41998D0057



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0299 - 0307


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv

tas-16 ta' Diċembru 1998

dwar l-introduzzjoni ta' forma armonizzata li tipprovdi prova ta' stedina, ta' garanzija u ta' akkomodazzjoni

(SCH/Kumm-ex (98) 57)

IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija,

Billi huwa fl-interess ta' l-Istati Schengen kollha li japplikaw regoli uniformi għall-ħruġ ta' viżas fil-kuntest tal-politika komuni tagħhom dwar il-moviment ta' persuni, bil-għan li tiġi evitata l-possibiltà ta' konsegwenzi negattivi fir-rigward ta' dħul fit-territorju Schengen u sigurtà interna,

Ħerqana li jibnu fuq esperjenzi pożittivi li kien hemm s'issa ta' l-Istruzzjoni Komuni Konsulari u sabiex jarmonizzaw aktar il-proċedura għall-ħruġ ta' viża,

Immexxija mill-prinċipju ta' solidarjeta' bejn is-Sħab Schengen,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Il-Punt 1.4, Kapitolu V ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari dwar Viżas (Verifikazzjoni ta' dokumenti oħrajn li jiddependu fuq l-applikazzjoni) jistipula l-użu ta' formula armonizzata li tipprovdi prova ta' akkomodazzjoni.

Il-formula mehmuża tippermetti grad għoli ta' flessibiltà u l-użu ta' din il-formula huwa adattat għas-sitwazzjoni legali ta' kull Parti Kuntraenti, minħabba li l-Istati Schengen preżentament jużaw formuli differenti ħafna, għal tipi differenti ta' obbligazzjoni.

Dawn id-differenzi għandhom l-effett partikolari li jżidu r-riskju ta' użu ħażin u għal dik ir-raġuni, l-Istati Schengen qegħdin jintroduċu dokument li jinkorpora karatteristiċi immirati biex jipprevjenu l-iffalsifikar.

Konsegwentement, id-dokument standard huwa uniformi fir-rigward ta':

- il-preżentazzjoni u l-istruttura tiegħu;

- karatteristiċi ta' sigurtà.

Id-dokument standard għandu jiġi introdott fl-1999 fl-Istati li jimplimentaw il-Konvenzjoni Schengen fejn il-liġi nazzjonali tesiġi din it-tip ta' prova.

1. Is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda mal-punt 1.4, Kapitolu V ta' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari: "Fejn l-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Schengen jirrikjedu prova ta' stedina minn individwi privati jew għal vjaġġi ta' kummerċ, dikjarazzjonijiet ta' garanziji jew prova ta' akkomodazzjoni, għandu jintuża dokument armonizzat [1]."

2. Il-Partijiet Kuntraenti Schengen għandhom jiffinalizzaw id-dokument armonizzat skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom.

3. Il-formola armonizzata li għandha tintuża mill-Partijiet Kuntraenti Schengen għal dikjarazzjonijiet ta' garanziji, stediniet jew prova ta' akkomodazzjoni għandha tiġi abbozzata minn livell ċentrali, b' konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness A (deskrizzjoni teknika ta' karatteristiċi ta' sigurtà) u fl-Annessi A1 u A2 (kampjuni). Il-partijiet standard u obligatorji tad-dokument armonizzat qeghdin stipulati fl-Anness B.

4. Kampjuni tad-dokumenti maħruġa mill-Partijiet Kuntraenti għandhom jiżdiedu ma' l-Istruzzjonijiet Komuni Konsulari fil-formola ta' l-Anness 15.

5. Franza għandha tipprovdi l-films meħtieġa għall-produzzjoni tal-formoli lill-Istati Schengen l-oħra. Il-Partijiet Kuntraenti għandhom jaqsmu l-ispejjeż.

6. Il-karatteristiċi ta' sigurtà ta' fuq id-dokument għandhom jiġu eżaminati b'reqqa f'intervalli regolari (kull sentejn, jekk possibbli), minkejja kull emendi ġenerali li jistgħu jkunu meħtieġa jekk il-formola tiġi falsifikata minn falsifikaturi jew jekk il-miżuri protettivi li għandhom x'jaqsmu mal-karatteristiċi jkunu ġew żvelati.

7. Id-dokument għandu jsir mill-anqas fi tliet lingwi.

8. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ meta l-Istati Schengen ikunu bagħtu notifika li huma jkunu implimentaw il-miżuri meħtieġa.

Berlin, fis-16 ta' Diċembru 1998.

Il-President

C. H. Schapper

[1] Il-Belġju, id- Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Islanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, in-Norveġja, l-Awstrija, il-Portugall u l-Isvezja qed japplikaw dawn il-prinċipji.

--------------------------------------------------

KONFIDENZALI

Anness A

Deskrizzjoni teknika tal-formola

--------------------------------------------------

Anness A1

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Anness A2

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Anness B

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------