Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
14 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni tal-VAT – Skema tal-marġni ta’ profitt – Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112/KE – Rifjut tal-awtoritajiet fiskali nazzjonali li jagħtu lil persuna taxxabbli d-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt – Bona fides – Proċedura speċjali nazzjonali – Prinċipju ta’ effettività”
Fil-Kawża T‑569/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura
X‑GmbH
vs
Finanzamt Y,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn N. Półtorak, Presidenta, G. Hesse, G. Steinfatt, D. Petrlík (Relatur) u I. Dimitrakopoulos, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: M. Brkan,
Reġistratur: T. Henze, Aġent Reġistratur,
wara li rat it-trasferiment mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Awwissu 2025 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat li l-qasam inkwistjoni jaqa’ taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li ma tqumx kwistjoni awtonoma ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b ta’ dan l-Istatut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u V. Piegsa, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u L. Hohenecker, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X-GmbH, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, u l-Finanzamt Y (l-Uffiċċju tat-Taxxa Y, il-Ġermanja) dwar jekk l-iskema tal-marġni ta’ profitt prevista fl-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-marġni ta’ profitt”) tapplikax għall-bejgħ mill-ġdid ta’ ċerti oġġetti suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (VAT).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 313(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:
“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skond id-disposizzjonijiet ta' din is-Sub-taqsima.”
4 L-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“L-iskema tal-marġni [ta’ profitt] għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu [fl-Unjoni] minn waħda mill-persuni li ġejjin:
(a) persuna mhux taxxabbli;
(b) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna l-oħra taxxabbli tkun eżentata skond l-Artikolu 136;
(c) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra hi koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikoli 282 sa 292 u tinvolvi assi kapitali;
(d) negozjant taxxabbli ieħor, sakemm il-VAT ġie applikat għall-provvista ta’ merkanzija minn dak in-negozjant taxxabbli l-ieħor skond din l-iskema ta’ marġni.”
5 L-Artikolu 315 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:
“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il–marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.
Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.”
Id-dritt Ġermaniż
6 L-Artikolu 25a tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ) tal‑21 ta’ Frar 2005 (BGBl. 2005 I, p. 386, iktar ’il quddiem l-“UStG”), intitolat “Skema tal-marġni ta’ profitt”, jipprevedi:
“(1) Il-kunsinni fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1(1) ta’ oġġetti mobbli materjali huma suġġetti għal taxxa skont id-dispożizzjonijiet segwenti (skema tal-marġni ta’ profitt) meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati li ġejjin:
1. Il-professjonist ikun bejjiegħ mill-ġdid. Jitqies bħala bejjiegħ mill-ġdid kull min jinnegozja professjonalment f’oġġetti mobbli materjali jew ibigħ f’ismu tali oġġetti waqt irkanti pubbliċi.
2. L-oġġetti jkunu ġew ikkunsinnati lill-bejjiegħ mill-ġdid fit-territorju Komunitarju. Għal din il-kunsinna
(a) it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma kinitx dovuta jew, skont l-Artikolu 19(1), ma tkunx inġabret,
jew
(b) tkun ġiet applikata l-iskema tal-marġni ta’ profitt.
[...]”
7 L-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa) (BGBl. 2002 I, p. 3866), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AO”), jinkludi l-Artikolu 163, intitolat “Iffissar derogatorju tat-taxxa għal raġunijiet ta’ ekwità”, li huwa fformulat kif ġej:
“It-taxxa tista’ tiġi ffissata f’ammont inqas u l-ammonti taxxabbli li jżiduh jistgħu jitħallew barra meta jkun jidher li l-impożizzjoni tat-taxxa ma tkunx ekwa fil-każ partikolari [...]. Miżura ta’ ekwità, imsemmija fil-paragrafu 1, tista’ tkun assoċjata mad-deċiżjoni tat-taxxa relatata magħha.”
8 Skont l-Artikolu 227 tal-AO:
“L-awtoritajiet fiskali jistgħu jagħtu tnaqqis totali jew parzjali tal-krediti li jirriżultaw minn dejn fiskali, jekk f’sitwazzjoni partikolari ma jkunx ekwu li dawn jinġabru; taħt l-istess kundizzjonijiet, l-ammonti li jkunu diġà tħallsu jistgħu jiġu rrimborsati jew jittieħdu inkunsiderazzjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 X, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa fis-settur tal-ġojjellerija u tal-arloġġi, b’mod partikolari permezz ta’ pjattaformi online. Fid-dikjarazzjonijiet fiskali tagħha għas-snin 2013 u 2014, hija applikat, għal ċerti prodotti, l-iskema tal-marġni ta’ profitt li ġiet implimentata mill-Artikolu 25a tal-UStG.
10 X kienet suġġetta għal verifika li fi tmiemha l-amministrazzjoni fiskali kkonkludiet li din il-kumpannija kienet ibbenefikat indebitament mill-iskema tal-marġni ta’ profitt fil-bejgħ mill-ġdid ta’ ċerti arloġġi. Din l-amministrazzjoni qieset li l-bejjiegħa li mingħandhom X kienet xtrat kienu applikaw b’mod żbaljat din l-iskema, billi l-prodotti inkwistjoni kienu ġodda u dan kien iżomm lil X milli tapplika din l-iskema hija wkoll. Permezz ta’ stimi rettifikati tat-taxxa tad‑19 ta’ Frar 2020, l-Uffiċċju tat-Taxxa Y ikkalkola mill-ġdid il-VAT għal uħud minn dawn it-tranżazzjonijiet billi applika s-sistema normali ta’ tassazzjoni fuq il-valur totali tal-korrispettivi. L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet, bħala infondati, l-ilmenti mressqa kontra dawn id-deċiżjonijiet.
11 Ir-rikors ippreżentat minn X quddiem il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi, il-Ġermanja) ġie miċħud minħabba li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt ma kinux issodisfatti. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, il-fornituri li mingħandhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet akkwistat l-arloġġi kkonċernati bil-ħsieb li tbigħhom mill-ġdid ma kinux awtorizzati japplikaw l-iskema tal-marġni ta’ profitt. L-imsemmija qorti żżid tgħid li dawn il-fornituri indikaw ħażin lil X, fil-fatturi tagħhom, li t-tassazzjoni kienet saret skont l-Artikolu 25a tal-UStG. Issa, fil-fehma tagħha, il-kwistjoni jekk X kellux dritt joqgħod fuq l-indikazzjonijiet ikkomunikati mill-imsemmija fornituri ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għall-iffissar tal-VAT permezz ta’ stima tat-taxxa fis-sens tal-Artikolu 155 tal-AO (iktar ’il quddiem il-“proċedura għall-iffissar tat-taxxa”), li hija l-unika proċedura inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) ippreċiżat li l-Artikolu 25a tal-UStG ma kienx jipprevedi l-protezzjoni tal-bona fides tal-persuna taxxabbli fl-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’dan is-sens, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tista’, għalhekk, tingħata biss bis-saħħa ta’ miżura meħuda taħt il-proċedura skont l-ekwità prevista fl-Artikoli 163 u 227 tal-AO (iktar ’il quddiem il-“proċedura skont l-ekwità”).
12 X ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, li fih sostniet, b’mod partikolari, li jkun imur kontra l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni li kellha tiġi rrinvijata għall-proċedura skont l-ekwità sabiex tiġi eżaminata l-aspettattiva tagħha li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt kienu ssodisfatti.
13 Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-dritt nazzjonali u ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tista’ tiġi eżaminata fil-kuntest tal-proċedura għall-iffissar tat-taxxa biss fil-każijiet previsti fil-liġi. Issa, skont l-indikazzjonijiet tagħha, billi l-UStG ma tipprevedix il-protezzjoni tal-bona fides tal-persuna taxxabbli, din tista’ tiġi żgurata biss fil-kuntest tal-proċedura skont l-ekwità, li hija distinta mill-proċedura għall-iffissar tat-taxxa.
14 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-proċedura għall-iffissar tat-taxxa u l-proċedura skont l-ekwità huma rregolati minn regoli differenti. Fil-kuntest tal-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, l-awtoritajiet fiskali jistabbilixxu ex officio l-fatti u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha importanti għall-każ inkwistjoni, inklużi dawk favorevoli għall-partijiet. Fil-proċedura skont l-ekwità, li ġeneralment tinbeda għal talba tal-persuna taxxabbli, l-amministrazzjoni fiskali teżamina r-raġunijiet ta’ ekwità miġjuba, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni u tadotta deċiżjoni amministrattiva partikolari.
15 Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għalkemm l-awtorità tat-taxxa għandha l-possibbiltà li tgħaqqad il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa mal-proċedura skont l-ekwità, il-prassi komuni hija li l-ewwel tingħata deċiżjoni biss dwar l-iffissar tat-taxxa u mbagħad, permezz ta’ deċiżjoni separata, dwar il-kwistjonijiet ta’ ekwità.
16 Issa, il-qorti tar-rinviju għandha dubji jekk tali prassi hijiex kompatibbli mal-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT, billi minnha jirriżulta li l-bona fides ta’ persuna taxxabbli dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt tiġi eżaminata biss fil-kuntest tal-proċedura skont l-ekwità.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 314 tad-Direttiva [dwar il-VAT] jipprekludi, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, prassi nazzjonali li permezz tagħha l-bona fide tal-bejjiegħ mill-ġdid fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ marġni ta’ profitt min-naħa tal-fornitur tiegħu, li fuq il-fatturi tiegħu kien indika li applika l-iskema ta’ marġni ta’ profitt għall-kunsinna lill-bejjiegħ mill-ġdid, tittieħed inkunsiderazzjoni biss barra mill-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, il-kuntest ta’ proċedura ta’ ekwità separata?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
18 Għalkemm ma jqajjimx formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern Ġermaniż iqis, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li ma jidhirx neċessarju li tingħata risposta għad-domanda preliminari, peress li l-iskema tal-marġni ta’ profitt ma tapplikax għall-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi, fil-fehma tiegħu, dawn jikkostitwixxu oġġetti ġodda u mhux oġġetti sekondaman. Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija, fil-fehma tiegħu, waħda ipotetika.
19 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata iktar ’il quddiem, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari għalbiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 Dan ifisser li d-domandi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-qrati tal-Unjoni jistgħu jirrifjutaw li jagħtu deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fejn ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, fejn il-problema tkun waħda ipotetika jew fejn il-qrati tal-Unjoni ma jkollhomx il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex jagħtu risposta utli għad-domandi li jkunu sarulhom (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 F’dan il-każ, ir-risposta li ser tagħti l-Qorti Ġenerali għad-domanda magħmula ser tippermetti lill-qorti tar-rinviju, adita b’rikors għal reviżjoni, tiddeċiedi jekk il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) kellhiex raġun tiċħad fl-ewwel istanza r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi, fil-fehma tagħha, l-Uffiċċju tat-Taxxa Y ma kienx obbligat jeżamina l-eżistenza tal-bona fides tagħha fil-kuntest tal-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, iżda seta’ jeżaminaha biss fil-kuntest ta’ proċedura skont l-ekwità.
22 Konsegwentement, ma huwiex ċar li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija waħda ipotetika.
23 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domanda magħmula.
24 Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
25 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix prassi nazzjonali li l-bona fides tal-bejjiegħ mill-ġdid, fejn tidħol l-osservanza, mill-fornitur tiegħu, tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt, ma tittiħidx inkunsiderazzjoni waqt il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, li matulha l-awtoritajiet fiskali jistabbilixxu ex officio l-fatti u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha importanti għall-każ inkwistjoni, inklużi dawk favorevoli għall-partijiet, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ proċedura separata li matulha l-awtorità tat-taxxa teżamina r-raġunijiet ta’ ekwità miġjuba mill-bejjiegħ mill-ġdid, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni u tadotta deċiżjoni amministrattiva separata.
26 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li s-sistema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt magħmul minn bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli fil-kunsinna ta’ oġġetti sekondaman, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti tal-kollezzjoni jew ta’ antikitajiet, tikkostitwixxi sistema speċjali ta’ VAT li tidderoga mis-sistema ġenerali tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 23).
27 Mill-Artikoli 314 u 315 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt tippermetti lil bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli japplika l-VAT biss fuq il-marġni ta’ profitt li jagħmel fil-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti sekondaman, ta’ xogħlijiet tal-arti, ta’ oġġetti tal-kollezzjoni jew ta’ antikitajiet akkwistati mingħand waħda mill-persuni li jaqgħu fl-iskop tal-Artikolu 314(a) sa (d) ta’ din id-direttiva, liema marġni ta’ profitt jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub għall-oġġett mill-bejjiegħ mill-ġdid u l-prezz tax-xiri (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 24).
28 Il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex persuna taxxabbli tkun tista’ tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt huma previsti fl-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT. Dan l-artikolu, minbarra li jispeċifika t-tipi ta’ oġġetti li bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli jista’ jikkunsinna taħt l-iskema tal-marġni ta’ profitt, jipprovdi, fil-punti (a) sa (d), lista ta’ persuni li mingħandhom dan il-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli għandu jakkwista dawn l-oġġetti sabiex ikun jista’ japplika din l-iskema speċjali. Ħaġa komuni ta’ dawn il-varji persuni hija li dawn ma jkunu setgħu b’ebda mod inaqqsu it-taxxa mħallsa upstream meta xtraw l-imsemmija oġġetti u kellhom, għalhekk, ibatu din it-taxxa fl-intier tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 27).
29 F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-fatturi li X irċeviet mingħand il-fornituri tagħha fihom riferimenti għall-Artikolu 25a tal-UStG, relatati mal-iskema tal-marġni ta’ profitt. Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-awtorità tat-taxxa qieset, wara verifika, li l-imsemmija fornituri ma kinux awtorizzati japplikaw tali skema għall-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan l-imsemmija amministrazzjoni ddeduċiet li X ma kellhiex dritt tapplika din l-iskema, billi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ma kinux issodisfatti.
30 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT ma jkunux issodisfatti, huma, bħala prinċipju, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw lill-persuna taxxabbli d-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt, anki meta l-fornitur tagħha jkun applika din l-iskema fil-kuntest ta’ tranżazzjoni magħmula magħha, u dan jekk kemm‑il darba jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ provi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv. Tali rifjut jirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali li ħadd ma jista’ jibbenefika b’mod abbużiv jew frawdolenti mid-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 32).
31 Skont ġurisprudenza stabbilita, dan huwa l-każ mhux biss meta jsir frodi fiskali mill-persuna taxxabbli nnifisha, iżda wkoll meta persuna taxxabbli kienet taf jew messha kienet taf li, permezz tat-tranżazzjoni kkonċernata, hija kienet kompliċi fi frodi tal-VAT li jkun ikkommetta l-fornitur tagħha jew operatur ieħor li jintervjeni upstream jew downstream fil-katina ta’ kunsinna (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Madankollu, l-awtorità tat-taxxa la tista’, bħala regola, titlob li l-persuna taxxabbli, li tkun tixtieq teżerċita d-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt, minn naħa, tivverifika, b’mod partikolari, li min ikun ħareġ il-fattura relatata mal-oġġetti li għalihom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun issodisfa l-obbligi tiegħu li jiddikjara u jħallas il-VAT jew ikun issodisfa kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni tal-imsemmija skema, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda irregolarità jew frodi fil-livell tal-operaturi tal-input, u lanqas, min-naħa l-oħra, ikollha dokumenti f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 40).
33 Għaldaqstant, l-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT iżomm lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw lil persuna taxxabbli, li tkun irċeviet fattura li jkun fiha riferimenti kemm għall-iskema tal-marġni ta’ profitt kif ukoll għall-eżenzjoni mill-VAT, id-dritt li tiġi applikata din l-iskema, anki jekk jirriżulta minn verifika sussegwenti magħmula mill-imsemmija awtoritajiet li l-bejjiegħ mill-ġdid taxxabbli li jkun forna l-oġġetti kien applika b’mod żbaljat l-imsemmija skeda għall-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti, u dan sakemm ma jiġix stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti li l-persuna taxxabbli ma tkunx aġixxiet bona fide jew li ma tkunx ħadet il-miżuri kollha raġonevoli li hija setgħet tieħu sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li hija tkun għamlet ma kinitx tagħmilha kompliċi fi frodi fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Litdana, C‑624/15, EU:C:2017:389, punt 48 u d-dispożittiv).
34 Dan ifisser li, għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-iskema tal-marġni ta’ profitt u sabiex tiġi evitata l-frodi, hija ma fiha ebda dispożizzjoni li tippreċiża b’mod konkret il-kontenut tal-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 25).
35 Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jindika l-awtoritajiet kompetenti għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u li għandu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-proċeduri maħsuba sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, u dan sakemm dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u sakemm ma jkunux jagħmlu impossibbli jew diffiċli żżejjed, fil-prattika, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 26).
36 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. Madankollu, il-qrati tal-Unjoni, meta jiddeċiedu dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jistgħu jipprovdulha kull indikazzjoni utli f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 27).
37 Sa fejn għandu x’jaqsam il-prinċipju ta’ effettività, li huwa s-suġġett uniku tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li kull każ li fih tqum il-kwistjoni jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din l-ottika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2025, Gryczara, C‑746/24, EU:C:2025:925, punt 47).
38 F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tirrileva li meta l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun obbligata tinvoka l-bona fides tagħha sa fejn għandha x’taqsam l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt barra mill-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, jiġifieri fil-kuntest tal-proċedura distinta skont l-ekwità, tali approċċ jikkawżalha inkonvenjenzi proċedurali, fejn jidħlu, b’mod partikolari, l-ispejjeż u t-tul ta’ dawn il-proċeduri, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 136(2) tal-AO jippermetti lill-awtorità fiskali tgħaqqad il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa mal-proċedura skont l-ekwità, mingħajr, madankollu, ma din l-awtorità hija obbligata tagħmel dan. B’hekk, huwa abbażi ta’ sempliċi prassi, u mhux tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-awtorità inkwistjoni ta’ spiss tiddeċiedi l-ewwel fuq l-iffissar tat-taxxa biss, imbagħad, permezz ta’ deċiżjoni separata, fuq kwistjonijiet ta’ ekwità.
40 Fl-ewwel lok, fejn jidħlu l-ispejjeż tal-proċeduri inkwistjoni, persuna taxxabbli li tirrikorri għall-assistenza ta’ konsulent fiskali jew ta’ avukat tista’, qabelxejn, tbati d-doppju tal-ispejjeż marbuta ma’ din l-assistenza fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji li permezz tagħhom hija tikkontesta d-deċiżjoni tal-iffissar tat-taxxa u dik dwar il-miżura ta’ ekwità. Dawn l-ispejjeż huma marbuta, minn naħa, ma’ żewġ proċeduri amministrattivi ta’ oppożizzjoni kontra l-imsemmija deċiżjonijiet, u, min-naħa l-oħra, ma’ żewġ rikorsi ġudizzjarji ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet mogħtija dwar dawn l-oppożizzjonijiet, kif ukoll, jekk ikun il-każ, mar-rikorsi għal reviżjoni. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-persuna taxxabbli kkonċernata tista’ tiġi rrimborsata tali spejjeż sostnuti matul l-imsemmija proċeduri ta’ oppożizzjoni biss jekk dawn tal-aħħar jiġu segwiti minn proċeduri ġudizzjarji li fi tmiemhom din il-persuna taxxabbli toħroġ rebbieħa u jekk il-qorti b’ġuriżdizzjoni tikkonstata li l-intervent tal-konsulent fiskali jew tal-avukat kien wieħed neċessarju.
41 It-tieni, jekk il-persuna taxxabbli kkonċernata toħroġ telliefa fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-iffissar tat-taxxa jew inkella f’dak ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi t-talba għal miżura ta’ ekwità, hija għandha, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, tbati spejjeż legali li l-ammont tagħhom jiġi ddeterminat skont il-valur tal-kawża, liema valur jikkorrispondi għall-interessi finanzjarji tar-rikors. B’hekk, il-prassi nazzjonali inkwistjoni twassal sabiex il-valur tal-kawża jiġi ddeterminat darbtejn u, konsegwentement, li l-ammont tat-taxxa kkontestata jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż legali li l-imsemmija persuna taxxabbli aktarx ikollha ssostni.
42 Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, meta l-persuna taxxabbli kkonċernata tippreżenta rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-iffissar tat-taxxa jew dik li tiddeċiedi t-talba għal miżura ta’ ekwità, jew meta hija tippreżenta rikors kontra r-rifjut din ir-reviżjoni, hija għandha tbati spejjeż legali addizzjonali jekk kemm‑il dabra toħroġ telliefa f’xi waħda minn dawn il-proċeduri.
43 Issa, minħabba l-awtonomija tal-proċedura għall-iffissar tat-taxxa mill-proċedura skont l-ekwità, il-qrati huma obbligati, bħala prinċipju, jiċħdu r-rikorsi ppreżentati mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-ewwel proċedura, minkejja li din tal-aħħar setgħet tibbenefika mid-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt li kieku kienet ġiet eżaminata u stabbilita l-eżistenza tal-bonas fides tagħha. Tali persuna taxxabbli tista’, għalhekk, issostni definittivament l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, liema spejjeż jistgħu, xi minn daqqiet, jkunu, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, kunsiderevoli.
44 F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-regoli proċedurali jistgħux isarrfu fi spejjeż sproporzjonati għall-persuna taxxabbli u jkollhom l-effett li jiskoraġġixxuha milli tieħu azzjoni ġudizzjarja, u dan meta wieħed iqis l-ispejjeż li tinvolvi azzjoni ġudizzjarja meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Caixabank, C‑385/20, EU:C:2022:278, punt 55).
45 Fit-tieni lok, sa fejn għandu x’jaqsam it-tul tal-proċeduri kkonċernati, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha l-effett li testendi – anki b’diversi snin – it-tul totali tal-proċedura għall-iffissar tat-taxxa u tal-proċedura skont l-ekwità, u b’hekk twassal għal dewmien kunsiderevoli fl-għoti tal-protezzjoni ġudizzjarja relatata mal-eżerċizzju tad-dritt li tiġi applikata l-iskema tal-marġni ta’ profitt li l-persuna taxxabbli tgawdi taħt id-Direttiva dwar il-VAT. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-awtorità tat-taxxa tista’ tistenna li l-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni tal-iffissar tat-taxxa, jekk ikun il-każ wara rikors għal reviżjoni, qabel ma teżamina l-bona fides tal-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-proċedura skont l-ekwità. B’hekk, sakemm il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa tkun għadha pendenti, kemm fil-fażi amministrattiva kif ukoll fil-fażi ġudizzjarja tagħha, il-persuna taxxabbli tista’ tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tiġi eżaminata l-bona fides tagħha u li tibbenefika, f’terminu raġonevoli, mid-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt.
46 Fit-tielet lok, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-regoli tal-amministrazzjoni tal-provi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-persuna taxxabbli kkonċernata għandha d-dritt li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali ma jistabbilixxux li hija ma tkunx aġixxiet bona fide jew ma tkunx ħadet il-miżuri raġonevoli kollha li setgħet tieħu sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjoni li hija għamlet ma tagħmilhiex kompliċi fi frodi fiskali.
47 Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bħala regola, tiġi eżaminata biss, matul il-proċedura skont l-ekwità, l-informazzjoni ppreżentata mill-persuna taxxabbli insostenn tat-talba tagħha. Għaldaqstant, il-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippreġudika d-dritt tal-persuna taxxabbli li tapplika l-iskema tal-marġni ta’ profitt.
48 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara tal-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, prassi nazzjonali, ikkaratterizzata minn aspetti bħal dawk imsemmija fil-punti 37 sa 47 iktar ’il fuq, hija tali li tagħmel diffiċli żżejjed, għall-persuna taxxabbli kkonċernata, l-eżerċizzju tad-dritt li tiġi applikata l-iskema tal-marġni ta’ profitt.
49 Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argument tal-Gvern Ġermaniż li mis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2000, Schmeink & Cofreth u Strobel (C‑454/98, EU:C:2000:469), jirriżulta li l-eżami tal-bona fides tal-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-proċedura skont l-ekwità huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-proċedura li matulha tista’ tiġi aġġustata l-VAT iffatturata indebitament, kemm‑il darba dan l-aġġustament ma jkunx jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali ta' evalwazzjoni tal-awtorità tat-taxxa. F’dan il-kuntest, hija sempliċement iddeċidiet li l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu jekk tali aġġustament ikunx kienx sar matul il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa jew matul proċedura sussegwenti. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-portata tal-inkonvenjenzi proċedurali li jistgħu jirriżultaw mill-karatteristiċi speċifiċi għal tali proċedura sussegwenti. B’hekk, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalitx li l-aġġustament tal-VAT seta’ jseħħ matul proċedura sussegwenti għall-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, bħall-proċedura skont l-ekwità, li għandha karatteristiċi bħal dawk eżaminati fil-punti 37 sa 47 iktar ’il fuq.
50 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 314 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li l-bona fides tal-bejjiegħ mill-ġdid, fejn tidħol l-osservanza, mill-fornitur tiegħu, tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt, ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, li matulha l-awtoritajiet fiskali jistabbilixxu ex officio l-fatti u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha importanti għall-każ inkwistjoni, inklużi dawk favorevoli għall-partijiet, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ proċedura separata li matulha l-awtorità tat-taxxa teżamina r-raġunijiet ta’ ekwità miġjuba mill-bejjiegħ mill-ġdid, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni u tadotta deċiżjoni amministrattiva separata.
Fuq l-ispejjeż
51 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 314 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat‑13 ta’ Lulju 2010, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jipprekludi prassi nazzjonali li l-bona fides tal-bejjiegħ mill-ġdid, fejn tidħol l-osservanza, mill-fornitur tiegħu, tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-iskema tal-marġni ta’ profitt, ma titteħidx inkunsiderazzjoni waqt il-proċedura għall-iffissar tat-taxxa, li matulha l-awtoritajiet fiskali jistabbilixxu ex officio l-fatti u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha importanti għall-każ inkwistjoni, inklużi dawk favorevoli għall-partijiet, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ proċedura separata li matulha l-awtorità tat-taxxa teżamina r-raġunijiet ta’ ekwità miġjuba mill-bejjiegħ mill-ġdid, teżerċita s-setgħa tagħha ta’ evalwazzjoni u tadotta deċiżjoni amministrattiva separata.
|
Półtorak |
Hesse |
Steinfatt |
|
Petrlík |
Dimitrakopoulos |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Ottubru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.