|
5.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 31/32 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2008 TAL-KUNSILL KONĠUNT UE-MESSIKU
tal-15 ta’ Jannar 2008
li timplimenta l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt Nru 2/2001 tas-27 ta’ Frar 2001 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għan-negozjar ta’ ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku
(2008/93/KE)
IL-KUNSILL KONĠUNT,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2/2001 tal-Kunsill Konġunt UE-Messiku, u b'mod partikolari l-artikolu 9 tagħha, u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni u Koperazzjoni Politika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Messikani Uniti, min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem “Ftehim Globali”) u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-prinċipju, mhux aktar minn tlett snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/2001, il-Kunsill Konġunt għandu jistabbilixxi l-passi meħtieġa għan-negozjar ta’ ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku. |
|
(2) |
In-negozjati għal kull ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku jistgħu jitrawmu u jiġu faċilitati b'rakkomandazzjonijiet maħruġa minn korpi professjonali tal-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jevalwaw il-konsistenza ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet mal-Ftehim Globali u mad-Deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt stabbilit b'dak il-Ftehim. Konsegwentement għal dik l-evalwazzjoni, in-negozjati jistgħu jingħataw bidu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet. |
|
(3) |
L-evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi professjonali għandha ssir mill-Kumitat Konġunt, skond id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 48(2) tal-Ftehim Globali, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti rilevanti tal-korpi professjonali fit-territorji rispettivi tagħhom biex jipprovdu lill-Kumitat Konġunt b'rakkomandazzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku, għall-finijiet tat-twettiq, bħala parti jew b'mod sħiħ, mill-fornituri tas-servizzi tal-kriterji applikati minn kull Parti għall-awtorizzazzjoni, liċenzjar, operazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ fornituri tas-servizzi u, b'mod partikolari, servizzi professjonali.
2. Mar-riċezzjoni ta’ rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kumitat Konġunt għandu jirrivedi r-rakkomandazzjoni bil-għan li jiġi determinat jekk tkunx konsistenti mal-Ftehim Globali u mad-Deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Konġunt stabbilit b'dak il-Ftehim.
3. Meta, konformement mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun instabet li hija konsistenti mal-Ftehim Globali u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Konġunt u l-awtoritajiet kompetenti jsibu li hemm livell suffiċjenti ta’ korrispondenza bejn ir-regolamenti rilevanti tal-Partijiet, il-Partijiet għandhom, bil-għan li jimplimentaw dik ir-rakkomandazzjoni, jinnegozjaw, permezz ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, ftehim dwar rikonoxximent reċiproku tar-rekwiżiti, kwalifiki, liċenzji u regolamenti oħra.
4. Il-ftehim previst fil-paragrafu 3 għandu jiġi konkluż fi żmien li jkun intlaħaq qbil dwaru miż-żewġ partijiet, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt, li tista' tkopri, inter alia, is-suġġetti li ġejjin:
|
(a) |
l-ekwivalenza tal-kwalifiki, inklużi l-edukazzjoni, l-esperjenza u l-eżamijiet; |
|
(b) |
l-ekwivalenza ta’ standards ta’ kondotta u ta’ etika; |
|
(ċ) |
l-iżvilupp professjonali u t-tkomplija ta’ l-edukazzjoni sabiex tinkiseb l-ekwivalenza; |
|
(d) |
il-konoxxenza lokali, li tkopri suġġetti bħal-liġi lokali, regolamenti, lingwi, ġografija u klima; |
|
(e) |
l-ekwivalenza tal-kondizzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur bħall-assigurazzjoni tar-responsabbiltà professjonali; |
|
(f) |
it-trattament speċifiku tal-liċenzjar temporanu fuq medda qasira ta’ żmien. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara dak li fih ġiet adottata mill-Kunsill Konġunt.
Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Jannar 2008.
Għall-Kunsill Konġunt
Il-President
P. ESPINOSA CANTELLANO