|
15.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 211/48 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/957
tal-31 ta’ Mejju 2021
dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti. |
|
(3) |
Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet ippreżentati fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella. |
|
(4) |
Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ippreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
ANNESS
|
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Klassifikazzjoni (Kodiċi-NM) |
Raġunijiet |
|
(1) |
(2) |
(3) |
|
Oġġett f’forma ovali b’tul ta’ madwar 180 cm u wisa’ massima ta’ 95 cm. Jikkonsisti fi drapp tessili maħdum ħafif bil-ganċ li joħloq struttura qisha xibka mwaħħla ma’ tubu tal-plastik li jintefaħ li jservi ta’ qafas għad-drapp tessili. Ma’ naħa waħda tat-tubu hemm imwaħħla mħadda tal-plastik li tintefaħ. It-tubu u l-imħadda huma kompletament magħluqa bi drapp tessili minsuġ ta’ raden ta’ filament sintetiku. Is-superfiċe esterna tal-oġġett hija magħmula kompletament minn materjali tessili, li jipprevalu fuq il-plastik fil-volum. B’mod speċjali, l-istruttura li qisha xibka fejn jimtedd l-utent hija magħmula esklużivament minn materjal tessili. Madankollu, il-plastik jipprevali fuq il-materjali tessili fil-piż u l-valur. L-oġġett huwa ddiżinjat biex iżomm f’wiċċ l-ilma, l-istess bħal mitraħ pnewmatiku tal-ilma. Ara l-istampa (*1) |
6306 90 00 |
Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (NM), min-nota 7(f) tat-Taqsima XI tan-NM u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6306 u 6306 90 00 . L-oġġett huwa prodott kompost magħmul minn materjali differenti (drappijiet tessili u plastik) fis-sens tal-GIR 3(b). Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 3926 90 97 bħala oġġetti oħrajn tal-plastik hija eskluża għax l-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta’ oġġett tessili meta wieħed iħares lejh, imissu jew jimtedd fuqu minħabba l-materjal tas-superfiċe esterna ta’ materjal esklużivament tessili. Għalkemm il-plastik għandu rwol importanti fir-rigward tal-użu tal-oġġett bħala apparat li jżomm f’wiċċ l-ilma, id-drappijiet tessili li qishom xibka fin-nofs huma essenzjali biex persuna tkun tista’ timtedd fuq l-apparat waqt li jkun qed iżżomm f’wiċċ l-ilma. Għaldaqstant, b’mod ġenerali l-materjali tessili (il-materjal tas-superfiċe esterna, id-drapp tessili minsuġ qisu xibka) jagħtu l-oġġett il-karattru essenzjali tiegħu fis-sens tal-GIR 3(b). Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tal-oġġett (iddisinjat biex jinġarr f’postijiet differenti u biex jintuża hemmhekk temporanjament, ħafif, faċli biex jiġi ttrasportat u ppreparat, jixbah l-imtieraħ pnewmatiċi), huwa oġġett għall-ikkampjar. Ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tan-NM għall-intestatura 6306 90 00 u n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata ta’ 6306 , l-ewwel subparagrafu, il-punt (5). Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6306 90 00 bħala oġġetti għall-ikkampjar. |
(*1) L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.