|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/6825 |
29.11.2024 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta’ Malta
(C/2024/6825)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”), daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. F'konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-Faċilità tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b'mod partikolari riformi u investimenti biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u biex tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-Unjoni u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament REPowerEU”), li ġie adottat fis-27 ta' Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B'hekk tkun tista' tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija. Malta żiedet kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjani nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li ser jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. |
|
(3) |
Fis-16 ta' Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, sabiex jiġu orjentati d-deċiżjonijiet politiċi u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għal żieda fit-tkabbir. Il-komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività f'termini ta' disa' fatturi li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku. Fost dawk il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u suq uniku funzjonanti jirriżultaw bħala prijoritajiet ta' politika ta' importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta' Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni intitolata “Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività”. Dik il-komunikazzjoni tagħti dettalji dwar il-punti b'saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-suq uniku Ewropew, filwaqt li ssegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa' xprunaturi tal-kompetittività identifikati. |
|
(4) |
Fil-21 ta' Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2024. Fit-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024, li huma ffukati fuq l-erba' dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva. Fil-21 ta' Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2024, li fih ma identifikatx lil Malta bħala wieħed mill-Istati Membri li jista' jiġi affettwat, jew li jista' jkun f'riskju li jiġi affettwat, minn żbilanċi u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Malta għall-2024. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (5) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro”) fit-12 ta' April 2024 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi fil-11 ta' Marzu 2024. |
|
(5) |
Fit-30 ta' April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika tal-Unjoni. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (6) emendat dwar it-tħaffif u l-kjarifika tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, u għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (7) emendata dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. L-objettivi tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika huma li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvernijiet. Il-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika jippromwovi ukoll is-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fih l-impenji fiskali, ta' riforma u ta' investiment ta' Stat Membru, li jkopru orizzont ta' ppjanar ta' erba' jew ħames snin, skont it-tul regolari tat-terminu leġiżlattiv nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta (8) fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli 'l isfel sat-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament, jew li jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG), u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta' riformi u investimenti f'konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta' aġġustament jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn tliet snin. Għall-fini ta' appoġġ għat-tħejjija ta' dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta' progress annwali tagħhom. F'konformità mal-Artikoli 5 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri t-trajettorji referenzjarji u l-informazzjoni teknika, fejn applikabbli. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom sal-20 ta' Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b'perjodu ta' żmien raġonevoli. F'konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jiddibattu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu medju mal-parlamenti nazzjonali tagħhom, jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet fiskali indipendenti biex joħorġu opinjoni, u jistgħu jwettqu konsultazzjoni mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra. |
|
(6) |
Fl-2024, is-Semestru Ewropew qed ikompli jevolvi f'konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza li ġew riveduti, aġġornati jew emendati f'konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
|
(7) |
Fit-13 ta' Lulju 2021, Malta ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f'konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Fil-5 ta' Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta (9), li ġiet emendata fl-14 ta' Lulju 2023 skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 biex il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tiġi aġġornata, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU (10). Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq l-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li tiddikjara li Malta tkun laħqet b'mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura. |
|
(8) |
Fil-15 ta' April 2024, Malta ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2024, f'konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (11). F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali ta' Malta dwar il-progress li sar fit-twettiq tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. |
|
(9) |
Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għal Malta. Dan ivvaluta l-progress ta' Malta fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u qies l-implimentazzjoni ta' Malta tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta' dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress ta' Malta fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(10) |
Skont id-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta' Malta naqas minn 5,5 % tal-PDG fl-2022 għal 4,9 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż niżel minn 51,6 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 50,4 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2023 intitolata “gwida tal-politika fiskali għall-2024”, il-Kummissjoni qiegħda tieħu l-ewwel pass biex tiftaħ proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżiti għall-2023, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja ta' Malta, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha eċċeda l-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li, fid-dawl ta' dik il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fformolata skont l-Artikolu 126(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f'Lulju 2024 li tiftaħ proċedura ta' defiċit eċċessiv għal Malta, billi tipproponi li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat li tistabbilixxi l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv f'Malta. |
|
(11) |
Fit-12 ta' Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda (12) li Malta tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma' pożizzjoni ta' politika fiskali newtrali kumplessiva (13), filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat li għadu għaddej lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Malta ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Malta ingħatat ukoll rakkomandazzjoni li għandha tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (14) kienet restrittiva, b'0,6 % tal-PDG, f'kuntest ta' inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (nett minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta' 1,6 % tal-PDG. Dan jinkludi ż-żieda ta' anqas minn 0,1 % tal-PDG fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata f'livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni ammontat għal 0,9 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 2,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta' 0,1 punt perċentwali meta mqabbel mal-2022. Malta ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni. Malta ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħar-rinnovazzjoni ta' bini privat u pubbliku inkluż sptarijiet u skejjel, l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport u proġetti relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u tas-settur privat. Dak l-investiment pubbliku huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni. |
|
(12) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b'4,6 % fl-2024 u 4,3 % fl-2025, u l-inflazzjoni imkejla mill-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) ser tkun ta' 2,8 % fl-2024 u 2,3 % fl-2025. |
|
(13) |
It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 4,3 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG għandu jiżdied għal 52,0 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment it-tkabbir limitat tal-konsum intermedju u l-kont tal-pagi kif ukoll it-tneħħija gradwali tal-ispejjeż relatati mar-ristrutturar tal-linja tal-ajru nazzjonali. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun restrittiva b'1,3 % tal-PDG fl-2024. |
|
(14) |
In-nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) taħt il-Faċilità fl-2024, meta mqabbla ma' 0,2 % tal-PDG fl-2023, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. L-infiq iffinanzjat mill-għotjiet taħt il-Faċilità ser jippermetti investiment ta' kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr ma jħalli impatt dirett fuq il-bilanċ jew id-dejn tal-gvern estiż ta' Malta. |
|
(15) |
Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda (15) li Malta tiżgura politika fiskali prudenti, b'mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali (16) fl-2024 għal mhux aktar minn 5,9 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali ta' Malta hija pprojettata li tiżdied b'5,5 % fl-2024, li hija taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Madankollu, in-nefqa primarja netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 (b'0,8 % tal-PDG). Kieku n-nefqa primarja netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023, ir-rata ta' tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta' tkabbir rakkomandata b'0,7 % tal-PDG. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ladarba jitqies l-effett bażi li jirriżulta minn nefqa netta ogħla milli mistenni fl-2023, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tiġi vvalutata bħala f'riskju li ma tkunx konformi għal kollox mar-rakkomandazzjoni. |
|
(16) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li Malta tieħu azzjoni biex tnaqqas b'mod gradwali l-miżuri ta' emerġenza ta' appoġġ għall-enerġija fis-seħħ, u tuża' l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista' jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta' appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta' appoġġ, Malta tiżgura li tali miżuri ta' appoġġ ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett (17) tal-miżuri ta' emerġenza ta' appoġġ għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta' 1,7 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat li jkun fil-livell ta' 2,0 % fl-2024 u 1,0 % fl-2025. B'mod partikolari, it-tnaqqis fit-taxxi indiretti fuq il-konsum tal-enerġija u s-sussidji għall-produzzjoni tal-enerġija biex jikkumpensaw għaż-żieda fil-prezz tal-elettriku importat u l-emissjonijiet tal-karbonju huma meqjusa li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u l-2025 (18). Filwaqt li tagħraf l-isfidi li Malta qed tiffaċċa minħabba d-dipendenza qawwija fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-esponiment għal xokkijiet esterni amplifikati mid-daqs żgħir tal-ekonomija, il-miżuri ta' emerġenza ta' appoġġ għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jitneħħew gradwalment kemm jista' jkun malajr fl-2023 u l-2024. Hemm riskju li dan ma jkunx f'konformità ma' dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Konsegwentement, ma hemm l-ebda ffrankar relatat li għandu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta' emerġenza ta' appoġġ għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,2 % tal-PDG fl-2024 (meta mqabbel ma' 0,1 % fl-2023), li minnu 0,2 % tal-PDG jippreserva s-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija (meta mqabbel ma' 0,1 % fl-2023). |
|
(17) |
Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li Malta tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet taħt il-Faċilità u ta' fondi oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied minn 2,6 % tal-PDG fl-2023 għal 2,8 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa konformi ma' dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, inkluż l-għotjiet taħt il-Faċilità, hija mistennija tibqa' stabbli fil-livell ta' 0,9 % tal-PDG fl-2024. |
|
(18) |
Abbażi tal-miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, u ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta' 3,9 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment it-tnaqqis mistenni fil-kost tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG mistenni jiżdied għal 52,6 % sa tmiem l-2025. |
|
(19) |
F'konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/241 u l-kriterju 2.2 tal-Anness V ta' dak ir-Regolament, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta' riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawk ir-riformi u l-investimenti huma mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F'dan il-perjodu ta' żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul ta' Malta permezz tat-tranżizzjonijiet ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li Malta tkompli bl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. |
|
(20) |
Bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), Malta hija meħtieġa li tagħmel rieżami ta' kull programm appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) sa Marzu 2025, billi tqis, fost affarijiet oħra, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll tal-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dak ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-Unjoni inkluża f'kull programm. Filwaqt li Malta għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad fadal xi sfidi. Hija kruċjali l-aċċellerazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. L-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli huma kruċjali biex jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija, tissaħħaħ is-sostenibbiltà fis-settur tal-enerġija u titnaqqas id-dipendenza ta' Malta fuq sorsi internazzjonali tal-enerġija. Hu importanti li jitkomplew l-investimenti f'soluzzjonijiet multimodali sostenibbli u l-mobbiltà attiva sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. Għadhom meħtieġa sforzi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi. Barra minn hekk, il-prattiki tal-ekonomija ċirkolari, inkluż il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tar-riċiklaġġ, huma meħtieġa biex jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ. B'żieda ma' dan, it-tagħlim għall-adulti jeħtieġ li jiġi promoss sabiex jiżdiedu l-livelli tal-ħiliet tal-popolazzjoni u jittaffa n-nuqqas ta' ħaddiema. L-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta' gruppi vulnerabbli jenħtieġ li tkompli tiġi promossa, b'enfasi fuq ċittadini mhux tal-UE u persuni b'diżabilità, kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Malta tista' tagħmel użu wkoll mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), biex tappoġġa l-awtonomija strateġika tal-Unjoni u l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija. |
|
(21) |
Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni, Malta qed tiffaċċa għadd ta' sfidi addizzjonali relatati mal-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jiffaċilitaw l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-edukazzjoni u l-ħiliet, l-enerġija rinnovabbli u t-trasport. |
|
(22) |
L-indirizzar tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa jibqa' kruċjali biex jittejbu l-effiċjenza u l-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa. Fid-dawl tal-effetti konsegwenzjali ta' strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa bejn l-Istati Membri, azzjoni koordinata biex tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz ta' politiki nazzjonali mill-Istati Membri kollha hija ta' importanza kbira. Malta ħadet passi biex tindirizza prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa billi implimentat inizjattivi internazzjonali u Ewropej maqbula minn qabel, u kompliet timpenja ruħha biex tindirizza l-kwistjoni fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha. Bħala parti mill-aġenda ta' riforma tal-pjan, il-gvern Malti adotta liġi ġdida li tintroduċi regoli dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, li saret applikabbli minn Jannar 2024. Hija għandha l-għan li tipprevjeni opportunitajiet għat-trasferiment tal-profitt korporattiv. Malta kkummissjonat ukoll studju indipendenti dwar il-pagamenti ħerġin u deħlin (jiġifieri bejn ir-residenti tal-Unjoni u r-residenti mhux tal-Unjoni) li għandu jwassal għal leġiżlazzjoni sussegwenti. Madankollu, sakemm Malta tibda tapplika taxxi minn ras il-għajn fuq il-pagamenti tal-imgħax, tad-dividendi u tar-royalties magħmula minn kumpaniji bbażati f'Malta lil ġuriżdizzjonijiet b'rata żero u b'rata baxxa ta' taxxa (b'dan maħsuba li tfisser kwalunkwe ġuriżdizzjoni b'rata tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu statutorja ta' inqas minn 9 %, l-aktar rata tat-taxxa korporattiva statutorja baxxa fl-Unjoni), jew miżuri difensivi ekwivalenti – biex jiġi żgurat li d-ditti ma jkunux jistgħu jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-Unjoni mingħajr ma jkunu intaxxati – ir-riskji ta' nontassazzjoni doppja ta' dawk il-profitti jibqgħu għoljin. Barra minn hekk, it-trattament ta' kumpaniji residenti mhux domiċiljati għadu joħloq riskju ta' nontassazzjoni doppja kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-individwi. Il-kwistjoni ser tiġi indirizzata biss parzjalment permezz tal-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 (21), li ser tapplika biss għall-korporazzjonijiet il-kbar ladarba tiġi implimentata minn Malta. |
|
(23) |
In-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet jikkostitwixxu ostaklu għat-tkabbir futur, il-kompetittività u t-tranżizzjoni doppja. Fl-ewwel kwart tal-2024, in-nuqqas ta' ħaddiema ġie indikat bħala fattur li jillimita l-produzzjoni f'Malta, fejn in-nuqqasijiet ġew irrappurtati li huma ta' madwar id-doppju tal-medja tal-Unjoni fis-servizzi u fl-industrija. Aktar minn tnejn minn kull tliet kumpaniji rrappurtaw postijiet vakanti li diffiċli jimtlew għal impjiegi li jeħtieġu ħiliet speċjalizzati fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. L-aħħar riżultati mill-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) juru li Malta għandha wieħed mill-ogħla ishma ta' kisbiet baxxi fl-Unjoni, u dan joħloq sfida serja għall-iżvilupp tal-ħiliet aktar tard. Madwar wieħed minn kull tliet studenti ta' 15-il sena tul id-distribuzzjoni soċjoekonomika kollha f'Malta għandu prestazzjoni agħar minn dik mistennija fil-matematika, il-qari u x-xjenza. In-nuqqas ta' għalliema ġie indirizzat parzjalment bl-ingaġġ ta' għalliema sostituti, b'livell ta' kwalifiki differenti jew aktar baxx minn dak meħtieġ minn għalliema kwalifikati bis-sħiħ. It-tluq bikri mill-iskola qed jonqos iżda għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni, u jżid il-grupp diġà kbir ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet. Għalkemm il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ b'mod ġenerali (fl-aħħar 12-il xahar) hija konformi mal-medja tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni ta' adulti b'livell baxx ta' ħiliet fit-tagħlim hija baxxa. Bl-istess mod, għalkemm 63 % tal-adulti kellhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi fl-2023, id-differenzi fil-livelli tal-ħiliet huma sinifikanti. Is-sehem ta' studenti rreġistrati f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) fit-tieni ċiklu tal-edukazzjoni sekondarja għadu baxx. It-tisħiħ tal-kwalità tal-edukazzjoni billi ssir enfasi fuq il-ħiliet bażiċi, l-indirizzar tan-nuqqas ta' għalliema u l-prijoritizzazzjoni tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tat-tagħlim tal-istudenti, filwaqt li tingħata spinta lir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' Malta f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, huma kruċjali biex jitnaqqsu l-eżiti edukattivi baxxi u n-nuqqas serju ta' ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. |
|
(24) |
L-isfida dejjiema ta' Malta hija li tikseb tkabbir ekonomiku ekoloġiku, filwaqt li tibbilanċja l-iżvilupp mas-sostenibbiltà ambjentali. It-tranżizzjoni ekoloġika tal-pajjiż hija miżmuma lura mir-rwol dominanti tal-fjuwils fossili fis-sistema tal-enerġija tiegħu. Is-sehem ta' Malta ta' enerġija derivata minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija kien ta' 13,4 % fl-2022, wieħed mill-aktar ishma baxxi fl-Unjoni. Dan huwa ferm taħt is-sehem indikattiv ta' Malta ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli ta' 28 % bħala kontribut għall-mira vinkolanti tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni ta' 42,5 % sal-2030. Kważi l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata kollha hija solari fuq l-art, li qed tiżdied bil-mod (b'4 % fl-2023). Ir-riforma li għaddejja bħalissa stabbilita fil-pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li toħloq obbligu li jkun hemm installazzjonijiet tal-enerġija solari fuq ċertu bini ġdid minbarra li timponi perjodi iqsar fejn jidħlu l-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li żżid l-introduzzjoni ta' dawk l-installazzjonijiet. Malta għandha potenzjal imdaqqas ta' enerġija solari u mir-riħ lil hinn mill-kosta fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha. Madankollu, dan il-potenzjal għadu ma ntużax. Il-kapaċità ta' Malta li tuża sorsi ta' enerġija rinnovabbli filwaqt li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha tiddependi wkoll il-progress tagħha fil-kostruzzjoni tat-tieni interkonnettur tal-elettriku mal-Italja u li tkompli ssaħħaħ il-grilja domestika tal-elettriku tagħha, inkluż permezz ta' investiment f'soluzzjonijiet ta' ħażna tal-enerġija f'batteriji stazzjonarji. |
|
(25) |
It-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku u tal-emissjonijiet għoljin mit-trasport bit-triq huwa prijorità ewlenija biex tiġi indirizzata l-isfida tas-sostenibbiltà. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu bi 23,3 % meta mqabbla mal-2005. Il-karozzi tal-passiġġieri jammontaw għal 86 % tat-trasport tal-passiġġieri f'Malta, u dan qed jiżdied. Il-konġestjoni għadha l-isfida ewlenija tat-trasport f'Malta, li taffettwa wkoll il-kompetittività tal-gżejjer, u għalhekk hemm bżonn ta' żieda sostanzjali fl-isforzi meħtieġa. Biex tippromwovi trasport kollettiv alternattiv ibbażat fuq il-baħar, Malta qed timplimenta network ta' laneċ fi ħdan il-portijiet billi ttejjeb il-postijiet tal-iżbark tal-laneċ, bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Barra minn hekk, Malta qed tippjana li tagħti spinta lill-mobbiltà urbana multimodali sostenibbli billi tiżviluppa 17,5 km ta' infrastruttura tat-trasport urban nadif permezz ta' finanzjament ta' koeżjoni, inkluż mogħdijiet pedonali u korsiji għaċ-ċiklisti. |
|
(26) |
Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2024 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. Fil-każ ta' Malta, ir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) jgħinu fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba' rakkomandazzjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-2024 dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li Malta tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:
|
1. |
Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju f'waqtu. F'konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta (22) fl-2025 għal rata konsistenti, fost l-oħrajn, mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG u ż-żamma tad-dejn tal-gvern estiż f'livell prudenti fuq terminu medju. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta' emerġenza ta' appoġġ għall-enerġija sax-xitwa 2024/2025. Tindirizza r-riskji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa li jifdal, tintroduċi taxxa minn ras il-għajn fuq pagamenti ħerġin jew miżuri difensivi ekwivalenti, u temenda r-regoli dwar kumpaniji mhux domiċiljati. |
|
2. |
Tkompli bl-implimentazzjoni rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż tal-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex titjieb il-kompetittività. |
|
3. |
Issaħħaħ il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-eżiti edukattivi baxxi kif ukoll in-nuqqas serju tal-ħiliet, u n-nuqqas serju ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, b'mod partikolari billi jitrawmu l-ħiliet bażiċi tal-istudenti u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema. |
|
4. |
Taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli permezz ta' proġetti fuq skala kbira kif ukoll b'investimenti fuq skala żgħira fil-produzzjoni u l-konsum diretti tal-enerġija. Tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku permezz ta' kwalità u effiċjenza mtejba tat-trasport pubbliku, u żżid l-investimenti fl-infrastruttura ta' “mobbiltà mhux motorizzata”. |
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta' April 2024 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (ĠU C, C/2024/2807, 23.04.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2807/oj).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).
(8) Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263: “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) in-nefqa fuq l-imgħax, (ii) il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali, (iii) in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(9) ST 11941/21 INIT; ST 11941/21 ADD 1.
(10) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta (ST 11202/23 INIT; ST 11202/23 ADD 1).
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Malta tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Malta għall-2022 (ĠU C 334, 1.9.2022, p. 146).
(13) Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju ta' Malta fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 11,2 % f'termini nominali, abbażi tar-rata ta' tkabbir potenzjali reali medja ta' għaxar snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(14) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonali (u bl-esklużjoni tal-miżuri ta' emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) taħt il-Faċilità u fondi oħra tal-Unjoni.
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Malta tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Malta għall-2023 (ĠU C 312, 1.9.2023, p. 167).
(16) In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta' dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
(17) Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta' dawk il-miżuri, inkluż id-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(18) Il-miżuri li, skont Malta, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024 huma, fil-prinċipju, meqjusa fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025.
(19) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1060/oj).
(20) Ir-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Frar 2024 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) 1303/2013, (UE) 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241 (ĠU L, 2024/795, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/795/oj).
(21) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/2523 tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2523/oj).
(22) Skont l-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6825/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)