European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3201

19.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3201

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 li jestendi d-dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja għal importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex Membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 (2), il-Kummissjoni Ewropea (il-“Kummissjoni”) imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ (“SSCR”, stainless steel cold-rolled flat products) li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Indoneżja wara investigazzjoni antisussidji (“l-investigazzjoni antisussidji oriġinali”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 0 u 21,4 %, b’dazju residwu għall-kumpaniji Indoneżjani kollha li ma kkooperawx ta’ 20,5 % (“il-miżuri AS oriġinali”).

(2)

Fit-3 ta’ Lulju 2023, skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037 (ir-“Regolament AS bażiku”), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (EUROFER) ippreżentat talba biex tinvestiga ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri AS oriġinali minn importazzjonijiet tal-SSCR ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam. Fil-15 ta’ Awwissu 2023, abbażi tat-talba li nstabet li kienet fondata sew, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni antiċirkomvenzjoni (“l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1631 (3).

(3)

Wara l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 (4), il-Kummissjoni estendiet id-dazju residwu ta’ 20,5 % fuq l-importazzjonijiet tal-SSCR ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le. Għadd ta’ produtturi mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam li talbu eżenzjonijiet u li nstabu li ma kienu involuti fl-ebda prattika ta’ ċirkomvenzjoni ngħataw eżenzjonijiet mill-estensjoni tad-dazju. Lam Khang Joint Stock Company (“Lam Khang”), wieħed mill-produtturi Vjetnamiżi li talbu eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazji, ġie rrifjutat tali eżenzjoni għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (173)–(175) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268.

(4)

Fit-3 ta’ Lulju 2024, Lam Khang ressqet rikors skont l-Artikolu 263(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Lam Khang sostniet, fost affarijiet oħra, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fattwali fl-analiżi tagħha ta’ ċerti provi prodotti matul l-investigazzjoni meta wieġbet għal argument ippreżentat minn Lam Khang wara d-divulgazzjoni.

(6)

Reviżjoni tad-data wriet tabilħaqq li sabiex tiġi stabbilita d-differenza fil-prezz bejn il-kojls tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana tal-grad 304 (“304 SSHR”) li Lam Khang importat mill-Indoneżja u dawk minn sorsi oħra, kif imsemmi fil-premessa (173) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268, il-Kummissjoni użat sett ta’ data mhux komput. Meta jintużaw is-settijiet ta’ data kompluti, il-prezz tax-xri ta’ Lam Khang għal 304 SSHR Indoneżjani kien ogħla minn dak ta’ fornituri oħra.

(7)

Konsegwentement, il-konklużjoni fil-premessa (174) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 li partijiet tal-prodott simili importat ibbenefikaw minn sussidji misjuba fl-investigazzjoni oriġinali ma setgħetx tinsilet abbażi tad-differenzi fil-prezz kif stabbilit fil-premessa (173) ta’ dak ir-Regolament. Meta wieħed iqis li fir-rigward ta’ Lam Khang ma kien hemm l-ebda evidenza oħra li tindika li partijiet tal-prodott simili importat kienu qed jibbenefikaw minn sussidji misjuba fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni kkonkludiet li Lam Khang issodisfat ir-rekwiżiti għal eżenzjoni skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament AS bażiku u għalhekk it-talba tagħha għal eżenzjoni missha ingħatathilha.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 jiġi emendat skont dan.

(9)

L-eżenzjoni ta’ LAM Khang mid-dazji kumpensatorji tapplika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 (jiġifieri, mit-8 ta’ Mejju 2024). L-awtoritajiet doganali jingħataw struzzjonijiet biex ma jiġbrux id-dazji imposti skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 fir-rigward ta’ oġġetti manifatturati minn Lam Khang u jirrimborżaw kwalunkwe ammont żejjed miġbur sa issa f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(10)

Fl-aħħar nett, għal raġunijiet amministrattivi mhux relatati ma’ dan ta’ hawn fuq, tqies xieraq li jinbidel il-kodiċi addizzjonali TARIC tal-produttur esportatur Tajwaniż Chia Far Industrial Factory Co., Ltd.

(11)

Fit-3 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw.

(12)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni, EUROFER opponiet l-emenda, u ressqet diversi argumenti. L-ilmenti ta’ EUROFER ġew miġbura flimkien bħal dawk relatati mal-proċedura segwita mill-Kummissjoni u dawk li jikkonċernaw is-sustanza tal-emenda. Iż-żewġ gruppi ta’ argumenti huma miġbura fil-qosor u indirizzati hawn taħt.

(13)

Fir-rigward tal-proċedura, EUROFER argumentat li meta fittxet “li tevita l-proċedura tal-Qorti Ġenerali” bl-emenda tagħha, il-Kummissjoni aġixxiet mingħajr bażi legali. Il-Kummissjoni jew bdiet rieżami parzjali de facto tal-miżuri mingħajr ma segwiet il-proċeduri applikabbli jew kompliet l-investigazzjoni bi ksur tal-iskadenza applikabbli. Hu x’inhu, ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali allegatament ġew miksura. Skont EUROFER, il-Kummissjoni tista’ terġa’ tiftaħ investigazzjoni konkluża unikament f’każ ta’ sentenza tal-Qorti jew “fuq deċiżjoni li jiġu infurzati r-rakkomandazzjonijiet tal-korp tad-WTO għas-soluzzjoni tat-tilwim”. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni allegatament naqset milli tiddivulga b’mod xieraq l-intenzjoni tagħha li tikkoreġi l-iżball u tagħti l-eżenzjoni lil Lam Khang peress li d-divulgazzjoni seħħet wara l-għeluq tal-investigazzjoni.

(14)

Kif spjegat fil-premessi (6) u (7), fil-kuntest ta’ proċediment quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni identifikat żball fattwali li jirfed ir-raġunament tagħha talli ma tatx l-eżenzjoni lil Lam Khang. Għall-kuntrarju tal-argument imressaq, il-ġurisprudenza msemmija minn EUROFER fil-kummenti tagħha (5) ma tillimitax il-kapaċità tal-Kummissjoni li terġa’ tiftaħ l-investigazzjonijiet biss għal każijiet fejn hemm sentenza tal-Qorti jew rakkomandazzjoni tad-WTO għas-soluzzjoni tat-tilwim. Ilu li ġie rikonoxxut li jekk jiġi identifikat żball wara li tkun ingħalqet il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni żżomm il-kapaċità li tikkoreġi l-iżball fl-istadju li fih ikun sar (6). Il-Kummissjoni mhijiex obbligata terġa’ tibda l-proċedura billi tmur lil hinn minn dak il-punt preċiż (7). L-iżball identifikat mill-Kummissjoni f’dan il-każ twettaq fl-istadju finali tal-investigazzjoni, jiġifieri matul il-valutazzjoni tal-kummenti dwar id-divulgazzjoni. It-tqabbil tal-prezzijiet li fih l-iżball, filwaqt li jindirizza l-kummenti dwar id-divulgazzjoni, kien qed jappoġġa l-konklużjoni li waslet għaliha inizjalment il-Kummissjoni u għalhekk ma ġiex żvelat mill-ġdid lil Lam Khang. Fi kliem ieħor, Lam Khang ma kellha l-ebda opportunità li tikkummenta dwar l-eżattezza tat-tqabbil tal-prezzijiet matul l-investigazzjoni. Madankollu, f’dak l-istadju, il-Kummissjoni kellha d-dettalji neċessarja għall-analiżi l-ġdida meħtieġa u għalhekk ma kellha l-ebda obbligu li terġa’ tiftaħ il-miżuri istruttorji (8). Meta wieħed iqis li kemm id-dritt ta’ Lam Khang kif ukoll id-dritt ta’ EUROFER għal smigħ xieraq u li jkunu involuti fil-proċedura ġew osservati meta ġiet adottata s-sentenza oriġinali (EUROFER ma għamlet l-ebda allegazzjoni kuntrarja), l-emenda ma teħtieġx li terġa’ tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (9). Minn dan isegwi li l-ilmenti ta’ EUROFER dwar il-bażi legali tal-emenda, tal-passi proċedurali u tal-promulgazzjoni kienu infondati u għalhekk miċħuda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li EUROFER ingħatat l-opportunità li tikkummenta dwar l-emenda proposta u għalhekk id-drittijiet proċedurali tagħha ġew rispettati bis-sħiħ.

(15)

Fir-rigward tas-sustanza, EUROFER argumentat li minkejja l-iżball deskritt fil-premessi (6) u (7), “il-partijiet użati minn Lam Khang ikomplu b’mod ċar jibbenefikaw mis-sussidji misjuba fl-investigazzjoni oriġinali”. Dan l-argument kien ibbażat fuq is-suppożizzjoni li meta jiġi vvalutat li, “il-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju” skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku l-“fattur determinanti huwa jekk dawn is-sussidji għadhomx japplikaw”. Skont EUROFER, it-test tat-tqabbil tal-prezzijiet, fejn saru l-iżbalji, ma kienx permissibbli. Dan l-argument kienet appoġġat mill-fatt li ma saru l-ebda testijiet addizzjonali meta ġiet stabbilita ċirkomvenzjoni fil-pajjiż kollu għall-Vjetnam u ċirkomvenzjoni għal Trixon TNT u Yongjin. Barra minn hekk, it-tqabbil tal-prezzijiet allegatament ma kienx jagħmel sens peress li l-prezzijiet tal-SSHR miċ-Ċina stess kienu pprezzati b’mod inġust, ibbenefikaw mis-sussidjar u t-tqabbil ma qiesx it-tipi ta’ prodotti.

(16)

Ta’ min ifakkar li l-investigazzjoni oriġinali sabet li mhux biss il-produzzjoni tal-SSCR, iżda wkoll il-partijiet użati għall-produzzjoni tal-SSCR, inklużi l-SSHR u l-pjastri, ibbenefikaw mis-sussidjar (10). L-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni ma sabet l-ebda evidenza li dan l-issussidjar waqaf, jew li l-pjastri u l-SSHR prodotti fl-Indoneżja waqfu jibbenefikaw mis-sussidji, jew li tali partijiet importati fil-Vjetnam ma baqgħux jibbenefikaw minnhom (11). Għalhekk ġie konkluż li partijiet tal-prodott simili importat kien għadhom qed jibbenefikaw mis-sussidji. Dik il-konklużjoni ġiet ikkontestata minn Lam Khang, bl-argument li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-UE u tad-WTO, il-preżunzjoni ta’ trasferiment ta’ sussidju fil-każ ta’ tranżazzjonijiet f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta bejn partijiet mhux relatati ma kinitx permessa. Peress li Lam Khang xtrat l-inputs Indoneżjani tagħha mingħand negozjanti mhux relatati, l-unika evidenza li tissuġġerixxi li t-tranżazzjonijiet rilevanti ma kinux f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta kienet it-tqabbil tal-prezzijiet, li ġie ppruvat li kien żbaljat. Il-Kummissjoni nnotat li EUROFER ma tikkontestax l-eżistenza tal-iżball deskritt fil-premessi (6) (7).

(17)

It-tkomplija tas-sussidjar ta’ partijiet, fin-nuqqas ta’ evidenza tal-kuntrarju, tista’ tkun biżżejjed biex jiġi konkluż li s-sussidji jkomplu jkunu ta’ benefiċċju għal partijiet f’pajjiżi terzi. Madankollu, tali konklużjoni tista’ tiġi miċħuda fuq il-bażi ta’ provi addizzjonali. F’dan il-każ, dik il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata għall-Vjetnam kollu jew għal Trixon TNT u Yongjin. Madankollu, il-konklużjoni għall-pajjiż kollu ntweriet li ma kinitx xierqa fil-każ partikolari ta’ Lam Khang minħabba l-mod kif kienet qed tixtri l-partijiet inkwistjoni, li rrendiet aktar testijiet (inkluż it-tqabbil tal-prezzijiet) mhux biss permissibbli iżda meħtieġa biex jiġi eżaminat jekk is-sussidji komplewx ikunu ta’ benefiċċju għall-partijiet mixtrija minn Lam Khang. Fir-rigward tal-adegwatezza tat-tqabbil tal-prezzijiet bejn l-inputs Ċiniżi u Indoneżjani, il-Kummissjoni nnotat li tali tqabbil kien l-unika evidenza disponibbli għall-Kummissjoni li turi li l-prezzijiet imħallsa minn Lam Khang ma kinux f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Minħabba li la EUROFER u lanqas xi parti interessata oħra ma pprovdew evidenza oħra biex juru li l-prezzijiet rilevanti ma kinux f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, il-konklużjoni li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-partijiet użati minn Lam Khang ibbenefikaw minn sussidji trid tibqa’ valida. Għalhekk, l-argumenti sostantivi ta’ EUROFER ġew miċħuda.

(18)

Fl-aħħar nett, EUROFER argumentat li, peress li l-Kummissjoni użat “informazzjoni ta’ wara l-investigazzjoni” biex tirrevedi s-sejba tagħha, hija “għandha tirrieżamina wkoll l-eżenzjonijiet mogħtija lil kumpaniji oħra abbażi ta’ tali “fatti ġodda” .” Eurofer imbagħad argumentat li jenħtieġ li l-Kummissjoni terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni u essenzjalment teżamina l-importazzjonijiet miċ-Ċina li fil-fatt huma mill-Indoneżja.

(19)

Kif spjegat fil-premessa (14), il-Kummissjoni ma rrevedietx is-sejba tagħha bbażata fuq “informazzjoni ta’ wara l-investigazzjoni”, iżda kkoreġiet żball li sar matul l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni u abbażi tal-informazzjoni li diġà kienet fil-fajl. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(20)

Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037 ma ta l-ebda opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-premessi (173), (174) u (175) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(173)

Madankollu, il-Kummissjoni ma sabitx evidenza li partijiet tal-prodott simili importat kienu qed jibbenefikaw minn sussidji li nstabu fl-investigazzjoni oriġinali.

(174)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, mill-prezzijiet tal-SSHR Indoneżjani imħallsa minn Lam Khang, li partijiet mill-prodott simili importat ma kinux qed jibbenefikaw minn sussidji misjuba fl-investigazzjoni oriġinali.

(175)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba għal eżenzjoni ta’ Lam Khang jeħtieġ li tiġi aċċettata.”;

(2)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 fuq importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-azzar inossidabbli, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana) li joriġinaw mill-Indoneżja huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-azzar inossidabbli, mhux maħdumin aktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00 , 7219 32 10 , 7219 32 90 , 7219 33 10 , 7219 33 90 , 7219 34 10 , 7219 34 90 , 7219 35 10 , 7219 35 90 , 7219 90 20 , 7219 90 80 , 7220 20 21 , 7220 20 29 , 7220 20 41 , 7220 20 49 , 7220 20 81 , 7220 20 89 , 7220 90 20 , 7220 90 80 , 7219 31 00 10, 7219 31 00 20, 7219 32 10 10, 7219 32 10 20, 7219 32 90 10, 7219 32 90 20 u 7219 33 10 10, ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7219 33 10 20, 7219 33 90 10, 7219 33 90 20, 7219 34 10 10, 7219 34 10 20, 7219 34 90 10, 7219 34 90 20, 7219 35 10 10, 7219 35 10 20, 7219 35 90 10, 7219 35 90 20, 7219 90 20 10, 7219 90 20 20, 7219 90 80 10, 7219 90 80 20, 7220 20 21 10, 7220 20 21 20, 7220 20 29 10, 7220 20 29 20, 7220 20 41 10, 7220 20 41 20, 7220 20 49 10, 7220 20 49 20, 7220 20 81 10, 7220 20 81 20, 7220 20 89 10, 7220 20 89 20, 7220 90 20 10, 7220 90 20 20, 7220 90 80 10, 7220 90 80 20, u), bl-eżenzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

It-Tajwan

Chia Far Industrial Factory Co., Ltd.

C030

It-Tajwan

Tang Eng Iron Works Co., Ltd.

Tung Mung Development Co., Ltd.

Walsin Lihwa Corporation

Yieh United Steel Corporation

Yuan Long Stainless Steel Corp.

89AH

It-Turkija

Posco Assan TST Celik Sanayi A.Ş.

89AK

Il-Vjetnam

Posco VST Co., Ltd.

LAM Khang Joint Stock Company

89AJ”

(3)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ Artikolu 4

It-talbiet għal eżenzjoni ppreżentati minn Trinox Metal Sanayi ve Ticaret A.Ș. (it-Turkija) u Yongjin Metal Technology (il-Vjetnam) Company Limited (il-Vjetnam) huma rrifjutati.”.

Artikolu 2

Kwalunkwe dazju kumpensatorju definittiv miġbur skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268 fir-rigward ta’ oġġetti manifatturati minn Lam Khang Joint Stock Company għandu jiġi rimborżat jew jiġi remess.

Ir-rimborż jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L 88, 16.3.2022, p. 24).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1631 tal-11 ta’ Awwissu 2023 li jagħti bidu għal investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja, minn importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le, u li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam soġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 202, 14.8.2023, p. 10).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1268 tas-6 ta’ Mejju 2024 li jestendi d-dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja għal importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam kif ukoll jekk le (ĠU L, 2024/1268, 7.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1268/oj).

(5)  Is-sentenza tas-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik, il-Kawżi maqgħuda C-283/14 u C-284/14 ECLI:EU:C:2015:628, il-paragrafi 57-61.

(6)  Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2021, CCCME vs il-Kummissjoni, T-254/18, ECLI:EU:T:2021:278, il-paragrafu 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(7)  Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs il-Kummissjoni, C-415/96, ECLI:EU:C:1998:533, il-paragrafu 31; tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C-458/98 P, ECLI:EU:C:2000:531, il-paragrafu 82; u tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs il-Kummissjoni, T-301/01, ECLI:EU:T:2008:262, il-paragrafi 99 u 142.

(8)  Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais vs il-Kummissjoni, T-267/08, ECLI:EU:T:2011:209, il-paragrafu 83.

(9)   Ibid., il-paragrafu 84.

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1268, il-premessa (126).

(11)   Ibid, il-premessa (127).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3201/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)