Strasburgu, 26.11.2024

COM(2024) 718 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Italja


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Italja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-UE. L-għan tal-qafas huwa li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.

(2)Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Il-pjanijiet huma li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG ta’ terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak l-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn ta’ terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, Macroeconomic Imbalances Procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż sa 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu mbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI TA’ TERMINU MEDJU TAL-ITALJA

(5)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, l-Italja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-preżentazzjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36(1)(a) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mill-Italja.

Proċess qabel il-preżentazzjoni tal-pjan

(6)Fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja 5 lill-Italja. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-15 ta’ Ottubru 2024 6 . It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ’l isfel plawżibbli jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur ta’ referenza fuq terminu medju. It-terminu medju huwa ddefinit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikoli 6, il-punt (d), 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Italja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u bil-preżunzjoni ta’ perjodu ta’ aġġustament ta’ 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b’aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 1,5 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2031) u ta’ 1,5 % matul il-perjodu kopert mill-pjan (2025-2029).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Italja fil-21 ta’ Ġunju 2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja 2025-2029

Medja 2025-2031

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

1,6

1,6

1,5

1,4

1,3

1,3

1,4

1,5

1,5

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-Italja u l-Kummissjoni involvew ruħhom fi djalogu tekniku minn Lulju sa Settembru 2024. Id-djalogu kien iċċentrat fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Italja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu (b’mod partikolari s-suppożizzjonijiet u l-elastiċitajiet makroekonomiċi), is-sett previst ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament inklużi riformi u investimenti bħal riformi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-kura tat-tfal, tal-ambjent tan-negozju, tal-amministrazzjoni tat-taxxa, tal-ġestjoni tan-nefqa pubblika u tal-intrapriżi tal-Istat, kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u ta’ investimenti li jirrispondi għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża.

(8)F’Settembru 2024, f’konformità mal-Artikoli 11(3) u 36(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja fil-pjan tagħha, l-Italja involviet ruħha fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

(9)Il-Kunsill Fiskali tal-Italja (Uffiċċju tal-Baġit Parlamentari) ta opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta pluriennali. Dan ikkonkluda li t-tbassir tal-varjabbli makroekonomiċi ewlenin jinsabu f’intervalli aċċettabbli, għalkemm xi wħud jinsabu fil-quċċata, u l-prospettiva ġenerali tiddependi fuq l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan) kif ukoll fuq kuntest internazzjonali stabbli.

(10)Il-pjan ġie approvat mill-Parlament fid-9 ta’ Ottubru wara seduti ta’ diversi partijiet ikkonċernati, kif huwa konswetudinali għall-approvazzjonijiet parlamentari tad-dokumenti tal-ippjanar baġitarju.

Proċessi relatati oħra

(11)Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit 7 . Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fl-Italja 8 . L-adozzjoni simultanja ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla apposta u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika, tiżgura konsistenza bejn il-perkorsi ta’ aġġustament rakkomandati.

(12)Fil-15 ta’ Ottubru 2024, l-Italja ppreżentat l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-[26 ta’ Novembru 2024] 9 .

(13)Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-Italja qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati ma’ dejn għoli tal-gvern u tkabbir dgħajjef fil-produttività f’kuntest ta’ fraġilitajiet tas-suq tax-xogħol u xi dgħufijiet residwi fis-settur finanzjarju, li għandhom rilevanza transfruntiera 10 .

(14)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Italja sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, Country-Specific Recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 11 .

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(15)Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(16)L-attività ekonomika fl-Italja kibret b’0,7 % fl-2023, xprunata mill-konsum u mill-investiment, megħjuna minn inċentivi tal-gvern. L-esportazzjonijiet netti kkontribwew ukoll għat-tkabbir, filwaqt li ċ-ċiklu negattiv tal-inventarju rażżnu. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija mistennija tikber b’0,7 % fl-2024, peress li l-investiment għadu jespandi filwaqt li qed jistaġna l-konsum privat. L-esportazzjonijiet netti mistennija jappoġġaw it-tkabbir, bis-saħħa tat-tnaqqis fl-importazzjonijiet, filwaqt li l-inventarji se jnaqqsuh. Fl-2025, il-PDG reali mistenni jiżdied b’1,0 %, xprunat mill-konsum tal-unitajiet domestiċi, li huwa appoġġat mit-tkabbir fil-pagi reali, filwaqt li l-investiment ġenerali mistenni jiżdied biss b’mod marġinali, minħabba t-tnaqqis fil-kostruzzjoni għar-rinnovazzjonijiet tal-akkomodazzjoni. Fl-2026, il-PDG reali mistenni jiżdied b’1,2 %, hekk kif in-nefqa kapitali taċċellera bis-saħħa tan-nefqa relatata mal-RRP u ma’ kundizzjonijiet aktar faċli ta’ finanzjament. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri, 2024-2026), it-tkabbir potenzjali tal-PDG fl-Italja mistenni jonqos bi ftit minn 1,3 % fl-2024 għal 0,9 % fl-2026. Ir-rata tal-qgħad kienet 7,7 % fl-2023 u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tkun 6,8 % fl-2024, 6,3 % fl-2025 u 6,2 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) mistennija tonqos minn 5,8 % fl-2023 għal 1,6 % fl-2024, u li tilħaq 1,9 % fl-2025 u 1,8 % fl-2026.

(17)Rigward l-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Italja kien jammonta għal 7,2 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni jilħaq 3,8 % tal-PDG fl-2024 u li jkompli jonqos għal 3,4 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, għal 2,9 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz ta’ baġit tal-Italja għall-2025 li l-gvern ippreżenta lill-parlament nazzjonali f’Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 134,8 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn mistenni jiżdied għal 136,6 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Minkejja s-surpluses primarji, il-proporzjon tad-dejn huwa pprojettat li jiżdied aktar għal 138,2 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 139,3 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm dawn ikunu mirfuda minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(18)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Italja jkopri l-perjodu 2025-2029 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq perjodu ta’ 7 snin.

(19)Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(20)Il-pjan jagħti impenn għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 1,6 % matul is-snin 2025-2029. Barra minn hekk, l-Italja tagħti impenn għal sett ta’ riformi u investimenti bil-għan li testendi l-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin (2025-2031), li matulhom it-tkabbir medju fin-nefqa netta huwa ppjanat li jkun ta’ 1,5 %. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2031) huwa ugwali għat-trajettorja referenzjarja mibgħuta mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir potenzjali tal-PDG jonqos gradwalment minn 1,4 % fl-2024 għal 0,3 % fl-2031. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur tal-PDG tibqa’ ġeneralment stabbli għal madwar 2 % matul il-perjodu ta’ aġġustament.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(21)Jekk jimmaterjalizzaw il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jiżdied sa 137,5 % tal-PDG fi tmiem l-2027 (minn 135,8 % tal-PDG fl-2024) u mbagħad jonqos għal 132,5 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2041), il-proporzjon tad-dejn mistenni jonqos b’mod kostanti skont il-pjan, u jilħaq 113,7 % sal-2041. B’hekk, skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed f’perkors ta’ tnaqqis sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031). Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn mistenni jonqos matul l-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni, u l-projezzjonijiet stokastiċi jindikaw li d-dejn jonqos bi probabbiltà għolja biżżejjed.

Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Italja

Estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan

2025-2029

Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament

2025-2031

Tkabbir fin-nefqa netta
(annwali, %)

-1,9

1,3

1,6

1,9

1,7

1,5

1,1

1,2

1,6

1,5

Tkabbir fin-nefqa netta
(kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

-1,9

-0,7

0,9

2,8

4,6

6,2

7,4

8,7

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Tkabbir potenzjali tal-PDG (%)

1,4

1,3

1,1

1,0

0,9

0,7

0,5

0,3

1,1

0,8

Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

1,9

2,1

2,0

1,8

2,0

2,0

2,1

2,2

2,0

2,0

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Italja

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

2041

Dejn tal-gvern
(% tal-PDG)

134,8

135,8

136,9

137,8

137,5

136,4

134,9

133,9

132,5

113,7

Bilanċ tal-gvern
(% tal-PDG)

-7,2

-3,8

-3,3

-2,8

-2,6

-2,3

-1,8

-1,7

-1,5

-1,9

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(22)Abbażi tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2026 u għal 1,5 % tal-PDG fl-2031. B’hekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031). Barra minn hekk, fl-10 snin wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(23)Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa kemxejn frontloaded, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod partikolari, il-bilanċ primarju strutturali mistenni jitjieb b’0,6 % kemm fl-2025 kif ukoll fl-2026, segwit minn titjib ta’ 0,5 % tal-PDG kull sena sal-2031. B’riżultat ta’ dan, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel 4 snin tal-pjan huwa aktar minn proporzjonali għall-isforz totali ta’ aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mal-klawżola ta’ salvagwardja mingħajr backloading stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Italja

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2029

2030

2031

Bilanċ primarju strutturali
(% tal-PDG)

-4,5

-0,5

0,0

0,6

1,1

1,6

2,2

2,7

3,2

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali
(punti perċentwali)

mhux applikabbli

4,0

0,6

0,6

0,5

0,5

0,5

0,5

0,5

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja.

Konsistenza tal-pjan mal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv

(24)Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (b’mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(25)Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 rigward is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relatat mal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG, japplika għall-Italja mill-2027, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jkun inqas minn 3 % tal-PDG mill-2026. Mill-2027, l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali għalhekk ma għandux ikun inqas minn 0,25 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jkun baqa’ ogħla minn 1,5 % tal-PDG fis-sena preċedenti, biex jinkiseb marġni ta’ reżiljenza komuni f’termini strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali annwali li jirriżulta mill-impenji ta’ politika u mis-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan jaqbeż iż-0,25 % f’kull waħda mis-snin 2027, 2028, 2029, 2030 u 2031. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u tas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(26)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż se jkun ogħla minn 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b’medja ta’ mill-inqas punt perċentwali wieħed fis-sena sakemm jaqa’ taħt id-90 %, u wara dan għandu jonqos b’medja ta’ 0,5 punti perċentwali. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkolat matul il-perjodu 2027-‑2031, jiġifieri jibda fis-sena li fiha l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tiġi abrogata skont il-pjan, u jammonta għal punt perċentwali ta’ 1,2 (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u tas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(27)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li jvarjaw mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Italja fil-21 ta’ Ġunju 2024. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal disa’ varjabbli, jiġifieri l-punt tat-tluq (jiġifieri, il-bilanċ primarju strutturali fl-2024), it-tkabbir potenzjali tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali, ir-rata tal-imgħax impliċita nominali, il-multiplikatur fiskali, l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi, il-miżuri ta’ darba, is-suppożizzjonijiet tad-dħul (jiġifieri l-elastiċitajiet preżunti) u l-għeluq tad-distakk fl-output. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali huwa kemxejn frontloaded. Valutazzjoni tad-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija pprovduta hawn taħt. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza meqjusa b’mod iżolat.

·Il-pjan jassumi pożizzjoni fiskali inizjali aktar favorevoli, bis-suppożizzjoni ta’ defiċit baġitarju ta’ 3,8 % tal-PDG għall-2024, filwaqt li t-trajettorja referenzjarja assumiet 4,4 % tal-PDG. Dan jimplika bilanċ primarju strutturali inizjali aħjar fil-projezzjonijiet tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn (DSA, Debt Sustainability Analysis) tal-Italja (‑0,5 % meta mqabbel ma’ ‑1,1 % tal-PDG fit-trajettorja referenzjarja). Dan jirrifletti data fiskali aktar reċenti (bi dħul mit-taxxa ogħla milli mistenni fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni fil-gwida preċedenti, kif ukoll estimi aġġornati tan-nefqa). Dan huwa ġeneralment konformi mat-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea. Din id-differenza fis-suppożizzjonijiet tikkontribwixxi għal tkabbir medju kemxejn ogħla tan-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

·L-Italja tipprojetta tkabbir potenzjali medju tal-PDG kemxejn ogħla (punt perċentwali ta’ 0,1) fil-perjodu ta’ aġġustament kollu tal-2025-2031 meta mqabbel mat-trajettorja referenzjarja (0,8 % vs 0,7 %). Dan jirrifletti aġġornament tal-prospetti makroekonomiċi u huwa konsistenti mal-metodoloġija maqbula b’mod komuni. Dan l-aġġornament jikkontribwixxi għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

·Il-pjan jipprojetta deflatur medju tal-PDG kemxejn aktar baxx matul l-2025-2031 milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, ta’ 2,0 % meta mqabbel ma’ 2,1 %. Fl-2024, abbażi tad-data tal-eżitu sat-tieni trimestru, il-pjan għandu deflatur tal-PDG ta’ 1,9 %, inqas mit-2,2 % projettat mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-2025, id-deflatur tal-PDG jibqa’ 0,3 punti perċentwali ogħla milli fil-gwida preċedenti, filwaqt li jitbaxxa fl-2027-2029. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

·Il-pjan jassumi elastiċità tad-dħul aktar prudenti, għall-kuntrarju tal-elastiċità unitarja għall-PDG potenzjali preżunt mill-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju aktar baxx fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan milli skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

Id-differenzi li jifdal ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ugwali għat-trajettorja referenzjarja. Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f’valutazzjonijiet tal-konformità futuri mal-perkors tan-nefqa netta.

Strateġija fiskali tal-pjan

(28)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji dwar in-nefqa netta se jitwettqu kemm permezz ta’ trażżin fin-nefqa kif ukoll permezz ta’ żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-pjan isemmi b’mod partikolari ġestjoni aktar prudenti u effiċjenti tan-nefqa pubblika flimkien ma’ dħul ogħla mill-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta’ politika li għandhom jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn tkabbir tal-PDG reali attwali aktar baxx minn dak indikat fil-pjan tal-Italja kif ukoll minn nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-istrateġija fiskali maħsuba (kif ivvalutata hawn fuq). Barra minn hekk, l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom se jintlaħaq l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 12 .

Sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment fil-pjan biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali

(29)Fil-pjan, l-Italja tagħti impenn għal 24 riforma u investiment, li għandhom l-għan li jtejbu t-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali minn 4 għal 7 snin. Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huwa magħmul minn diversi impenji mill-RRP, kif ukoll minn xi riformi u investimenti ġodda. Dawn jinkludu l-miżuri li ġejjin:

·Riformi u investimenti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili: Il-miżuri huma marbuta mar-Riforma M1C1 1.4 (ġustizzja ċivili) inkluża fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tagħha huma mistennija sat-tieni trimestru tal-2026. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali li, b’mod ġenerali, huma mmirati lejn (i) l-iżgurar tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-insolvenza, inkluż permezz ta’ appoġġ kontinwu lill-Qrati fi kwistjonijiet ta’ insolvenza u l-ġbir sistematiku tad-data; (ii) iż-żieda fl-effiċjenza tal-qrati ċivili billi jitnaqqas ix-xogħol b’lura tagħhom u ż-żmien meħtieġ biex jissolvew il-kawżi; u (iii) it-titjib tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja ġenerali. Sabiex jiġu implimentati dawn l-interventi, għandhom jiġu żgurati r-riżorsi umani adegwati fis-sistema tal-qrati. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2029.

·Riformi u investimenti fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa: Il-miżuri huma marbuta mar-Riforma 1.12 (riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa) inkluża fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tagħha huma mistennija sat-tieni trimestru tal-2026. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali li, b’mod ġenerali, huma mmirati lejn żieda ulterjuri fid-dħul li tirriżulta minn: i) attivitajiet ta’ prevenzjoni u infurzar għall-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluż id-dħul iġġenerat minn ittri ta’ konformità u strateġiji mfassla apposta aħjar ta’ konformità; ii) azzjonijiet kontra l-evażjoni aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju, inkluż abbażi ta’ settijiet ta’ data dwar it-taxxa interoperabbli usa’ u tekniki tal-intelliġenza artifiċjali. Miżuri leġiżlattivi oħra mistennija jsaħħu l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet li tħallew barra, billi jintroduċu inċentivi aktar b’saħħithom għall-kontribwenti u użu usa’ ta’ mezzi traċċabbli ta’ pagamenti. Miżuri oħra għandhom l-għan li jtejbu ċ-ċertezza fir-relazzjoni bejn il-kontribwenti u l-amministrazzjoni tat-taxxa billi jqassru l-ħinijiet medji tar-rifużjoni tal-VAT. Il-passi ewlenin relatati mal-miżuri msemmija hawn fuq fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2029.

·Riformi u investiment fil-qasam tal-ambjent tan-negozju: Il-miżuri huma marbuta mar-Riforma 2 (Liġijiet Annwali tal-Kompetizzjoni 2021, 2022, 2023 u 2024) inkluża fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tagħha huma mistennija sar-raba’ trimestru tal-2025. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali li, b’mod ġenerali, huma mmirati lejn it-titjib ulterjuri tal-ambjent tan-negozju billi (i) iżidu n-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż); (ii) jirrazzjonalizzaw u jissimplifikaw l-inċentivi għad-ditti; (iii) jadottaw liġijiet annwali tal-kompetizzjoni biex jilliberalizzaw u jneħħu l-konġestjonijiet u l-ostakli għad-dħul (anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja) abbażi ta’ valutazzjonijiet adegwati tal-impatt regolatorju; u (iv) jadottaw liġi qafas dwar l-SMEs, jimplimentaw strumenti u aġġornamenti fuq bażi annwali. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2029.

·Riformi fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika: il-miżuri huma marbuta mar-Riforma M1C1 1.9 (riforma tal-impjiegi pubbliċi u riforma tas-simplifikazzjoni) inkluża fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tagħha huma mistennija sat-tieni trimestru tal-2026. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali mmirati lejn: (i) il-promozzjoni tal-mobbiltà vertikali u orizzontali; u (ii) l-inċentivar ta’ qafas ibbażat fuq il-prestazzjoni. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2028.

·Riformi u investiment fil-qasam tal-indukrar tat-tfal: il-miżuri huma marbuta mal-Investiment 1.1 (pjan għal nurseries u skejjel preprimarja u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal) inkluż fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tiegħu huma mistennija sat-tieni trimestru tal-2026. Il-miżuri huma mmirati lejn: (i) iż-żieda fin-nefqa pubblika annwali biex tkopri l-kostijiet operatorji tal-faċilitajiet eżistenti u ġodda għall-indukrar tat-tfal inklużi dawk maħluqa bl-RRP; (ii) it-titjib fid-disponibbiltà ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal; u (iii) iż-żieda fl-affordabbiltà tal-indukrar tat-tfal. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2027.

·Riformi u investiment fil-qasam tan-nefqa pubblika: il-miżuri huma marbuta mar-Riforma 1.13 (riforma tal-qafas ta’ rieżami tal-infiq) inkluża fl-RRP, li l-objettivi intermedji u l-miri finali tagħha huma mistennija sat-tieni trimestru tal-2026. Il-pjan jinkludi impenji addizzjonali mmirati lejn (i) it-tisħiħ tal-kapaċità għall-programmazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tan-nefqa pubblika; (ii) it-tisħiħ tal-kompetenza tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi biex iwettaq spezzjonijiet fuq il-ġestjoni tan-nefqa pubblika tal-entitajiet kollha li jirċievu appoġġ pubbliku, inklużi l-awtoritajiet subnazzjonali u l-intrapriżi tal-Istat; u (iii) ir-riforma tal-qafas għall-kontroll tan-nefqa pubblika għall-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, inkluż billi tiżdied ir-responsabbiltà finanzjarja tal-amministrazzjonijiet. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sat-tieni trimestru tal-2029.

·Il-pjan jinkludi riformi li huma ġodda meta mqabbla mal-RRP fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa u fil-qasam tar-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-Istat. B’mod aktar speċifiku, fil-qasam tat-tassazzjoni, il-pjan jinkludi impenji mmirati lejn: (i) is-simplifikazzjoni tas-sistema tat-taxxa permezz tar-rieżami u s-simplifikazzjoni tan-nefqa tat-taxxa anki fl-oqsma ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent; (ii) it-tnaqqis strutturali tal-piż tat-taxxa fuq il-familji bi dħul baxx u medju u l-appoġġ għall-impjiegi; u (iii) l-aġġornament tar-reġistru katastali billi jiġu mmappjati proprjetajiet li bħalissa mhumiex inklużi u billi jiġu aġġornati l-valuri katastali għall-binjiet li bbenefikaw minn skemi pubbliċi għall-effiċjenza enerġetika u/jew għal interventi ta’ rinnovazzjoni tad-djar. Il-passi ewlenin korrispondenti huma mistennija li jitlestew sar-raba’ trimestru tal-2028. Fil-qasam tal-Intrapriżi tal-Istat, il-pjan jinkludi impenji mmirati lejn is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza tal-intrapriżi tal-Istat f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali (id-Digriet leġiżlattiv nru 175/2016), billi jiżgura u fejn meħtieġ isaħħaħ l-implimentazzjoni tal-qafas legali. Il-pass ewlieni korrispondenti huwa mistenni li jitlesta sar-raba’ trimestru tal-2027.

(30)F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263, kull riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huma ddettaljati biżżejjed, front-loaded, marbuta mal-ħin u verifikabbli.

(31)L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni fihom riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, l-Italja timpenja ruħha li tkompli bl-isforz ta’ riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta’ investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenji se jiġu mmonitorjati matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament kif previst mill-Artikolu 36(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(32)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni mistenni jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-Italja b’mod sostenibbli kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan tal-Italja jirrapporta l-impatt mistenni ta’ xi riformi li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament (b’mod partikolari, l-impjiegi pubbliċi, l-ambjent tan-negozju u l-ġustizzja ċivili) fuq it-tkabbir tal-PDG. Il-mudell makroekonomiku użat għas-simulazzjoni huwa l-mudell tar-R&Ż QUEST-III żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea. Skont il-pjan, dawn ir-riformi validi għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament jibdew jipproduċu l-ewwel effetti fuq l-ekonomija fl-2028 u huma stmati (f’xenarju prudenzjali) li jżidu l-livell tal-PDG fl-2031 b’total ta’ 0,5 %. Aktar fid-dettall, ir-riformi fil-qasam tal-impjiegi pubbliċi mistennija jżidu l-livell tal-PDG fl-2031 b’0,2 %, ir-riformi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili mistennija jżidu l-livell tal-PDG fl-2031 b’0,2 % u r-riformi fil-qasam tal-ambjent tan-negozju mistennija jżidu l-livell tal-PDG fl-2031 b’0,1 %. Il-pjan jistma wkoll l-impatt tar-riformi u l-investimenti fl-RRP li għadhom ma ġewx implimentati li jżid il-livell tal-PDG fl-2031 bi 3,2 % (li minnhom, 1,7 % huma spjegati mir-riformi u 1,5 % huma spjegati mill-investimenti). B’mod ġenerali, billi jitqiesu r-riformi u l-investimenti fl-RRP li għadhom ma ġewx implimentati u parti mir-riformi li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, il-livell tal-PDG huwa stmat li jiżdied bi 3,8 % sal-2031 meta mqabbel mal-linja bażi. Il-pjan jirrapporta wkoll analiżi tas-sensittività. Fix-xenarju avvers, l-impatt tar-riformi li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fuq il-livell tal-PDG jitnaqqas għal 0,3 % (minn 0,5 % fix-xenarju prudenzjali). B’mod ġenerali, l-estimi rrapportati fil-Pjan jitqiesu li huma plawżibbli.

(33)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni mistenni jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan juri l-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn għall-PDG f’diversi xenarji bbażati fuq id-DSA sottostanti għall-pjan (2025-2041): ix-xenarju ta’ politika sottostanti għall-pjan u fix-xenarji alternattivi li fihom huwa iżolat l-impatt ta’ tkabbir ogħla tal-PDG potenzjali u reali (“Pjan + riformi”) u li fihom jinqabad ukoll l-impatt fuq id-dħul pubbliku (“Pjan + riformi + bidla fid-dħul”). Fl-ewwel xenarju alternattiv, l-impatt tar-riformi li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, itejbu l-prospetti ta’ tkabbir tal-PDG. Dan jirriżulta fi tnaqqis aktar sinifikanti fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG meta mqabbel max-xenarju ta’ politika sottostanti għall-pjan, li se jibda jkun osservabbli mill-2030. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jonqos saħansitra aktar u jilħaq livell ta’ 109,6 % fl-2041. Billi jitqies ukoll it-titjib fil-bilanċ primarju wara ż-żieda fid-dħul iġġenerata mit-tkabbir ogħla (jiġifieri billi jitqies it-titjib fil-bilanċ primarju billi tiġi applikata s-semielastiċità tad-dħul għall-pożizzjoni ċiklika mibdula), il-proporzjon tad-dejn jonqos aktar għal 102,5 % tal-PDG. B’mod ġenerali, l-estimi rrapportati fil-pjan jitqiesu li huma plawżibbli. Jistgħu jsiru kunsiderazzjonijiet addizzjonali dwar l-impatt tar-riformi li jirfdu l-estensjoni. B’mod partikolari, filwaqt li f’dan l-istadju mhumiex stabbiliti miri speċifiċi għal rieżamijiet futuri tal-infiq, il-proċess ta’ rieżami tal-infiq jista’ jkun mistenni jnaqqas ir-rata ta’ tkabbir u l-livell tan-nefqa pubblika, bħala riżultat ta’ effiċjenza mtejba, u li jikkontribwixxi għal kompożizzjoni tal-baġit aktar favorevoli għat-tkabbir billi jippermetti prijoritizzazzjoni mill-ġdid tan-nefqa lejn entrati li jiffavorixxu aktar it-tkabbir, b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fiskali. Il-miżuri fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa huma mistennija jipprovdu aktar inċentivi għat-tkabbir bi tnaqqis tal-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol u jiżguraw li s-sistema tat-taxxa tkun ġusta, effiċjenti u progressiva, b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fiskali. Rigward il-miżuri fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa, filwaqt li mira speċifika hija stabbilita biss għal miżura waħda dwar il-konformità mar-regoli tat-taxxa (madwar 0,1 % tal-PDG), il-miżuri l-oħra mistennija jkomplu jtejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa. Rigward il-miżuri fil-qasam tal-indukrar tat-tfal, dawn huma maħsuba biex jagħtu spinta lill-provvista ta’ ħaddiema u jappoġġaw id-dħul pubbliku u s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-aħħar nett, filwaqt li għadhom mhumiex disponibbli dettalji speċifiċi, il-miżura relatata mal-intrapriżi tal-Istat mistennija jkollha wkoll impatt pożittiv, f’konformità mal-ambizzjoni tagħha.

(34)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod partikolari, ir-riformi u l-investimenti kollha li jirfdu l-estensjoni mistennija jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali u ekonomika billi: (i) inaqqsu aktar it-tul tal-proċedimenti legali, inaqqsu x-xogħol b’lura fil-qasam tal-ġustizzja u jlestu t-trawwim tal-proċess ta’ tranżizzjoni diġitali; (ii) isaħħu l-impenji fil-qasam tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa billi jissaħħu l-azzjonijiet diġà inklużi fl-RRP; (iii) itejbu l-kundizzjonijiet sottostanti li fihom joperaw in-negozji u l-investituri billi jippromwovu kompetizzjoni u effiċjenza akbar fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll inaqqsu l-piż amministrattiv u l-ostakli li jimminaw l-aċċess għall-kreditu, jippromwovu dinamiżmu akbar tan-negozji, it-tkabbir tagħhom u investimenti ogħla; (iv) isaħħu l-kapital uman tal-amministrazzjoni pubblika, bil-għan li jiżdiedu l-produttività, il-kwalità u l-kwantità tas-servizzi pubbliċi pprovduti; (v) jiżguraw nefqa pubblika aktar effiċjenti, b’enfasi fuq oqsma ta’ prijorità inklużi r-R&Ż u l-indukrar tat-tfal. Barra minn hekk, ir-riformi u l-investiment fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika mistennija jikkontribwixxu għat-titjib tal-ambjent tan-negozju ġenerali permezz ta’ aktar effiċjenza fil-ġestjoni tal-impjiegi pubbliċi, partikolarment billi jsaħħu l-perkors tal-karriera interna, il-mobbiltà orizzontali u s-sistema ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni.

(35)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa maħsub biex jindirizza s-CSRs rilevanti 13 maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew, inklużi dawk indirizzati skont l-MIP kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod partikolari, il-miżuri fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa huma maħsuba biex jindirizzaw is-CSR strutturali fiskali li, mill-2019 sal-2024, titlob lill-Italja tagħmel is-sistema tat-taxxa aktar ta’ appoġġ għat-tkabbir, b’mod partikolari billi ttejjeb il-kompożizzjoni tad-dħul tal-gvern u tappoġġa t-tkabbir u s-sostenibbiltà fiskali (ara wkoll hawn fuq). Bl-istess mod, il-miżuri fil-qasam tal-ġestjoni tan-nefqa u dwar is-simplifikazzjoni tal-intrapriżi tal-Istat mistennija jikkontribwixxu għal kompożizzjoni tal-baġit aktar favorevoli għat-tkabbir b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fiskali (ara wkoll hawn fuq). Is-CSR għall-2019-2024 dwar il-ġustizzja hija maħsuba biex tiġi indirizzata mill-miżuri dwar l-insolvenza kif ukoll minn għadd ta’ investimenti mmirati biex iżidu l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. Il-miżuri dwar il-forza tax-xogħol pubblika li mistennija jsaħħu l-perkors tal-karriera, il-mobbiltà orizzontali u s-sistema ta’ evalwazzjoni permanenti għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs għall-2019 u għall-2020 dwar l-amministrazzjoni pubblika. L-adozzjoni ta’ liġi tal-kompetizzjoni fuq bażi annwali mistennija tnaqqas l-ostakli għall-kompetizzjoni u ttejjeb l-ambjent tan-negozju u b’hekk timmira li tindirizza s-CSRs għall-2019 u għall-2024 dwar il-kompetizzjoni u l-ambjent tan-negozju. Il-miżuri fil-qasam tal-indukrar tat-tfal huma maħsuba biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati xejriet demografiċi negattivi, f’konformità mas-CSRs għall-2019 u għall-2024 dwar l-impjiegi u l-politika soċjali. Is-CSRs kollha msemmija hawn fuq huma rilevanti skont l-MIP.

(36)Il-pjan jiżgura li jinżamm il-livell ġenerali ppjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali mwettaq bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)

Livell medju bejn l-2021 u l-2026

2025

2026

2027

2028

2029

Medja matul id-durata tal-pjan

2,9

3,1

2,9

3,3

3,3

3,2

3,2

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Italja.

(37)Fl-aħħar nett, is-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni jista’ jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u fil-Ftehim ta’ Sħubija miftiehma skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(38)Bħala konklużjoni, is-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, b’mod ġenerali, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’riżultat ta’ dan, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż minn 4 sa 7 snin, kif ippreżentat fil-pjan.

Intenzjonijiet oħra ta’ riforma u ta’ investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(39)Minbarra s-sett ta’ riformi u ta’ investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw riformi u investimenti oħra biex jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, inklużi dawk li jappartjenu għall-MIP, u biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 119-il riforma u investiment, li minnhom 65 huma appoġġati finanzjarjament mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(40)Rigward il-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi sett ta’ riformi u ta’ investimenti. Fost l-oħrajn, il-miżuri dwar il-finanzjament sostenibbli, inklużi dawk għat-tnaqqis tad-diskrepanza fil-protezzjoni tal-assigurazzjoni, il-bonds ekoloġiċi kif ukoll għadd ta’ miżuri skont il-missjoni 2 u 7 tal-RRP mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dawn il-miżuri mistennija jindirizzaw is-CSRs dwar l-infrastruttura tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-mobbiltà sostenibbli indirizzati lill-Italja fl-2022 u fl-2023. It-tranżizzjoni diġitali tibni fuq l-objettivi stabbiliti skont il-programm ta’ politika dwar id-Deċennju Diġitali u mistennija tibbenefika, pereżempju, mill-istrateġija nazzjonali għall-kompetenzi diġitali jew mill-kontinwazzjoni tal-miżuri tal-RRP, inklużi dawk dwar l-infrastruttura diġitali, il-proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs, Important Projects of Common European Interest), miżuri biex jissaħħaħ it-trasferiment teknoloġiku (permezz ta’ ċentri ta’ kompetenza u ċentri ta’ innovazzjoni diġitali) u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali. Dawn il-miżuri se jikkontribwixxu wkoll biex jiġu indirizzati s-CSRs dwar l-amministrazzjoni pubblika, is-sistema tal-ġustizzja u l-konnettività diġitali indirizzati lill-Italja bejn l-2019 u l-2024 li huma rilevanti skont l-MIP.

(41)Rigward il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi għadd ta’ miżuri u investimenti, pereżempju t-tisħiħ tal-Assegno Unico Universale, żieda ulterjuri fil-provvista ta’ nurseries u servizzi tal-indukrar bikri tat-tfal, u t-tisħiħ tal-liv tal-ġenituri. Is-sistema tal-edukazzjoni se tibbenefika wkoll minn miżuri bħall-Agenda Sud, biex jissaħħu l-ħiliet bażiċi fin-Nofsinhar, u l-kontinwazzjoni tal-isforzi fl-edukazzjoni orjentata lejn il-qasam vokazzjonali, bir-riforma dwar l-Istituti Professjonali u Tekniċi u l-Pjanijiet Nazzjonali u Reġjonali għall-Ħiliet. Il-miżuri dwar l-apprendiment għall-adulti, partikolarment rigward it-tranżizzjoni doppja, u s-suq tax-xogħol, pereżempju l-programm GOL u l-miżuri biex jitnaqqas id-distakk territorjali fis-suq tax-xogħol, huma mistennija jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika. Dawn tal-aħħar mistennija jibbenefikaw ukoll minn riformi mmirati lejn it-tisħiħ tas-swieq kapitali biex jappoġġaw l-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji – u b’mod partikolari l-SMEs. Dawn il-miżuri mistennija jindirizzaw ukoll is-CSRs maħruġa mill-2019 sal-2024 dwar il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, il-ħiliet u l-edukazzjoni li huma rilevanti skont l-MIP, kif ukoll is-CSRs indirizzati fl-istess perjodu dwar l-opportunitajiet indaqs, l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp reġjonali u l-aċċess għall-finanzi. Il-pjan jinkludi wkoll, fost oħrajn, miżuri għat-tisħiħ tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa (sptarijiet komunitarji) u għat-titjib tad-disponibbiltà ta’ apparat tat-teknoloġija tal-kura tas-saħħa fi sptarijiet li għandhom l-intenzjoni li jindirizzaw is-CSR għall-kura tas-saħħa għall-2020. Min-naħa l-oħra, il-pjan ma fihx riformi speċifiċi dwar il-pensjonijiet li jikkontribwixxu għas-CSR għall-2019 indirizzata lill-Italja.

(42)Rigward il-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi diversi miżuri u investimenti inkluż pereżempju r-rabta tat-Tirren jew it-tnaqqis tal-kostijiet ta’ konnessjoni man-network tal-gass tal-bijometan, kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-ġenerazzjoni rinnovabbli li tnaqqas id-dipendenza strateġika fuq il-fjuwils fossili importati jew għadd ta’ miżuri biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika fil-binjiet privati u pubbliċi. Is-sett ta’ miżuri u investiment inkluż fil-pjan huwa ġeneralment mistenni jikkontribwixxi biex jindirizza s-CSR dwar is-sigurtà tal-enerġija.

(43)Rigward il-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-pjan ifakkar fil-miżuri diġà inklużi fl-RRP relatati mal-investimenti fiċ-ċibersigurtà u fid-diġitalizzazzjoni tal-Ministeru għad-Difiża.

(44)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u mal-RRP tal-Italja. Jiġifieri, il-pjan jindika fil-qosor li r-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni huma f’kontinwità mal-azzjonijiet adottati fl-RRP u fil-programmi ta’ koeżjoni.

(45)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Italja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Rigward tranżizzjoni diġitali ġusta, il-pjan jirreferi għall-miri u l-objettivi tad-Deċennju Diġitali u jsemmi l-ħtieġa għal aktar investimenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ħiliet diġitali, inklużi investimenti li jippromwovu t-titjib tal-għarfien u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ ħaddiema biex jiġu allinjati l-provvista u d-domanda tax-xogħol mal-isfidi l-ġodda u jittaffew ir-riperkussjonijiet negattivi possibbli tat-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll investimenti addizzjonali fl-infrastruttura diġitali, jiġifieri għall-iżvilupp ta’ nodi periferiċi sabiex tintlaħaq il-mira tal-2030 u tiġi appoġġata t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u tal-amministrazzjoni pubblika. Dwar tranżizzjoni ekoloġika ġusta, il-pjan jirrapporta l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, il-bidla modali u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi li se jagħmlu t-trasport tal-persuni u tal-merkanzija aktar sostenibbli, anki billi jissaħħaħ ir-rwol tat-trasport ferrovjarju. Dan huwa kkomplementat minn aktar investimenti li jsaħħu l-governanza u l-effiċjenza tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u t-tħejjija tal-pajjiż għar-riskju ta’ diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, kif ukoll investimenti li jsaħħu l-bijodiversità u l-ekosistemi. Bosta minn dawn il-miżuri huma parti mill-Pjan Nazzjonali Integrat dwar l-Enerġija u l-Klima. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jirrapporta l-ħtieġa għal investimenti addizzjonali fl-oqsma li ġejjin: (i) is-suq tax-xogħol (it-tisħiħ tal-politiki tax-xogħol attivi, is-sostenn tal-investimenti li nbdew biex jippromwovu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-attivitajiet ta’ taħriġ meħtieġa biex il-ħiliet tal-ħaddiema jiġu allinjati ma’ dawk meħtieġa mis-swieq tax-xogħol, inkluż permezz tal-kontinwazzjoni ta’ miżuri tal-RRP bħas-“Sistema Doppja”, l-apprendistati u s-Servizz Ċivili Universali); (ii) l-edukazzjoni u t-taħriġ (is-sostenn tal-investimenti li nbdew bl-RRP u l-inizjattivi mmirati għat-tnaqqis tad-differenzi fil-ħiliet, territorjali u bejn il-ġeneri, inkluż billi jiġi pprovdut baġit għall-Pjan dwar Ħiliet Ġodda); (iii) it-tnaqqis tad-differenzi territorjali (billi jitkompla l-investiment fis-setturi strateġiċi ddefiniti mill-politika ta’ koeżjoni u l-Pjan Strateġiku taż-Żona Ekonomika Speċjali (SEZ, Special Economic Zone) Unika - inkluż ir-riskju idroġeoloġiku, ir-riżorsi tal-ilma u r-rikostruzzjoni wara diżastri) u t-titjib tal-infrastruttura (il-bini fuq interventi diġà mnedija mal-RRP, inkluż għal networks ta’ veloċità kbira u ferroviji reġjonali, it-titjib teknoloġiku u diġitali tan-networks TEN-T, il-portijiet u l-konnessjonijiet tagħhom, minbarra t-tisħiħ tal-investimenti tal-infrastruttura fl-SEZ), (iv) l-appoġġ tal-ktajjen tal-provvista strateġiċi, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija (billi jitkomplew investimenti fl-RRP għall-kooperazzjoni bejn universitajiet, ċentri tar-riċerka u kumpaniji u għat-trasformazzjoni teknoloġika u diġitali tal-SMEs u n-networks tan-negozju u billi tiġi appoġġata l-kompetittività f’setturi ewlenin tal-ekonomija Taljana u jissaħħu l-investimenti anki fis-settur tat-turiżmu); (v) is-sistema tal-kura tas-saħħa, il-miżuri kontra l-faqar u s-servizzi għat-tfal żgħar (permezz ta’ aktar investiment fis-sistema tal-kura tas-saħħa sabiex in-networks tal-mediċina ġenerali jsiru aktar effiċjenti, inklużi networks ta’ prossimità, faċilitajiet u telemediċina għall-assistenza, il-modernizzazzjoni ta’ tagħmir kbir tal-kura tas-saħħa u tar-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-persunal, aktar investiment fil-ġlieda kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu, fil-politiki dwar l-akkomodazzjoni u fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar enerġetiku, it-tisħiħ ulterjuri ta’ aċċess b’kost baxx għal servizzi tat-tfal żgħar, kif ukoll l-espansjoni ta’ servizzi tal-kura għal persuni b’diżabilità u persuni anzjani li mhumiex awtosuffiċjenti). Fir-rigward tal-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jirrapporta l-ħtieġa għal investimenti addizzjonali fil-bini tal-infrastruttura u l-iżvilupp u t-tixrid ta’ teknoloġiji applikati għall-enerġija li se jikkontribwixxu biex l-Italja ssir ċentru Ewropew tal-enerġija, kif ukoll fl-effiċjenza tal-binjiet biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħhom u fir-riċerka u l-iżvilupp u l-esperimentazzjoni fuq il-vetturi tal-enerġija, inkluża dik nukleari tal-ġenerazzjoni l-ġdida. Fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża, skont il-pjan, in-nefqa fis-settur tad-difiża se tiżdied għal 2 % tal-PDG sal-2028, f’konformità mal-impenji tan-NATO. Investiment addizzjonali se jkun meħtieġ biex tiġi żgurata parteċipazzjoni sinifikanti f’missjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi u attivitajiet oħra, filwaqt li jiżdiedu r-riżorsi għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Ukrajna, tiġi ssimplifikata l-provvista ta’ materjali fil-kuntest tal-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni internazzjonali u għar-rifinanzjament tal-operazzjonijiet “Toroq Sikuri” u “Stazzjonijiet Sikuri”, il-Fond għal assi ta’ livell ta’ tħejjija operazzjonali għoli u għoli ħafna u l-Fond għall-ħtiġijiet tad-difiża nazzjonali.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(46)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Italja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI

(47)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Italja, u għandu jiġi approvat is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja

1.Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

2.Timplimenta s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.

Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Italja tiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.

ANNESS I

Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)

L-Italja

Snin

2025

2026

2027

2028

2029

Rati ta’ tkabbir (%)

Annwali

1,3

1,6

1,9

1,7

1,5

Kumulattiv (*)

-0,7

0,9

2,8

4,6

6,2

(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi jiġu kkalkolati b’referenza għas-sena bażi tal-2023.



ANNESS II

Sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin

L-Italja

Objettiv ewlieni

Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin

Indikatur(i) ta’ monitoraġġ

Riformi u investiment fil-qasam tal-ġustizzja -

Żieda mal-objettivi intermedji u l-miri tal-RRP relatati mal-M1C1.R1.4 - Riforma tal-ġustizzja ċivili

Tnaqqis tat-tul tal-proċedimenti ta’ falliment u l-promozzjoni tal-użu ta’ strumenti barra mill-qorti.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2027, tieħu azzjonijiet biex tiżgura u ssaħħaħ l-implimentazzjoni tar-riforma tal-insolvenza. Għal dan il-għan, tkompli bl-appoġġ għall-kompetenzi tal-qrati fi kwistjonijiet ta’ insolvenza u tipprovdi persunal adegwat; issaħħaħ is-sistema ta’ informazzjoni biex tiġbor informazzjoni granulari dwar il-kost, l-effiċjenza u l-eżiti tal-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ ristrutturar (kemm għal kawżi barra mill-qorti kif ukoll dawk fil-qorti).

Tipprovdi appoġġ kontinwu għall-kompetenzi tal-qrati fi proċeduri ta’ insolvenza u tiżgura persunal adegwat.

Issaħħaħ is-sistema ta’ informazzjoni biex tiġbor informazzjoni granulari dwar il-kost, l-effiċjenza u l-eżiti tal-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ ristrutturar (kemm għal kawżi barra mill-qorti kif ukoll dawk fil-qorti).

Pass 2: Sar-raba’ trimestru tal-2027, twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-riforma tal-insolvenza u tadotta azzjonijiet korrettivi fejn meħtieġ.

Adozzjoni ta’ valutazzjoni tal-impatt tar-riforma tal-insolvenza.

Adozzjoni u dħul fis-seħħ ta’ azzjonijiet korrettivi, fejn meħtieġ.

Tnaqqas l-għadd ta’ kawżi pendenti fil-qrati ċivili.

Pass 3: Sar-raba’ trimestru tal-2028, it-tnaqqis ta’ kawżi pendenti għall-Qrati Ordinarji Ċivili (tal-prim’istanza).

Tnaqqas b’90 % l-għadd ta’ kawżi pendenti li nfetħu bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u l-31 ta’ Diċembru 2025 u li kienu għadhom miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2025 fil-Qrati Ordinarji Ċivili (tal-prim’istanza).

Tnaqqas l-għadd ta’ kawżi pendenti fil-qrati ċivili.

Pass 4: Sar-raba’ trimestru tal-2028, it-tnaqqis ta’ kawżi pendenti għall-Qorti Ċivili tal-Appell (tas-sekond’istanza).

Tnaqqas b’90 % l-għadd ta’ kawżi pendenti li nfetħu bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u l-31 ta’ Diċembru 2025 u li kienu għadhom miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2025 fil-Qorti Ċivili tal-Appell (tas-sekond’istanza).

Tnaqqas iż-żmien għat-tlestija tal-kawżi ċivili.

Pass 5: Sar-raba’ trimestru tal-2028, it-tnaqqis fit-tul tal-proċedimenti ċivili.

Tnaqqas iż-żmien għat-tlestija b’12 % tal-każijiet kollha ta’ kawżi kontenzjużi ċivili u kummerċjali meta mqabbel maż-żmien għat-tlestija rreġistrat fil-31 ta’ Diċembru 2026.

Tiżgura riżorsi umani adegwati fis-sistema tal-qorti.

Pass 6: Sar-raba’ trimestru tal-2026; sar-raba’ trimestru tal-2027; sar-raba’ trimestru tal-2028; sar-raba’ trimestru tal-2029, rispettivament, jiġi żgurat persunal adegwat għall-uffiċċju tal-proċess u l-persunal amministrattiv tekniku.

Iżżomm 6 000 pożizzjoni kkaratterizzati minn kompiti ekwivalenti għal dawk skont l-Investiment M1C1 1.8 tal-RRP.

Riformi u investiment fil-qasam tal-amministrazzjoni tat-taxxa -

Żieda mal-objettivi intermedji u l-miri tal-RRP tal-Italja relatati mal-M1C1.R1.12 - Riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa

Promozzjoni ta’ interazzjonijiet simplifikati mal-kontribwenti permezz ta’ rifużjonijiet aktar rapidi tal-VAT.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2025; sar-raba’ trimestru tal-2027; sar-raba’ trimestru tal-2029, rispettivament, il-kisba ta’ miri ta’ prestazzjoni annwali li progressivament jiżguraw tnaqqis fil-ħinijiet tar-ripagament tal-VAT.

Tnaqqis fiż-żmien medju tal-pagament tar-rifużjonijiet tal-VAT (espress f’jiem) meta mqabbel mal-2024:

• 5 % sar-raba’ trimestru tal-2025

• 10 % sar-raba’ trimestru tal-2027

• 15 % sar-raba’ trimestru tal-2029.

Żieda tad-dħul li jirriżulta minn attivitajiet ta’ prevenzjoni, mill-promozzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluż id-dħul iġġenerat minn ittri ta’ konformità, u minn azzjonijiet kontra l-evażjoni aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju (inklużi dawk abbażi tal-użu ta’ tekniki tal-intelliġenza artifiċjali u l-iżvilupp ta’ interoperabbiltà tal-bażi tad-data).

Pass 2: Sar-raba’ trimestru tal-2027 u sar-raba’ trimestru tal-2029, il-kisba ta’ miri ta’ prestazzjoni annwali li progressivament tiżgura dħul ogħla mill-attivitajiet ta’ prevenzjoni u infurzar.

Dħul totali addizzjonali mill-attivitajiet ta’ prevenzjoni u infurzar meta mqabbel mal-2024 (EUR 14-il biljun), inkluż dħul minn ittri ta’ konformità, “inviti al contraddittorio”, “atti istruttori ravvedibili”, filwaqt li jiġu esklużi “ruoli”, “concordato preventivo” kif ukoll kwalunkwe miżura mmirata lejn is-saldu ta’ obbligazzjonijiet tat-taxxa fil-passat f’kundizzjonijiet vantaġġużi bħal “rottamazione cartelle esattoriali”, “saldo&stralcio” u “ravvedimento speciale”:

• 5 % sar-raba’ trimestru tal-2027;

• 10 % sar-raba’ trimestru tal-2029.

Żieda tad-dħul li jirriżulta minn attivitajiet ta’ prevenzjoni, mill-promozzjoni tal-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluż id-dħul iġġenerat minn ittra ta’ konformità, u minn azzjonijiet kontra l-evażjoni aktar selettivi u bbażati fuq ir-riskju (inklużi dawk abbażi tal-użu ta’ tekniki tal-intelliġenza artifiċjali u l-iżvilupp ta’ interoperabbiltà tal-bażi tad-data).

Pass 3: Sar-raba’ trimestru tal-2026, issaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet li tħallew barra, permezz (i) fil-każ ta’ evażjoni identifikata tat-taxxa, tat-tneħħija tal-benefiċċji fuq it-taxxa (“compensazione orizzontale”, “rimborsi di imposte”, “regimi premiali”) u, fejn rilevanti, is-sospensjoni tal-eżerċizzju tal-konċessjonijiet pubbliċi; (ii) tal-integrazzjoni tal-kodiċijiet nazzjonali tal-kiri fuq terminu qasir fil-bażijiet tad-data għall-analiżijiet tar-riskju tat-taxxa mwettqa mill-Aġenzija tad-Dħul; (iii) tal-introduzzjoni ta’ konnessjonijiet obbligatorji bejn il-cash registers awtomatiċi u l-pagamenti elettroniċi għan-negozji kollha; (iv) tal-ħtieġa ta’ mezzi traċċabbli ta’ pagamenti għat-tnaqqis mit-taxxa tal-ispejjeż relatati mat-trasport, mal-ikel u mal-akkomodazzjoni.

Dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni primarja u sekondarja.

Riformi u investiment fil-qasam tal-ambjent tan-negozju -

Żieda mal-objettivi intermedji u l-miri tal-RRP tal-Italja relatati mal-M1C2.R2 - il-Liġijiet Annwali tal-Kompetizzjoni

Żieda tal-investimenti fl-R&Ż li jagħtu prijorità lil proġetti li jistgħu jattiraw investiment privat addizzjonali.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2025, ir-raba’ trimestru tal-2026, ir-raba’ trimestru tal-2027, ir-raba’ trimestru tal-2028 u ir-raba’ trimestru tal-2029, rispettivament, iżżid in-nefqa pubblika fir-R&Ż.

Żieda tan-nefqa pubblika fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex jiżdied il-proporzjon bejn din in-nefqa u l-PDG, li huwa stmat li huwa qrib iż-0,5 % għall-2024, iż-0,6 % fl-2029 14 .

Trawwem l-effiċjenza u l-effettività tal-inċentivi pubbliċi għall-investiment.

Pass 2: Sat-tieni trimestru tal-2028, ir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-inċentivi għad-ditti, b’segwitu għar-riforma M1C2-R3 fl-RRP.

Tnaqqas drastikament l-għadd ta’ miżuri ta’ inċentiv, u tnaqqas l-għadd ta’ awtoritajiet tal-għoti, abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa fl-2025.

Promozzjoni tal-kompetizzjoni biex titrawwem l-effiċjenza u t-tkabbir ekonomiku permezz tat-tneħħija ta’ konġestjonijiet u ostakli għad-dħul (anki ta’ natura leġiżlattiva). Tneħħija jew reviżjoni ta’ liġijiet u regolamenti li jxekklu l-funzjonament bla xkiel tas-swieq.

Pass 3: Sar-raba’ trimestru tal-2026, ir-raba’ trimestru tal-2027, ir-raba’ trimestru tal-2028 u r-raba’ trimestru tal-2029, rispettivament, l-adozzjoni tal-Liġijiet Annwali tal-Kompetizzjoni.

Adozzjoni u dħul fis-seħħ ta’ Liġi Annwali tal-Kompetizzjoni u ta’ atti ta’ implimentazzjoni relatati kull sena, billi tindirizza s-CSRs u tqis b’mod sodisfaċenti r-rakkomandazzjonijiet tal-AGCM, abbażi ta’ valutazzjonijiet adegwati tal-impatt regolatorju.

Żieda tal-kompetittività tal-SMEs li tiffaċilita t-tkabbir tad-daqs tan-negozji, li trawwem it-tranżizzjoni ġenerazzjonali, l-orjentazzjoni tal-investiment u t-tqabbil tal-ħiliet.

Pass 4: Sar-raba’ trimestru tal-2026 (a), ir-raba’ trimestru tal-2027 (b) u r-raba’ trimestru tal-2028 (b), rispettivament, l-adozzjoni ta’ liġi qafas dwar l-SMEs, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt u d-dħul fis-seħħ tal-istrumenti ta’ implimentazzjoni u l-aġġornamenti annwali.

Il-liġi għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin:

•l-iffaċilitar tat-tkabbir tad-daqs tan-negozji u l-aggregazzjoni tad-ditti;

•is-simplifikazzjoni amministrattiva;

•il-faċilitazzjoni tan-negozju;

•it-trawwim tat-tranżizzjoni ġenerazzjonali, inkluż permezz tar-reklutaġġ ta’ maniġment professjonali.

•it-titjib tal-investiment;

•iż-żieda fil-ħiliet.

(a) Dħul fis-seħħ tal-Liġi Qafas dwar l-SMEs.

(b) Dħul fis-seħħ tal-istrumenti ta’ implimentazzjoni u tal-aġġornamenti annwali kollha.

Riformi u investiment fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika u l-indukrar tat-tfal -

Żieda mal-objettivi intermedji u l-miri tal-RRP tal-Italja relatati mal-M1C1.R1.9 - Riforma tal-amministrazzjoni pubblika

Promozzjoni tal-mobbiltà vertikali.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2026, l-implimentazzjoni tal-mobbiltà vertikali tal-persunal.

Mill-inqas 20 % tal-pożizzjonijiet vakanti annwali għall-pożizzjonijiet maniġerjali allokati lil uffiċjali eżistenti permezz ta’ mekkaniżmu ta’ promozzjoni marbut mal-prestazzjoni.

Promozzjoni tal-mobbiltà orizzontali.

Pass 2: Sar-raba’ trimestru tal-2026, l-implimentazzjoni tal-mobbiltà orizzontali tal-persunal.

Mill-inqas 15 % tal-pożizzjonijiet vakanti annwali allokati lil uffiċjali li jiċċaqilqu minn amministrazzjoni jew aġenzija pubblika oħra.

Valorizzazzjoni tal-qafas ibbażat fuq il-prestazzjoni.

Pass 3: Sar-raba’ trimestru tal-2028, il-valorizzazzjoni tal-qafas ibbażat fuq il-prestazzjoni.

L-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni u ta’ pagamenti tal-bonus kompluti taħt il-qafas il-ġdid.

Żieda fin-nefqa pubblika annwali.

Pass 4: Sar-raba’ trimestru tal-2027, tiżgura kopertura finanzjarja adegwata għat-tħaddim ta’ faċilitajiet disponibbli għall-indukrar tat-tfal.

Żieda fin-nefqa pubblika biex tkopri l-kostijiet operatorji tal-faċilitajiet eżistenti u ġodda għall-indukrar tat-tfal imwettqa permezz tal-investimenti fl-NRRP u r-riżorsi nazzjonali, ta’ tfal ta’ bejn l-età tat-twelid u sentejn. Iż-żieda se tammonta għal mill-inqas 20 % tan-nefqa pubblika annwali ddedikata għall-kostijiet operatorji tal-faċilitajiet disponibbli għall-indukrar tat-tfal għal tfal taħt it-3 snin inklużi l-kostijiet ta’ postijiet ġodda li jirriżultaw mill-infrastruttura tal-NRRP.

Żgurar tad-disponibbiltà adegwata ta’ postijiet għall-indukrar tat-tfal.

Pass 5: Sar-raba’ trimestru tal-2027, tiżgura l-provvista adegwata ta’ servizzi tal-indukrar tat-tfal f’konformità mal-Mira ta’ Barċellona u l-mira nazzjonali għall-2027, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali.

Żgurar li 33 % tat-tfal taħt it-3 snin ikollhom aċċess (kwota ta’ kopertura) għal faċilitajiet pubbliċi u privati għall-indukrar tat-tfal fil-livell nazzjonali. Żgurar ta’ minimu ta’ 15 % tal-kopertura fil-livell reġjonali.

Definizzjoni tal-kategoriji ta’ kontribuzzjoni għall-kontribuzzjonijiet tal-ġenituri.

Pass 6: Sar-raba’ trimestru tal-2027, iżżid l-affordabbiltà tal-indukrar tat-tfal billi tiddefinixxi standards minimi nazzjonali kemm għall-aċċess għal servizzi tal-indukrar tat-tfal kif ukoll għall-kategoriji ta’ tariffi, bil-għan li żżid l-affordabbiltà.

Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni

Riformi u investiment fil-qasam tan-nefqa pubblika -

Żieda mal-objettivi intermedji u l-miri tal-RRP tal-Italja relatati mal-M1C1.R1.13 - Riforma tal-qafas tar-rieżami tal-infiq

Tisħiħ tal-kapaċità għall-programmazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tan-nefqa pubbliku.

Pass 1: Sat-tieni trimestru tal-2027, it-tieni trimestru tal-2028 u t-tieni trimestru tal-2029, l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u, mit-tieni trimestru tal-2028, tar-rapport annwali mill-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi.

Adozzjoni ta’ mill-inqas pjan annwali wieħed ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni li jipprevedi intervent għal kull Ministeru, li matul il-perjodu ta’ żmien tal-Pjan ikopri qasam ta’ nfiq ugwali għal total ta’ 10 % tan-nefqa allokata għall-politiki taħt ir-responsabbiltà diretta tal-amministrazzjonijiet ċentrali. Il-pjanijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni jfasslu proposti u azzjonijiet għat-titjib tal-effiċjenza jew tal-kwalità tan-nefqa. Rapport annwali mħejji mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi juri l-istatus ta’ implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ mill-inqas azzjoni waħda għal kull ministeru li tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Titjib tal-monitoraġġ tan-nefqa, inkluż permezz tal-ħolqien u t-tisħiħ ta’ strutturi ddedikati fl-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, għall-valutazzjoni tal-kwalità u tal-impatt tas-servizzi pprovduti.

Pass 2: Sa l-ewwel trimestru tal-2028, kompetenza msaħħa tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi biex iwettaq spezzjonijiet fuq il-ġestjoni tan-nefqa pubbliku tal-entitajiet kollha li jirċievu appoġġ pubbliku, inklużi l-awtoritajiet subnazzjonali u l-intrapriżi tal-Istat.

Dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni primarja u sekondarja.

Tisħiħ tal-attività ta’ kontroll tan-nefqa pubbliku.

Pass 3: Sal-ewwel trimestru tal-2026 u l-ewwel trimestru tal-2028, ir-riforma tal-qafas għall-kontroll tan-nefqa pubblika għall-amministrazzjonijiet pubbliċi ċentrali, li tipprevedi responsabbiltà finanzjarja msaħħa tal-amministrazzjonijiet għall-ġestjoni tar-riżorsi kif ukoll programmazzjoni msaħħa u monitoraġġ u evalwazzjoni mtejba tal-eżiti u l-impatti tal-politika.

(a) Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni primarja; (b) Dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni sekondarja.

Riformi u investiment fil-qasam tat-tassazzjoni (miżura ġdida)

Intervent fis-sistema tat-taxxa, billi tallinjaha mal-objettivi li jiġu appoġġati l-piżijiet tal-familja, it-tkabbir ekonomiku, u t-tranżizzjoni ekoloġika f’perspettiva ta’ bosta snin.

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2028, tissimplifika s-sistema tat-taxxa permezz tar-rieżami tal-ambitu tan-nefqa tat-taxxa.

Tnaqqis ta’ 15 % tat-telf ta’ dħul relatat man-nefqa tat-taxxa meta mqabbel mar-rapport tal-gvern tal-2019 (EUR 49 biljun), inkluż fl-oqsma ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, rati mnaqqsa ta’ VAT u eżenzjonijiet u taxxa fuq l-introjtu personali (IRPEF, Imposta sul Reddito delle Persone Fisiche). It-tnaqqis ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent b’EUR 3,5 biljun previst sal-2030 skont l-RRP huwa rilevanti għat-tnaqqis tat-telf ta’ dħul relatat man-nefqa tat-taxxa.

Tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq il-familji bi dħul baxx u medju u l-appoġġ għall-impjiegi.

Pass 2: Sar-raba’ trimestru tal-2026, it-tnaqqis tal-feles ta’ taxxa fuq ix-xogħol.

Il-feles medju ta’ taxxa fuq ix-xogħol għandu jitnaqqas b’mod permanenti meta mqabbel mal-livelli rreġistrati fl-2023.

Aġġornament tar-reġistru katastali.

Pass 3: (a) Sar-raba’ trimestru tal-2027, timmappja proprjetajiet li bħalissa mhumiex inklużi fir-reġistru katastali; (b) Sar-raba’ trimestru tal-2028, taġġorna l-valuri katastali għat-taxxi fuq il-proprjetà għal binjiet li jkunu għaddew minn interventi ta’ effiċjenza enerġetika u/jew ta’ rinnovazzjoni tad-djar, iffinanzjati kompletament jew parzjalment minn fondi pubbliċi, mill-2019.

(a) Introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ referenza u dħul fis-seħħ, tlestija tal-attivitajiet ta’ mmappjar, kontroll u aġġornament tar-reġistru katastali; (b) Introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ referenza u dħul fis-seħħ u l-aġġornament komplut tar-reġistru katastali għall-proprjetajiet kollha ddefiniti fil-kolonna/fit-taqsima tal-passi ewlenin.

Riformi u investiment fil-qasam tar-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-Istat (miżura ġdida)

Simplifikazzjoni tal-Intrapriżi tal-Istat f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali (id-Digriet leġiżlattiv nru 175/2016).

Pass 1: Sar-raba’ trimestru tal-2027, teħid ta’ azzjonijiet biex tiġi żgurata u msaħħa l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar l-Intrapriżi tal-Istat.

Adozzjoni ta’ azzjonijiet xierqa biex tiġi żgurata, u fejn meħtieġ imsaħħa, l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali (id-Digriet leġiżlattiv nru 175/2016) relatat mal-attivitajiet u l-effiċjenza operazzjonali tal-Intrapriżi tal-Istat bil-għan li jiġu żgurati razzjonalizzazzjoni u sensja effettivi ta’ intrapriżi tal-Istat (SOEs, State-Owned Enterprises) mhux effiċjenti mingħajr ma jiġi pperikolat il-forniment ta’ servizzi pubbliċi.

Magħmul fi Strasburgu,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj?eliuri=eli%3Areg%3A2024%3A1263%3Aoj&locale=mt ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj?eliuri=eli%3Areg%3A2024%3A1264%3Aoj&locale=mt ).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj?eliuri=eli%3Adir%3A2024%3A1265%3Aoj&locale=mt ).
(4)    In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament tal-programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċju tal-qgħad u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(5)    Gwida minn qabel mibgħuta lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament u biha (li jkopru 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas ta’ projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 tal-Kummissjoni ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_mt ). Hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni u l-estensjoni tagħha ta’ terminu medju sal-2033, u t-tkabbir fuq terminu twil tal-PDG u l-kostijiet tat-tixjiħ huma konformi mat-2024 Ageing Report imfassal b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Kunsill ( https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_mt ).
(6)     https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_mt#italy  
(7)    ĠU L, 1.8.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2124/oj?eliuri=eli%3Adec%3A2024%3A2124%3Aoj&locale=mt
(8)    Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fl-Italja, 26.11.2024, COM(2024)954 final.
(9)    Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Italja, 26.11.2024, C(2024)9057 final.
(10)    “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment”, COM (2024) 600 final, l-Appendiċi 4
(11)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tal-Italja, għadha ma ġietx ippubblikata.
(12)    Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-Italja, 26.11.2024, C(2024)9057 final.
(13)    Is-CSRs meqjusa bħala “rilevanti” huma rakkomandazzjonijiet: i) adottati mill-Kunsill mill-2019 ’il quddiem, ii) li għalihom l-Istat Membru għadu ma għamilx progress “sħiħ” jew “sostanzjali” fl-indirizzar tagħhom u li mhumiex skaduti (ivvalutati bħala “Mhux Ivvalutati/L-Ebda Input x’Jiżdied”), kif ivvalutat fl-aħħar eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-Semestru Ewropew (disponibbli f’ CeSaR (europa.eu) ), iii) mhux marbuta ma’ PST purament fiskali u iv) ma jkoprux l-istess sfida iżda b’mod riformulat.
(14)    In-nefqa fir-R&Ż għandha tiġi kkalkolata f’termini tal-GERD.