02014R0481 — MT — 07.05.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 481/2014 tal-4 ta' Marzu 2014 (ĠU L 138 13.5.2014, p. 45) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/693 tas-7 ta' Frar 2019 |
L 118 |
1 |
6.5.2019 |
|
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 481/2014
tal-4 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Bla ħsara għar-regoli dwar l-eliġibbiltà, stipulati fl-Artikoli 65 sa 71 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew abbażi tagħhom, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għall-programmi ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-kategoriji ta' nefqa li ġejjin:
(a) il-kostijiet marbuta mal-persunal;
(b) in-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji;
(c) il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni;
(d) il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni; kif ukoll
(e) in-nefqa marbuta mat-tagħmir.
2. L-Istati Membri parteċipanti fil-kumitat ta' monitoraġġ ta' programm ta' kooperazzjoni jistgħu jaqblu li, in-nefqa li tidħol taħt kategorija waħda jew aktar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma tkunx eliġibbli taħt assi prijoritarju wieħed jew aktar.
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Kwalunkwe nefqa eliġibbli f'konformità ma' dan ir-Regolament, imħallsa minn jew f'isem il-benefiċjarju, tirrigwarda l-kostijiet involuti biex tingħata bidu jew biex tingħata bidu u tiġi implimentata operazzjoni jew parti minn operazzjoni.
2. Il-kostijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli:
(a) multi, penalitajiet finanzjarji u n-nefqa fuq tilwim legali u l-litigazzjoni;
(b) kostijiet ta' rigali, apparti dawk li l-valur unitarju tagħhom ma jkunx ogħla minn EUR 50, meta jkunu jirrigwardaw il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni;
(c) il-kostijiet marbuta ma' fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju.
Artikolu 3
Il-kostijiet marbuta mal-persunal
1. In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tikkonsisti f'kostijiet ta' impjieg gross tal-membri tal-persunal impjegati mill- benefiċjarju b'waħda mill-modalitajiet segwenti:
(a) full time;
(b) part-time b'perċentwali fiss ta' ħin maħdum għal kull xahar;
(c) part-time b'numru flessibbli ta' sigħat maħduma għal kull xahar; jew
(d) fuq bażi ta' kull siegħa.
2. In-nefqa fuq il-kostijiet marbuta mal-persunal tkun limitata għas-segwenti:
(a) il-pagamenti ta' salarji relatati mal-attivitajiet li l-entità ma twettaqx jekk l-operazzjoni kkonċernata ma tkunx saret, stabbiliti f'kuntratt ta' impjieg/xogħol, f'deċiżjoni ta' ħatra (minn hawn 'il quddiem imsejħa t-tnejn li huma “dokument ta' impjieg”) jew bil-liġi, u marbuta mar-responsabbiltajiet speċifikati fid-deskrizzjoni tal-impjieg tal-membru tal-persunal ikkonċernat;
(b) kwalunkwe kostijiet oħra direttament marbuta mal-pagamenti ta' salarji mġarrba u mħallsa mill-impjegatur, bħalma huma t-taxxi fuq l-impjieg u s-sigurtà soċjali inklużi l-pensjonijiet, kif kopert mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) sakemm:
(i) ikunu stabbiliti f'xi dokument ta' impjieg jew bil-liġi;
(ii) ikunu f'konformità mal-leġiżlazzjoni msemmija fid-dokument ta' impjieg u mal-prassi standard tal-pajjiż u/jew tal-organizzazzjoni fejn effettivament ikun qed jaħdem il-membru individwali tal-persunal; kif ukoll
(iii) ma jkunux irkuprabbli mill-impjegatur.
Fir-rigward tal-punt (a), il-pagamenti lil persuni fiżiċi li jaħdmu għall-benefiċjarju fil-qafas ta' kuntratt għajr kuntratt tal-impjieg/tax-xogħol, jistgħu jiġu assimilati mal-pagamenti ta' salarji u kuntratt bħal dan ikun jista' jitqies bħala dokument ta' impjieg.
3. Il-kostijiet marbuta mal-persunal jistgħu jiġu rimborżati:
(i) b'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (kif ipprovat permezz tad-dokument ta' impjieg u r-riċevuti tas-salarju); jew
(ii) fl-għamla ta' skala standard ta' spejjeż għal kull unità b'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 67(1), mal-paragrafu (2), mal-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu (3) u mal-paragrafu (4) tal-Artikolu 68a ta' dak ir-Regolament; jew
(iii) f'għamla ta' somom f'daqqa b'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 67(1); jew
(iv) f'għamla ta' finanzjament b'rata fissa b'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 67(1) u mal-Artikolu 68a(1) ta' dak ir-Regolament.
4. Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li jiġu assenjati karigu part-time waqt operazzjoni, ikunu kkalkolati bħala:
(a) perċentwal fiss tal-kost tal-impjieg gross b'konformità mal-Artikolu 68a(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013; jew
(b) sehem flessibbli tal-kost tal-impjieg gross, f'konformità mal-għadd ta' sigħat li jvarjaw minn xahar għal ieħor, maħduma waqt l-operazzjoni, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni ta' ħin li tkopri 100 % tal-ħin tax-xogħol tal-impjegat.
▼M1 —————
6. Fir-rigward tal-karigi part-time msemmija taħt il-punt (b) tal-paragrafu 4, ir-rimborż tal-kostijiet marbuta mal-persunal għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta' rata unika fis-siegħa ddeterminata billi:
(i) jiġi diviż il-kost gross tal-impjieg ta' kull xahar bil-medja tal-ħin tax-xogħol ta' kull xahar espressa f'sigħat filwaqt li jitqies il-ħin tax-xogħol kif stabbilit fid-dokument ta' impjieg kif ukoll bħalma huwa stabbilit skont il-liġi jew ftehimiet bejn is-sħab soċjali fil-livell rilevanti; jew
(ii) jiġi diviż l-aktar kost tal-impjieg gross annwali riċenti ddokumentat, b'1 720 siegħa.
Ir-rata fis-siegħa għandha tiġi mmultiplikata bl-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni.
7. Il-kostijiet marbuta mal-persunal relatati ma' individwi li, skont id-dokument ta' impjieg, jaħdmu fuq bażi ta' kull siegħa, ikunu eliġibbli billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' sigħat li jkunu effettivament inħadmu waqt l-operazzjoni mar-rata fis-siegħa miftiehma fid-dokument ta' impjieg, abbażi ta' sistema ta' reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol.
Artikolu 4
In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji
In-nefqa amministrattiva u għall-uffiċċji tkun limitata għall-elementi li ġejjin:
(a) il-kirja tal-uffiċċji;
(b) l-assigurazzjoni u t-taxxi relatati mal-bini fejn ikun qiegħed il-persunal u mat-tagħmir tal-uffiċċji (pereż. assigurazzjonijiet fuq is-serq u kontra n-nar);
(c) l-utilitajiet (pereż. l-elettriku, it-tisħin, l-ilma);
(d) il-provvisti tal-uffiċċju;
(e) il-kontabilità ġenerali pprovduta fl-organizzazzjoni benefiċjarja;
(f) l-arkivji;
(g) il-manutenzjoni, it-tindif u t-tiswijiet;
(h) is-sigurtà;
(i) is-sistemi tal-IT;
(j) il-mezzi ta' komunikazzjoni (pereż. it-telefown, il-faks, l-Internet, is-servizzi postali, il-biljetti ta' kuntatt);
(k) l-imposti bankarji għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kont jew kontijiet, meta l-implimentazzjoni ta' operazzjoni tkun tirrikjedi li jinfetaħ kont separat;
(l) l-imposti għal tranżazzjonijiet finanzjarji tranżnazzjonali.
Artikolu 5
Il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni;
1. In-nefqa fuq il-kostijiet ta' vvjaġġar u ta' akkomodazzjoni tkun limitata għall-elementi segwenti:
(a) il-kostijiet ta' vvjaġġar (pereż. il-biljetti, l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar u tal-karozzi, il-fjuwil, il-kilometraġġ, in-nollijiet, u l-miżati għall-parkeġġ);
(b) l-ispejjeż tal-ikliet;
(c) il-kostijiet ta' akkomodazzjoni;
(d) il-kostijiet tal-viża;
(e) Kumpensi għas-sussistenza ta' kuljum.
2. Kwalunkwe element elenkat fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1, kopert minn kumpens għas-sussistenza ta' kuljum, ma jkunx rimborżat flimkien mal-kumpens għas-sussistenza ta' kuljum.
3. Il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni ta' esperti u fornituri tas-servizz esterni jaqgħu taħt il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni elenkati fl-Artikolu 6.
4. Il-pagament dirett ta' nefqa skont dan l-Artikolu min-naħa ta' impjegat tal-benefiċjarju jiġi sostnut billi l-benefiċjarju jagħti prova ta' rimborż lil dak l-impjegat.
5. F'dak li jirrigwarda l-operazzjonijiet li jinvolvu assistenza teknika jew attivitajiet promozzjonali u bini ta' kapaċitajiet, in-nefqa mġarrba 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm tkun eliġibbli, jekk tiġġarrab f'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
6. L-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet ta' akkomodazzjoni u tal-ikel li jsiru fi stabbilimenti li jinsabu barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm bħala eliġibbli, jekk ikunu ġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan japplika wkoll għall-kostijiet tal-ivvjaġġar fil-post fejn ikun/tkun sar(et) xi avveniment jew azzjoni 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm.
7. Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, l-awtorità maniġerjali tista' taċċetta l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, bħala eliġibbli, jekk jiġġarrbu f'konformità mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
8. Fir-rigward tal-membri tal-persunal ta' benefiċjarji li jkunu jinsabu 'l ġewwa mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi l-kostijiet tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-avveniment jew tal-azzjoni, ġewwa jew barra mill-parti tal-Unjoni taż-żona tal-programm, jitqiesu bħala eliġibbli, f'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
Artikolu 6
Il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni
In-nefqa fuq il-kostijiet għall-għarfien espert u s-servizzi esterni tkun limitata għas-servizzi u l-għarfien espert li ġejjin, ipprovduti minn xi korp legali pubbliku jew privat jew minn persuna fiżika, gћajr il-benefiċjarju tal-operazzjoni:
(a) studji jew stħarriġiet (pereż. evalwazzjonijiet, strateġiji, dokumenti kunċettwali, pjanijiet ta' disinn, manwali);
(b) it-taħriġ;
(c) it-traduzzjonijiet:
(d) is-sistemi tal-IT u l-iżvilupp ta' websajts, il-modifiki u l-aġġornamenti;
(e) il-promozzjoni, il-komunikazzjoni, ir-reklamar jew l-informazzjoni marbuta ma' operazzjoni jew ma' programm ta' kooperazzjoni bħala tali;
(f) l-immaniġġjar finanzjarju;
(g) servizzi relatati mal-organizzazzjoni u mal-implimentazzjoni ta' avvenimenti jew laqgħat (inkluż il-kiri, il-forniment tal-ikel jew l-interpretazzjoni);
(h) il-parteċipazzjoni f'avvenimenti (pereż. il-miżati ta' reġistrazzjoni);
(i) il-konsulenza legali u s-servizzi notarili, l-għarfien espert tekniku u finanzjarju, servizzi oħra ta' konsulenza u kontabilità;
(j) id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;
(k) il-verifiki skont l-Artikolu 125(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013;
(l) il-kosti ta' ċertifikazzjoni u ta' awditu fuq il-livell ta' programm skont l-Artikoli 126 u 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;
(m) l-għoti ta' garanziji minn bank jew istituzzjoni finanzjarja oħra, fejn ikun mitlub mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jew f'xi dokument ta' programmar adottat mill-kumitat ta' monitoraġġ;
(n) l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni għall-esperti esterni, il-kelliema, il-presidenti tal-laqgħat u l-fornituri tas-servizz;
(o) għarfien espert u servizzi speċifiċi oħra meħtieġa għall-operazzjonijiet.
Artikolu 7
In-nefqa marbuta mat-tagħmir
1. In-nefqa għall-finanzjament ta' tagħmir mixtri, mikri jew imwelli mill-benefiċjarju tal-operazzjoni apparti dik koperta bl-Artikolu 4, tkun limitata għas-segwenti:
(a) l-apparat tal-uffiċċju;
(b) il-ħardwer u s-softwer tal-IT;
(c) l-għamara u l-fittings;
(d) l-apparat tal-laboratorju;
(e) il-magni u l-istrumenti;
(f) l-għodod jew l-apparat;
(g) il-vetturi;
(h) tagħmir speċifiku ieħor meħtieġ għall-operazzjonijiet.
2. Il-kostijiet tax-xiri ta' tagħmir użat jista' jkun eliġibbli bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) ma tkun ingħatat l-ebda assistenza oħra għalih mill-Fondi ESI;
(b) il-prezz tiegħu ma jaqbiżx il-prezz ġeneralment aċċettat fis-suq inkwistjoni;
(c) ikollu l-karatteristiċi tekniċi meħtieġa għall-operazzjoni u jkun konformi ma' normi u standards applikabbli.
Artikolu 8
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).