Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva (UE) 2015/2366 – Il-punt 3 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘servizz ta’ ħlas’ – Il‑punt 24 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘trasferiment ta’ kreditu’ – Tranżazzjoni ta’ entità intermedjarja mwettqa permezz ta’ kuntratt bejn tliet partijiet u li tikkonsisti fiż-żamma tal-fondi ta’ klijent fil-kont bankarju ta’ din l-entità intermedjarja u t-trasferiment ta’ dawn il-fondi lil imprenditur wara l-awtorizzazzjoni tal-klijent – Klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni – Assenza ta’ ‘servizz ta’ ħlas’”
Fil-Kawża C‑51/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Jannar 2025, fil-proċedura
Betaal Garant Nederland CV
vs
De Nederlandsche Bank NV,
fil-preżenza ta’:
Vereniging Eigen Huis,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal De Nederlandsche Bank NV, minn G. Dictus u A. Muhammad, advocaten,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn J. Langer u C. S. Schillemans, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn E. Cicatelli, procuratore dello Stato, u G. Iappelli, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Norveġiż, minn J. Høvik, E. Rikheim u P. A. Tønnessen, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u P. Vanden Heede, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Frar 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97), moqri flimkien mal-punt 3(c) tal-Anness 1 tad-Direttiva 2015/2366.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Betaal Garant Nederland CV (iktar ’il quddiem “Betaal Garant”), soċjetà in akkomandita rregolata mid-dritt Olandiż li tipprovdi garanziji u kollaterali lill-individwi fil-kuntest ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli, u De Nederlandsche Bank NV, li huwa l-Bank Ċentrali tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem “DNB”), dwar ordni, flimkien ma’ pagamenti ta’ penalità, imposti fuq Betaal Garant għal ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 2015/2366, u b’mod konkret, għall-eżerċizzju, mingħajr awtorizzazzjoni, tal-attività ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 6 u 24 tad-Direttiva 2015/2366 jipprovdu:
“(6) Għandhom jiġu stabbiliti regoli ġodda sabiex jingħalqu l-lakuni regolatorji filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta aktar ċarezza legali u tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-qafas leġiżlattiv madwar l-Unjoni [Ewropea]. Għandhom jiġu garantiti kundizzjonijiet operattivi ekwivalenti, għal sistemi eżistenti u għal atturi ġodda fis-suq, li jippermettu l-ilħuq ta’ suq usa’ permezz ta’ mezzi ġodda ta’ pagament u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-użu ta’ dawn is-servizzi ta’ pagament [ħlas] madwar l-Unjoni kollha. Dan għandu jiġġenera effiċjenzi fis-sistema ta’ pagament inġenerali u jwassal għal aktar għażla u aktar trasparenza fis-servizzi ta’ pagament filwaqt li jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’suq tal-pagamenti armonizzat.
[…]
(24) Huwa meħtieġ li jkunu speċifikati l-kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jistgħu b’mod leġittimu jipprovdu dawk is-servizzi ta’ pagament madwar l-Unjoni kollha, jiġifieri, istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu d-depożiti minn utenti li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw tranżazzjonijiet ta’ pagament u li għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stipulati fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2020, L 203, p. 95 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 1)], istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li joħorġu flus elettroniċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw tranżazzjonijiet ta’ pagament u li għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stipulati fid-Direttiva 2009/110/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7)], istituzzjonijiet ta’ pagament u istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali (post office giro institutions) li huma intitolati jagħmlu dan skont il-liġi nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ dak il-qafas legali għandha tkun limitata għall-fornituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi ta’ pagament okkupazzjoni regolari jew attività ta’ negozju f’konformità ma’ din id-Direttiva.”
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu bejn is-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament [ħlas]:
(a) ‘l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p.1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 92, p. 29, fil-ĠU 2013, L 321, p 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2)] […]
(b) |l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2009/110] […]
(c) istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali [...]
(d) istituzzjonijiet ta’ pagament;
[…]”
5 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
3. ‘servizz ta’ pagament [ħlas]’ tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness 1;
4. “istituzzjoni ta’ pagament” tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha;
5. ‘tranżazzjoni ta’ pagament’ tfisser att, mibdi mill-pagatur jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;
[…]
8. ‘pagatur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ pagament u li jippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ pagament;
9. ‘benefiċjarju’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;
[…]
11. ‘fornitur ta’ servizzi ta’ pagament’ tfisser korp imsemmi fl-Artikolu 1(1) jew persuna fiżika jew ġuridika li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l‑Artikolu 32 jew 33;
[…]
13. ‘ordni ta’ pagament’ tfisser struzzjoni minn pagatur jew benefiċjarju lill-fornitur tiegħu ta’ servizzi ta’ pagament li titlob l-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;
[…]
20. ‘konsumatur’ tfisser persuna fiżika li, f’kuntratti ta’ servizzi ta’ pagament koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li mhumiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tiegħu jew tagħha;
[…]
22. ‘rimessa ta’ flus’ tfisser servizz ta’ pagament fejn jiġu rċevuti fondi minn pagatur, mingħajr ma jinħolqu ebda kontijiet ta’ pagament f’isem il-pagatur jew il-benefiċjarju, għall-uniku skop li jiġi trasferit ammont korrispondenti lil benefiċjarju jew lil fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju, u/jew fejn tali fondi huma rċevuti f’isem il-benefiċjarju u magħmulin disponibbli lill-benefiċjarju;
[…]
24. ‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz ta’ pagament għall-ikkreditar ta’ kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju b’tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ pagatur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-pagatur, abbażi ta’ struzzjoni mogħtija mill-pagatur;
[…]”
6 L-Anness 1 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“Servizz ta’ pagament [ħlas]
(kif imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 4)
[…]
3. Esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor:
(a) esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba,
(b) esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ pagament jew strument ta’ pagament simili jew apparat simili;
(c) esekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet permanenti;
[…]
6. Rimessa ta’ flus.
[…]”
Id-dritt Olandiż
Il-Kodiċi Ċivili Olandiż
7 L-Artikolu 767 tal-Ktieb 7 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż) jipprovdi:
“L-iżviluppatur jista’ jkun obbligat iħallas biss il-ħlasijiet li jikkorrispondu, minn tal-inqas b’mod approssimattiv, għall-progress tal-kostruzzjoni jew għall-valur tal-assi li jkunu ġew ittrasferiti lilu; madankollu, sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-obbligi tiegħu, jista’ jiġi miftiehem li l-iżviluppatur jiddepożita ma’ nutar ammont li ma jistax jaqbeż l-10 % tal-prezz tax-xogħol jew jipprovdi garanzija oħra għall-istess ammont. Kwalunkwe ammont ikbar imħallas jikkostitwixxi ħlas indebitu.”
Il-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq
8 Il-Wet op het financieel toezicht (il-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq), tat‑28 ta’ Settembru 2006 (Stb. 2007, Nru 475), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq”, ittrasponiet, fid-dritt Olandiż, id-Direttiva 2015/2366.
9 Skont l-Artikolu 1:1 ta’ din il-liġi, fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huwa persuna li l-attività professjonali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ ħlas, li huma kkostitwiti minn kull attività eżerċitata fuq bażi professjonali msemmija fl-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5). Fid-dawl tat-tħassir tad-Direttiva 2007/64 bid-Direttiva 2015/2366, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1:1 tal-imsemmija liġi jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366.
10 L-Artikolu 2:3a(1) tal-istess liġi jipprevedi:
“Kull persuna li għandha s-sede tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi hija pprojbita milli teżerċita l-attività professjonali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas mingħajr l-awtorizzazzjoni maħruġa għal dan il-għan mid-[DNB].”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Betaal Garant hija kumpannija li tipprovdi pariri kif ukoll kollaterali u garanziji lill-individwi fil-kuntest ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni u ta’ impriżi fis-settur tal-bini. Bħala tali, hija toffri lill-individwi, fost oħrajn, il-prodotti intitolati “Afbouwgaranti” (garanzija ta’ tlestija tax-xogħlijiet) u “Zekerheidsstelling” (kollaterali). Mill-formulazzjoni tad-domanda preliminari u mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tikkonċerna biss il-kollaterali.
12 L-iStichting BGN Zekerheidsstelling (iktar ’il quddiem, il-“Fondazzjoni Betaal Garant”) hija fondazzjoni konnessa ma’ Betaal Garant.
13 Betaal Garant toffri l-kollaterali lill-partijiet f’kuntratt ta’ negozju, abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn il-klijent, l-imprenditur u hija nnifisha. L-għan ta’ dan il-kollaterali huwa li jiġi kopert ir-riskju ta’ inadempjenza min-naħa tal-klijent li għalih jesponi ruħu imprenditur li jkun inkarigat mill-kostruzzjoni ta’ abitazzjoni jew ta’ bini ieħor. Fil-fatt, l-imprendituri jesponu ruħhom għal tali riskju peress li, skont id-dritt Olandiż, il-klijent għandu d-dritt iħallas il-prezz tax-xogħlijiet f’diversi partijiet u li ġeneralment ikollu jħallas l-aħħar parti biss ladarba l-abitazzjoni tkun tlestiet u ġiet aċċettata. Sabiex ikopru dan ir-riskju l-imprendituri jistgħu jeżiġu li l-klijenti jiddepożitaw l-ammont tal-aħħar pagament għand nutar jew li jipprovdu garanzija ta’ sostituzzjoni. Dan il-kollaterali huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-imprenditur jitħallas l-ammont ta’ din l-aħħar parti.
14 Skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kollaterali, li huma dispożizzjonijiet kuntrattwali redatti minn Betaal Garant, kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari, bħala kollaterali, il-klijent iħallas lill-fondazzjoni Betaal Garant ċertu ammont ikkalkolat fir-rigward tal-ewwel pagament parzjali dovut fuq il-prezz tal-kostruzzjoni li huwa għandu jħallas lill-imprenditur, fil-mument tal-ħlas ta’ dan il-pagament parzjali. L-ammont tal-kollaterali huwa, bħala regola ġenerali, 6 % tal-ammont tal-kostruzzjoni.
15 Meta l-kuntratt tal-impriża jkun ġie eżegwit għas-sodisfazzjon tal-imprenditur u tal-klijent, u permezz ta’ komunikazzjoni ta’ dan bil-miktub lil Betaal Garant, l-ammont tal-kollaterali jitħallas lill-imprenditur f’terminu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol. Dan l-ammont jiġi ttrasferit mill-kont tal-ħlas tal-fondazzjoni Betaal Garant lejn dak tal-imprenditur.
16 L-ispejjeż dovuti għall-implimentazzjoni ta’ tali kollaterali jammontaw, bħala regola ġenerali għal 4 % tal-ammont tagħha, li għandu jitħallas mill-klijent, b’minimu ta’ EUR 300, u għal 2.5 % ta’ dan l-ammont, li għandu jitħallas mill-imprenditur, b’minimu ta’ EUR 200. Betaal Garant tiffattura lill-klijent l-ispejjeż li huwa għandu jħallas. L-ispejjeż li għandhom jitħallsu mill-imprenditur jitnaqqsu mal-ħlas tal-ammont tal-kollaterali favurih. Fil-każ li l-imprenditur ifalli, Betaal Garant tħallas dan l-ammont lill-imprenditur li jissostitwixxi lill-imsemmi imprenditur.
17 Wara talba mill-Vereniging Eigen Huis, DNB eżamina jekk il-garanzija tat-tlestija tax-xogħlijiet u l-kollaterali offruti minn Betaal Garant kinux imorru kontra l-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq.
18 Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Diċembru 2020, DNB ħareġ ordni flimkien ma’ pagamenti ta’ penalità fil-konfront ta’ Betaal Garant minħabba li, fost oħrajn, billi offriet il-kollaterali, din kienet qiegħda tikser il-projbizzjoni li teżerċita fuq bażi professjonali, mingħajr awtorizzazzjoni, l-attività ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, li tirriżulta mill-Artikolu 2:3a (1) tal-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq.
19 Skont din l-ordni, Betaal Garant kellha, b’mod partikolari, ittemm dan il-ksur fi żmien erba’ ġimgħat min-notifika tagħha, billi tieqaf toffri l-kollaterali kif ukoll billi tittrasferixxi, tibdel jew ixxolji l-kuntratti fis-seħħ. Għall-ksur kollu kkonstatat, il-pagamenti ta’ penalità kienu jammontaw għal EUR 10 000 fil-ġimgħa wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ konċessjoni li fi tmiemu Betaal Garant kellha teżegwixxi b’mod sħiħ l-ordni. L-ammont massimu tal-multa kien jammonta għal EUR 50 000.
20 Betaal Garant ippreżentat azzjoni amministrattiva kontra din l-ordni, iżda DNB iddikjaraha infondata permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2021. Betaal Garant ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).
21 Wara li kkonstatat li l-perijodu ta’ konċessjoni kien skada mingħajr ma Betaal Garant eżegwixxiet l-ordni, DNB ipproċeda għall-irkupru tal-pagamenti ta’ penalità inkwistjoni permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2022.
22 Betaal Garant oġġezzjonat għal din id-deċiżjoni. DNB bagħat din l-oġġezzjoni lir-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam) bħala rikors ippreżentat quddiemha.
23 Din il-qorti ċaħdet ir-rikorsi ta’ Betaal Garant kontra d-deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2021 u kontra d-deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2022 bħala infondati u inammissibbli rispettivament. Hija ddeċidiet li DNB kien ġustament ikkonstata li Betaal Garant kellu jkollha awtorizzazzjoni sabiex toffri l-garanzija ta’ tlestija tax-xogħlijiet u l-kollaterali u li, fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni, din tal-aħħar kienet aġixxiet bi ksur tal-Liġi dwar is-Sorveljanza tas-Swieq.
24 Sussegwentement, Betaal Garant appellat quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.
25 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fondatezza tal-pożizzjoni difiża minn DNB. Hija tqis fil-fatt li, permezz tat-tranżazzjoni ta’ ħlas tal-ammont li jikkorrispondi għall-kollaterali, il-klijent, fil-kwalità ta’ “pagatur”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, jagħti ordni ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, lill-bank tiegħu, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intiż sabiex dan jittrasferixxi fondi mill-kont ta’ ħlas tiegħu, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, lejn dak tal-fondazzjoni Betaal Garant. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tiġi kklassifikata bħala “benefiċjarju”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366. Din il-qorti tqis li l-bank tal-klijent jeżegwixxi tranżazzjoni ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 3 tal-Anness 1 ta’ din id-direttiva, u b’hekk jipprovdi servizz ta’ ħlas. Bl-istess mod, u fir-rigward tat-tranżazzjoni li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ fondi mill-kont tal-fondazzjoni Betaal Garant lejn dak tal-imprenditur, l-imsemmija qorti tqis li l-bank ta’ din il-fondazzjoni jeżegwixxi tranżazzjoni ta’ ħlas u b’hekk jipprovdi servizz ta’ ħlas, peress li l-imsemmija fondazzjoni hija l-“pagatur” u l-imprenditur il-“benefiċjarju”.
26 Min-naħa l-oħra, DNB iqis li r-riċezzjoni tal-fondi tal-klijent fil-kont tal-fondazzjoni Betaal Garant, imbagħad it-trasferiment tagħhom minn dan il-kont lejn dak tal-imprenditur jikkostitwixxu tranżazzjoni ta’ ħlas uniku eżegwita minn Betaal Garant. F’dan il-kuntest, din tal-aħħar teżegwixxi, bħala intermedjarja, trasferiment ta’ fondi mingħand il-klijent lejn l-imprenditur, u b’hekk tipprovdi servizz ta’ ħlas, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, moqri flimkien mal-punt 3 tal-Anness 1 ta’ din id-direttiva.
27 Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal risposta tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fit‑18 ta’ Marzu 2022, għad-domanda 2020/5216, li tinsab fost ir-regoli prudenzjali applikati mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Skont din ir-risposta, ir-riċezzjoni u t-trasferiment ta’ fondi jikkostitwixxu servizz ta’ ħlas skont il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, moqri flimkien mal-Anness 1 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li dan jista’ jkun “rimessa ta’ flus”, fis-sens tal-punt 22 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness 1 tagħha, jew eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas konformement mal-punt 3 tal-Anness 1 tal-istess direttiva. Il-qorti tar-rinviju tqis li din ir-risposta tista’ ssostni l-pożizzjoni difiża minn DNB.
28 Huwa f’dawk iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva [2015/2366], moqri flimkien mas-sentenza introduttiva tal-punt 3 u mal-punt 3(c) tal-Anness 1 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ riċezzjoni u ta’ trasferiment ta’ fondi offrut minn entità li taġixxi bħala intermedjarja jikkostitwixxi servizzi ta’ ħlas - u, iktar partikolarment, trasferiment ta’ kreditu fis-sens ta’ din id-direttiva - meta, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ klijent u ma’ imprenditur, din l-entità tirċievi l-fondi tal-klijent fuq kont ta’ ħlas tagħha u tittrasferixxihom lill-imprenditur minn dan il-kont ta’ ħlas bil-kunsens tal-klijent?”
Fuq id-domanda preliminari
29 Permezz tal-unika domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, moqri flimkien mal-punt 3(c) tal-Anness 1 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ riċezzjoni u ta’ trasferiment ta’ fondi pprovdut minn entità li taġixxi bħala intermedjarja jikkostitwixxi “servizz ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 4, u b’mod iktar partikolari “trasferiment ta’ kreditu”, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ klijent u imprenditur, din l-entità tirċievi l-fondi tal-klijent fil-kont ta’ ħlas ta’ fondazzjoni konnessa magħha, u sussegwentement tittrasferixxihom lill-imprenditur minn dan il-kont, bil-kunsens tal-klijent.
30 Preliminarjament, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Betaal Garant tipprovdi servizzi ta’ garanzija u/jew ta’ depożitu ta’ garanzija fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-kostruzzjoni ta’ proprjetajiet immobbli, servizzi li jikkostitwixxu “garanzija ta’ sostituzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 767 tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż. Skont dawn l-indikazzjonijiet, l-imsemmija servizzi jinqasmu kull wieħed f’żewġ tranżazzjonijiet sekondarji distinti:
– inizjalment, isir trasferiment ta’ fondi mill-kont ta’ ħlas tal-klijent ta’ Betaal Garant lejn il-kont ta’ ħlas tal-fondazzjoni Betaal Garant. Is-somom imħallsa jinżammu f’dan il-kont tal-aħħar bħala garanzija, sakemm il-klijent ikkonċernat ikun ivverifika u kkomunika lil Betaal Garant li l-kuntratt ta’ xogħlijiet ġie eżegwit għas-sodisfazzjon tiegħu mill-imprenditur ikkonċernat,
– sussegwentement, wara din il-verifika u bil-kunsens ta’ dan il-klijent, il-fondazzjoni Betaal Garant tibgħat ordni ta’ ħlas lill-bank tagħha, sabiex dan iwettaq it-trasferiment tas-somma meħtieġa mill-kont ta’ ħlas tagħha lejn il-kont ta’ ħlas tal-imsemmi imprenditur.
31 B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 91).
32 F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizzi ta’ ħlas”, jirreferi għall-attivitajiet elenkati fil-lista li tinsab fl-Anness 1 ta’ din id-direttiva, billi jippreċiża li waħda jew iktar minn dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu “fuq bażi professjonali”.
33 Fost l-attivitajiet elenkati f’din il-lista, jinsab b’mod partikolari, fil-punt 3(c) ta’ dan l-Aness I,“[l]-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor:” meta din it-tranżazzjoni tikkonsisti fl-“eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu”.
34 Konformement mal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, “tranżazzjoni ta’ pagament” tfisser “att, mibdi mill-pagatur jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju”.
35 Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-punt 24 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ kreditu” bħala “servizz ta’ pagament għall-ikkreditar ta’ kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju b’tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ pagatur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-pagatur, abbażi ta’ struzzjoni mogħtija mill-pagatur” u, min-naħa l-oħra, li l-punt 8 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “pagatur” bħala li jirreferi għal kwalunkwe “persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ pagament u li jippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ pagament”.
36 Minn dan jirriżulta li, sabiex trasferiment ta’ kreditu jiġi eżegwit, mhux biss għandu l-pagatur jagħti ordni ta’ ħlas lill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tiegħu, iżda dan il-fornitur għandu wkoll ikollu l-kont ta’ ħlas tal-pagatur.
37 Konsegwentement, mill-interpretazzjoni letterali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta li l-eżistenza ta’ kont ta’ ħlas ta’ pagatur u ż-żamma tiegħu mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas huma elementi karatteristiċi neċessarji sabiex jiġi stabbilit li tranżazzjoni ta’ ħlas tikkonsisti fi proċedura ta’ “eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu” fis-sens tal-punt 3(c) tal-Anness 1 tad-Direttiva 2015/2366, u għalhekk “servizz ta’ ħlas” fis-sens tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
38 Issa, fil-każ ineżami, għalkemm is-servizzi ta’ garanzija u/jew ta’ depożitu ta’ garanzija offruti minn Betaal Garant jimplikaw, fost oħrajn, trasferimenti ta’ fondi fil-kuntest taż-żewġ tranżazzjonijiet sekondarji msemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn it-trasferimenti huma eżegwiti mill-banek, tal-klijent u tal-fondazzjoni Betaal Garant, rispettivament, u mhux minn Betaal Garant innifisha. Skont dawn l-indikazzjonijiet, dawn il-banek jikkostitwixxu “fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366.
39 Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li la Betaal Garant u lanqas il-fondazzjoni Betaal Garant ma għandhom kontijiet ta’ ħlas f’isem il-klijenti tagħhom, b’tali mod li t-trasferimenti tal-ammonti dovuti skont il-kuntratti bejn Betaal Garant, klijenti u imprendituri jsiru minn kontijiet miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas rispettivi ta’ dawn il-klijenti u minn dawk tal-fondazzjoni Betaal Garant.
40 Minn dan isegwi li, fil-kuntest taż-żewġ tranżazzjonijiet sekondarji deskritti fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas u tat-trasferimenti ta’ kreditu taqa’ fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas tal-klijent u tal-fondazzjoni Betaal Garant rispettivi, mingħajr ma r-relazzjoni kuntrattwali sottostanti bejn il-klijent, Betaal Garant u l-imprenditur ma jkollha ebda effett f’dan ir-rigward.
41 Għalkemm it-trasferimenti ta’ fondi mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas tal-klijent u tal-fondazzjoni Betaal Garant jistgħu jiġu kklassifikati bħala “servizzi ta’ ħlas”, b’mod partikolari bħala eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, għandu jitfakkar li, min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ garanzija u/jew depożitu ta’ garanzija pprovdut minn Betaal Garant fil-każ ineżami jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 767 tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, tip ta’ kollaterali personali u, b’mod iktar partikolari, “garanzija ta’ sostituzzjoni” alternattiva għas-servizz ta’ depożitu ma’ nutar. Issa, peress li tali servizz la huwa ddefinit u lanqas irregolat mid-Direttiva 2015/2366, huwa ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
42 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2015/2366 jistabbilixxi sitt kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. Fost dawn il-kategoriji hemm, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas u l-istituzzjonijiet ta’ kontijiet postali (post office giro institutions). Issa, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 24 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-punt 3 tal-Anness 1 tagħha, l-imsemmija direttiva hija intiża li tapplika għal servizzi ta’ ħlas u trasferimenti li huma pprovduti biss minn entitajiet li jaqgħu taħt l-imsemmija kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament.
43 Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 24 tal-istess direttiva, li tipprovdi li l-kuntest ġuridiku stabbilit minnha għandu japplika biss għall-fornituri ta’ servizzi li jipprovdu servizzi ta’ ħlas bħala attività abitwali jew professjonali.
44 Dan ir-rekwiżit huwa spjegat mill-kuntest leġiżlattiv li fih taqa’ d-Direttiva 2015/2366. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala “servizz ta’ ħlas” għandha effetti legali importanti għall-persuna li toffri tali servizz fuq bażi professjonali u abitwali.
45 Għandu jiġi rrilevat li kemm id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas kif ukoll dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jikkostitwixxu sett ta’ regoli kkaratterizzati minn rekwiżiti għoljin, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 65 tal-konklużjonijiet tiegħu. L-applikazzjoni ta’ tali sistema legali stretta hija ġġustifikata, fid-dawl tar-rigorożità tagħha, mill-parteċipazzjoni diretta tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament fit-trasferiment tal-fondi.
46 Iktar u iktar, u hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ ħlas, ta’ superviżjoni prudenzjali u ta’ responsabbiltà ċivili imposti mid-Direttiva 2015/2366 ma humiex iġġustifikati jekk trasferimenti ta’ fondi jitwettqu biss sabiex jitwettaq servizz ieħor propost prinċipalment, bħalma huwa l-każ hawnhekk, jiġifieri servizz ta’ provvista ta’ garanzija ta’ sostituzzjoni, attività li, fiha nnifisha, ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
47 Fil-każ ineżami, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Betaal Garant ma taqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas” imsemmija fil-punt 42 tas-sentenza preżenti u li, sabiex twettaq is-servizz ta’ provvista ta’ garanzija ta’ sostituzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Betaal Garant ma twettaqx, hija stess, trasferimenti ta’ fondi.
48 Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/2366, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 6 tagħha jirriżulta b’mod partikolari li hija intiża mhux biss li toffri lill-konsumaturi livell għoli ta’ protezzjoni fl-użu tas-servizzi ta’ ħlas fl-Unjoni kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, DenizBank, C‑287/19, EU:C:2020:897, punt 102), iżda wkoll sabiex tiġi żgurata ċarezza legali ikbar u applikazzjoni koerenti tal-qafas leġiżlattiv fl-Unjoni kollha.
49 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 2007/64, li ppreċediet id-Direttiva 2015/2366, li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li joħloq suq uniku ta’ servizzi ta’ pagament billi ssostitwixxa s‑27 sistema nazzjonali eżistenti li l-koeżistenza tagħhom kienet sors ta’ konfużjoni u kienet tbati minn nuqqas ta’ ċertezza legali, b’qafas legali armonizzat li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-utenti u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, CRCAM, C‑337/20, EU:C:2021:671, punt 44).
50 Il-fatt li l-għan li tiġi ggarantita protezzjoni għolja tal-konsumaturi jikkostitwixxi għan fundamentali tas-sistema introdotta mid-Direttiva 2015/2366 ma jistax, waħdu, la jbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u lanqas iwessa’ l-portata tal-kunċetti rilevanti li dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu billi jmorru lil hinn mill-formulazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan li tiġi ggarantita ċ-ċarezza legali fil-qasam tas-servizzi ta’ ħlas.
51 Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punti 13 u 41 tas-sentenza preżenti, is-servizz ta’ garanzija u/jew ta’ depożitu ta’ garanzija mwettaq minn Betaal Garant fil-każ ineżami jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 767 tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, alternattiva għas-servizz ta’ depożitu ta’ garanzija ma’ nutar. Issa, għandu jiġi kkonstatat li la mid-dispożizzjonijiet u lanqas mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2015/2366 ma jirriżulta li din kellha l-intenzjoni li tissuġġetta l-provvista ta’ tali servizzi minn nutara għall-iskema speċjali tas-servizzi ta’ ħlas kif ukoll għall-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni prevista minn din id-direttiva.
52 Konsegwentement, mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta li d-Direttiva 2015/2366 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-fornituri ta’ servizzi ta’ kollaterali li jużaw, b’mod anċillari, servizzi ta’ pagament proposti minn fornituri oħra li jipprovdu tali servizzi b’mod prinċipali, fil-kuntest tal-attività abitwali jew professjonali tagħhom.
53 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, moqri flimkien mal-punt 3(c) tal-Anness 1 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ riċezzjoni u ta’ trasferiment ta’ fondi pprovdut minn entità li taġixxi bħala intermedjarja ma jikkostitwixxix “servizz ta’ ħlas” fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 4 tagħha, u b’mod iktar partikolari “trasferiment ta’ kreditu”, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ klijent u imprenditur, din l-entità tirċievi l-fondi tal-klijent fil-kont ta’ ħlas ta’ fondazzjoni konnessa magħha, u sussegwentement tittrasferihom lill-imprenditur minn dan il-kont, bil-kunsens tal-klijent.
Fuq l-ispejjeż
54 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 3 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE, moqri flimkien mal-punt 3(c) tal-Anness 1 tad-Direttiva 2015/2366,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
servizz ta’ riċezzjoni u ta’ trasferiment ta’ fondi pprovdut minn entità li taġixxi bħala intermedjarja ma jikkostitwixxix “servizz ta’ ħlas”, fis-sens ta’ dan il-punt 3 tal-Artikolu 4 tagħha, u b’mod iktar partikolari “trasferiment ta’ kreditu”, meta, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż ma’ klijent u imprenditur, din l-entità tirċievi l-fondi tal-klijent fil-kont ta’ ħlas ta’ fondazzjoni konnessa magħha, u sussegwentement tittrasferihom lill-imprenditur minn dan il-kont, bil-kunsens tal-klijent.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.