Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Artikolu 1(1) u (2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 4 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħlas tard’ – Artikolu 6 – Ammont fiss minimu ta’ EUR 40 bħala kumpens għall-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li sostna – Kundizzjonijiet – Prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi l-abbuż ta’ dritt”
Fil-Kawża C‑209/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura
Premium Food Kebab sp. z o.o.
vs
Cydonia sp. z o.o.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, S. Rodin, N. Piçarra (Relatur) u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Milanowska u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1), kif ukoll tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Premium Food Kebab sp. z o.o (iktar ’il quddiem “PFK”) u Cydonia sp. z o.o, żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Pollakk, dwar talba ta’ PFK intiża sabiex Cydonia tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ ammont fiss ta’ EUR 40 minħabba l-ħlas tardiv ta’ fattura.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 12, 16 sa 18, 19 u 28 tad-Direttiva 2011/7 jipprovdu:
“(12) Ħlas tard jikkostitwixxi ksur ta’ kuntratt li sar finanzjarjament attraenti għad-debituri fil-parti l-kbira tal-Istati Membri minħabba li fuq ħlasijiet tard jintalbu rati baxxi ta’ mgħax jew l-ebda mgħax u/jew li l-proċeduri ta’ rimedju jieħdu wisq żmien. Jeħtieġ tibdil deċiżiv lejn kultura ta’ ħlas fil-ħin, inkluż dik fejn l-esklużjoni tad-dritt li jintalab imgħax għandha dejjem titqies bħala kondizzjoni jew prassi kuntrattwali inġusta għall-aħħar biex titreġġa’ lura din it-tendenza u jiġi skoraġġit il-ħlas tard. Tali tibdil għandu jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-perjodi ta’ ħlas u dwar il-kumpens tal-kredituri għall-ispejjeż imġarrba, u, fost l-oħrajn, li l-esklużjoni tad-dritt għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru għandha titqies bħala inġusta għall-aħħar.
[…]
(16) Din id-Direttiva m’għandhiex tobbliga lil kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard. Fil-każ ta’ ħlas tard, din id-Direttiva għandha tippermetti li kreditur jitlob imgħax għal ħlas tard mingħajr ma jagħti ebda avviż minn qabel ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni jew avviż simili ieħor li jfakkar lid-debitur dwar l-obbligu tiegħu li jħallas.
(17) Il-ħlas ta’ debitur għandu jitqies bħala ħlas tard, għall-għanijiet ta’ intitolament għal imgħax għal ħlas tard, meta l-kreditur ma jkollux is-somma dovuta għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data miftehma sakemm ikun wettaq l-obbligi legali u kuntrattwali tiegħu.
(18) Il-fatturi jattivaw talbiet għal ħlas u huma dokumenti importanti fil-katina ta’ valur tat-transazzjonijiet għall-provvista ta’ prodotti u servizzi, fost l-oħrajn biex jiġu stabbiliti l-iskadenzi għall-ħlas. […]
(19) Jeħtieġ kumpens ġust tal-kredituri għall-ispejjeż ta’ rkupru mġarrba minħabba ħlas tard biex jiġi skoraġġit il-ħlas tard. L-ispejjeż ta’ rkupru għandhom ukoll jinkludu l-irkupru ta’ spejjeż amministrattivi u kumpens għal spejjeż interni mġarrba minħabba ħlas tard li għalih din id-Direttiva għandha tiddetermina somma minima stabbilita li tista’ tingħadd mal-imgħax għall-ħlas tard. Il-kumpens fil-forma ta’ somma stabbilita għandu jkun immirat lejn it-trażżin tal-ispejjeż amministrattivi u interni marbuta mal-irkupru. Kumpens biex jiġu rkuprati l-ispejjeż għandu jkun determinat bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom qorti nazzjonali tista’ tagħti kumpens lill-kreditur għal kwalunkwe ħsara addizzjonali rigward ħlas tard tad-debitur.
[…]
(28) Din id-Direttiva għandha tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà tal-kuntratti għall-iżvantaġġ tal-kreditur. […] Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-mod kif il-kuntratti jiġu konklużi jew li jirregolaw il-validità ta’ kondizzjonijiet kuntrattwali li huma inġusti għad-debitur.”
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)].
2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.
[…]”
5 Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘transazzjonijiet kummerċjali’ tfisser transazzjonijiet bejn l-intrapriżi jew bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għall-forniment ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi għar-remunerazzjoni;
[…]
(4) ‘ħlas tard’ tfisser ħlas li ma jsirx fil-perjodu ta’ ħlas kuntrattwali jew statutorju u fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) jiġu sodisfatti;
[…]”
6 L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
(a) il-kreditur ikun wettaq l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu; kif ukoll
(b) il-kreditur ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin u d-debitur ikun responsabbli għad-dewmien.
[…]
3. Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
(a) li l-kreditur hu intitolat għal imgħax għall-ħlas tard mill-għada tad-data jew it-tmiem tal-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt;
[…]
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu għall-ħlas stabbilit fil-kuntratt ma jaqbiżx is‑60 jum kalendarju, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur fit-tifsira tal-Artikolu 7.”
7 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”, jipprevedi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-imgħax għal ħlas tard isir dovut fi transazzjonijiet kummerċjali b’mod konformi mal-Artikolu 3 jew 4, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma stabbilita ta’ EUR 40.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1 tkun dovuta mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira u bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess.
3. Il-kreditur, apparti s-somma stabbilita msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun intitolat li jikseb kumpens raġonevoli mid-debitur għal kwalunkwe spejjeż ta’ rkupru li jaqbżu dik is-somma stabbilita u mġarrba minħabba l-ħlas tard tad-debitur. Dawn jistgħu jinkludu l-ispejjeż imġarrba, fost l-oħrajn, biex jitqabbdu avukat jew aġenzija tal-ġbir tad-djun.”
8 L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet u prassi kuntrattwali inġusti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kondizzjoni jew prassi kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu tal-ħlas, ir-rata ta’ mgħax għall-ħlas tard jew il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru jkun jew mhux infurzabbli jew ikun jagħti lok għal talba għad-danni jekk ikun inġust għall-aħħar għall-kreditur.
Biex jiġi stabbilit jekk kondizzjoni jew prassi kuntrattwali jkunu inġusti għall-aħħar għall-kreditur, fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, inklużi:
[…]
(c) jekk id-debitur kellux xi raġuni oġġettiva li jiddevja […] mis-somma fissa kif imsemmi fl-Artikolu 6(1).
[…]”
Id‑dritt Pollakk
9 L-ustawa o przeciwdziałaniu nadmiernym opóźnieniom w transakcjach handlowych (il-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra d-Dewmien Eċċessiv fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali) tat‑8 ta’ Marzu 2013 (Dz. U. tal‑2013, pożizzjoni 403), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 893), li ttrasponiet id-Direttiva 2011/7 fl-ordinament ġuridiku Pollakk, tipprevedi, fl-Artikolu 7(1) tagħha, dan li ġej:
“Fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, ħlief għat-tranżazzjonijiet li fil-kuntest tagħhom id-debitur ikun entità pubblika, il-kreditur ikollu dritt jikseb, mingħajr intimazzjoni, l-interessi statutorji għad-dewmien fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq interessi ogħla, għall-perijodu li jibda mill-jum tal-eżiġibbiltà tal-obbligu pekunjarju sal-jum tal-ħlas, jekk il-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti b’mod kumulattiv:
(1) il-kreditur ikun eżegwixxa l-obbligu tiegħu;
(2) il-kreditur ma jkunx irċieva l-ħlas fit-terminu stabbilit fil-kuntratt.”
10 L-Artikolu 10 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“1. Mid-data li fiha huwa jikseb id-dritt għall-interessi msemmija fl-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 8(1), il-kreditur għandu jkollu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, mingħajr intimazzjoni, kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, li għandu jkun ekwivalenti għal somma ta’:
(1) EUR 40, meta s-somma tal-ħlas tkun inqas minn 5 000 zloty Pollakk (PLN);
[…]
2. Minbarra s-somma prevista fil-paragrafu 1, il-kreditur għandu jkollu wkoll id-dritt għar-rimbors, f’limitu raġonevoli, tal-ispejjeż ta’ rkupru sostnuti li jeċċedu din is-somma.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 F’Awwissu 2020, Cydonia xtrat prodotti tal-ikel mingħand PFK, waħda mill-fornituri regolari tagħha, fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ catering. Il-fattura maħruġa minn PFK għal dan ix-xiri kienet tammonta għal PLN 4 874.60 (madwar EUR 1 218.00) u kellha titħallas fit‑3 ta’ Settembru 2020. Cydonia ħallset din il-fattura fit‑8 ta’ Settembru 2020.
12 Fit‑23 ta’ Mejju 2023, PFK ippreżentat quddiem is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż sabiex Cydonia tiġi kkundannata tħallasha ammont fiss ta’ EUR 40, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7. PFK ma talbitx interessi moratorji fuq l-ammont tal-kreditu tagħha, dovut, fil-fehma tagħha, mill‑4 ta’ Settembru 2020.
13 Dik il-qorti tikkonstata li, fid-data tal-ħruġ tal-fattura, PFK u Cydonia kellhom, għal erba’ snin, relazzjoni ta’ negozju stabbli, li fil-kuntest tagħha merkanzija kienet ikkunsinnata diversi drabi fil-ġimgħa u li l-ħlas tagħha kien isir xi drabi ftit jiem tard, mingħajr ma PFK talbet interessi moratorji mingħand Cydonia. Hija żżid li, waqt it-trasferiment, f’Ottubru 2022, tal-ishma kollha ta’ PFK lil Funds Get Support spółka z ograniczoną odpowiedzialnością, kumpannija stabbilita f’Varsavja, ma ġew ikkonstatati l-ebda arretrati ta’ ħlas min-naħa ta’ Cydonia. Skont l-imsemmija qorti, din il-kumpannija ċessjonarja, barra minn hekk, ma hijiex finanzjarjament affidabbli.
14 L-istess qorti tqis li PFK taġixxi b’mod żleali billi titlob il-ħlas ta’ ammont fiss minimu diversi snin wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ negozju tagħha ma’ Cydonia, wara l-akkwist ta’ PFK minn kumpannija ġdida. Hija tippreċiża li PFK ressqet kontra Cydonia mijiet ta’ talbiet oħra għall-ħlas ta’ tali ammont, mingħajr ma talbet interessi fuq id-djun prinċipali, bl-għan biss li tikseb profitti addizzjonali mingħand kontraenti preċedenti li magħha hija qatt ma kellha tilwima reali fil-qasam tal-ħlas.
15 F’tali ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ ħlas tal-ammont fiss minimu previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7. Hija tqis li din il-ġurisprudenza tista’ tinkoraġġixxi lill-kredituri jistrumentalizzaw b’mod manifest id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 6 u li dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tiċħad talba intiża għall-ħlas ta’ ammont fiss meta, minkejja li l-persuna li tkun għamlet it-talba tkun wriet il-ħlas tard, iċ-ċirkustanzi li fihom titressaq din it-talba juru li hija inġusta u kuntrarja għall-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Il-qorti nazzjonali għandha, għaldaqstant, tevalwa tali talba fid-dawl ta’ abbuż ta’ dritt suġġettiv, inkluż tad-dritt tal-Unjoni.
16 Il-qorti tar-rinviju tqis, barra minn hekk, li kull talba intiża għall-ħlas ta’ ammont fiss għandha tkun akkumpanjata minn talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji xierqa u li l-għoti inkundizzjonat ta’ dan il-kumpens, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn il-ħlas tard huwa negliġibbli, għandu jitqies li huwa abbużiv fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ negozju stabbilita sew.
17 F’dan il-kuntest, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2011/7] għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għall-irkupru tal-ispejjeż, fejn iċ-ċirkustanzi, li fihom il-persuna intitolata tkun ressqet talba għal dan il-kumpens, jindikaw li l-kumpens mitlub ikun inġust u t-talba għal kumpens għall-irkupru tal-ispejjeż tkun kuntrarja għall-għanijiet tad-Direttiva?”
Fuq id-domanda preliminari
18 Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti ta’ Stat Membru tiċħad talba ta’ kreditur intiża għall-ħlas tal-ammont fiss minimu previst f’din id-dispożizzjoni, f’ċirkustanzi fejn, bl-aġir tiegħu, dan il-kreditur ikun kiser il-prinċipju ġenerali tad-dritt li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv.
19 Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma teskludix, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li Cydonia ma sabitx ruħha f’sitwazzjoni ta’ ħlas tard fir-rigward ta’ PFK, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, b’tali mod li din tal-aħħar ma għandhiex dritt teżiġi l-ħlas tal-ammont fiss ta’ EUR 40 previst fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.
20 Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li PFK ittollerat il-ħlas tard ta’ darba u ta’ sinjifikat baxx min-naħa ta’ Cydonia, minħabba li qieset li kien iktar vantaġġuż li tirrinunzja milli titlob interessi moratorji sabiex din tal-aħħar tinżamm bħala klijenta.
21 Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, permezz ta’ dan l-aġir, PFK impliċitament irrikonoxxietx li Cydonia ma kinitx “tardiva fil-ħlas”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/7, fil-mument meta din tal-aħħar ħallset il-fattura inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew jekk, permezz ta’ dan l-aġir, PFK irrinunzjatx għad-drittijiet li hija tislet mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva peress li tali rinunzja kienet kompatibbli mal-imsemmija direttiva, sakemm din ir-rinunzja tkun saret b’mod liberu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC, C‑555/14, EU:C:2017:121, punti 33 u 34).
22 Dan premess, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/7, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Din id-direttiva tipprojbixxi l-abbuż tal-libertà kuntrattwali għad-detriment tal-kreditur, mingħajr madankollu ma “taffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-mod kif il-kuntratti jiġu konklużi jew li jirregolaw il-validità ta’ kondizzjonijiet kuntrattwali li huma inġusti għad-debitur”.
23 Il-kunċett ta’ “ħlas tard” huwa ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala kull ħlas li ma jsirx fit-terminu ta’ ħlas kuntrattwali jew legali. Kif jirriżulta mill-premessa 18 tal-istess direttiva, il-fatturi, li jgħoddu bħala talbiet għal ħlas u huma dokumenti importanti fil-katina tat-tranżazzjonijiet kummerċjali, għandhom importanza partikolari għad-determinazzjoni tat-termini ta’ ħlas.
24 Peress li d-Direttiva 2011/7 tkopri, konformement mal-Artikolu 1(2) tagħha, il-“ ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali”, kif iddefiniti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tagħha, il-kunċett ta’ “ħlas tard” huwa applikabbli għal kull tranżazzjoni kummerċjali kkunsidrata individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-premessi 16 u 17 tagħha, li, fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi, kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu u li ma jkunx irċieva l-ammont dovut fil-ħin għandu d-dritt li jitlob interessi moratorji, mingħajr il-ħtieġa ta’ tfakkira, ħlief jekk id-debitur ma jkunx responsabbli għal dan id-dewmien. Dawn l-interessi, bħall-ammont fiss minimu, isiru eżiġibbli awtomatikament mal-iskadenza tat-terminu għall-ħlas previst fl-Artikolu 3(3) u (5) tal-imsemmija direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 3 jkunu ssodisfatti.
26 L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, li jirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 3 tagħha, jipprevedi li, meta interessi moratorji jkunu eżiġibbli fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-kreditur għandu d-dritt li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, il-ħlas ta’ ammont fiss ta’ EUR 40, bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru. Konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6, dan l-ammont fiss huwa eżiġibbli mingħajr ma tkun neċessarja tfakkira indirizzata lid-debitur, u huwa intiż li jikkumpensa lill-kreditur għall-ispejjeż ta’ rkupru li sostna. Skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, il-kreditur għandu d-dritt li jitlob mingħand id-debitur, minbarra l-imsemmi ammont fiss, kumpens raġonevoli għall-ispejjeż l-oħra kollha ta’ rkupru li jaqbżu lil dan tal-aħħar, bħall-ispejjeż sostnuti sabiex wieħed jirrikorri għal avukat jew għal kumpannija ta’ rkupru ta’ krediti.
27 Fl-ewwel lok, minn interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-ammont fiss minimu ta’ EUR 40 huwa dovut lill-kreditur li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu, għal kull ħlas li ma jkunx sar fil-ħin bħala remunerazzjoni għal tranżazzjoni kummerċjali, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, irrispettivament mill-ammont tal-kreditu kkonċernat mill-ħlas tard jew mit-tul ta’ dan id-dewmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 26).
28 Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-iskop tad-Direttiva 2011/7. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 12 u 19 tagħha, din id-direttiva hija intiża mhux biss sabiex tiskoraġġixxi l-ħlas tard, billi tevita li dan ikun finanzjarjament attraenti għad-debitur, minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ interessi ffatturati f’tali sitwazzjoni, iżda wkoll sabiex tipproteġi b’mod effettiv lill-kreditur kontra tali dewmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 27).
29 Minn din il-perspettiva, in-natura negliġibbli tal-ħlas tard ma tista’ tiġġustifika la l-eżenzjoni tad-debitur li ma jkunx ħallas id-dejn tiegħu fil-ħin mill-ħlas tal-ammont fiss minimu u lanqas it-tnaqqis ta’ dan l-ammont, li huwa dovut bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru għal kull ħlas tard li għalih id-debitur huwa l-uniku responsabbli. Din l-eżenzjoni jew dan it-tnaqqis iwasslu sabiex jintilef l-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/7 li l-għan tiegħu huwa mhux biss li jikkumpensa, permezz tal-imsemmi ammont, “għall-ispejjeż ta’ rkupru tal-kreditur stess”, iżda wkoll li jiskoraġġixxi dan il-ħlas tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, ALD Automotive, C‑78/22, EU:C:2023:379, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 28).
30 Barra minn hekk, l-eżenzjoni tad-debitur mill-ħlas tal-ammont fiss minimu ta’ EUR 40, prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tkun ekwivalenti għall-għoti lid-debitur ta’ deroga minn din id-dispożizzjoni li twassal sabiex teżentah mill-piż finanzjarju, li jirriżulta mill-obbligu tiegħu li jħallas tali ammont għal kull pagament mhux imħallas fil-ħin, mingħajr ma din id-deroga tkun iġġustifikata minn kwalunkwe “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, ALD Automotive, C‑78/22, EU:C:2023:379, punt 28, u tal‑11 ta’ Lulju 2024, Skarb Państwa (Dewmien ta’ ħlas mhux sinjifikattiv jew ta’ dejn żgħir), C‑279/23, EU:C:2024:605, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li, minbarra d-determinazzjoni tal-iskadenza tal-ħlas mill-partijiet fil-kawża prinċipali u tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mid-debitur, hija għandha teżamina t-talba għall-ħlas tal-ammont fiss ta’ EUR 40 imressqa minn PFK fid-dawl “ta’ abbuż ta’ dritt suġġettiv, inkluż tad-dritt tal-Unjoni”, peress li, fil-fehma tagħha, PFK tfittex li tisstrumentalizza d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/7 bl-għan biss li tikseb profitti addizzjonali mingħand Cydonia, id-debitriċi tagħha.
32 Mill-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi lill-individwi milli jinvokaw ir-regoli ta’ dan id-dritt b’mod frawdolenti jew abbużiv jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu tali rifjut, il-benefiċċju tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni meta dawn ir-regoli jiġu invokati minn persuna mhux sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn ir-regoli, iżda bl-għan li tibbenefika minn vantaġġ mogħti lil din il-persuna mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa sabiex jinkiseb il-vantaġġ imfittex, previsti mid-dritt tal-Unjoni, ikunu biss formalment issodisfatti (sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, C‑143/23, EU:C:2025:837, punti 78 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 Il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jinkiseb (sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ prattika abbużiva fil-kawżi pendenti quddiemha, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Mercedes-Benz Bank u Volkswagen Bank, C‑143/23, EU:C:2025:837, punt 82).
35 F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, minn naħa, ir-rikonoxximent, favur PFK, tad-dritt għall-ħlas tal-ammont fiss huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7, kif imfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, billi jiskoraġġixxi l-ħlas tard, billi jevita li dan id-dewmien ikun finanzjarjament attraenti għad-debitur minħabba l-livell baxx jew l-assenza ta’ fatturazzjoni ta’ interessi moratorji, u billi jiżgura lill-kreditur l-iktar kumpens komplet possibbli għall-ispejjeż ta’ rkupru li sostna. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżerċizzju tad-dritt previst f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi assimilat mal-ħolqien artifiċjali ta’ sitwazzjoni li fiha l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens ikunu biss formalment issodisfatti.
36 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ din id-direttiva, il-kreditur għandu d-dritt li jeżiġi l-ammont fiss previst skont l-Artikolu 6(1) tagħha, indipendentement minn kull talba intiża għall-ħlas tal-interessi moratorji.
37 Minbarra dan, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-osservanza ta’ terminu speċifiku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2011/7 ma tirregolax il-kundizzjonijiet li fihom il-krediti li jikkorrispondu b’mod partikolari għall-ammont fiss minimu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu estinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, E. (Tpaċija tal-pretensjonijiet), C‑481/24, EU:C:2025:996, punt 34).
38 Għalhekk, il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2026, Bukla, C‑26/25, EU:C:2026:593, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza, la n-natura allegatament negliġibbli tal-ħlas tard, la t-tressiq ta’ talbiet oħra intiżi għall-ħlas tal-ammont fiss previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 f’ċirkustanzi simili, la l-fatt li r-relazzjoni ta’ negozju bejn PFK u Cydonia ntemmet għal diversi snin, u lanqas ix-xiri ta’ PFK minn impriża finanzjarjament mhux affidabbli ma huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ prattika abbużiva fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, li tista’ tqajjem dubju dwar id-dritt tal-kreditur li jikseb, għal kull ħlas tard imputabbli lid-debitur, l-ammont fiss minimu previst f’din id-dispożizzjoni bħala kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.
40 Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti ta’ Stat Membru tiċħad talba ta’ kreditur intiża għall-ħlas tal-ammont fiss minimu previst f’din id-dispożizzjoni, f’ċirkustanzi fejn, bl-aġir tiegħu, dan il-kreditur ikun kiser il-prinċipju ġenerali tad-dritt li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv. Madankollu, il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jinkiseb.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali
għandu jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludix li qorti nazzjonali tiċħad talba ta’ kreditur intiża għall-ħlas tal-ammont fiss minimu previst f’din id-dispożizzjoni, f’ċirkustanzi fejn, bl-aġir tiegħu, dan il-kreditur ikun kiser il-prinċipju ġenerali tad-dritt li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv. Madankollu, il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jinkiseb.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.