IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.10.2024
COM(2024) 444 final
2024/0244(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE dwar l-adozzjoni ta’ linji gwida konġunti għat-tmexxija tad-djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE rigward l-adozzjoni ta’ linji gwida konġunti għall-implimentazzjoni tad-djalogu ta’ sħubija previst fl-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Samoa”).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
Il-Ftehim ta’ Samoa għandu l-għan li jistabbilixxi sħubija politika msaħħa bejn il-Partijiet biex jiġu ġġenerati eżiti ta’ benefiċċju reċiproku dwar interessi komuni u li jikkoinċidu u f’konformità mal-valuri kondiviżi tagħhom. Il-Ftehim ġie ffirmat f’Samoa, fil-15 ta’ Novembru 2023, u ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2024, f’konformità mal-Artikolu 98(4) tal-Ftehim. Il-Ftehim se jidħol fis-seħħ wara t-tlestija tal-proċeduri interni rispettivi tal-Partijiet, f’konformità mal-Artikolu 98(2).
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet għall-Ftehim.
2.2.Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE huwa korp ta’ livell ministerjali, stabbilit bl-Artikolu 88 tal-Ftehim ta’ Samoa. Min-naħa l-waħda, jinkludi rappreżentant ta’ kull membru tal-OSAKP fil-livell ministerjali u, min-naħa l-oħra, rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fil-livell ministerjali. Huwa għandu jkun kopresedut mill-President innominat mill-Membri tal-OSAKP minn naħa waħda u mill-President innominat mill-Parti tal-UE min-naħa l-oħra.
Il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jinkludu, fost l-oħrajn, l-adozzjoni ta’ linji gwida ta’ politika u deċiżjonijiet biex jingħata effett lil aspetti speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet kollha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jew jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tiegħu elenkati fl-Artikolu 88(4) tal-Ftehim. Il-proċedimenti tiegħu għandhom ikunu validi biss jekk ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, mill-inqas nofs l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u mill-inqas żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw il-gvernijiet tal-Membri tal-OSAKP ikunu preżenti. Kwalunkwe membru tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE li ma jkunx jista’ jattendi jista’ jkun irrappreżentat. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ wkoll jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub, kif previst fl-Artikolu 88(6).
2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE
L-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa jistieden lill-Partijiet jinvolvu ruħhom fi djalogu ta’ sħubija regolari, ibbilanċjat, komprensiv u sostantiv dwar l-oqsma kollha tal-Ftehim, li jwassal għal impenji u, fejn xieraq, azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat, għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Dan id-djalogu għandu l-għan li jiskambja informazzjoni, irawwem fehim reċiproku u jiffaċilita l-istabbiliment ta’ prijoritajiet maqbula u aġendi kondiviżi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, filwaqt li jikkontribwixxi għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni u sfidi ġodda f’ambjenti internazzjonali. Id-djalogu ta’ sħubija għandu jitmexxa fl-aktar livell domestiku, reġjonali jew multinazzjonali xieraq, filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-mezzi kollha possibbli, inkluż f’ambjenti reġjonali u internazzjonali.
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta linji gwida għall-implimentazzjoni tad-djalogu ta’ sħubija previst skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Samoa (“l-att previst”), bl-għan li jipprovdi gwida operazzjonali ġenerali, għalkemm iżomm il-flessibbiltà meħtieġa biex jippermetti approċċ imfassal apposta għall-kuntesti u l-livelli ta’ djalogu differenti.
L-att previst iqis it-tagħlimiet meħuda mid-djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija OSAKP-UE preċedenti, li jindika l-ħtieġa ta’: i) id-definizzjoni ta’ aġendi bbilanċjati u maqbula b’mod konġunt għad-djalogu ta’ sħubija; ii) l-iżgurar ta’ approċċ flessibbli u mfassal apposta dwar ir-regolarità tal-punti tad-djalogu u tal-aġenda; iii) it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-involviment tas-settur privat meta jkun possibbli; iv) it-titjib tas-sinerġiji bejn il-politika u d-djalogi politiċi u bejn id-djalogu fil-livelli nazzjonali, reġjonali u globali; v) it-tisħiħ tas-segwitu konġunt.
Wara l-adozzjoni tiegħu, l-att previst se jkun vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 88(5) tal-Ftehim, li jipprevedi: “Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet kollha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jew jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tiegħu elenkati fil-paragrafu 4 bil-qbil komuni tal-Partijiet”.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tipproponi li l-Unjoni taqbel mal-adozzjoni tal-att propost. L-abbozz tal-att tal-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jinsab fl-Anness mehmuż ma’ din il-Proposta.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE huwa korp stabbilit bl-Artikolu 88 tal-Ftehim ta’ Samoa.
Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE huwa msejjaħ li jadotta att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 88(5) tal-Ftehim ta’ Samoa. L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-għan u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-assoċjazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari mat-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tal-Ftehim ta’ Samoa. Il-miżuri li l-adozzjoni tagħhom hija prevista jikkonċernaw l-oqsma kollha koperti mill-Ftehim ta’ Samoa u għandhom l-għan li jkomplu jimplimentaw u japprofondixxu l-assoċjazzjoni bejn il-Partijiet. Minn dan isegwi li l-qasam li fih taqa’ din id-deċiżjoni għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-karattru orizzontali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kollu kemm hu u bażi legali sostantiva korrispondenti li tkopri l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Samoa.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva hija l-istess bħall-bażi legali tal-Ftehim ta’ Samoa nnifsu, jiġifieri l-Artikolu 217 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2024/0244 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE dwar l-adozzjoni ta’ linji gwida konġunti għat-tmexxija tad-djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-15 ta’ Novembru 2023, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2861, u daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2024.
(2)Skont l-Artikolu 88(4) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE jista’ jadotta linji gwida ta’ politika u jieħu deċiżjonijiet biex jagħti effett lil aspetti speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.
(3)Il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE għandu jadotta linji gwida konġunti għat-tmexxija tad-djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim.
(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE, peress li l-linji gwida konġunti għat-tmexxija tad-djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.
(5)L-att previst għandu l-għan li jipprovdi gwida operazzjonali ġenerali għat-twettiq tal-Artikolu 3, għalkemm iżomm il-flessibbiltà meħtieġa biex jippermetti approċċ imfassal apposta għall-kuntesti u l-livelli ta’ djalogu differenti,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
1.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ linji gwida għat-tmexxija tad-djalogu ta’ sħubija skont l-Artikolu 3 mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
2.Korrezzjonijiet tekniċi żgħar fl-abbozz tal-linji gwida konġunti jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President