|
23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/3 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2201
tal-1 ta’ Ottubru 2019
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-għeluq f’ħin reali għas-sajd tal-gamblu tat-Tramuntana fl-Iskagerrak
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta’ Awwissu 2019 daħal fis-seħħ Regolament (UE) 2019/1241 ġdid dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi. Dan jistabbilixxi fl-Anness V dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi stabbiliti fil-livell reġjonali għall-Baħar tat-Tramuntana, għall-Iskagerrak u għall-Kattegat, li jinkludu wkoll regoli dwar id-daqsijiet tal-malji, il-kundizzjonijiet assoċjati u l-qabdiet inċidentali. L-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex temenda, tissupplimenta, tħassar jew tidderoga mill-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/1241, inkluż għall-iskop ta’ żoni li jingħalqu f’ħin reali u dispożizzjonijiet dwar meta ż-żona tinbidel. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi l-qafas ta’ miżuri tekniċi li jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-PKS li s-sajd isir f’livelli ta’ rendiment massimu sostenibbli, li jonqsu l-qabdiet mhux mixtieqa u li jiġi eliminat l-iskartar tal-ħut, u li jikkontribwixxu għall-ksib ta’ status ambjentali tajjeb kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li t-tali miżuri tekniċi jikkontribwixxu speċifikament għall-protezzjoni tal-frieħ u l-ġlejjeb ta’ speċijiet tal-baħar bl-użu ta’ rkaptu tas-sajd selettiv u ta’ miżuri biex jiġu evitati l-qabdiet mhux mixtieqa. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1241 ma jipprevedix miżuri tranżizzjonali. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità bejn dan ir-Regolament Delegat, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 (3) u r-Regolament (UE) 2019/1241 li ħassar fit-taqsima 3 tat-Titolu IV tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (4), jeħtieġ li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1241, filwaqt li fl-istess ħin jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali involuti. |
|
(4) |
Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta (5) b’mod pożittiv l-informazzjoni mogħtija mill-grupp reġjonali b’appoġġ għall-miżuri tekniċi inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta. Din ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet żviluppata u ppreżentata mill-Istati Membri u vvalutata mill-STECF qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1241 u għalhekk ma rreferietx għal dak ir-Regolament. Madankollu, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tqis li fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u fil-valutazzjoni tal-STECF, ma jidher ebda element li jindika li l-miżuri tekniċi addizzjonali proposti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241. |
|
(5) |
Meta l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd iqisu li huma meħtieġa miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ġlejjeb ta’ frieħ permezz ta’ għeluq f’ħin reali taż-żoni tas-sajd, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 miżuri bħal dawn permezz ta’ atti delegati fuq rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata minn dawk l-Istati Membri. |
|
(6) |
L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi elementi speċifiċi li jridu jiġu inklużi f’rakkomandazzjoni konġunta fir-rigward tal-ħolqien ta’ għeluq f’ħin reali. |
|
(7) |
Skont il-paragrafu (1)(d) tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241, ir-rakkomandazzjoni konġunta sottomessa fir-rigward tal-ħolqien ta’ għeluq f’ħin reali għandha tinkludi arranġamenti ta’ kontroll u monitoraġġ. Ir-Rekord Maqbul tal-Konklużjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja tas-6 ta’ Settembru 2018 jistipula l-proċeduri u l-metodoloġija ta’ teħid ta’ kampjuni għall-adozzjoni ta’ għeluq f’ħin reali għall-gambli tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fl-Iskagerrak. |
|
(8) |
Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fl-Iskagerrak. Wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, dawk l-Istati Membri ssottomettew, fis-7 ta’ Marzu 2019, rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni għal att delegat li jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri stabbiliti f’dak il-Verbal Maqbul. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fis-26 ta’ Awwissu 2019. |
|
(9) |
Il-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd kien ikkonsultat dwar ir-rakkomandazzjoni konġunta fil-31 ta’ Lulju 2019. |
|
(10) |
L-STECF qies li s-sistema ta’ għeluq f’ħin reali proposta għandha benefiċċji ta’ konservazzjoni potenzjali pożittivi f’konformità mal-objettiv tar-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk, jidher xieraq li din tiġi introdotta fl-Iskagerrak skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-rakkomandazzjoni konġunta kif sottomessa mill-grupp ta’ Scheveningen. L-effikaċja tas-sistema ta’ għeluq f’ħin reali jenħtieġ li tkun soġġetta għal monitoraġġ bir-reqqa u evalwata skont il-mekkaniżmu ta’ rieżami stabbilit fir-RK. Jenħtieġ li jiġi inkorporat fis-sistema programm ta’ monitoraġġ speċifiku tal-gradilja ta’ kombinazzjoni Nordmøre selettiva skont id-daqs biex jiġi żgurat li din iżomm b’mod konsistenti l-qabdiet tal-Pandalus żgħir taħt il-livell ta’ attivazzjoni. |
|
(11) |
Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li l-bastimenti li jistadu għall-gamblu tat-Tramuntana li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’firxa ta’ daqs tal-malja ta’ 35-69 mm attrezzati bi gradilji selettivi Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm jenħtieġ li jkunu permessi jkomplu bis-sajd għal dik l-ispeċi f’żoni soġġetti għal għeluq f’ħin reali. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) Nru 724/2010 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak. L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 724/2010 jipprovdi li, meta l-perċentwal ta’ frieħ jilħaq ċertu livell ta’ attivazzjoni, l-Istat Membru kostali kkonċernat irid jipprojbixxi s-sajd fiż-żona kkonċernata bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd għajr:xbieki tat-tkarkir tal-ħut pelaġiku, tartaruni jduru, għeżula tat-tisqif u jiggers għall-aringi, il-kavalli, u s-sawrell; nases; gangmi għall-arzell; u xbieki tal-garġi. |
|
(13) |
L-STECF evalwa x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’firxa ta’ daqs tal-malja ta’ 35-69 mm immirati lejn il-gamblu tat-Tramuntana mgħammra bi gradilji selettivi Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm u kkonkluda li dawk ix-xbieki tat-tkarkir huma selettivi ħafna u effettivi biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-frieħ tal-ħut (7). Fid-dawl ta’ dak il-parir, huwa xieraq li jiżdied l-użu ta’ dak l-irkaptu tas-sajd fis-sajd tal-gamblu tat-Tramuntana mal-lista ta’ rkapti eżentati stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 724/2010. |
|
(14) |
Filwaqt li l-STECF jikkonferma l-effikaċja tal-gradilji Nordmøre biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-frieħ tal-ħut, jinnota wkoll li f’termini ta’ tnaqqis tal-qabdiet tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana, l-effikaċja tal-irkaptu mgħammar bi gradilja ta’ kombinazzjoni Nordmøre għad trid tiġi aċċertata. Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-STECF, huwa xieraq li jiġu previsti programmi ta’ monitoraġġ speċifiku sabiex jiġi verifikat jekk dan l-irkaptu jżommx b’mod konsistenti l-proporzjon ta’ qabdiet tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana f’livell baxx. |
|
(15) |
L-STECF jikkonferma l-benefiċċji ta’ konservazzjoni tal-użu tal-irkapti mgħammra bi gradilji Nordmøre meta jintużaw għall-iskampu (Nephrops norvegicus). Fid-dawl ta’ dak il-parir, u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-abilità tiegħu biex inaqqas il-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw, huwa xieraq li l-użu ta’ dak l-irkaptu tas-sajd għas-sajd tal-iskampu jiġi miżjud mal-lista ta’ rkapti eżentati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 724/2010. |
|
(16) |
Madankollu, l-STECF jinnota li l-effikaċja ta’ tagħmir bħal dan fis-sajd tal-iskampu tiddependi fuq l-istruttura tat-tul tal-ispeċijiet maqbudin b’mod inċidentali li wieħed jiltaqa’ magħhom matul l-operazzjonijiet tas-sajd u li din l-istruttura se tiddetermina jekk jintlaħqux il-livelli ta’ attivazzjoni tal-qabdiet. Sabiex jiġi żgurat li dan l-irkaptu jżomm b’mod konsistenti l-qabdiet inċidentali tal-eżemplari tal-frieħ taħt il-livell ta’ attivazzjoni, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru data addizzjonali kif indikat mill-STECF, l-operazzjonijiet tas-sajd li jużaw irkapti bħal dawn f’żoni magħluqin jenħtieġ li jkunu soġġetti għal programm ta’ monitoraġġ dedikat. |
|
(17) |
Dwar is-sustanza, fid-dawl tas-sejbiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li jkun approċċ pragmatiku iżda fl-istess ħin prudenti lejn il-ġestjoni tas-sajd jekk dan l-irkaptu jiġi miżjud mal-lista ta’ rkapti eżentati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 724/2010 sabiex jiġu permessi eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehma li jekk dan ma jsirx ma tkunx tista’ tinġabar id-data. Barra dan, il-gradilji Nordmøre użati fis-sajd tan-Nephrops għandhom abilità ppruvata li jnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw għal livelli baxxi ħafna. Minħabba l-istat attwali tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Kummissjoni tqis għalhekk l-użu ta’ rkapti bħal dawn bħala xierqa biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet mhux mixtieqa tal-bakkaljaw. |
|
(18) |
Meta jitqies li r-Regolament (UE) 2019/1241 ħassar, fit-taqsima 3 tat-Titolu IV tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, id-dispożizzjoni li tagħti setgħa li fuq il-bażi tagħha ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010, u b’hekk jimpedixxi l-possibbiltà li jsiru emendi oħra għal dak l-att, u billi huwa meħtieġ li tiġi prevista l-implimentazzjoni tal-miżuri li hemm fir-Rekord Maqbul kif ippreżentat fir-rakkomandazzjoni konġunta, huwa xieraq li jiġu adottati l-bidliet meħtieġa permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjoni korrispondenti permezz ta’ dan ir-Regolament Delegat. |
|
(19) |
Il-miżuri suġġeriti mir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u mal-Artikolu 15(2), (4) u (5) u mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241, u b’hekk jistgħu jiġu inklużi f’dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ sajd fl-Iskagerrak għall-protezzjoni tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“Skagerrak” tfisser iż-żona kkonfinata fil-Punent minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm għall-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen għall-fanal ta’ Tistlarna u minn dan il-punt għall-eqreb punt fuq il-kosta Żvediża; |
|
(b) |
“sett” tfisser l-azzjoni minn meta tiġi kalata x-xibka sal-mument meta din tintrefa’ lura. |
|
(c) |
“Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt” tfisser pjan speċifikat taħt Programm ta’ Kontroll u Spezzjoni Speċifiku stabbilit skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. |
|
(d) |
“Frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana” tfisser eżemplari ta’ gambli tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li għandhom tul tal-karapaċi iżgħar minn 14,8 mm. It-tul tal-karapaċi għandu jiġi mkejjel bħala t-tul tal-karapaċi, parallel għal-linja tan-nofs, mill-parti ta’ wara tal-ħofra tal-għajn sat-tarf distali tal-karapaċi. |
|
(e) |
“Gradilja Nordmøre” huwa apparat selettiv inserit f’xibka tat-tkarkir li jikkonsisti minn gradilja inklinata b’fetħa minn fejn jista’ jaħrab il-ħut. It-tagħmir jippermetti l-passaġġ tal-gamblu jew tan-Nephrops filwaqt li jeskludi qabdiet inċidentali ta’ ħut mhux mixtieqa billi jiggwidahom lejn il-fetħa minn fejn jistgħu jaħarbu. |
Artikolu 3
Livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet
Il-livell tal-qabda li jattiva l-għeluq f’ħin reali tas-sajd skont dan ir-Regolament għandu jkun 20 % bil-piż tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana meta mqabbel mal-qabda totali tal-gamblu tat-Tramuntana, f’sett.
Artikolu 4
Spezzjonijiet
1. Is-sors ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ tal-livelli ta’ attivazzjoni tal-qabdiet għandu jkun l-ispezzjonijiet fuq il-baħar imwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti fuq bastimenti tas-sajd li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borialis) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm.
2. L-Istat Membru kostali, u/jew l-Istat Membru li jipparteċipa f’operazzjoni konġunta taħt Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt, għandu jidentifika żoni u perjodi ta’ żmien fejn hemm ir-riskju li jintlaħaq il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.
3. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu, b’mod partikolari, fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 2, biex ikejlu jekk il-perċentwal ta’ frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana jilħaqx il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.
4. L-awtoritajiet tal-kontroll għandhom jispezzjonaw il-qabdiet tal-gamblu tat-Tramuntana bl-użu tal-proċedura ta’ teħid ta’ kampjuni deskritta fl-Anness I.
5. Id-dettalji tal-ispezzjoni u l-kwantità ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana fil-kampjun għandhom jiġu rreġistrati f’rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni kif stabbilit fl-Anness II. Il-formola tar-rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni, ippreżentata fl-Anness II, għandha timtela kif dovut minnufih wara li jitkejjel il-kampjun.
6. Jekk il-kwantità ta’ gamblu tat-Tramuntana f’sett tkun inqas minn 100 kg, dak is-sett ma għandux jintuża bħala bażi għal rakkomandazzjoni għal għeluq.
Artikolu 5
Notifiki tal-livell ta’ attivazzjoni
1. Meta r-riżultati tal-kampjuni miġburin skont l-Artikolu 4(4) minn mill-inqas żewġ settijiet meħudin fi żmien 96 siegħa juru li l-kwantità ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana laħqet il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet, ir-rapport(i) dwar it-teħid ta’ kampjuni msemmija fl-Artikolu 4(5) għandhom jiġu kompletati minnufih u mibgħuta lill-punt ta’ kuntatt tal-Istat Membru kostali, li għandu jikkunsidra jekk jenħtieġx li jiġi stabbilit RTC. It-trażmissjoni tar-rapporti dwar it-teħid ta’ kampjuni tista’ tiġi kumplimentata minn rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet ta’ kontroll responsabbli għall-ispezzjonijiet biex jiġi stabbilit RTC.
2. Jekk il-proporzjon ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana huwa iktar minn 40 % tal-qabda totali ta’ dik l-ispeċi, l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu jirrakkomandaw għeluq f’ħin reali fuq il-bażi ta’ kampjun wieħed.
Artikolu 6
Għeluq tas-sajd
1. Fuq il-bażi tar-rapporti dwar it-teħid ta’ kampjuni msemmija fl-Artikolu 4(4), l-Istat Membru kostali kkonċernat jista’ jipprojbixxi s-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm f’żona definita skont l-Artikolu 7 (“iż-żona magħluqa”).
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-bastimenti tat-tkarkir li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana li għandhom gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III jistgħu jitħallew jistadu għall-gamblu tat-Tramuntana fiż-żona magħluqa. Il-bastimenti li jixtiequ jużaw dik l-eżenzjoni għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom u l-użu tal-irkaptu liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru kostali qabel ma jidħlu fiż-żona magħluqa.
3. Bastimenti li jużaw gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III u li joperaw f’żona magħluqa għandhom ikunu soġġetti għal programm ta’ monitoraġġ speċifiku li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-proporzjon ta’ frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana fil-qabda totali ta’ dik l-ispeċi. Ir-riżultati minn dawk il-programmi għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-bidu tal-programm u tnax-il xahar wara dan.
4. Jekk l-ispezzjoni ta’ bastiment li juża, f’żona magħluqa, gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III, turi qabda ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana li tilħaq il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet, dak il-bastiment għandu joħroġ miż-żona magħluqa għall-bqija tal-perjodu tal-għeluq.
5. Madankollu, il-bastiment jista’ jirritorna lejn iż-żona magħluqa wara li jaġġusta l-irkaptu u jibqa’ fiż-żona, diment li jikseb il-permess tal-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti. F’dak il-każ, is-sett li jmiss tal-bastiment għandu jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet ta’ kontroll biex jiġi żgurat li l-qabda ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana ma tilħaqx il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.
Artikolu 7
Firxa ġeografika taż-żona magħluqa
Il-konfini ġeografiċi ta’ żona magħluqa għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
Id-definizzjoni taż-żona għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, it-trajettorji tas-sett li wasslu għad-deċiżjoni tal-għeluq, il-kurvi tal-fond, il-kompożizzjoni tal-qabdiet u l-attività tas-sajd; |
|
(b) |
Iż-żona magħluqa ma għandhiex taqbeż 50 mil nawtiku kwadru. |
Artikolu 8
Dewmien tal-għeluq f’ħin reali
1. L-għeluq f’ħin reali għandu jidħol fis-seħħ f’24.00 Ħin Universali Koordinat (UTC) fil-jum tad-deċiżjoni. L-adozzjoni tad-deċiżjoni jenħtieġ li ssir f’ħin li jippermetti biżżejjed żmien biex il-bastimenti li qed joperaw fil-viċinanzi taż-żona jiġu infurmati f’konformità mal-Artikolu 7.
2. Iż-żona għandha tingħalaq għal 14-il jum li warajhom l-għeluq għandu jieqaf japplika awtomatikament f’nofsillejl UTC.
Artikolu 9
Stati kostali ġirien
1. L-Istati Membri Kostali jistgħu jfittxu kooperazzjoni mal-Istati Kostali ġirien biex jibdew għeluq f’ħin reali bl-użu ta’ riżultati ta’ teħid ta’ kampjuni li joriġinaw miż-żewġ naħat tal-fruntiera.
2. Jekk iż-żona li se tingħalaq tolqot it-territorju u l-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri Kostali jew iktar, l-Istat Membru Kostali għandu mingħajr dewmien jinforma lill-Istat Membru Kostali ġar u lill-pajjiżi terzi bis-sejbiet u d-deċiżjoni li jagħlaq iż-żona rilevanti. L-Istat Kostali ġar jista’ mbagħad jikkunsidra jagħlaq l-ilmijiet tiegħu.
3. Stat Membru Kostali jista’ jistieden lill-Istati Kostali ġirien biex jieħdu kampjuni f’ismu f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom.
Artikolu 10
Informazzjoni
1. Wara li jiddeċiedi li jattiva għeluq f’ħin reali skont l-Artikolu 6, l-Istat Membru kostali għandu mingħajr dewmien:
|
(a) |
ipoġġi notifika tal-għeluq f’ħin reali fuq is-sit web tiegħu li tinkludi l-mappa, il-koordinati u r-rapport(i) dwar it-teħid ta’ kampjuni sottostanti, u |
|
(b) |
jinforma lill-bastimenti li jkunu fil-viċinanza taż-żona magħluqa sa fejn ikun possibbli, u |
|
(c) |
jinforma, permezz ta’ notifika elettronika, lid-Direttorat tas-Sajd fin-Norveġja, lill-Kummissjoni u liċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sajd fl-Istati Membri rilevanti u lill-pajjiżi terzi li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li joperaw fiż-żona kkonċernata. In-notifika għandu jkun fiha informazzjoni dwar id-data u l-ħin meta l-għeluq jidħol fis-seħħ, il-koordinati li jiddelimitaw l-għeluq u l-indirizz tal-web rilevanti li fih informazzjoni addizzjonali. |
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jinfurmaw lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li huma affettwati bl-għeluq f’ħin reali.
3. Fuq talba, l-Istat Membru Kostali kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bir-rapporti dettaljati dwar it-teħid ta’ kampjuni u l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-għeluq f’ħin reali meħuda f’konformità mal-Artikolu 7.
Artikolu 11
Xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bi gradilji Nordmøre
1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 724/2010, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jużaw l-irkapti li ġejjin huma eżentati mill-projbizzjoni fuq is-sajd li ġejja mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-dispożizzjoni:
|
— |
xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li huma mgħammra bi gradilja selettiva Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm mingħajr tagħmir għaż-żamma tal-ħut; |
|
— |
xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ikbar minn 70 mm li jimmiraw għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li huma mgħammra bi gradilja Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 35 mm mingħajr tagħmir għaż-żamma tal-ħut. |
2. L-Istati Membri tal-bandiera ta’ bastimenti li jużaw l-irkapti msemmija fil-paragrafu 1 u li joperaw f’għeluq f’ħin reali għandhom jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ speċifiku biex jivverifikaw li l-qabdiet ma jilħqux il-livell ta’ attivazzjoni. Jekk il-qabdiet jilħqu l-livell ta’ attivazzjoni, dawk il-bastimenti għandhom joħorġu miż-żona magħluqa għall-bqija tal-perjodu ta’ għeluq. Ir-riżultati minn dawk il-programmi għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-bidu tal-programm u minn hemm ’il quddiem, kull tnax-il xahar. Jekk ir-riżultati minn programmi bħal dawn juru li l-qabdiet jaqbżu l-livelli ta’ attivazzjoni, jenħtieġ li dawn l-irkapti ma jibqgħux jiġu eżentati.
Artikolu 12
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(2) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 tat-12 ta’ Awwissu 2010 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak (ĠU L 213, 13.8.2010, p. 1).
(4) Ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 43, 22.12.2009, p. 1).
(5) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/973 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008 (ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1).
(7) https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
ANNESS I
METODOLOĠIJA TAT-TEĦID TA’ KAMPJUNI
Il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
1.
Kull meta hu possibbli, il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-proċess. Għandhom jiġu mħeġġa wkoll jaqsmu kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-żona magħluqa.
2.
Il-qabda totali fis-sett għandha tintuża bħala l-bażi għall-istima tal-kompożizzjoni tal-qabda.
3.
Għandu jittieħed kampjun f’konformità mal-proċedura li ġejja:|
(a) |
Il-kampjun irid jittieħed b’tali mod li jirrifletti l-kompożizzjoni tal-qabda tal-Pandalus fis-sett. Sabiex dan jinkiseb, il-kaptan, jew persuna li jaħtar, għandu jassisti meta jittieħed il-kampjun. |
|
(b) |
Id-daqs minimu tal-kampjun għandu jkun 2 kg jew litru wieħed ta’ Pandalus. |
4.
Il-kwantità ta’ Pandalus taħt it-tul ta’ attivazzjoni għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ Pandalus fil-kampjun.
5.
Il-formola tar-rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni, ippreżentata fl-Anness II għandha tiġi kompletata kif dovut minnufih wara li jitkejjel il-kampjun.
ANNESS II
|
GĦELUQ F’ĦIN REALI – RAPPORT DWAR IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI LILL-ISTAT KOSTALI |
|||||||
|
PANDALUS relatat mat-tul ta’ attivazzjoni. |
|||||||
|
Dettalji tal-ispezzjoni/osservazzjoni |
Pjattaforma tal-ispezzjoni |
Isem l-ispettur/osservatur |
Isem l-ispettur/osservatur |
Data u ħin (1) tal-ispezzjoni/osservazzjoni |
Pożizzjoni (2) tal-ispezzjoni/osservazzjoni |
||
|
|
|
|
|
|
|||
|
Dettalji tal-bastiment tas-sajd |
Isem |
Sinjal tas-sejħa |
Numru tar-reġistrazzjoni |
Stat tal-bandiera |
Tip ta’ rkaptu Singlu/Doppju |
Daqs tal-malja f’mm |
|
|
|
|
|
|
|
|
||
|
Miżuri ta’ selezzjoni |
Gradilja (għall-issortjar tal-Pandalus) |
Gradilja, mm |
Oħrajn |
|
Borża tal-ġbir |
Daqs tal-malja fil-borża tal-ġbir |
|
|
|
|
|
|
|
|
||
|
Dettalji tal-operazzjoni tas-sajd |
Bidu |
Data u ħin (1) |
Pożizzjoni (2) |
|
|
||
|
|
|
|
|
||||
|
Tmiem |
Data u ħin (1) |
Pożizzjoni (2) |
Kemm damet l-operazzjoni tas-sajd (3) |
|
|||
|
|
|
|
|
||||
|
Dettalji tal-qabda |
Stima tal-qabda totali fis-sett (kg) |
|
|||||
|
Stima tal-qabda tal-Pandalus fis-sett (kg) |
|
||||||
|
Daqs tal-kampjun tal-Pandalus (kg/litru) |
|
||||||
|
Għadd totali ta’ Pandalus fil-kampjun |
|
||||||
|
Għadd ta’ Pandalus taħt it-tul ta’ attivazzjoni fil-kampjun |
|
||||||
|
% ta’ Pandalus ta’ daqs żgħir (għadd taħt it-tul ta’ attivazzjoni/għadd totali) |
|
||||||
|
Osservazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali |
Informazzjoni addizzjonali minn sorsi oħrajn, pereżempju riċevuti mill-kaptan. |
||||||
|
Spettur Firma |
Mhux meħtieġa jekk jiġi kompletat b’mod elettroniku u trażmess lill-Istat kostali permezz tal-posta elettronika. |
||||||
(1) jj/xx/ss sigħat u minuti (ħin lokali 24 siegħa)
(2) pereżempju: 56°24′ N 01° 30′ E.
(3) sigħat u minuti.
ANNESS III
GRADILJA SELETTIVA FIS-SAJD GĦALL-PANDALUS LI HIJA PERMESSA FL-RTC
Xibka tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja fil-biċċa tal-estensjoni u manka ta’ mill-inqas 35 mm, mgħammra bi gradilja selettiva bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm fil-parti ta’ fuq tal-gradilja u spazju minimu bejn l-iżbarri ta’ 9,5 mm fil-parti t’isfel tal-gradilja. Wara l-parti t’isfel tal-gradilja hemm żbokk mhux imblukkat għall-qiegħ tal-baħar. Daqs tal-malja ta’ mill-inqas 35 mm japplika fuq wara tal-gradilja selettiva.