SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
27 ta’ Novembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) – Artikolu 7(1) – Kuntratt li jikkonċerna kont bankarju – Proċedura għal ordni ta’ ħlas – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Proposta mill-qorti għat-tnaqqis tal-kreditu bl-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ klawżola meqjusa inġusta – Aċċettazzjoni mill-professjonist u l-possibbiltà li jintalab dan l-ammont f’proċedura sussegwenti – Prinċipju ta’ effettività – Parteċipazzjoni tal-konsumatur fl-istħarriġ tan-natura potenzjalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali”
Fil-Kawża C‑509/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Arucas (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Arucas, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Lulju 2024, fil-proċedura
Investcapital Ltd.
vs
M.H.S.,
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn M. Condinanzi (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Torró Molés, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn M. Cherubini, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u P. Kienapfel, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Investcapital Ltd, iċ-ċessjonarja ta’ kreditu relatat ma’ kuntratt ta’ kont bankarju kurrenti miftuħ f’isem M.H.S, konsumatur, intiża sabiex jinkiseb il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas ta’ dejn pekunjarju li jirriżulta minn dan il-kuntratt. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 24 tad-Direttiva 93/13 tiddikjara: “Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.” |
|
4 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.” |
Id-dritt Spanjol
Il-LEC
|
6 |
L-Artikolu 815(3) tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LEC”), jipprovdi: “Jekk mid-dokumenti annessi mat-talba jirriżulta li l-ammont mitlub ma huwiex eżatt, ir-Reġistratur għandu jinforma lill-qorti dwar dan, li tista’, jekk ikun il-każ, tistieden lill-applikant, permezz ta’ digriet, jaċċetta jew jirrifjuta proposta ta’ ordni ta’ ħlas ta’ ammont inqas minn dak inizjalment mitlub, u li jiġi stabbilit minnha. Bl-istess mod, jekk il-kreditu jitqies li huwa bbażat fuq kuntratt bejn kumpannija jew professjonist u konsumatur jew utent, ir-Reġistratur għandu, qabel ma joħroġ ordni ta’ ħlas, jinforma b’dan lill-qorti li, jekk tqis li waħda mill-klawżoli li fuqhom hija bbażata t-talba jew li tiddetermina l-ammont eżiġibbli tista’ tiġi kklassifikata bħala klawżola inġusta, tista’, permezz ta’ digriet, tagħmel proposta ta’ ordni għal ħlas għall-ammont li jirriżulta mill-fatt li jiġi eskluż mis-somma mitluba l-ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-klawżola. Fiż-żewġ każijiet, l-applikant għandu jaċċetta jew jiċħad il-proposta li ssirlu fi żmien għaxart ijiem, peress li din titqies aċċettata jekk jitħalla jgħaddi t-terminu mingħajr ma jagħti tweġiba. Peress li l-aċċettazzjoni tal-applikant fl-ebda każ ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala rinunzja parzjali għad-drittijiet tiegħu, il-parti li ma tkunx issodisfata tista’ tiġi invokata biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ konstatazzjoni korrispondenti. Jekk il-proposta tiġi aċċettata, il-konvenut għandu jħallas dak l-ammont. Fil-każ bil-kontra, l-applikant jitqies li rrinunzja u jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ konstatazzjoni korrispondenti. Il-parti fil-proċedura tista’ tappella direttament mid-digriet mogħti f’dan l-aħħar każ.” |
|
7 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 818(1) tal-LEC: “Jekk id-debitur iressaq oppożizzjoni fi żmien xieraq, il-kawża għandha tiġi deċiża definittivament fi tmiem il-proċedura xierqa u d-deċiżjoni mogħtija ssir res judicata.” |
Il-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti
|
8 |
L-Artikolu 83 tar-Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti, approvat mir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 dwar ir-Riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Komplementari Oħra), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi: “Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso iure u jitqiesu li ma nkitbux. Għal dan l-għan, wara li tkun semgħet lill-partijiet, il-qorti għandha tikkonstata n-nullità tal-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ madankollu vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti. Il-kundizzjonijiet inklużi fil-kuntratti b’mod mhux trasparenti bi ħsara għall-konsumaturi huma nulli ipso iure.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
9 |
Fis‑16 ta’ April 2024, Investcapital ressqet quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Arucas (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Arucas, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għal ordni ta’ ħlas kontra M.H.S, li permezz tagħha hija talbet il-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 234.01, li tinkludi EUR 229.17 bħala ammont prinċipali, EUR 38.73 bħala interessi ordinarji, EUR 39.68 bħala interessi moratorji u EUR 921.15 bħala spejjeż jew kummissjonijiet, li tikkorrispondi għal kreditu ttrasferit mill-bank B.S.A. Dan il-kreditu huwa relatat ma’ kuntratt li M.H.S. ikkonkluda fis‑16 ta’ Marzu 2018 mal-bank B.S.A. li għandu l-ftuħ ta’ kont bankarju bħala għan. |
|
10 |
Meta dan ikun kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, il-qorti tar-rinviju tkun ġiet informata b’dan mir-Reġistratur, konformement mal-Artikolu 815(3) tal-LEC, sabiex hija teżamina n-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli li fuqhom tkun ibbażata t-talba għal ordni ta’ ħlas. |
|
11 |
Fil-kuntest tal-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ dawn il-klawżoli, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 815(3) tal-LEC mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
12 |
Dik il-qorti tirrileva li, fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, skont l-Artikolu 815(3) tal-LEC, il-qorti adita bit-talba għal ordni ta’ ħlas għandha tillimita ruħha li tipproponi tnaqqis tal-ammont tal-kreditu, billi teskludi dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tali klawżola. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-aċċettazzjoni mill-applikant tal-ordni ta’ ħlas ta’ din il-proposta ma timplikax rinunzja għall-ammont miċħud minn dik il-qorti, peress li dan l-applikant jista’ dejjem jitlob il-ħlas tagħha fil-kuntest ta’ proċedura għal konstatazzjoni. |
|
13 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 815 tal-LEC ma jippermettix li tingħata deċiżjoni dwar in-nullità tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li, skont l-Artikolu 83 tal-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti, tali klawżoli huma nulli ipso iure u jitqiesu li ma nkitbux. Hija tqis li l-konsumatur jibqa’ għalhekk marbut bi klawżoli kuntrattwali li, fi tmiem l-eżami mwettaq mill-qorti adita bit-talba għal ordni ta’ ħlas, ġew madankollu kklassifikati bħala inġusti. |
|
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Arucas (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Arucas) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
Fuq l-ammissibbiltà
|
15 |
Il-Gvern Spanjol jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domanda minħabba n-natura ipotetika tagħhom, sa fejn dawn jikkonċernaw proċedura differenti minn dik tal-ordni ta’ ħlas, jiġifieri proċedura possibbli ta’ konstatazzjoni li tippermetti, skont id-dritt nazzjonali, l-eżami ta’ talbiet differenti minn dawk imressqa fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas. |
|
16 |
Għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li domanda preliminari li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domanda huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa), C‑208/21, EU:C:2023:64, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
17 |
Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
18 |
Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddeskrivi b’mod suffiċjentement preċiż il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-proċedura fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna talba għal ordni ta’ ħlas relatata ma’ kreditu pekunjarju li jirriżulta minn kuntratt ta’ ftuħ ta’ kont bankarju kurrenti. L-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li jiġu ddeterminati kemm il-portata tad-domandi magħmula kif ukoll ir-rabta tagħhom mas-suġġett ta’ din il-proċedura. B’mod partikolari, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas tista’ tagħmel proposta ta’ ordni għal ħlas li tirrigwarda ammont imnaqqas b’dak li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li hija qieset inġusta, mingħajr ma tkun tista’ tannullaha, peress li l-parti tal-kreditu miċħud tista’ sussegwentement tintalab mill-kreditur fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għal konstatazzjoni. |
|
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 93/13 fl-ewwel u fit-tieni domanda ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika. |
|
20 |
Konsegwentement, dawn id-domandi għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
21 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, li l-qorti adita minn professjonist b’talba għal ordni ta’ ħlas kontra konsumatur tista’ tagħmel proposta fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-kreditu, li teskludi l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li hija qieset li hija inġusta, mingħajr ma tista’ tikkonstata f’dan ir-rigward in-nullità tagħha u, min-naħa l-oħra, li dan il-professjonist, wara l-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta, għandu l-possibbiltà li jibda proċedura ġudizzjarja oħra sabiex jirkupra, mingħand dan il-konsumatur, l-ammont tal-kreditu miċħud minn din il-qorti. |
|
22 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-professjonist kemm fir-rigward tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klawżoli kuntrattwali inġusti ma jorbtux lill-konsumatur, mingħajr ma dan ikollu bżonn jippreżenta rikors u jikseb sentenza li tikkonferma n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 37). |
|
24 |
Din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li għandhom, fi ħdan l-ordinament ġuridiku intern, in-natura ta’ regoli ta’ politika pubblika. Barra minn hekk, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel il-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 54 u 55). |
|
25 |
Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li hija l-qorti nazzjonali, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tagħha, li għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u li għandha teskludi l-applikazzjoni tagħha sabiex din ma tipproduċix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur ikkonċernat, sakemm dan il-konsumatur ma joġġezzjonax għal dan (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta), C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jeżiġix li l-qorti nazzjonali teskludi, minbarra l-applikazzjoni tal-klawżola tal-kuntratt iddikjarata inġusta, l-applikazzjoni tal-klawżoli li ma ġewx ikklassifikati bħala tali. Fil-fatt, l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, u b’mod partikolari t-tieni parti tas-sentenza tagħha, ma huwiex li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti, iżda li jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet billi tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt ikkonċernat. Dan il-kuntratt għandu, bħala prinċipju, jibqa’ jeżisti mingħajr ebda modifika oħra ħlief dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti. Għalhekk, l-imsemmi kuntratt jista’ jinżamm sakemm, konformement mar-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-istess kuntratt mingħajr il-klawżoli inġusti tkun legalment possibbli (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta), C‑170/21, EU:C:2022:518, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn professjonist (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 68, u tas‑17 ta’ Mejju 2022, Ibercaja Banco, C‑600/19, EU:C:2022:394, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, diversi drabi, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, u kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u dawn jaqgħu, għaldaqstant, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Investcapital, C‑724/22, EU:C:2024:182, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrelevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-ebda element ta’ natura li jqajjem dubju fir-rigward tal-konformità miegħu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
30 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li kull sitwazzjoni fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, kif tiġi żviluppata u l-karatteristiċi partikolari tagħha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandhom jibbenefikaw il-konsumaturi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2022, Impuls Leasing România, C‑725/19, EU:C:2022:396, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva u stabbilita wkoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li japplika, fost oħrajn, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2025, GR REAL, C‑351/23, EU:C:2025:474, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tipprevedi, fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ tali ordni, stħarriġ ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt ikkonċernat (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, EOS KSI Slovensko, C‑448/17, EU:C:2018:745 punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt proċedurali Spanjol, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tikkostitwixxi proċedura mhux kontradittorja, limitata għall-irkupru ta’ krediti pekunjarji u intiża sabiex tiżgura rkupru rapidu u effikaċi tal-krediti dovuti, likwidi u eżiġibbli. |
|
34 |
Għalhekk, talba għal ordni ta’ ħlas li tirrigwarda kreditu bbażat fuq kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, għandha, konformement mal-Artikolu 815(3) tal-LEC, tiġi kkomunikata mir-Reġistratur lill-qorti għall-finijiet tal-istħarriġ ex officio tan-natura possibbilment inġusta ta’ kull klawżola kuntrattwali li fuqha hija bbażata t-talba jew li tiddetermina l-ammont dovut. Jekk il-qorti tqis li waħda mill-klawżoli kkonċernati tista’ tiġi kklassifikata bħala inġusta, hija tista’, permezz ta’ digriet, tagħmel proposta dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-kreditu, li teskludi l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli. |
|
35 |
Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżoli kuntrattwali inġusti, li fuqhom hija bbażata t-talba għal ordni ta’ ħlas jew li jiddeterminaw l-ammont dovut tal-kreditu invokat, ma jipproduċu ebda effett fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas, peress li dawn ser jiġu miċħuda mill-qorti anki qabel ma l-konsumatur ikun, jekk ikun il-każ, obbligat li jħallas id-dejn tiegħu. Huwa l-professjonist li għandu possibbilment jirrikorri għal proċedura ta’ konstatazzjoni ulterjuri sabiex jikseb l-irkupru sħiħ tal-kreditu tiegħu. |
|
36 |
Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, kif enfasizza l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, il-qorti adita tista’ tistħarreġ ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tiddikjara nulli l-klawżoli kuntrattwali inġusti. |
|
37 |
Barra minn hekk, għal kull fini utli, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni Ewropea indikat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, skont l-Artikolu 818 tal-LEC, meta konsumatur iressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas fi żmien xieraq, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas tingħalaq mir-Reġistratur u tiġi ssostitwita bi proċedura li fil-kuntest tagħha kemm il-konsumatur kif ukoll il-professjonist igawdu mid-dritt tagħhom li jinstemgħu u l-qorti adita tista’, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, twettaq stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jista’ jwassal mhux biss għall-esklużjoni tal-ammont ibbażat fuq klawżola meqjusa inġusta, iżda wkoll għall-konstatazzjoni tan-nullità tagħha. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-kontenut preċiż tal-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali. |
|
38 |
Għalhekk jidher, minn naħa, li l-Artikolu 815(3) tal-LEC jipprevedi stħarriġ ex officio mill-qorti tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li l-effetti tagħhom huma limitati għall-għan preċiż tat-talba għal ordni ta’ ħlas, b’mod konformi man-natura u mal-iskop ta’ din il-proċedura, peress li jwassal għal tnaqqis possibbli tal-ammont tal-kreditu mitlub, mingħajr dikjarazzjoni ta’ nullità tal-klawżoli meqjusa inġusta. Min-naħa l-oħra, il-proċedura mibdija wara l-oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas imressqa mill-konsumatur skont l-Artikolu 818 tal-LEC, kif ukoll il-proċedura ta’ konstatazzjoni possibbilment mibdija mill-professjonist li jkun l-applikant bis-saħħa tal-Artikolu 815(3) tal-LEC, jistgħu jwasslu għal stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni, fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju bejn il-partijiet u, jekk ikun il-każ, għal dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ din il-klawżola, jew ta’ dan il-kuntratt, mill-qorti adita. |
|
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, li l-qorti adita minn professjonist b’talba għal ordni ta’ ħlas kontra konsumatur tista’ tagħmel proposta ta’ tnaqqis tal-ammont tal-kreditu, li teskludi l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li hija qieset li hija inġusta, mingħajr ma tista’ tikkonstata f’dan ir-rigward in-nullità tagħha, u, min-naħa l-oħra, li dan il-professjonist, wara l-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta, għandu l-possibbiltà li jibda proċedura ġudizzjarja oħra sabiex jirkupra, mingħand dan il-konsumatur, l-ammont tal-kreditu miċħud minn din il-qorti, sakemm l-imsemmi konsumatur ikun jista’ jikseb, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji oħra, il-konstatazzjoni tan-nullità tal-klawżola kuntrattwali meqjusa inġusta. |
Fuq it-tielet domanda
|
40 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-parteċipazzjoni tal-konsumatur fl-istħarriġ, mill-qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas imressqa minn professjonist kontra dan il-konsumatur, tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqha hija bbażata din it-talba jew li jiddeterminaw l-ammont tal-kreditu invokat. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jagħtix biss lil kull parti f’kawża d-dritt li tkun taf bid-dokumenti u bl-osservazzjonijiet sottomessi quddiem il-qorti mill-avversarju tagħha, u li tiddiskutihom, iżda jimplika wkoll id-dritt tal-partijiet li jkunu jafu bil-motivi ta’ dritt imqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom din ikollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa fil-fatt meħtieġ li l-partijiet ikunu jafu u jkunu jistgħu jiddiskutu b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt u kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali, wara li tkun stabbilixxiet, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha wara l-miżuri istruttorji li hija tkun ħadet ex officio għal dan l-għan, li klawżola taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, tikkonstata, fi tmiem ta’ evalwazzjoni li hija tkun wettqet ex officio, li din il-klawżola għandha natura inġusta, dik il-qorti hija, bħala regola ġenerali, obbligata tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u tistedinhom sabiex jiddiskutuha b’mod kontradittorju skont il-formalitajiet previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 31 u 36). |
|
43 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali, adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u meta l-konsumatur li jkun id-debitur ma jipparteċipax fil-proċedura sal-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ ħlas, hija obbligata teskludi ex officio l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta tal-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż bejn dan il-konsumatur u l-professjonist ikkonċernat, li fuqha tkun ibbażata parti mill-kreditu invokat. F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tiċħad parzjalment din it-talba, bil-kundizzjoni li dan il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ jeżisti mingħajr ebda modifika oħra u mingħajr reviżjoni jew żieda, li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-imsemmija qorti(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Profi Credit Bulgaria (Tpaċija ex officio f’każ ta’ klawżola inġusta), C‑170/21, EU:C:2022:518, punt 38). |
|
44 |
F’dan il-każ, fid-dawl tar-regoli proċedurali nazzjonali li jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas deskritta fil-punti 34 sa 38 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Artikolu 815(3) tal-LEC ma jipprevedix il-parteċipazzjoni tal-konsumatur fl-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tista’ tkun il-bażi tat-talba għal ordni ta’ ħlas, iżda jagħti lill-qorti adita s-setgħa li tagħmel proposta għal ordni ta’ ħlas li tirrigwarda ammont tal-kreditu invokat imnaqqas b’dak li jikkorrispondi għall-applikazzjoni ta’ klawżola meqjusa inġusta, ma jaffettwax id-drittijiet tad-difiża tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, jidher li d-digriet mogħti mill-qorti adita wara l-aċċettazzjoni ta’ din il-proposta mill-professjonist li jkun l-applikant joffri lil kull waħda mill-partijiet l-għarfien kif ukoll il-possibbiltà li jiġu diskussi b’mod kontradittorju kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ liġi li kienu deċiżivi għall-eżitu ta’ dan id-digriet, mingħajr ma jipproduċu la l-effetti vinkolanti tal-awtorità ta’ res judicata u lanqas effetti preklużivi oħra. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 815(3) tal-LEC jaqa’ fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas ta’ natura sommarja, maħsuba bħala strument ta’ ħeffa proċedurali intiż sabiex jiżgura l-irkupru rapidu ta’ krediti dovuti, likwidi u eżiġibbli. Il-parteċipazzjoni tal-konsumatur fl-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali tibqa’ żgurata, peress li d-dritt proċedurali Spanjol jidher li jipprevedi, fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja sussegwenti, il-possibbiltà għalih li jinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet u l-motivi ta’ difiża tiegħu. |
|
46 |
Fil-fatt, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-imsemmi digriet jista’ jkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċeduri ordinarji fil-mertu li josservaw b’mod sħiħ il-prinċipju ta’ kontradittorju bejn il-partijiet, peress li l-konsumatur għandu l-possibbiltà li jopponi l-istess digriet konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 818 tal-LEC. Min-naħa l-oħra, peress li, skont l-Artikolu 815(3) tal-LEC, l-aċċettazzjoni mill-professjonist li jkun ir-rikorrent fl-ebda każ ma tista’ tiġi assimilata ma’ rinunzja parzjali għad-drittijiet tiegħu, dan tal-aħħar jista’ jinvoka l-parti tal-kreditu li għaliha huwa ma jkunx kiseb sodisfazzjon fil-kuntest ta’ proċedura għal konstatazzjoni, li fiha l-konsumatur jipparteċipa b’osservanza sħiħa tal-prinċipju ta’ kontradittorju. |
|
47 |
Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-parteċipazzjoni tal-konsumatur fl-istħarriġ, mill-qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas imressqa minn professjonist kontra dan il-konsumatur, tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li fuqhom hija bbażata din it-talba jew li jiddeterminaw l-ammont tal-kreditu invokat, sa fejn, minn naħa, il-proċedura għal ordni ta’ ħlas ma twassalx għal att li għandu l-awtorità ta’ res judicata u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ kontradittorju jkun iggarantit fil-kuntest ta’ proċeduri ulterjuri li jista’ jkun hemm bejn l-imsemmi konsumatur u dan il-professjonist fir-rigward tal-istess talbiet ifformulati minn dan tal-aħħar. |
Fuq l-ispejjeż
|
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.