|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3202 |
30.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3202
tal-5 ta’ Diċembru 2024
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwarl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (2025–2030)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (Sustainable Fisheries Partnership Agreement) bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2043 (2) u daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Frar 2022. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim se jiskadi fil-21 ta’ April 2025. |
|
(2) |
Fit-13 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Gvern ta’ Greenland (“Greenland”) u mal-Gvern tal-Danimarka għall-konklużjoni ta’ protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Wara dawn in-negozjati, il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (2025–2030) (“il-Protokoll”) ġie inizjalat fl-20 ta’ Settembru 2024. |
|
(4) |
L-objettivi tal-Protokoll huma li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fiż-żona tas-sajd ta’ Greenland u li jippermetti lill-Unjoni u lil Greenland jaħdmu flimkien mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ Greenland. Dik il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat. |
|
(6) |
F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Greenland u l-ħtieġa li jitnaqqas, kemm jista’ jkun, il-perjodu li fih dawn l-attivitajiet jiġu interrotti, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessajri għad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
(8) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fil-11 ta’ Diċembru 2024, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (2025–2030) (“il-Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll (4).
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri neċessajri għad-dħul fis-seħħ tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu, mid-data tal-iffirmar tiegħu (5).
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY B.
(1) ĠU L 175, 18.5.2021, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/793/oj.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2043 tat-18 ta’ Novembru 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 418, 24.11.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2043/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(4) It-test tal-Protokoll huwa ppubblikat fil-ĠU OJ L, 2024/3203, 30.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2024/3203/oj.
(5) Id-data tal-iffirmar tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3202/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)