaturi fit-Turkija esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. Għalhekk, il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu stabbilit abbażi tal-prezz reali mħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

3.3.3.   Tqabbil

(76)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tat-tliet produtturi esportaturi fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(77)

Meta dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għad-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport u tal-ġar, l-ispejjeż ta' kreditu, il-kummissjonijiet, l-imballaġġ, it-tariffi bankarji u r-ribassi ta' tmiem is-sena.

(78)

Produttur esportatur wieħed argumenta li l-valur normali għandu jiġi aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba s-sistema ta' proċessar attiv fejn id-dazju fuq inputs importati ma jitħallasx jekk l-ammont ekwivalenti ta' prodott lest jiġi esportat. Madankollu, filwaqt li l-produttur esportatur wera li ma kienx iħallas id-dazju fuq uħud mill-inputs, li setgħu ġew inkorporati fil-prodott esportat, ma weriex li d-dazju ekwivalenti tħallas fuq inputs li kienu inkorporati fil-prodott lest maħsub għas-suq domestiku. Konsegwentement, il-produttur esportatur ma weriex li l-użu tal-iskema ta' proċessar attiv jaffettwa l-paragunabilità tal-prezzijiet u għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(79)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar finali, l-ilmentatur argumenta li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni biżżejjed dwar l-użu tal-esportatur ta' sistemi ta' pproċessar attiv u l-effett tiegħu fuq il-marġini tad-dumping. L-ilmentatur iddikjara li hemm mistoqsijiet miftuħa oħra imma ma esprimihomx.

(80)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għan tagħha fil-premessa 78 kien li tispjega talba għal aġġustament u r-raġunijiet għar-rifjut tagħha, mhux li tispjega l-użu tas-sistema ta' pproċessar attiv mill-produtturi esportaturi. L-użu tas-sistema ta' pproċessar attiv, bħala tali, ma jaffettwax il-kalkoli tad-dumping. Huwa importanti biss fejn jaffettwa l-komparabilità tal-prezz bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Madankollu, kif spjegat fil-premessa 78 hawn fuq, dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(81)

Fis-sottomissjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019, l-ilmentatur argumenta li kien hemm differenzi fiżiċi bejn allegatament l-istess tipi ta' prodotti mibjugħa fl-Unjoni u mibjugħa fis-suq domestiku billi l-produtturi esportaturi Torok jużaw normi differenti meta jbigħu fl-Unjoni (EN 10219) u meta jbigħu fis-suq domestiku tagħhom (TS 5314). Skont l-ilmentatur, l-istandard Tork jistabbilixxi tolleranza ta' kwantità materjalment differenti mill-istandard tal-Unjoni. Dan ifisser li l-kwantitajiet nominali rrappurtati mill-produtturi esportaturi Torok ifixklu b'mod materjali l-kwantitajiet attwali li ġew ittrasportati bil-baħar, u min-naħa l-oħra l-prezzijiet ta' unità rrapportati. Konsegwentement, il-marġini tad-dumping ikunu baxxi b'mod artifiċjali. Għalhekk, ikun meħtieġ aġġustament 'il fuq tal-valur normali biex tiġi eliminata d-distorsjoni.

(82)

L-argument tal-ilmentatur huwa bbażat fuq żewġ suppożizzjonijiet: (i) li l-produtturi esportaturi jużaw it-TS 5314 għall-bejgħ domestiku tagħhom u; (ii) li l-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-piż nominali aktar milli reali. Fis-sottomissjonijiet tagħhom tas-26 ta' Marzu kif ukoll, tal-1 u t-2 ta' April 2019, il-produtturi esportaturi kkontestaw iż-żewġ suppożizzjonijiet bl-argument li (i) ma użawx it-TS 5314 matul il-PI; u (ii) li d-data fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju kienet ibbażata fuq piż reali pjuttost milli dak nominali. Tabilħaqq, iż-żewġ aspetti ġew ivverifikati u kkonfermati mill-Kummissjoni.

(83)

Fis-sottomissjoni tagħhom tal-5 ta' April 2019, l-ilmentatur tenna din l-affermazzjoni, u indika li l-produtturi esportaturi setgħu kienu qed isegwu t-TS 5314 barra mill-PI. L-ilmentatur iddubita s-sejba li l-kumpaniji Torok ma jsegwux l-istandards Torok meta jbiegħu fis-suq domestiku tagħhom. L-ilmentatur ikkontesta wkoll kif ġie mkejjel jew ikkalkulat il-piż reali.

(84)

Il-Kummissjoni kkonfermat li kemm l-użu tal-istandards kif ukoll il-piż tal-prodott ġew diskussi mal-produtturi esportaturi u vverifikati matul spezzjonijiet fuq il-post. Dawn il-kwistjonijiet kienu diġà ġew identifikati matul investigazzjonijiet preċedenti ta' dan il-prodott u ngħataw attenzjoni partikolari matul din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, l-affermazzjoni tal-ilmentatur ġiet rifjutata.

(85)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-iżvelar finali, l-ilmentatur tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-produtturi esportaturi fit-Turkija jużaw konverżjoni standard tal-piż li twassal għal prezz finali differenti għal kull tunnellata skont l-istandard. L-ilmentatur argumenta li l-Kummissjoni ma pprovdietx spjegazzjoni biżżejjed dwar kif ġie vverifikat l-użu tal-piż attwali minflok dak teoretiku mill-produtturi esportaturi fil-fatturazzjoni tagħhom.

(86)

Kif spjegat fil-premessa 84, il-Kummissjoni vverifikat li, fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju dwar l-antidumping, il-produtturi esportaturi fil-kampjun ipprovdew il-piż reali għall-prodott ikkonċernat u l-prodott simili mibjugħ lill-Unjoni u domestikament. Il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' fatturi lill-klijenti fis-suq domestiku u lill-klijenti fl-Unjoni u vvalutat il-piż ibbażat fuq il-karti tal-merkanzija u l-fatturi tal-merkanzija kif ukoll fuq id-dikjarazzjonijiet tad-dwana għall-bejgħ lil klijenti fl-Unjoni. Il-verifika kkonfermat li l-produtturi esportaturi kienu rrappurtaw il-piż attwali tal-prodott mibjugħ u mhux piż teoretiku bbażat fuq in-norma.

(87)

Fis-sottomissjoni tiegħu tal-15 ta' April 2019, l-ilmentatur argumenta wkoll li, skont l-informazzjoni dwar is-suq, l-esportaturi Torok, għalkemm jiffatturaw lir-Renju Unit abbażi tal-EN 10219, fil-fatt qed jipproduċu u jittrasportaw lejn ir-Renju Unit, profili vojta li huma prodotti għal BS 4848. L-ilmentatur allega wkoll li, jekk dan ikun il-każ, il-piż teoretiku tal-fatturi kien ikun distort. L-ilmentatur argumenta li d-distorsjoni sseħħ għaliex (i) il-piż nominali huwa bbażat fuq it-tul immultiplikat bil-piż nominali ta' unità ta' tul; u (ii) in-norma EN iffatturata tippermetti inqas kilogrammi għal kull metru (3,30) mill-produzzjoni reali skont in-norma BS (3,45 kg/m). L-ilmentatur allega li sabiex jaġġusta għal din id-distorzjoni, il-prezz tal-bejgħ tar-Renju Unit għandu jitnaqqas b'medja ta' 3,5 %.

(88)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ilmentatur ma pprovda l-ebda evidenza għal din il-prattika. Matul l-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza li tissostanzja din il-prattika. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa 82, il-Kummissjoni sabet li, fit-tweġiba tagħhom għall-kwestjonarju dwar l-antidumping, il-produtturi esportaturi fil-kampjun ipprovdew il-piż reali għall-prodott ikkonċernat u l-prodott simili mibjugħ lill-Unjoni u domestikament. Dak il-piż reali, mhux teoretiku, intuża fil-kalkolu tad-dumping. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni tal-ilmentatur ġiet miċħuda wkoll.

(89)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur tenna l-affermazzjoni tiegħu msemmija fil-qosor fil-premessa 87 hawn fuq, li tikkonċerna l-fatturazzjoni EN 10219 iżda l-bejgħ BS 4848 li jirriżulta f'allegata differenza fil-piż nominali. L-ilmentatur sostna wkoll li kien ipprovda evidenza li turi din il-prattika.

(90)

L-evidenza msemmija mill-ilmentatur turi li l-importaturi qed joffru l-BS 4848 iżda mhux li qed jiffatturawhom bħala EN 10219. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, anki jekk dan kien il-każ, il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq il-piż reali u mhux nominali. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(91)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, parti interessata ddikjarat li l-istruttura tal-kost tal-produtturi Torok tkun differenti minn dik tal-produtturi tal-Unjoni u li din id-differenza għandha titqies għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping.

(92)

Huwa mfakkar li ma hemm l-ebda bażi legali sabiex jitqiesu d-differenzi fl-istrutturi tal-kostijiet tal-produtturi esportaturi kkonċernati u tal-industrija tal-Unjoni fid-determinazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(93)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, parti interessata ddikjarat li l-valur normali Tork huwa influwenzat mid-differenza bejn il-prezz tal-materja prima għall-prodott simili prodott għas-suq domestiku Tork u l-prezz tal-materja prima għall-prodott ikkonċernat li jiġi prodott għas-suq tal-esportazzjoni. B'mod partikolari, din il-parti sostniet li għas-suq domestiku l-esportaturi Torok jużaw materja prima aktar għalja mis-swieq tal-esportazzjoni.

(94)

Bħala tweġiba għal dawn il-kummenti, il-Kummissjoni nnutat dan li ġej. Hija fakkret li l-aġġustamenti magħmula skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jistgħu jsiru biss għal differenzi li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet u mhux il-komparabbiltà tal-kost. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-parti interessata li għamlet it-talba ma pproduċietx prova li jkun hemm differenza fl-ispiża tal-prodott domestiku u dak esportat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni osservat li l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza biex issostni din id-dikjarazzjoni b'mod li l-kummenti tal-parti interessata baqgħu mhux sostanzjati. Il-parti interessata lanqas ma pprovdiet prova li kwalunkwe differenza fil-kost bħal din, quod non, tkun riflessa fil-prezz tal-prodott mitlub, sabiex taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.3.4.   Il-marġini tad-dumping

(95)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(96)

Il-livell ta' kooperazzjoni mit-Turkija kien għoli ħafna minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produttur esportatur li kkoopera ammontaw għal madwar 100 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping, espressi bħala perċentwali tal-valur ta' importazzjoni CIF, huma kif ġej:

Kumpanija

Il-marġini tad-dumping %

Noksel Celik Boru Sanayi

0,5

Tosçelik Profil ve Sac Endüstrisi

– 3,6

Yücel Boru ve Profil Endüstrisi

2,5

Marġini għall-pajjiż kollu

– 0,03

(97)

Minħabba li produttur esportatur wieħed li għandu marġni ta' dumping negattiv u ieħor b'marġni ta' dumping taħt il-limitu de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vverifikat jekk il-marġni medju peżat ta' dumping mal-pajjiż kollu kienx 'il fuq minn dak il-limitu.

(98)

Il-marġni mal-pajjiż kollu ġie kkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-marġini ta' dumping stabbiliti għall-kumpaniji fil-kampjun. Il-marġini ta' dumping ikkalkulat b'dan il-mod, espress bħala perċentwali tal-valur CIF tal-esportazzjonijiet tal-kampjun, kien ta' – 0,03 %.

(99)

Fid-dawl tal-marġni tad-dumping negattiv mal-pajjiż kollu, l-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-profili vojta mit-Turkija mingħajr miżuri.

(100)

B'kunsiderazzjoni ta' din il-konklużjoni, it-talba għal eżami individwali msemmija fil-premessa 14 hawn fuq hija irrilevanti.

(101)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, parti interessata ddikjarat li r-Rumanija, minħabba l-viċinanza relattiva tagħha mat-Turkija, hija partikolarment vulnerabbli għall-importazzjonijiet minn dak il-pajjiż. Il-parti interessata argumentat li din is-sitwazzjoni speċifika tas-suq Rumen għandha titqies meta jiġi kkalkulat il-marġni tad-dumping.

(102)

Madankollu, il-parti interessata ma spjegatx kif tali valutazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping tista' ssir f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Tabilħaqq, l-argumenti li l-parti interessata ressqet biex tappoġġa l-affermazzjoni tagħha huma relatati ma' aspetti ta' dannu u ta' interess tal-Unjoni u mhux mad-dumping. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(103)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, produttur esportatur Tork sostna li l-marġni attwali tiegħu tad-dumping kien ikun de minimis kieku l-Kummissjoni użat struttura aktar dettaljata meta qabblet it-tipi ta' prodott, b'mod partikolari billi identifikat id-dimensjoni u l-ħxuna reali tat-taqsimiet, aktar milli ġabrithom flimkien. Dan l-argument kien diġà ġie ppreżentat matul l-investigazzjoni. Meta oriġinarjament għamel dan l-argument, il-produttur esportatur sostna li l-prezz ta' profili vojta jvarja mad-dimensjonijiet u l-ħxuna tagħhom.

(104)

Il-Kummissjoni nnutat li l-prezz ta' profili vojta fil-fatt ivarja b'mod sinifikanti bid-dimensjonijiet u l-ħxuna tagħhom, jekk dan il-prezz ikun ibbażat fuq it-tul (jiġifieri kull metru). Dan il-varjant ma jkunx tant sinifikanti meta s-sezzjonijiet vojta jkunu qed jinbiegħu skont il-piż (jiġifieri għal kull kilogramma). Il-kalkolu tad-dumping kien ibbażat fuq prezzijiet għal kull kilogramma u b'hekk raggruppament ta' dimensjonijiet u ħxuna kien ġustifikat. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(105)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn aktar minn 40 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(106)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-industrija tal-Unjoni, bħall-informazzjoni li tinsab fl-ilment, u d-data vverifikata miġbura mill-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tubi tal-Azzar. Għalhekk, il-produzzjoni totali tal-Unjoni waqt il-perjodu ta' investigazzjoni ġiet stabbilita għal madwar 3,4 miljun tunnellata.

(107)

Kif indikat fil-premessa 7 erba' produtturi tal-Unjoni ntagħżlu fil-kampjun li jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(108)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-bejgħ totali tal-produtturi tal-Unjoni fl-Unjoni, u l-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi, abbażi tad-data tal-Eurostat. Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit għal 4 251 597 tunnellata għall-perjodu ta' investigazzjoni.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(109)

L-investigazzjoni stabbilixxiet, kif spjegat fil-premessi 63 u 96 l-marġini ta' dumping de minimis fil-pajjiż kollu fir-Russja u fit-Turkija u bħala riżultat l-investigazzjoni għandha tintemm għal dawn il-pajjiżi.

(110)

Il-Maċedonja ta' Fuq nstabet li għandha marġni ta' dumping mal-pajjiż kollu ta' 2,9 %. Madankollu, huma biss l-importazzjonijiet mill-kumpanija FZC li jistgħu jitqiesu bħala importazzjonijiet oġġett ta' dumping, billi kif stipulat fil-premessi 41 u 42, il-marġnijiet ta' dumping għaż-żewġ kumpaniji l-oħra kienu taħt il-limitu de minimis ta' 2 % kif definit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

(111)

Il-volumi ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-Maċedonja ta' Fuq matul il-perjodu ta' investigazzjoni ammontaw għal [15 000 sa 25 000] tunnellata. Dawn kienu jikkostitwixxu [0,35 % sa 0,59 %] tal-konsum tal-Unjoni u [1,60 % sa 2,66 %] tal-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(112)

Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, id-dannu normalment titqies negliġibbli meta l-importazzjonijiet ikkonċernati jkunu jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 5(7), min-naħa tiegħu, u fin-nuqqas ta' akkumulazzjoni, jinnota li tali volumi għandhom jammontaw għal sehem mis-suq ta' mill-inqas 1 % tal-konsum tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat.

(113)

Fl-investigazzjoni preżenti, kif innutat fil-premessa 109, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet inkwistjoni kien jikkostitwixxi [0,35 % sa 0,59 %] tal-konsum tal-Unjoni, jiġifieri inqas mir-rekwiżit tas-sehem mis-suq stabbilit mill-Artikolu 9(3).

(114)

Għalhekk, u fin-nuqqas ta' evidenza għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu għandu jitqies bħala negliġibbli billi l-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mill-Maċedonja ta' Fuq jirrappreżenta inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku.

(115)

Minħabba d-dannu negliġibbli, jekk ikun hemm, l-investigazzjoni għandha tintemm fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' profili vojta mill-Maċedonja ta' Fuq mingħajr miżuri, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku.

5.   KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI

(116)

Meta jitqies dan ta' hawn fuq, il-proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' profili vojta minn ġewwa, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, mir-Russja u mit-Turkija jenħtieġ li jintemm.

(117)

Fid-dawl tas-sejbiet ta' hawn fuq, it-talba għar-reġistrazzjoni sottomessa mill-ilmentatur saret irrilevanti.

(118)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni u ngħataw perjodu li fih setgħu jippreżentaw il-kummenti.

(119)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma tax l-opinjoni tiegħu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' tubi wweldjati, pajpipjiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless iżda esklużi l-pajpijiet tal-linja tat-tip użat għall-pajpijiet taż-żejt jew tal-gass u l-kisi u t-tubi ta' tip użat fit-tħaffir għaż-żejt jew il-gass li joriġinaw mir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, mir-Russja u mit-Turkija, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7306 61 92 u 7306 61 99, huwa b'dan mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Avviż ta' bidu ta' proċediment ta' antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless, li joriġinaw mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mir-Russja u mit-Turkija (ĠU C 347, 28.9.2018, p. 6).