|
20.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 105/2 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/834
tat-18 ta’ April 2023
dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021, l-Italja kkonfermat u bagħtet tinnotifika li kien hemm 294 tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5. L-ispeċijiet affettwati huma t-tiġieġ Gallus domesticus, it-tiġieġ tal-bajd, id-dundjani, il-papri u l-farawni. |
|
(2) |
L-Italja minnufih, u b’mod effiċjenti, ħadet il-miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-annimali kollha meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), issupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3). |
|
(3) |
B’mod partikolari, l-Italja wettq il-miżuri ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni u stabbiliet żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza (“iż-żoni rregolati”) skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1872 (4), (UE) 2021/1908 (5), (UE) 2021/1982 (6), (UE) 2021/2100 (7), (UE) 2021/2186 (8) u (UE) 2021/2310 (9). |
|
(4) |
L-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u dawk veterinarji meħtieġa li kienu ġew applikati biex jitrażżan u jitwaqqaf għalkollox it-tixrid tal-marda kienu laqtu għadd kbir ħafna ta’ operaturi u li dawk l-operaturi kienu ġarrbu telf ta’ introjtu li ma kienx eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(5) |
Fit-2 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni rċeviet talba formali mingħand l-Italja għall-finanzjament parzjali ta’ ċerti miżuri eċċezzjonali skont l-Artikolu 220(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għat-tifqigħat ikkonfermati fil-perjodu ta’ bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021. Fl-14 ta’ Settembru 2022, fis-27 ta’ Frar 2023, u fl-14 ta’ Marzu 2023, l-awtoritajiet Taljani ċċaraw it-talba tagħhom u bagħtu d-dokumenti marbutin magħha. |
|
(6) |
Minħabba l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmijin fil-premessa 3, ittawwlu l-perjodi ta’ mistrieħ sanitarju, ġiet ipprojbita l-introduzzjoni tat-tjur u ġew ristretti l-movimenti tat-tipi kollha ta’ pollam fl-azjendi fiż-żoni rregolati. Dan wassal għal telf fil-produzzjoni tal-bajd għat-tifqis, tal-bajd għall-konsum, tal-annimali ħajjin u tal-laħam tal-pollam f’dawn l-azjendi, iżda wkoll għat-telf minħabba l-bajd u l-laħam meqrudin jew diklassifikati. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-finanzjament parzjali mill-Unjoni jrid ikun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa mġarrba mill-Italja għall-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa l-kwantitajiet massimi eliġibbli għall-finanzjament għal kull miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq wara li tiskrutinizza t-talba li rċeviet mingħand l-Italja b’rabta mat-tifqigħat ikkonfermati bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-ammont tal-finanzjament parzjali b’rata fissa jkun ibbażat fuq studji tekniċi u ekonomiċi jew fuq dokumenti tal-kontabbiltà u li dan jiġi ffissat fil-livell ix-xieraq għal kull annimal u għal kull prodott skont il-kategorija tagħhom, biex jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed. |
|
(9) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf li ġġarrab ma jkunx ġie kkumpensat b’għajnuna mill-Istat jew b’assigurazzjoni u jenħtieġ li l-finanzjament parzjali mill-Unjoni skont dan ir-Regolament ikun limitat għall-annimali u għall-prodotti eliġibbli li għalihom ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-livell u t-tul ta’ żmien tal-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi appoġġat is-suq. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq japplikaw biss għall-produzzjoni tal-bajd u tal-pollam fl-azjendi li jinsabu fiż-żoni rregolati u għat-tul ta’ żmien li matulu kienu fis-seħħ il-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni tal-Italja rilevanti għall-294 tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja kkonfermati fil-perjodu ta’ bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(11) |
Il-kumpens jista’ jiġi aġġustat b’ċerti limiti, dejjem jekk jitħares l-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata b’mod parzjali mill-Unjoni, biex tkun żgurata l-flessibbiltà f’każ li l-għadd ta’ bajd jew ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens ikun ivarja mill-ammonti massimi stabbiliti f’dan ir-Regolament, li huma bbażati fuq stimi. |
|
(12) |
Għal raġunijiet ta’ ġestjoni tajba tal-baġit ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq, jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni biss dawk il-pagamenti li l-Italja tagħmel lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023. Jenħtieġ li ma jkunx japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (11), li mill-1 ta’ Jannar 2023 ġie sostitwit bl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (12). |
|
(13) |
Sabiex jiġu żgurati l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-pagamenti, jenħtieġ li l-Italja twettaq il-verifiki ex ante. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-Italja tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti sabiex l-Unjoni tkun tista’ twettaq il-kontroll finanzjarju tagħha. |
|
(15) |
Sabiex ikun żgurat li l-Italja timplimenta l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament minnufih, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali li jkun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa li ġarrbet l-Italja biex tappoġġa s-suq tal-bajd u tal-laħam tat-tjur li ntlaqat ħażin ħafna mill-294 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 li sabet l-Italja u li bagħtet in-notifiki dwarhom fil-perjodu ta’ bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021.
Artikolu 2
1. In-nefqa li ġarrbet l-Italja għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni biss:
|
(a) |
għall-perjodu li matulu kienu applikati l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmijin fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni mniżżlin fl-Anness u marbutin mal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1; u |
|
(b) |
għal dawk l-azjendi tal-pollam li jkunu ġew suġġetti għall-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u għall-miżuri veterinarji u li jinsabu fiż-żoni msemmijin fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni mniżżlin fl-Anness (“iż-żoni rregolati”); kif ukoll |
|
(c) |
jekk l-Italja tkun ħallsitha lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023; u |
|
(d) |
jekk, għall-perjodu msemmi fil-punt (a), l-annimal jew il-prodott ma jkunx ibbenefika minn ebda kumpens permezz tal-għajnuna mill-Istat jew tal-assigurazzjoni u għalih ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
2. L-ebda nefqa li tħallas l-Italja wara t-30 ta’ Settembru 2023 ma għandha tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni, irrispettivament mis-sehem tan-nefqa li tirrappreżenta.
Artikolu 3
1. L-ammont massimu tal-finanzjament parzjali mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 27 229 572, imqassam kif ġej:
|
(a) |
għat-telf fil-produzzjoni tal-bajd għat-tifqis u tal-bajd tal-ikel fiż-żoni rregolati għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:
|
|
(b) |
għat-telf marbut mal-perjodi ta’ mistrieħ sanitarju mtawla fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:
|
|
(c) |
għat-telf marbut mat-tqassir taċ-ċiklu tal-produzzjoni (tbiċċir bikri tal-annimali) fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:
|
|
(d) |
għat-telf marbut mal-perjodi mtawla tat-trobbija u tas-simna fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:
|
|
(e) |
għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin għal kull annimal, biex jagħmel tajjeb għall-qtil ta’ pollam fiż-żoni rregolati:
|
|
(f) |
biex jagħmel tajjeb għall-prezz tal-bejgħ imnaqqas għall-annimali fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati li ġejjin:
|
2. Meta l-għadd ta’ bajd jew annimali jew l-ammont ta’ laħam eliġibbli għall-kumpens ikun jaqbeż l-għadd massimu ta’ bajd jew ta’ annimali jew ta’ kilogrammi għal kull oġġett stabbilit fil-paragrafu 1, in-nefqa eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni tista’ tiġi aġġustata għal kull oġġett u taqbeż l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-għadd massimu ta’ unitajiet ta’ kull oġġett, dejjem jekk l-għadd totali tal-aġġustamenti ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata b’mod parzjali mill-Unjoni li huwa msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
L-Italja għandha twettaq verifiki amministrattivi u fiżiċi f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).
B’mod partikolari, l-Italja għandha tivverifika:
|
(a) |
l-eliġibbiltà tal-applikant li jkun bagħat it-talba għall-appoġġ; |
|
(b) |
għal kull applikant eliġibbli: l-eliġibbiltà, il-kwantità u l-valur tat-telf reali ta’ produzzjoni; |
|
(c) |
li kull applikant eliġibbli ma jkunx irċieva finanzjament minn sorsi oħrajn bħala kumpens għat-telf imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. |
Għall-applikanti eliġibbli li jkunu sarulhom il-verifiki amministrattivi, l-għajnuna tista’ tingħata mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li jsiru l-verifiki kollha, b’mod partikolari dawk fuq l-applikanti li jkunu ntgħażlu għall-verifiki fuq il-post.
F’każijiet meta l-eliġibbiltà ta’ applikant ma tkunx ġiet ikkonfermata, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
Artikolu 5
L-Italja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bl-approvazzjoni tal-pagamenti.
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1872 tal-25 ta’ Ottubru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 dwar miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti Stati Membri (ĠU L 379, 26.10.2021, p. 53).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1908 tat-3 ta’ Novembru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 390, 4.11.2021, p. 39).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1982 tat-12 ta’ Novembru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 403, 15.11.2021, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2100 tad-29 ta’ Novembru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 428, 30.11.2021, p. 3).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2186 tad-9 ta’ Diċembru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 444, 10.12.2021, p. 110).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2310 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 461 I, 27.12.2021, p. 1)
(10) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).
(11) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).
(12) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95).
(13) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).
ANNESS
Lista tal-liġijiet tal-Unjoni li jelenkaw iż-żoni rregolati u l-perjodi kif imsemmi fl-Artikolu 2
Il-partijiet tal-Italja u l-perjodi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, issupplimentat bir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u ddefiniti f’dawn li ġejjin:
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1872; |
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1908; |
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1982; |
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2100; |
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2186; |
|
— |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2310. |