IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.5.2024
JOIN(2024) 15 final/2 - DOWNGRADED ON 19.8.2024
2024/0109(NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
2024/0109 (NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/746 tat-23 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
(2)Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK.
(3)Fi XXX, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/XXX li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
(4)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.
(5)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, inter alia, għal operazzjonijiet ta’ interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.
(6)Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u tat-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u d-dritt inerenti ta’ awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa. Huwa appella wkoll għal aktar passi biex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha, inkluż bit-tisħiħ tas-sanzjonijiet.
(7)Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perjodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.
(8)Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, filwaqt li fixklet u mmanipulat il-fatti b’mod gravi.
(9)Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.
(10)Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ’l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.
(11)Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
(12)B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, dawn il-miżuri ma jżommux lil dawk il-mezzi tal-media u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B’mod partikolari, dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.
(13)Sabiex jiżgura l-konsistenza mal-proċess previst fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK biex jiġu sospiżi l-liċenzji tax-xandir, jenħtieġ li l-Kunsill jeżerċita setgħat ta’ implimentazzjoni biex jiddeċiedi, wara eżami tal-każijiet rispettivi, jekk il-miżuri restrittivi għandhomx isiru applikabbli, fid-data speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 833/2014, fir-rigward ta’ diversi entitajiet elenkati fl-Anness XV tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.
(14)Il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.
(15)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 833/2014 jiġi emendat skont dan,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XV huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament; Dan il-punt għandu japplika fir-rigward ta’ waħda jew aktar mill-entitajiet imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament sa minn [daħħal data xierqa b’kont meħud tan-notifika minn qabel] u dment li l-Kunsill, wara li jkun eżamina l-każijiet rispettivi, jiddeċiedi hekk, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fi […] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President