IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.10.2024
COM(2024) 444 final
ANNESS
ta’
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE dwar l-adozzjoni ta’ linji gwida konġunti għat-twettiq ta’ djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra
ANNESS
DEĊIŻJONI Nru XX/XXXX
TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI OSAKP-UE
li jadotta Linji gwida Konġunti għat-tmexxija tad-Djalogu ta’ Sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI OSAKP-UE
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-OSAKP, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Samoa”), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 l-Artikolu 88(4)(c) tiegħu,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Samoa qed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2024.
(2)Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa, il-Partijiet għandhom jinvolvu ruħhom fi djalogu ta’ sħubija regolari, ibbilanċjat, komprensiv u sostantiv dwar l-oqsma kollha tal-Ftehim, li jwassal għal impenji u, fejn xieraq, azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.
(3)Skont l-Artikolu 88(4)(c) il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta linji gwida ta’ politika u jieħu deċiżjonijiet biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Il-Linji gwida Konġunti għat-tmexxija tad-Djalogu ta’ Sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi XXXXXX,
Għall-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE
Il-Presidenti
ANNESS
tal-
DEĊIŻJONI Nru XX/XXXX
TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI OSAKP-UE
Linji gwida tal-OSAKP-UE għad-Djalogu ta’ Sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa
I. DAĦLA
1.Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, ġie ffirmat f’Samoa fil-15 ta’ Novembru 2023, u ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2024. L-Artikolu 3(1) tal-Ftehim jistieden lill-Partijiet jinvolvu ruħhom fi djalogu ta’ sħubija regolari, ibbilanċjat, komprensiv u sostantiv dwar l-oqsma kollha tal-Ftehim, li jwassal għal impenji u, fejn xieraq, azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.
2.Kif previst fl-Artikolu 1(4) tal-Ftehim, id-djalogu ta’ sħubija huwa wieħed mill-għodod ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim, flimkien ma’ azzjoni mfassla apposta għall-ispeċifiċitajiet tal-Partijiet.
3.Kif previst fl-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, l-objettiv tad-djalogu ta’ sħubija għandu jkun l-iskambju ta’ informazzjoni, it-trawwim ta’ fehim reċiproku u l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, u l-Partijiet għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u sfidi ġodda f’ambjenti internazzjonali.
4.Kif previst fl-Artikolu 3(3), id-djalogu ta’ sħubija għandu jitwettaq b’mod flessibbli u mfassal apposta, għandu jsir f’intervalli regolari fil-format xieraq u fil-livell domestiku, reġjonali jew multinazzjonali l-aktar xieraq, u għandu jieħu vantaġġ sħiħ mill-mezzi kollha possibbli, inkluż f’ambjenti reġjonali u internazzjonali.
5.Id-djalogu ta’ sħubija jista’ jintuża wkoll biex jiġu diskussi kwistjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 9(3) (piena tal-mewt), 12(4) u 12(6) (il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u kwistjonijiet ta’ taxxa), 18(3) (nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva), 62 (migrazzjoni u mobbiltà) u 74(5) (ritorn u riammissjoni).
6.Kif previst fil-Ftehim (l-Artikolu 101(4)), id-djalogu ta’ sħubija għandu jintuża wkoll biex jiġu indirizzati d-diverġenzi bejn il-partijiet, bil-ħsieb li jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom parti waħda tista’ tqis li jkun meħtieġ li tirrikorri għall-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(5–6).
II. OBJETTIV
7.Dawn il-linji gwida għandhom l-għan li jipprovdu gwida operattiva konġunta għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-djalogu ta’ sħubija tal-Ftehim ta’ Samoa, filwaqt li jqisu wkoll it-tagħlimiet meħuda mid-djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou.
8.Dawn il-linji gwida għandhom jiġu applikati b’mod flessibbli, biex jiġi żgurat approċċ imfassal apposta għall-format u l-objettivi tad-djalogu.
III. IMPLIMENTAZZJONI TAD-DJALOGU TA’ SĦUBIJA
A. Aġendi
9.Id-djalogu ta’ sħubija għandu jkopri l-oqsma kollha tal-Ftehim, u jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu.
10.L-aġendi għal-laqgħat ta’ djalogu ta’ sħubija għandhom jiġu definiti b’mod konġunt u jinkludu kwistjonijiet nazzjonali, reġjonali, kontinentali u multinazzjonali u globali ta’ interess reċiproku u/jew ta’ tħassib b’mod ibbilanċjat, filwaqt li jissaħħu s-sinerġiji bejn id-dimensjonijiet nazzjonali, reġjonali u multinazzjonali tas-Sħubija OSAKP-UE.
11.Is-sessjonijiet ta’ djalogu ta’ sħubija għandhom jippermettu djalogu ta’ sħubija regolari, ibbilanċjat, komprensiv u sostantiv dwar l-oqsma kollha tal-Ftehim, li jwassal għal impenji u, fejn xieraq, azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu.
B. Preparazzjoni
12.Is-sessjonijiet ta’ djalogu ta’ sħubija għandhom jitħejjew b’mod konġunt minn qabel, kull meta jkun possibbli.
13.L-informazzjoni ta’ sfond għandha tiġi kondiviża minn qabel, fejn disponibbli, u tikkontribwixxi għal skambji u eżiti aktar sostanzjali.
C. Format
14.Id-djalogu ta’ sħubija bejn il-Parti tal-UE u l-kontroparti/jiet rilevanti tal-OSAKP għandu jsir fl-aktar livell domestiku, reġjonali jew multinazzjonali xieraq u jieħu vantaġġ sħiħ mill-mezzi kollha possibbli, inkluż f’ambjenti reġjonali u internazzjonali. Id-djalogu ta’ sħubija għandu jqis ukoll il-prinċipji ta’ komplementarjetà u sussidjarjetà.
15.Id-djalogu ta’ sħubija jista’ jieħu l-format ta’ djalogi tematiċi ddedikati dwar kwistjonijiet speċifiċi kull meta jkun xieraq.
Djalogu ta’ sħubija fil-livell nazzjonali
16.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell nazzjonali għandu jsir f’intervalli regolari u fil-prinċipju darba fis-sena, sabiex tiġi skambjata l-informazzjoni, jitrawwem fehim reċiproku u jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livell nazzjonali.
17.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell nazzjonali jista’ jsir lokalment jew f’kuntesti oħra (bħal fi Brussell jew fil-marġini ta’ avvenimenti internazzjonali jew konġunti).
18.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell nazzjonali jista’ jindirizza wkoll kwistjonijiet reġjonali u globali ta’ interess reċiproku.
19.Għandhom jiġu mfittxija sinerġiji u komplementarjetajiet ma’ djalogi ta’ politika dwar suġġetti speċifiċi (bħall-appoġġ baġitarju, id-Drittijiet tal-Bniedem), filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.
20.F’każ ta’ ħtieġa għal kjarifika ta’ kwalunkwe kwistjoni pertinenti għall-Ftehim, jew diverġenzi bejn il-Partijiet, id-djalogu ta’ sħubija għandu jseħħ aktar ta’ spiss, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom parti waħda tista’ tqis li jkun meħtieġ li tirrikorri għall-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(5) u (6).
Djalogu ta’ sħubija fil-livell reġjonali
21.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell tal-protokoll reġjonali għandu jsir f’intervalli regolari, sabiex tiġi skambjata l-informazzjoni, jitrawwem fehim reċiproku u jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livell reġjonali. Jenħtieġ li d-djalogu fil-livell tal-protokoll reġjonali jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali mal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (OCTs) assoċjati mal-UE u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE f’żoni ta’ interess komuni.
22.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell tal-protokoll reġjonali jista’ jseħħ fil-marġini ta’ avvenimenti reġjonali jew f’kuntesti oħra (bħal fi Brussell jew fil-marġini ta’ avvenimenti internazzjonali jew konġunti).
23.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell reġjonali għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tħejjija tal-Kunsilli Ministerjali Reġjonali u tad-djalogu fil-livell ta’ diversi pajjiżi.
Djalogu ta’ sħubija fil-livell ta’ diversi pajjiżi
24.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell ta’ diversi pajjiżi, għandu jsir f’intervalli regolari fil-format xieraq, sabiex tiġi skambjata l-informazzjoni, jitrawwem fehim reċiproku u jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livell internazzjonali u biex jikkooperaw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u sfidi ġodda f’ambjenti internazzjonali.
25.Id-djalogu ta’ sħubija fil-livell ta’ diversi pajjiżi jista’ jsir fil-marġini ta’ laqgħat internazzjonali jew f’kuntesti oħra (bħal fi Brussell jew fil-marġini ta’ avvenimenti konġunti).
26.Id-djalogu ta’ sħubija jista’ jseħħ ukoll bejn ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Partijiet għal organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, f’intervalli regolari, sabiex isir skambju ta’ informazzjoni, jitrawwem fehim reċiproku u jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livell internazzjonali u biex jikkooperaw u jikkoordinaw dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u sfidi ġodda f’ambjenti internazzjonali.
D. Parteċipazzjoni
27.Il-partijiet għandhom ikunu rappreżentati fis-sessjonijiet ta’ djalogu dwar is-sħubija fil-livell politiku jew ta’ uffiċjali għoli, kif xieraq, skont il-kontenut u r-riżultati mistennija.
28.Id-djalogu ta’ sħubija jista’ jinvolvi Ministeri u servizzi differenti, skont il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati.
29.Kif previst fl-Artikolu 3(4) tal-Ftehim, il-parlamenti, u fejn xieraq, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat għandhom jiġu infurmati, ikkonsultati u jingħataw is-setgħa kif xieraq biex jikkontribwixxu għad-djalogu ta’ sħubija. L-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali għandhom ikunu assoċjati mad-djalogu ta’ sħubija, kif xieraq.
E. Segwitu
30.L-impenji u l-azzjonijiet ta’ segwitu possibbli, fejn xieraq, għandhom jiġu miftiehma waqt id-djalogu.
31.L-azzjonijiet ta’ segwitu miftiehma għandhom jiġu indirizzati f’sessjonijiet sussegwenti ta’ djalogu dwar is-sħubija.
32.Azzjonijiet speċifiċi ta’ segwitu (bħal gruppi ta’ ħidma) jistgħu jiġu stabbiliti biex imexxu ’l quddiem id-djalogu/azzjoni f’oqsma konkreti.
33.Id-djalogu ta’ sħubija għandu jiġi kkomplementat b’kuntatti regolari bejn il-Partijiet, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.
IV. IR-REVIŻJONI
34.Kif previst fl-Artikolu 3(3) tal-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li jimmonitorjaw u jevalwaw l-effettività tad-djalogu ta’ sħubija u li jadattaw il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, kif xieraq.
35.Dawn il-linji gwida jistgħu jiġu adattati kif xieraq fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni konġunta.